Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex
Documento 32015D0178
Council Decision (EU) 2015/178 of 27 January 2015 on the position to be taken on behalf of the European Union within the Sanitary and Phytosanitary Sub-Committee, the Customs Sub-Committee and the Geographical Indications Sub-Committee established by the Association Agreement between the European Union and the European Atomic Energy Community and their Member States, of the one part, and the Republic of Moldova, of the other part, as regards the adoption of decisions of the Sanitary and Phytosanitary Sub-Committee, the Customs Sub-Committee and the Geographical Indications Sub-Committee on their Rules of Procedure
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/178 tas- 27 ta' Jannar 2015 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fis-Sottokumitat Sanitarju u Fitosanitarju, is-Sottokumitat Doganali u s-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi stabbiliti permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tas-Sottokumitat Sanitarju u Fitosanitarju, is-Sottokumitat Doganali u s-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi rigward ir-Regoli ta' Proċedura tagħhom
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/178 tas- 27 ta' Jannar 2015 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fis-Sottokumitat Sanitarju u Fitosanitarju, is-Sottokumitat Doganali u s-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi stabbiliti permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tas-Sottokumitat Sanitarju u Fitosanitarju, is-Sottokumitat Doganali u s-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi rigward ir-Regoli ta' Proċedura tagħhom
ĠU L 30, 6.2.2015, p. 20—37
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Em vigor
6.2.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 30/20 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/178
tas-27 ta' Jannar 2015
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fis-Sottokumitat Sanitarju u Fitosanitarju, is-Sottokumitat Doganali u s-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi stabbiliti permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tas-Sottokumitat Sanitarju u Fitosanitarju, is-Sottokumitat Doganali u s-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi rigward ir-Regoli ta' Proċedura tagħhom
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 464 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (1), (“il-Ftehim”) jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja ta' parti mill-Ftehim. |
(2) |
L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE (2) jispeċifika liema partijiet tal-Ftehim għandhom jiġu applikati b'mod provviżorju, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tas-Sottokumitat Sanitarju u Fitosanitarju (“is-Sottokumitat SPS”), is-Sottokumitat Doganali, u s-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (“is-Sottokumitat IĠ”). |
(3) |
Skont l-Artikolu 191(5) tal-Ftehim, is-Sottokumitat SPS għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess fl-ewwel laqgħa tiegħu. |
(4) |
Skont l-Artikolu 200(3)(e) tal-Ftehim, is-Sottokumitat Doganali għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess. |
(5) |
Skont l-Artikolu 306(3) tal-Ftehim,is-Sottokumitat IĠ għandu jiddetermina r-regoli ta' proċedura tiegħu stess. |
(6) |
Huwa għalhekk xieraq li tiġi determinata l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tar-regoli ta' proċedura li għandhom jiġu adottati minn dawk is-sottokumitati, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fis-Sottokumitat Sanitarju u Fitosanitarju stabbilit permezz tal-Artikolu 191 tal-Ftehim fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tas-Sottokumitat SPS għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni ta' dak is-sottokumitat mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
2. Korrezzjonijiet tekniċi minuri għall-abbozz tad-Deċiżjoni jistgħu jiġu maqbula mir-rappreżentanti tal-Unjoni fis-Sottokumitat SPS mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 2
1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fis-Sottokumitat SPS stabbilit permezz tal-Artikolu 200 tal-Ftehim fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tas-Sottokumitat SPS għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni ta' dak is-sottokumitat mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
2. Korrezzjonijiet tekniċi minuri fl-abbozz tad-Deċiżjoni jistgħu jiġu maqbula mir-rappreżentanti tal-Unjoni fis-Sottokumitat Doganali mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 3
1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fis-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi stabbilit permezz tal-Artikolu 306 tal-Ftehim fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tas-Sottokumitat IĠ għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni ta' dak is-sottokumitat mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
2. Korrezzjonijiet tekniċi minuri fl-abbozz tad-Deċiżjoni jistgħu jiġu maqbula mir-rappreżentanti tal-Unjoni fis-Sottokumitat IĠ mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Jannar 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
J. REIRS
(1) ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE tas-16 ta' Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L 260, 30.8.2014, p. 1).
ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru 1/2015 TAS-SOTTOKUMITAT SANITARJU U FITOSANITARJU TAL-UE U R-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA
ta' … 2015
li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu
IS-SOTTOKUMITAT SANITARJU U FITOSANITARJU TAL-UE U R-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (1), (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 191 tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 464 tal-Ftehim, partijiet tal-Ftehim ġew applikati provviżorjament mill-1 ta' Settembru 2014. |
(2) |
Skont l-Artikolu 191(2) tal-Ftehim, is-Sottokumitat Sanitarju u Fitosanitarju (“is-Sottokumitat SPS”) għandu jikkunsidra kull kwistjoni li għandha x'taqsam mal-implimentazzjoni tal-Kapitolu 4 (Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji) tat-Titolu V (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) ta' dan il-Ftehim. |
(3) |
Skont l-Artikolu 191(5) tal-Ftehim, is-Sottokumitat SPS għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-Regoli ta' Proċedura tas-Sottokumitat SPS, kif stabbiliti fl-Anness, huma b'dan adottati.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi …, ….
Għas-Sottokumitat SPS
Il-President
(1) ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.
ANNESS
Regoli ta' Proċedura tas-Sottokumitat Sanitarju u Fitosanitarju bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova
Artikolu 1
Dispożizzjonijiet Ġenerali
1. Is-Sottokumitat Sanitarju u Fitosanitarju (“is-Sottokumitat SPS”), stabbilit skont l-Artikolu 191(1) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu jassisti l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif stabbilit fl-Artikolu 438(4) tal-Ftehim (“il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ”), fit-twettiq ta' dmirijietu.
