EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0440

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/440 tas- 16 ta' Marzu 2015 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika

ĠU L 72, 17.3.2015, p. 32–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/440/oj

17.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 72/32


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/440

tas-16 ta' Marzu 2015

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-8 ta' Diċembru 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/819/PESK (1) li taħtar lis-Sur Alexander RONDOS bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Qarn tal-Afrika. Il-mandat tar-RSUE ser jiskadi fit-28 ta' Frar 2015.

(2)

Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi ulterjurament estiż sal-31 ta' Ottubru 2015.

(3)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Alexander RONDOS bħala r-RSUE għall-Qarn tal-Afrika huwa b'dan estiż sal-31 ta' Ottubru 2015. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).

Għall-finijiet tal-mandat tar-RSUE, il-Qarn tal-Afrika huwa definit bħala li jikkonsisti mir-Repubblika ta' Ġibuti, l-Istat tal-Eritrea, ir-Repubblika Demokratika Federali tal-Etjopja, ir-Repubblika tal-Kenja, ir-Repubblika Federali tas-Somalja, ir-Repubblika tas-Sudan, ir-Repubblika tas-Sudan t'Isfel u r-Repubblika tal-Uganda. Fir-rigward ta' kwistjonijiet b'implikazzjonijiet reġjonali aktar wesgħin, ir-RSUE għandu jingaġġa ma' pajjiżi u entitajiet reġjonali lil hinn mill-Qarn tal-Afrika, kif adatt.

Artikolu 2

Objettivi ta' politika

1.   Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika tal-Unjoni fir-rigward tal-Qarn tal-Afrika, kif stabbilit fil-qafas strateġiku tiegħu adottat fl-14 ta' Novembru 2011 u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill rilevanti, jiġifieri biex jikkontribwixxi b'mod attiv għall-isforzi reġjonali u internazzjonali għall-kisba tal-koeżistenza paċifika u l-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp dejjiema ġewwa u bejn il-pajjiżi fir-reġjun. Ir-RSUE għandu jimmira wkoll biex isaħħaħ il-kwalità, l-intensità, l-impatt u l-viżibbiltà tal-impenn f'diversi aspetti tal-Unjoni fil-Qarn tal-Afrika.

2.   L-objettivi ta' politika għandhom jinkludu, fost l-oħrajn:

(a)

it-tkomplija tal-istabbilizzazzjoni tas-Somalja, b'mod partikolari kif trattata minn dimensjoni reġjonali;

(b)

il-koeżistenza paċifika tas-Sudan u s-Sudan t'Isfel bħala żewġ stati vijabbli u għonja bi strutturi politiċi sodi u responsabbli;

(c)

ir-riżoluzzjoni ta' kunflitti attwali u l-evitar ta' kunflitti potenzjali bejn jew fil-pajjiżi fir-reġjun;

(d)

l-appoġġ lill-kooperazzjoni politika, ekonomika u ta' sigurtà reġjonali.

Artikolu 3

Mandat

1.   Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni fir-rigward tal-Qarn tal-Afrika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jingaġġa mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha tar-reġjun, il-gvernijiet, l-awtoritajiet reġjonali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, is-soċjetà ċivili u d-dijaspori, bil-ħsieb li jitkomplew l-objettivi tal-Unjoni, u jikkontribwixxi għal fehim aħjar tar-rwol tal-Unjoni fir-reġjun;

(b)

jirrappreżenta lill-Unjoni f'fora internazzjonali rilevanti, kif adatt, u jiżgura l-viżibbiltà għall-appoġġ tal-Unjoni fl-immaniġġar ta' kriżijiet, kif ukoll fir-riżoluzzjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti;

(c)

iħeġġeġ u jappoġġa l-kooperazzjoni politika u tas-sigurtà kif ukoll l-integrazzjoni ekonomika effettivi fir-reġjun permezz tas-sħubija tal-Unjoni mal-Unjoni Afrikana (UA) u l-organizzazzjonijiet reġjonali, b'mod partikolari l-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD);

(d)

isegwi l-iżviluppi politiċi fir-reġjun u jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politika tal-Unjoni lejn ir-reġjun, inkluż fir-rigward tas-Somalja, is-Sudan, is-Sudan t'Isfel, il-kwistjoni tal-fruntiera bejn l-Etjopja u l-Eritrea u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Alġiers, l-inizjattiva dwar il-Baċin tan-Nil u tħassib ieħor f'dak ir-reġjun li għandu impatt fuq is-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità tiegħu;

(e)

fir-rigward tas-Somalja, u b'ħidma f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Mibgħut Speċjali tal-UE għas-Somalja u l-imsieħba reġjonali u internazzjonali rilevanti, inkluż ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għas-Somalja u l-UA, jikkontribwixxi b'mod attiv għal azzjonijiet u inizjattivi li jwasslu għal stabbilizzazzjoni ulterjuri u arranġamenti ta' wara t-transizzjoni għas-Somalja, b'enfasi fuq il-promozzjoni ta' approċċ internazzjonali koordinat u koerenti lejn is-Somalja, il-bini ta' relazzjonijiet ta' viċinat tajbin u l-appoġġ tal-iżvilupp tas-settur tas-sigurtà fis-Somalja, inkluż, permezz tal-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea li tikkontribwixxi għal-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà Somali (EUTM Somalia), forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea (EUNAVFOR Atalanta), il- Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP Nestor) u t-tkomplija tal-appoġġ tal-Unjoni għall-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM), b'ħidma mill-qrib mal-Istati Membri;

