Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2014C0302

    Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 302/14/COL tas- 16 ta' Lulju 2014 li temenda għad-disgħa u disgħin darba r-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi timmodifika ċerti Linji Gwida għall-għajnuna mill-istat [2015/95]

    ĠU L 15, 22.1.2015, p. 103–105 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/95/oj

    22.1.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 15/103


    DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

    Nru 302/14/COL

    tas-16 ta' Lulju 2014

    li temenda għad-disgħa u disgħin darba r-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi timmodifika ċerti Linji Gwida għall-għajnuna mill-istat [2015/95]

    L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA (“l-Awtorità”),

    WARA Li KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), b'mod partikolari l-Artikoli minn 61 sa 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

    WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja (“il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”), b'mod partikolari l-Artikoli 5(2)(b) u 24 tiegħu u l-Artikolu 1 fil-Parti I tal-Protokoll 3 tiegħu,

    Billi:

    Skont l-Artikolu 24 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat,

    Skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet ittrattati fil-Ftehim ŻEE, jekk dan il-Ftehim jew il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti jipprovdi dan b'mod espressiv jew jekk l-Awtorità tikkunsidra li hu meħtieġ,

    Fil-21 ta' Mejju 2014, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni li temenda l-Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b'rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-banda wiesgħa, dwar Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020, dwar għajnuna mill-Istat għal films u xogħlijiet awdjoviżivi oħra, dwar Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex jiġu promossi investimenti ta' finanzjament tar-riskju u dwar Linji Gwida dwar għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru. (1) L-għanijiet tal-emendi għandhom jallinjaw id-dispożizzjonijiet ta' trasparenza ta' Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat differenti u għas-simplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet attwali,

    Din il-Komunikazzjoni hija rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea,

    Għandha tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli taż-ŻEE dwar għajnuna mill-Istat madwar iż-Żona Ekonomika Ewropea kollha skont l-għan ta' omoġeneità stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Ftehim ŻEE,

    Skont il-punt II taħt l-intestatura “ĠENERALI” tal-Anness XV tal-Ftehim ŻEE, l-Awtorità, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, għandha tadotta regoli ġodda, li jikkorrispondu ma' dawk adottati mill-Kummissjoni Ewropea,

    WARA li kkonsultat mal-Kummissjoni Ewropea,

    WARA li kkonsultat mal-Istati tal-EFTA b'ittra datata t-30 ta' Ġunju 2014 dwar is-suġġett,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-regoli sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jiġu emendati kif ġej.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tissostitwixxi l-paragrafi li ġejjin:

    dwar Linji Gwida għall-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b'rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-banda wiesgħa (2) l-ewwel żewġ sentenzi tal-paragrafu 74(j),

    dwar il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020 (3), paragrafu 135,

    dwar il-Linji Gwida rigward għajnuna mill-Istat għal films u xogħlijiet awdjoviżivi oħra (4), il-paragrafu 51(7),

    dwar il-Linji Gwida rigward għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (5), il-paragrafi 162 u 163,

    b'dan:

    “L-Istati tal-EFTA jiżguraw il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni li ġejja fuq websajt komprensiva dwar l-għajnuna mill-Istat, f'livell nazzjonali jew reġjonali:

    it-test sħiħ tal-iskema ta' għajnuna approvata jew id-deċiżjoni individwali għall-għoti tal-għajnuna u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tagħha, jew ħolqa għaliha,

    l-identità tal-awtorità(jiet) awtorizzanti,

    l-identità tal-benefiċjarji individwali, il-forma u l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil kull benefiċjarju, id-data tal-għotja, it-tip ta' impriża (SME/kumpanija kbira), ir-reġjun li fih jinsab il-benefiċjarju (fil-livell 2 tar-reġjuni statistiċi) (*) u s-settur ekonomiku prinċipali li fih il-benefiċjarju għandu l-attività tiegħu (fil-livell tal-grupp NACE) (**).

    Tali rekwiżit jista' jitneħħa fir-rigward tal-għotjiet ta' għajnuna individwali inqas minn EUR 500 000. Għal skemi ta' għajnuna fil-forma ta' benefiċċju fuq it-taxxa, l-informazzjoni dwar ammonti ta' għajnuna individwali (***) tista' tiġi pprovduta fil-firxiet li ġejjin (f'EUR miljuni): [0,5-1]; [1-2]; [2-5]; [5-10]; [10-30]; [30 u iktar].

    Tali informazzjoni trid tiġi ppubblikata wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna, trid tinżamm għal mill-inqas 10 snin u trid tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali mingħajr restrizzjonijiet (****). L-Istati tal-EFTA ma jkunux meħtieġa jippubblikaw l-informazzjoni msemmija hawn fuq qabel l-1 ta' Lulju 2016 (*****).