2. Is-Sottokumitat SPS iwettaq il-funzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 191(2) tal-Ftehim fid-dawl tal-objettivi tal-Kapitolu 4 tat-Titolu V stabbilit fl-Artikolu 176 tal-Ftehim.
3. Is-Sottokumitat ikun kompost minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Moldova, responsabbli għal kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji.
4. Rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea jew tar-Repubblika tal-Moldova li jkun responsabbli għal kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji jaġixxi bħala President tas-Sottokumitat SPS skont l-Artikolu 2.
5. Il-Partijiet f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura jiġu definiti kif previst fl-Artikolu 461 tal-Ftehim.
Artikolu 2
Presidenza
Il-Partijiet jeżerċitaw il-presidenza tas-Sottokumitat SPS, fuq bażi ta' alternanza, għal perjodu ta' 12-il xahar. L-ewwel perjodu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.
Artikolu 3
Laqgħat
1. Ħlief fejn il-Partijiet jaqblu mod ieħor, is-Sottokumitat SPS jiltaqa' fi żmien tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, fuq it-talba ta' waħda mill-Partijiet wara dan, jew mill-inqas darba fis-sena.
2. Kull laqgħa tas-Sottokumitat SPS titlaqqa' mill-President tiegħu f'post u f'data li l-Partijiet jaqblu dwarhom. L-avviż li jsejjah il-laqgħa jinħareġ mis-Segretarjat tas-Sottokumitat SPS mhux aktar tard minn 28 jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.
3. Kull fejn possibbli, il-laqgħa regolari tas-Sottokumitat SPS tissejjaħ fi żmien xieraq qabel il-laqgħa regolari tal-Kumitat ta ' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ.
4. Il-laqgħat tas-Sottokumitat SPS jistgħu jsiru permezz ta' kwalunkwe mezz teknoloġiku maqbul bħalma huma l-konferenzi bil-vidjo jew awdjo.
5. Is-Sottokumitat SPS jista' wkoll jindirizza kwalunkwe kwistjoni mingħajr ma jiltaqa', permezz ta' korrispondenza.
Artikolu 4
Delegazzjonijiet
Qabel kull laqgħa, il-Partijiet jiġu infurmati, mis-Segretarjat tas-Sottokumitat SPS, bil-kompożizzjoni prevista tad-delegazzjoni ta' kull Parti li tkun ser tattendi l-laqgħa.
Artikolu 5
Segretarjat
1. Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tar-Repubblika tal-Moldova jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tas-Sottokumitat SPS u jwettqu kompiti segretarjali b'mod konġunt, fi spirtu ta' fiduċja reċiproka u kooperazzjoni.
2. Is-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ ikun infurmat bi kwalunkwe deċiżjonijiet, opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet, rapporti u azzjonijiet oħra maqbula tas-Sottokumitat SPS.
Artikolu 6
Korrispondenza
1. Korrispondenza indirizzata lis-Sottokumitat tintbagħat lis-Segretarju ta' waħda mill-Partijiet, li min-naħa tiegħu jgħarraf lis-Segretarju l-ieħor.
2. Is-Segretarjat tas-Sottokumitat SPS jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lis-Sottokumitat SPS tingħata lill-President tas-Sottokumitat SPS u tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, bħala dokumenti msemmija fl-Artikolu 7.
3. Korrispondenza mill-President tintbagħat lill-Partijiet mis-Segretarjat f'isem il-President. Din il-korrispondenza tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, kif previst fl-Artikolu 7.
Artikolu 7
Dokumenti
1. Id-dokumenti jiġu ċċirkolati mis-Segretarji tas-Sottokumitat SPS.
2. Parti tittrażmetti d-dokumenti tagħha lis-Segretarju tagħha. Is-Segretarju jittrażmetti dawn id-dokumenti lis-Segretarju tal-Parti l-oħra.
3. Is-Segretarju tal-Unjoni jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti rilevanti tal-Unjoni u sistematikament jikkopja lis-Segretarju tar-Repubblika tal-Moldova u lis-Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ f'din il-korrispondenza.
4. Is-Segretarju tar-Repubblika tal-Moldova jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti rilevanti tar-Repubblika tal-Moldova u sistematikament jikkopja lis-Segretarju tal-Unjoni u lis-Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ f'din il-korrispondenza.
5. Is-Segretarji tas-Sottokumitat SPS iservu bħala punti ta' kuntatt għal skambji previsti fl-Artikolu 184 tal-Ftehim.
Artikolu 8
Kunfidenzjalità
Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tas-Sottokumitat SPS ma jkunux pubbliċi. Meta Parti tissottometti informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lis-Sottokumitat SPS, il-Parti l-oħra tittratta dik l-informazzjoni bħala tali.
Artikolu 9
Aġendi għal-laqgħat
1. Titfassal aġenda provviżorja għal kull laqgħa kif ukoll abbozz tal-konklużjonijiet operattivi kif previsti fl-Artikolu 10 hawn taħt mis-Segretarjat tas-Sottokumitat SPS abbażi tal-proposti li jsiru mill-Partijiet. L-aġenda provviżorja tinkludi punti li s-Segretarju jkun irċieva talba dwarhom mingħand Parti biex jiddaħħlu fl-aġenda, sostnuti minn dokumenti rilevanti, mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa.
2. L-aġenda provviżorja, flimkien mad-dokumenti rilevanti, jiġu ċċirkolati kif previst fl-Artikolu 7 mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa.