(f)

fir-rigward tas-Sudan u s-Sudan t'Isfel, u b'ħidma mill-qrib mal-Kapijiet rispettivi tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, jikkontribwixxi għall-koerenza u l-effettività tal-politika tal-Unjoni lejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel u jappoġġa l-koeżistenza paċifika tagħhom, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Addis u r-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet li għadhom pendenti wara l-Ftehim ta' Paċi Komprensiva, inkluż Abyei, soluzzjonijiet politiċi għall-kunflitti li għaddejjin, b'mod partikolari fid-Darfur, il-Kordofan tan-Nofsinhar u l-Blue Nile, il-bini ta' istituzzjonijiet fis-Sudan t'Isfel u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali. F'dan ir-rigward, ir-RSUE ser jikkontribwixxi għal approċċ internazzjonali koerenti f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UA u b'mod partikolari l-Grupp ta' Implimentazzjoni ta' Livell Għoli tal-UA dwar is-Sudan (AUHIP), in-NU u partijiet ikkonċernati reġjonali u internazzjonali ewlenin oħra;

(g)

isegwi mill-qrib l-isfidi transkonfinali li jaffettwaw lill-Qarn tal-Afrika, inklużi t-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni, is-sigurtà u l-piraterija marittima, il-kriminalità organizzata, il-kontrabandu tal-armi, il-flussi ta' refuġjati u ta' migrazzjoni u kwalunkwe konsegwenza politika u ta' sigurtà ta' kriżijiet umanitarji;

(h)

jippromovi l-aċċess umanitarju madwar ir-reġjun;

(i)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK (2) u l-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, f'kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi l-Linji Gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitt armat kif ukoll il-Linji Gwida dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom, u l-politika tal-Unjoni fir-rigward tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluż permezz ta' monitoraġġ u rappurtar dwar l-iżviluppi kif ukoll l-ifformular ta' rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward.

2.   Għall-fini tat-twettiq tal-mandat tiegħu, ir-RSUE għandu, fost l-oħrajn:

(a)

jagħti parir u jirrapporta dwar id-definizzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni fil-fora internazzjonali, kif adatt, sabiex jippromovi b'mod proattiv l-approċċ ta' politika komprensiv tal-Unjoni lejn il-Qarn tal-Afrika;

(b)

ikollu idea ġenerali tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il- KPS għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta' kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE gwida strateġika u direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu, mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u mal-Kummissjoni.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta' Marzu 2015 sal-31 ta' Ottubru 2015 għandu jkun ta' EUR 1 770 000.

2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni dwar in-nefqa kollha.

Artikolu 6

Kostituzzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-kostituzzjoni tat-tim tiegħu. It-tim għandu jinkludi l-għarfien espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika u ta' sigurtà kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jinforma fil-pront u regolarment lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu is-sekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal sekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, l-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni jew is-SEAE, rispettivament. L-esperti sekondati mill-Istati Membri għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew għas-SEAE jistgħu jiġu assenjati wkoll lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.

3.   Il-persunal sekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru mittenti, tal-istituzzjoni tal-Unjoni mittenti jew tas-SEAE, u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

4.   Il-persunal tar-RSUE għandu jiġi kkolokat mad-dipartimenti rilevanti tas-SEAE jew tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex jikkontribwixxi għall-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tar-RSUE

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jinfthiemu mal-pajjiżi ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi tas-sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u l-Istati Membri, kif adatt, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri raġonevolment prattikabbli kollha, f'konformità mal-mandat tar-RSUE u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika ta' responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni kif ukoll il-ġestjoni ta' inċidenti tas-sigurtà u li jinkludi pjan ta' kontinġenza u pjan ta' evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli, kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew it-taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu, jew kif jaslu, fiż-żona tal-missjoni, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-SEAE;

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftehma kollha magħmula wara valutazzjonijiet regolari tas-sigurtà, u li jipprovdi lill-Kunsill, ir-RGħ, u l-Kummissjoni b'rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra tas-sigurtà fil-qafas ta' progress u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtar

1.   Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment rapporti orali u bil-miktub lir-RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill kif meħtieġ. Għandhom jiġu ċirkolati rapporti regolari permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill għall-Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jkun involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

2.   Ir-RSUE għandu jirrapporta dwar l-aħjar mod sabiex jinkisbu l-inizjattivi tal-Unjoni, bħall-kontribut tal-Unjoni għar-riformi, u inklużi l-aspetti politiċi tal-proġetti ta' żvilupp rilevanti tal-Unjoni, f'koordinazzjoni mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjonijiet tal-Unjoni u għandu jgħin jiżgura li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjoni tal-Istati Membri jiġu użati konsistentement, sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom ikunu kkoordinati ma' dawk tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment informazzjoni lill-missjonijiet tal-Istati Membri u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-missjonijiet tal-Istati Membri. Dawn għandhom jagħmlu kull sforz biex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE, f'koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni, għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kmandant tal-Forzi tal-EUNAVFOR Atalanta, il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE għall-EUTM Somalia u l-Kap tal-Missjoni tal-EUCAP Nestor. Ir-RSUE, il-Kmandanti tal-Operazzjonijiet tal-UE u l-Kmandanti tal-Operazzjonijiet Ċivili għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

3.   Ir-RSUE għandu jikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet tal-pajjiżi involuti, in-NU, l-UA, l-IGAD, partijiet ikkonċernati nazzjonali, reġjonali u internazzjonali oħra, kif wkoll mas-soċjetà ċivili fir-reġjun.

Artikolu 13

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħra mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sal-31 ta' Awwissu 2015.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta' Marzu 2015.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Marzu 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Id-Deċiżjoni 2011/819/PESK tat-8 ta' Diċembru 2011 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika (ĠU L 327, 9.12.2011, p. 62).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK tal-21 ta' Marzu 2011 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2003/444/PESK (ĠU L 76, 22.3.2011, p. 56).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).


Top