    Artikolu 3

    1.   Din id-Deċiżjoni timmodifika l-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020 u l-kundizzjonijiet ta' monitoraġġ imposti fuq l-iskemi ta' għajnuna reġjonali mill-Istat, kif ġej:

    il-paragrafu 169 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020, inkluża kundizzjoni ta' monitoraġġ, jitħassar.

    L-Anness IV tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020, jitħassar.

    2.   Għal dawk l-iskemi ta' għajnuna reġjonali mill-Istat diġà approvati f'konformità mal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020, inkluża l-kundizzjoni ta' monitoraġġ stabbilita fil-paragrafu 169 tal-Linji Gwida msemmija hawn fuq, il-kundizzjoni ta' monitoraġġ titneħħa. F'dan is-sens, il-paragrafu 65 tad-Deċiżjoni 225/14/COL, datata t-18 ta' Ġunju 2014, dwar l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali reġjonalment differenzjati 2014-2020, jitħassar.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni timmodifika l-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex jiġu promossi investimenti ta' finanzjament ta' riskju (6) kif ġej:

    fil-paragrafu 166(v):

    minflok:“Tali rekwiżit jista' jitneħħa fir-rigward tal-SMEs li ma wettqu l-ebda bejgħ kummerċjali fi kwalunkwe suq u għal investimenti taħt il-EUR 200 000 f'impriża benefiċjarja finali.”

    aqra:“Tali rekwiżit jista' jitneħħa fir-rigward tal-SMEs li ma wettqu l-ebda bejgħ kummerċjali fi kwalunkwe suq u għal investimenti taħt il-EUR 500 000 f'impriża benefiċjarja finali”.

    fil-paragrafu 166(vi):

    minflok:“l-ammont tal-vantaġġ fiskali riċevut, fejn tal-aħħar jaqbeż il-EUR 200 000. Tali ammont jista' jkun ipprovdut f'firxiet ta' EUR 2 miljun.”

    aqra:“l-ammont tal-vantaġġ fiskali riċevut, fejn tal-aħħar jaqbeż il-EUR 500 000. Tali ammont jista' jkun ipprovdut fil-firxiet li ġejjin (f'EUR miljun): [0,5-1]; [1-2]; [2-5]; [5-10]; [10-30]; [30 u iktar].”

    u fl-aħħar tal-paragrafu 166 jiddaħħal it-test li ġej:

    “L-Istati tal-EFTA mhumiex meħtieġa jipprovdu l-informazzjoni msemmija hawn fuq qabel l-1 ta' Lulju 2016 (******).

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni ddaħħal it-test li ġej:

    “Fil-każ tal-iskemi tal-għajnuna li mhumiex fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament ta' eżenzjoni ġenerali, esklussivament minħabba l-baġit kbir tagħhom, l-Awtorità se tivvaluta l-kompatibbiltà tagħhom abbażi tal-pjan ta' evalwazzjoni biss.”

    fl-aħħar tal-paragrafu 49, tal-Linji Gwida għall-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b'rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerk tal-banda wiesgħa,

    fl-aħħar tal-paragrafu 138, tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020,

    fl-aħħar tal-paragrafu 167, tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru,

    fl-aħħar tal-paragrafu 172, tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex jiġu promossi investimenti ta' finanzjament tar-riskju.

    Artikolu 6

    Il-verżjoni bl-Ingliż biss hi awtentika.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Lulju 2014.

    Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

    Oda Helen SLETNES

    Il-President

    Helga JÓNSDÓTTIR

    Membru tal-Kulleġġ


    (1)  ĠU C 198, 27.6.2014, p. 30.

    (2)  Għadhom mhux ippubblikati fil-ĠU. Disponibbli fuq: http://www.eftasurv.int/media/state-aid-guidelines/Part-IV---Application-of-state-aid-rules-in-relation-to-rapid-deployment-of-broadband-networks.pdf

    (3)  Għadhom mhux ippubblikati fil-ĠU. Disponibbli fuq: http://www.eftasurv.int/media/state-aid-guidelines/Part-III---Guidelines-on-regional-State-Aid-for-2014-2020.pdf

    (4)  Għadhom mhux ippubblikati fil-ĠU. Disponibbli fuq: http://www.eftasurv.int/media/state-aid-guidelines/Part_IV_-_State_aid_for_films_and_other_audiovisual_works.pdf

    (5)  Għadhom mhux ippubblikati fil-ĠU. Disponibbli fuq: http://www.eftasurv.int/media/state-aid-guidelines/Part-IV---Aviation-Guidelines.pdf

    (6)  Għadhom mhux ippubblikati fil-ĠU. Disponibbli fuq http://www.eftasurv.int/media/state-aid-guidelines/Part-III---State%20aid-to-promote-risk-finance-investments-- (applicable-from-1-july-2014).pdf


    Top