3. L-aġenda tiġi adottata mis-Sottokumitat SPS fil-bidu ta' kull laqgħa. Kull punt minbarra dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.
4. Il-President tas-Sottokumitat SPS jista', bil-qbil tal-Parti l-oħra, jistieden rappreżentanti ta' korpi oħra tal-Partijiet jew esperti indipendenti f'qasam fuq bażi ad hoc biex jattendu l-laqgħat tas-Sottokumitat SPS biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti speċifiċi. Il-Partijiet jiżguraw li dawk l-osservaturi jew esperti jirrispettaw kull rekwiżit ta' kunfidenzjalità.
5. Il-President tas-Sottokumitat SPS jista'jqassar il-limiti ta' żmien speċifikati fil-paragrafi 1 u 2, b'konsultazzjoni mal-Partijiet, biex jittieħed kont ta' ċirkostanzi speċjali.
Artikolu 10
Minuti u konklużjonijiet operattivi
1. Jitħejja abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa b'mod konġunt mis-Segretarji tas-Sottokumitat SPS.
2. Bħala regola ġenerali, il-minuti jindikaw fir-rigward ta' kull punt fuq l-aġenda:
(a) |
lista tal-parteċipanti fil-laqgħa, lista tal-uffiċjali li jakkumpanjawhom u lista ta' osservaturi jew esperti li attendew l-laqgħa; |
(b) |
dokumentazzjoni ppreżentata lis-Sottokumitat SPS; |
(c) |
dikjarazzjonijiet li s-Sottokumitat SPS jkun talab li jiddaħħlu fil-minuti; u |
(d) |
konklużjonijiet operattivi tal-laqgħa, kif previst fil-paragrafu 4. |
3. L-abbozz tal-minuti jiġi ppreżentat lis-Sottokumitat SPS għall-approvazzjoni. Dawn jiġu approvati fi żmien 28 jum kalendarju wara kull laqgħa tas-Sottokumitat SPS. Kopja tintbagħat lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7.
4. Abbozz tal-konklużjonijiet operattivi ta ' kull laqgħa jitfassal mis-Segretarju tas-Sottokumitat SPS tal-Parti li jkollha l-presidenza tas-Sottokumitat SPS, u jiġi ċċirkolat lill-Partijiet flimkien mal-aġenda, mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa. Dak l-abbozz jiġi aġġornat matul il-laqgħa sabiex fi tmiem il-laqgħa, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, is-Sottokumitat SPS jadotta l-konklużjonijiet operazzjonali, li jirriflettu l-azzjonijiet ta' segwitu li l-partijiet ikunu qablu dwarhom. Ladarba jkunu miftiehma, il-konklużjonijiet operattivi jiġu mehmuża mal-minuti u l-implimentazzjoni tagħhom tiġi eżaminata matul laqgħa sussegwenti tas-Sottokumitat SPS. Għal dan il-għan is-Sottokumitat SPS jadotta mudell, li jippermetti li kull azzjoni tiġi traċċata skont skadenza speċifika.
Artikolu 11
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1. Is-Sottokumitat SPS ikollu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet, opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet, rapporti u azzjonijiet konġunti kif previst fl-Artikolu 191 tal-Ftehim. Dawk id-deċiżjonijiet, opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet, rapporti u azzjonijiet konġunti jiġu adottati b'kunsens bejn il-Partijiet wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi għall-adozzjoni tagħhom. Id-deċiżjonijiet huma vinkolanti għall-Partijiet, li jieħdu l-miżuri xierqa biex jimplimentawhom.
2. Kull deċiżjoni, opinjoni, rakkomandazzjoni jew rapport jiġu ffirmati mill-President tas-Sottokumitat SPS u awtentikati mis-Segretarji tas-Sottokumitat SPS. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, il-President jiffirma dawk id-dokumenti matul il-laqgħa li fiha tiġi adottata d-deċiżjoni jew rakkomandazzjoni rilevanti.
3. Is-Sottokumitat SPS jista' jieħu deċiżjonijiet, jagħmel rakkomandazzjonijiet u jadotta opinjonijiet jew rapporti bi proċedura bil-miktub, wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi għall-adozzjoni tagħhom, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn is-Segretarji, li jaġixxu bi qbil mal-Partijiet. Għal dak il-għan, it-test tal-proposta jiġi ċċirkolat skont l-Artikolu 7, b'limitu ta' żmien ta' mhux anqas minn 21 jum kalendarju li fih kull riżerva jew emenda għandha tiġi mgħarrfa. Il-President jista' jqassar dak il-limitu ta' żmien, b'konsultazzjoni mal-Partijiet, biex jittieħed kont ta' ċirkostanzi speċjali. Ladarba jkun hemm qbil dwar it-test, id-deċiżjoni, opinjoni, rakkomandazzjoni jew rapport jiġu ffirmati mill-President u awtentikati mis-Segretarji.
4. L-atti tas-Sottokumitat SPS jiġu intitolati “Deċiżjoni”, “Opinjoni”, “Rakkomandazzjoni” jew “Rapport” rispettivament. Kull Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha sakemm id-Deċiżjoni ma tipprovdix mod ieħor.
5. Id-deċiżjonijiet, opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet u rapporti jiġu ċċirkolati lill-Partijiet.
6. Kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet, opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet tas-Sottokumitat SPS fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.
Artikolu 12
Rapporti
Is-Sottokumitat SPS jippreżenta rapport lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ dwar l-attivitajiet tiegħu u dawk tal-gruppi ta' ħidma tekniċi jew il-gruppi ad hoc imwaqqfa mis-Sottokumitat SPS. Ir-rapport jiġi sottomess 25 jum kalendarju qabel il-laqgħa annwali regolari tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ.
Artikolu 13
Lingwi
1. Il-lingwi ta' ħidma tas-Sottokumitat SPS ikunu l-Ingliż u r-Rumen.
2. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, is-Sottokumitat SPS jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni ppreparata f'dawk il-lingwi.
Artikolu 14
Spejjeż
1. Kull Parti tieħu ħsieb l-ispejjeż li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tas-Sottokumitat SPS, kemm fir-rigward tal-impjegati, l-ivvjaġġar u n-nefqa tal-għajxien u fir-rigward tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.
2. In-nefqa marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.
3. In-nefqa li għandha x'taqsam ma' servizzi ta' interpretazzjoni fil-laqgħat, u t-traduzzjoni ta' dokumenti għal jew mill-Ingliż u r-Rumen kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.
Interpretazzjoni u traduzzjoni għal jew minn lingwi oħra jitħallsu direttament mill-Parti li tagħmel it-talba.
Artikolu 15
Emenda tar-Regoli ta' Proċedura
Dawn ir-Regoli ta' Proċedura jistgħu jiġu emendati b'deċiżjoni tas-Sottokumitat SPS skont l-Artikolu 191(5).
Artikolu 16
Gruppi ta' ħidma tekniċi u gruppi ad hoc
1. Is-Sottokumitat SPS jista' b'deċiżjoni skont l-Artikolu 191(6) tal-Ftehim joħloq jew iħassar, fejn xieraq, gruppi ta' ħidma tekniċi jew gruppi ta' ħidma ad hoc, inklużi gruppi xjentifiċi u gruppi ta' esperti.
2. Is-sħubija f'tali gruppi ad hoc m'għandhiex tkun ristretta għar-rappreżentanti tal-Partijiet. Il-Partijiet jiżguraw li l-membri ta' kwalunkwe grupp stabbilit mis-Sottokumitat SPS jirrispettaw kull rekwiżit xieraq ta' kunfidenzjalità.
3. Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-gruppi maħluqa mis-Sottokumitat SPS jaħdmu taħt l-awtorità tas-Sottokumitat SPS, u jirrappurtaw lilu.
4. Il-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma jistgħu jsiru skont il-bżonn, personalment jew permezz ta' konferenzi bil-vidjo jew awdjo.
5. Is-Segretarjat tas-Sottokumitat SPS jirċievi kopja ta' kull korrispondenza rilevanti, dokumenti u komunikazzjonijiet li jikkonċernaw l-attivitajiet tal-gruppi ta' ħidma.
6. Il-gruppi ta' ħidma jkollhom is-setgħa li jagħmlu rakkomandazzjonijiet bil-miktub quddiem is-Sottokumitat SPS. Ir-rakkomandazzjonijiet isiru b'kunsens u kkomunikati lill-President tas-Sottokumitat SPS, li jiċċirkola r-rakkomandazzjonijiet kif previst fl-Artikolu 7.
7. Dawn ir-Regoli ta' Proċedura jiġu applikati mutatis mutandis għal kwalunkwe grupp ta' ħidma tekniku jew grupp ta' ħidma ad hoc maħluq mis-Sottokumitat SPS, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f'dan l-Artikolu. Ir-referenzi għall-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ jinftiehmu bħala referenzi għas-Sottokumitat SPS.
ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru 1/2015 TAS-SOTTOKUMITAT DOGANALI TAL-UE U R-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA
ta' … 2015
li taddotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu
IS-SOTTOKUMITAT DOGANALI TAL-UE U R-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (1), (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 200 tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 464 tal-Ftehim, partijiet tal-Ftehim ġew applikati provviżorjament mill-1 ta' Settembru 2014. |
(2) |
Skont l-Artikolu 200 tal-Ftehim, is-Sottokumitat Doganali għandu jimmonitorja l-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni tal-Kapitolu 5 (Dwana u Faċilitazzjoni tal-Kummerċ) tat-Titolu V (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) ta' dan il-Ftehim. |
(3) |
Skont l-Artikolu 200(3)(e) tal-Ftehim, is-Sottokumitat Doganali għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-Regoli ta' Proċedura tas-Sottokumitat Doganali, kif stabbiliti fl-Anness, huma b'dan adottati.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi …, ….
Għas-Sottokumitat Doganali
Il-President
(1) ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.
ANNESS
Regoli ta' Proċedura tas-Sottokumitat Doganali tal-UE u r-Repubblika tal-Moldova
Artikolu 1
Dispożizzjonijiet Ġenerali
1. Is-Sottokumitat Doganali, stabbilit skont l-Artikolu 200(1) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) iwettaq il-funzjonijiet tiegħu kif previst fl-Artikoli 200(2) u (3) tal-Ftehim.
2. Is-Sottokumitat Doganali jkun kompost minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Moldova, responsabbli għal kwistjonijiet doganali u dawk relatati mad-dwana.
3. Rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea jew tar-Repubblika tal-Moldova li jkun responsabbli għall-kwistjonijiet doganali u dawk relatati mad-dwana jaġixxi bħala President skont l-Artikolu 2.
4. Il-Partijiet f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura jiġu definiti kif previst fl-Artikolu 461 tal-Ftehim.
Artikolu 2
Presidenza
Il-Partijiet jeżerċitaw il-presidenza tas-Sottokumitat Doganali, fuq bażi ta' alternanza, għal perjodu ta' 12-il xahar. L-ewwel perjodu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.
Artikolu 3
Laqgħat
1. Ħlief fejn l-Partijiet jaqblu mod ieħor, is-Sottokumitat Doganali jiltaqa' darba fis-sena jew fuq it-talba ta' waħda mill-Partijiet.
2. Kull laqgħa tas-Sottokumitat Doganali titlaqqa' mill-President tiegħu f'post u f'data li l-Partijiet jaqblu dwarhom. L-avviż li jsejjaħ il-laqgħa jinħareġ mis-Segretarjat tas-Sottokumitat Doganali mhux aktar tard minn 28 jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.
3. Il-laqgħat tas-Sottokumitat Doganali jistgħu jsiru permezz ta' kwalunkwe mezz teknoloġiku maqbul bħalma huma l-konferenzi bil-vidjo jew awdjo.
4. Is-Sottokumitat Doganali jista' wkoll jindirizza kwalunkwe kwistjoni mingħajr ma jiltaqa', permezz ta' korrispondenza.
Artikolu 4
Delegazzjonijiet
Qabel kull laqgħa, il-Partijiet jiġu infurmati, mis-Segretarjat tas-Sottokumitat Doganali, bil-kompożizzjoni prevista tad-delegazzjoni ta' kull Parti li tkun ser tattendi l-laqgħa.
Artikolu 5
Segretarjat
1. Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tar-Repubblika tal-Moldova li jkunu responsabbli għall-affarijiet doganali u kwistjonijiet relatati ma' affarijiet doganali jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tas-Sottokumitat Doganali u jwettqu kompiti segretarjali b'mod konġunt, fi spirtu ta' fiduċja reċiproka u kooperazzjoni.
2. Is-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif stabbilit fl-Artikolu 438(4) tal-Ftehim (“Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ”), ikun infurmat bi kwalunkwe deċiżjonijiet, opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet, rapporti u azzjonijiet oħra maqbula tas-Sottokumitat Doganali.
Artikolu 6
Korrispondenza
1. Korrispondenza indirizzata lis-Sottokumitat Doganali tintbagħat lis-Segretarju ta' waħda mill-Partijiet, li min-naħa tiegħu jgħarraf lis-Segretarju l-ieħor.
2. Is-Segretarjat tas-Sottokumitat Doganali jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lis-Sottokumitat Doganali tingħata lill-President tas-Sottokumitat Doganali u tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, bħala dokumenti msemmija fl-Artikolu 7.
3. Korrispondenza mill-President tintbagħat lill-Partijiet mis-Segretarjat f'isem il-President. Din il-korrispondenza tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, kif previst fl-Artikolu 7.
Artikolu 7
Dokumenti
1. Id-dokumenti jiġu ċċirkolati mis-Segretarji tas-Sottokumitat Doganali.
2. Parti tittrażmetti d-dokumenti tagħha lis-Segretarju tagħha. Is-Segretarju jittrażmetti dawn id-dokumenti lis-Segretarju tal-Parti l-oħra.
3. Is-Segretarju tal-Unjoni jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti rilevanti tal-Unjoni u sistematikament jikkopja lis-Segretarju tar-Repubblika tal-Moldova f'din il-korrispondenza. Is-Segretarju tal-Unjoni jibgħat kopja tad-dokument finali lis-Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ.
4. Is-Segretarju tar-Repubblika tal-Moldova jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti rilevanti tar-Repubblika tal-Moldova u sistematikament jikkopja lis-Segretarju tal-Unjoni f'din il-korrispondenza. Is-Segretarju tar-Repubblika tal-Moldova jibgħat kopja tad-dokumenti finali lis-Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ.
Artikolu 8
Kunfidenzjalità
Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tas-Sottokumitat Doganali ma jkunux pubbliċi. Meta Parti tissottometti informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lis-Sottokumitat Doganali, il-Parti l-oħra tittratta dik l-informazzjoni bħala tali.
Artikolu 9
Aġendi għal-laqgħat
1. Titfassal aġenda provviżorja għal kull laqgħa mis-Segretarjat tas-Sottokumitat Doganali abbażi tal-proposti li jsiru mill-Partijiet. L-aġenda provviżorja tinkludi punti li s-Segretarju jkun irċieva talba dwarhom mingħand Parti biex jiddaħħlu fl-aġenda, sostnuti minn dokumenti rilevanti, mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa.
2. L-aġenda provviżorja, flimkien mad-dokumenti rilevanti, jiġu ċċirkolati kif previst fl-Artikolu 7 mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa.
3. L-aġenda tiġi adottata mis-Sottokumitat Doganali fil-bidu ta' kull laqgħa. Kull punt minbarra dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.
4. Il-President tas-Sottokumitat Doganali jista', bil-qbil tal-Parti l-oħra, jistieden rappreżentanti ta' korpi oħra tal-Partijiet jew esperti indipendenti f'qasam fuq bażi ad hoc biex jattendu l-laqgħat tiegħu biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti speċifiċi. Il-Partijiet jiżguraw li dawk l-osservaturi jew esperti jirrispettaw kull rekwiżit ta' kunfidenzjalità.
5. Il-President tas-Sottokumitat Doganali jista' jqassar il-limiti ta' żmien speċifikati fil-paragrafi 1 u 2, b'konsultazzjoni mal-Partijiet, biex jittieħed kont ta' ċirkostanzi speċjali.
Artikolu 10
Minuti u konklużjonijiet operattivi
1. Abbozzi ta' minuti, inklużi konklużjonijiet operattivi, ta' kull laqgħa jitfasslu mis-Segretarju tas-Sottokumitat Doganali tal-Parti li jkollha l-presidenza tas-Sottokumitat Doganali.
2. L-abbozzi tal-minuti, inklużi l-konklużjonijiet operattivi, jiġu ppreżentati lis-Sottokumitat Doganali għall-approvazzjoni. L-abbozzi tal-minuti jiġu approvati fi żmien 28 jum kalendarju wara kull laqgħa tas-Sottokumitat Doganali. Kopja tintbagħat lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7.
Artikolu 11
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1. Is-Sottokumitat Doganali jkollu s-setgħa jadotta arranġamenti, miżuri u deċiżjonijiet prattiċi u rakkomandazzjonijiet kif previst fl-Artikolu 200 tal-Ftehim. Dawk l-arranġamenti, miżuri u deċiżjonijiet prattiċi u rakkomandazzjonijiet jiġu adottati b'kunsens bejn il-Partijiet wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi għall-adozzjoni tagħhom. Id-deċiżjonijiet huma vinkolanti għall-Partijiet, li jieħdu l-miżuri xierqa biex jimplimentawhom.
2. Kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni tiġi ffirmata mill-President tas-Sottokumitat Doganali u awtentikata mis-Segretarji tas-Sottokumitat Doganali. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, il-President jiffirma dawk id-dokumenti matul il-laqgħa li fiha tiġi adottata d-deċiżjoni jew rakkomandazzjoni rilevanti.
3. Is-Sottokumitat Doganali jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub, wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi għall-adozzjoni tagħhom, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn iż-żewġ Segretarji, li jaġixxu bi qbil mal-Partijiet. Għal dak il-għan, it-test tal-proposta jiġi ċċirkolat skont l-Artikolu 7, b'limitu ta' żmien ta' mhux anqas minn 21 jum kalendarju li fih kull riżerva jew emenda tiġi mgħarrfa. Il-President jista' jqassar dak il-limitu ta' żmien, b'konsultazzjoni mal-Partijiet, biex jittieħed kont ta' ċirkostanzi speċjali. Ladarba jkun hemm qbil dwar it-test, id-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni tiġi ffirmata mill-President u awtentikati mis-Segretarji.
4. L-atti tas-Sottokumitat Doganali jiġu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament. Kull Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha sakemm id-Deċiżjoni ma tipprovdix mod ieħor.
5. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet jiġu ċċirkolati lill-Partijiet.
6. Kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tas-Sottokumitat Doganali fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.
Artikolu 12
Rapporti
Is-Sottokumitat Doganali jirrapporta lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ f'kull laqgħa annwali regolari tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ.
Artikolu 13
Lingwi
1. Il-lingwi ta' ħidma tas-Sottokumitat Doganali jkunu l-Ingliż u r-Rumen.
2. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, is-Sottokumitat Doganali jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni ppreparata f'dawk il-lingwi.
Artikolu 14
Spejjeż
1. Kull Parti tieħu ħsieb l-ispejjeż li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tas-Sottokumitat Doganali, kemm fir-rigward tal-impjegati, l-ivvjaġġar u n-nefqa tal-għajxien u fir-rigward tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.
2. In-nefqa marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.
3. Spejjeż li għandhom x'jaqsmu ma' servizzi ta' interpretazzjoni fil-laqgħat, u t-traduzzjoni ta' dokumenti għal jew mill-Ingliż u r-Rumen kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.
Interpretazzjoni u traduzzjoni għal jew minn lingwi oħra jitħallsu direttament mill-Parti li tagħmel it-talba.
Artikolu 15
Emenda tar-Regoli ta' Proċedura
Dawn ir-Regoli ta' Proċedura jistgħu jiġu emendati b'deċiżjoni tas-Sottokumitat Doganali skont l-Artikolu 200(3)(e) tal-Ftehim
ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru 1/2015 TAS-SOTTOKUMITAT DWAR L-INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI TAL-UE U R-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA
ta' … 2015
li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu
IS-SOTTOKUMITAT DWAR L-INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI TAL-UE U R-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (1), (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 306 tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 464 tal-Ftehim, partijiet tal-Ftehim ġew applikati provviżorjament mill-1 ta' Settembru 2014. |
(2) |
Skont l-Artikolu 306 tal-Ftehim, is-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (“is-Sottokumitat IĠ”) għandu jimmonitorja l-iżvilupp tal-Ftehim fil-qasam tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u għandu jservi bħala forum għal kooperazzjoni u djalogu dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi. |
(3) |
Skont l-Artikolu 306(3) tal-Ftehim, is-Sottokumitat IĠ għandu jiddetermina r-regoli ta ' proċedura tiegħu stess, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-Regoli ta' Proċedura tas-Sottokumitat IĠ, kif stabbiliti fl-Anness, huma b'dan adottati.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi …,
Għas-Sottokumitat IĠ
Il-President
(1) ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.
ANNESS
Regoli ta' Proċedura tas-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova
Artikolu 1
Dispożizzjonijiet Ġenerali
1. Is-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (“is-Sottokumitat IĠ”), stabbilit skont l-Artikolu 191(306) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) jassisti l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif stipulat fl-Artikolu 438(4) tal-Ftehim (“il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ”) fit-twettiq ta' dmirijietu.
2. Is-Sottokumitat IĠ iwettaq il-funzjonijiet tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 306 tal-Ftehim.
3. Is-Sottokumitat IĠ ikun kompost minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Moldova, li jkun responsabbli għal kwistjonijiet relatati ma' indikazzjonijiet ġeografiċi.
4. Il-Partijiet jaħtru Kap tad-Delegazzjoni kull wieħed, li jkun il-persuna ta' kuntatt rigward il-materji kollha marbutin mas-Sottokumitat IĠ.
5. Il-Kapijiet ta' Delegazzjoni jaġixxu bħala President tas-Sottokumitat IĠ skont l-Artikolu 2.
6. Kull Kap tad-Delegazzjoni jista' jiddelega l-funzjonijiet kollha tiegħu ta' Kap tad-Delegazzjoni jew xi wħud minnhom lil deputat innominat, u f'dan il-każ kwalunkwe referenza li ssir wara għall-Kap tad-Delegazzjoni tkun tapplika bl-istess mod għad-deputat innominat.
7. Il-Partijiet f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura jiġu definiti kif previst fl-Artikolu 461 tal-Ftehim.
Artikolu 2
Presidenza
Il-Partijiet jeżerċitaw il-presidenza tas-Sottokumitat IĠ, fuq bażi ta' alternanza, għal perjodu ta' 12-il xahar. L-ewwel perjodu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.
Artikolu 3
Laqgħat
1. Ħlief fejn il-Partijiet jaqblu mod ieħor, is-Sottokumitat IĠ jiltaqa' fuq it-talba ta' waħda mill-Partijiet, fl-Unjoni u fir-Repubblika tal-Moldova fuq bażi ta' alternanza, u f'kull każ mhux aktar tard minn 90 jum kalendarju wara t-talba.
2. Kull laqgħa tas-Sottokumitat IĠ titlaqqa' mill-President tiegħu f'post u f'data li l-Partijiet jaqblu dwarhom. L-avviż li jsejjaħ il-laqgħa jinħareġ mill-President tas-Sottokumitat IĠ mhux aktar tard minn 28 jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.
3. Kull fejn possibbli, il-laqgħa regolari tas-Sottokumitat IĠ tissejjaħ fi żmien xieraq qabel il-laqgħa regolari tal-Kumitat ta ' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ.
4. B'eċċezzjoni, il-laqgħat tas-Sottokumitat IĠ jistgħu jsiru permezz ta' kwalunkwe mezz teknoloġiku l-Partijiet jaqblu dwaru, inkluża l-vidjokonferenza.
Artikolu 4
Delegazzjonijiet
Qabel kull laqgħa, il-Partijiet jiġu infurmati, mis-Segretarjat tas-Sottokumitat IĠ, bil-kompożizzjoni prevista tad-delegazzjoni ta' kull Parti li tkun ser tattendi l-laqgħa.
Artikolu 5
Segretarjat
1. Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tar-Repubblika tal-Moldova jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tas-Sottokumitat IĠ, kif maħtura mill-Kapijiet ta' Delegazzjoni, u jwettqu kompiti segretarjali b'mod konġunt, fi spirtu ta' fiduċja reċiproka u kooperazzjoni.
2. Is-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ ikun infurmat bi kwalunkwe deċiżjonijiet, rapporti u azzjonijiet oħra maqbula tas-Sottokumitat IĠ.
Artikolu 6
Korrispondenza
1. Korrispondenza indirizzata lis-Sottokumitat IĠ tintbagħat lis-Segretarju ta' waħda mill-Partijiet, li min-naħa tiegħu jgħarraf lis-Segretarju l-ieħor.
2. Is-Segretarjat tas-Sottokumitat IĠ jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lis-Sottokumitat IĠ tingħata lill-President tas-Sottokumitat IĠ u tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, bħala dokumenti msemmija fl-Artikolu 7.
3. Korrispondenza mill-President tintbagħat lill-Partijiet mis-Segretarjat f'isem il-President. Din il-korrispondenza tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, kif previst fl-Artikolu 7.
Artikolu 7
Dokumenti
1. Id-dokumenti jiġu ċċirkolati mis-Segretarji tas-Sottokumitat IĠ.
2. Parti tittrażmetti d-dokumenti tagħha lis-Segretarju tagħha. Is-Segretarju jittrażmetti dawn id-dokumenti lis-Segretarju tal-Parti l-oħra.
3. Is-Segretarju tal-Unjoni jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti rilevanti tal-Unjoni u sistematikament jikkopja lis-Segretarju tar-Repubblika tal-Moldova u s-Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ f'din il-korrispondenza.
4. Is-Segretarju tar-Repubblika tal-Moldova jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti rilevanti tar-Repubblika tal-Moldova u sistematikament jikkopja lis-Segretarju tal-Unjoni u s-Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ f'din il-korrispondenza.
Artikolu 8
Kunfidenzjalità
Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tas-Sottokumitat IĠ ma jkunux pubbliċi. Meta Parti tissottometti informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lis-Sottokumitat IĠ, il-Parti l-oħra tittratta dik l-informazzjoni bħala tali.
Artikolu 9
Aġendi għal-laqgħat
1. Titfassal aġenda provviżorja għal kull laqgħa kif ukoll abbozz tal-konklużjonijiet operattivi kif previst fl-Artikolu 10 hawn taħt mis-Segretarjat tas-Sottokumitat IĠ abbażi tal-proposti li jsiru mill-Partijiet. L-aġenda provviżorja tinkludi punti li s-Segretarju ikun irċieva talba dwarhom mingħand Parti biex jiddaħħlu fl-aġenda, sostnuti minn dokumenti rilevanti, mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa.
2. L-aġenda provviżorja, flimkien mad-dokumenti rilevanti, jiġu ċċirkolati kif previst fl-Artikolu 7 mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa.
3. L-aġenda tiġi adottata mill-President u mill-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor fil-bidu ta' kull laqgħa. Kull punt minbarra dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.
4. Il-President tas-Sottokumitat IĠ jista', bil-qbil tal-Parti l-oħra, jistieden rappreżentanti ta' korpi oħra tal-Partijiet jew esperti indipendenti f'qasam fuq bażi ad hoc biex jattendu l-laqgħat tiegħu biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti speċifiċi. Il-Partijiet jiżguraw li dawk l-osservaturi jew esperti jirrispettaw kull rekwiżit ta' kunfidenzjalità.
5. Il-President tas-Sottokumitat IĠ jista'jqassar il-limiti ta' żmien speċifikati fil-paragrafi 1 u 2, b'konsultazzjoni mal-Partijiet, biex jittieħed kont ta' ċirkostanzi speċjali.
Artikolu 10
Minuti u konklużjonijiet operattivi
1. Jitħejja abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa b'mod konġunt mis-Segretarji tas-Sottokumitat IĠ.
2. Bħala regola ġenerali, il-minuti jindikaw fir-rigward ta' kull punt fuq l-aġenda:
(a) |
lista tal-parteċipanti fil-laqgħa, lista tal-uffiċjali li jakkumpanjawhom u lista ta' osservaturi jew esperti li attendew l-laqgħa; |
(b) |
dokumentazzjoni ppreżentata lis-Sottokumitat IĠ; |
(c) |
dikjarazzjonijiet li s-Sottokumitat IĠ ikun talab li jiddaħħlu fil-minuti; u |
(d) |
konklużjonijiet operattivi tal-laqgħa, jekk neċessarju, kif previst fil-paragrafu 4. |
3. L-abbozz tal-minuti jiġi ppreżentat lis-Sottokumitat IĠ għall-approvazzjoni. Dawn jiġu approvati fi żmien 28 jum kalendarju wara kull laqgħa tas-Sottokumitat IĠ. Kopja tintbagħat lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7.
4. Abbozz tal-konklużjonijiet operattivi ta ' kull laqgħa jitfassal mis-Segretarju tas-Sottokumitat IĠ tal-Parti li jkollha l-presidenza tas-Sottokumitat IĠ, u jiġi ċċirkolat lill-Partijiet flimkien mal-aġenda, mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa. Dak l-abbozz jiġi aġġornat matul il-laqgħa sabiex fi tmiem il-laqgħa, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, is-Sottokumitat IĠ jadotta l-konklużjonijiet operazzjonali, li jirriflettu l-azzjonijiet ta' segwitu li l-partijiet jaqblu dwarhom. Ladarba jkunu miftiehma, il-konklużjonijiet operattivi jiġu mehmuża mal-minuti u l-implimentazzjoni tagħhom tiġi eżaminata matul laqgħa sussegwenti tas-Sottokumitat IĠ. Għal dak il-għan is-Sottokumitat IĠ jadotta mudell, li jippermetti li kull azzjoni tiġi traċċata skont skadenza speċifika.
Artikolu 11
Deċiżjonijiet
1. Is-Sottokumitat IĠ ikollu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet fil-każijiet kif previst fl-Artikolu 306(4) tal-Ftehim. Dawk id-deċiżjonijiet jiġu adottati b'kunsens bejn il-Partijiet wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi għall-adozzjoni tagħhom. Dawn huma vinkolanti għall-Partijiet, li jieħdu l-miżuri xierqa biex jimplimentawhom.
2. Kull deċiżjoni tiġi ffirmata mill-President tas-Sottokumitat IĠ u awtentikata mis-Segretarji tas-Sottokumitat IĠ. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, il-President jiffirma dawk id-dokumenti matul il-laqgħa li fiha tiġi adottata d-deċiżjoni rilevanti.
3. Is-Sottokumitat IĠ jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub, wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi għall-adozzjoni tagħhom, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn is-Segretarji, li jaġixxu bi qbil mal-Partijiet. Għal dak il-għan, it-test tal-proposta jiġi ċċirkolat skont l-Artikolu 7, b'limitu ta' żmien ta' mhux anqas minn 21 jum kalendarju li fih kull riżerva jew emenda għandha tiġi mgħarrfa. Il-President jista' jqassar dak il-limitu ta' żmien, b'konsultazzjoni mal-Partijiet, biex jittieħed kont ta' ċirkostanzi speċjali. Ladarba jkun hemm qbil dwar it-test, id-deċiżjoni jew ir-rapport jiġu ffirmati mill-President u awtentikati mis-Segretarji.
4. L-atti tas-Sottokumitat IĠ jiġu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rapport” rispettivament. Kull Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha sakemm id-Deċiżjoni ma tipprovdix mod ieħor.
5. Id-deċiżjonijiet jiġu ċċirkolati lill-Partijiet.
6. Kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tas-Sottokumitat IĠ fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.
Artikolu 12
Rapporti
Is-Sottokumitat IĠ jirrapporta lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ fuq l-attivitajiet tiegħu f'kull laqgħa regolari ta' dawn tal-aħħar.
Artikolu 13
Lingwi
1. Il-lingwi ta' ħidma tas-Sottokumitat IĠ ikunu l-Ingliż u r-Rumen.
2. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, is-Sottokumitat IĠ jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni ppreparata f'dawk il-lingwi.
Artikolu 14
Spejjeż
1. Kull Parti tieħu ħsieb l-ispejjeż li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tas-Sottokumitat IĠ, kemm fir-rigward tal-impjegati, l-ivvjaġġar u n-nefqa tal-għajxien u fir-rigward tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.
2. In-nefqa marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.
3. Spejjeż li għandhom x'jaqsmu ma' servizzi ta' interpretazzjoni fil-laqgħat, u t-traduzzjoni ta' dokumenti għal jew mill-Ingliż u r-Rumen kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.
Interpretazzjoni u traduzzjoni għal jew minn lingwi oħra jitħallsu direttament mill-Parti li tagħmel it-talba.
Artikolu 15
Emenda tar-Regoli ta' Proċedura
Dawn ir-Regoli ta' Proċedura jistgħu jiġu emendati b'deċiżjoni tas-Sottokumitat IĠ skont l-Artikolu 306(3) tal-Ftehim.