Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0857

2014/857/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 1 ta' Diċembru 2014 dwar in-notifika tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq rigward ix-xewqa tiegħu li jieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal- acquis ta' Schengen li jinsabu fl-atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u li temenda d-Deċiżjonijiet 2000/365/KE u 2004/926/KE

ĠU L 345, 1.12.2014, pp. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/857/oj

1.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 345/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-1 ta' Diċembru 2014

dwar in-notifika tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq rigward ix-xewqa tiegħu li jieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li jinsabu fl-atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u li temenda d-Deċiżjonijiet 2000/365/KE u 2004/926/KE

(2014/857/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji (minn hawn 'il quddiem “il-Protokoll Nru 36”), anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 10(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem “il-Protokoll ta' Schengen”) anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Wara li kkunsidra n-notifika, skont l-Artikolu 10(4), tal-Protokoll Nru 36, mill-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (minn hawn 'il quddiem “ir-Renju Unit”), bl-ittra tiegħu tal-24 ta' Lulju 2013 lill-President tal-Kunsill,

Wara li kkunsidra n-notifika, skont l- Artikolu 10(5), tal-Protokoll Nru 36, mill-Gvern tar-Renju Unit, bl-ittra tiegħu lill-President tal-Kunsill u lill-President tal-Kummissjoni li ssir effettiva fl-1 ta' Diċembru 2014, rigward ix-xewqa tiegħu li jieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li jinsabu fl-atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali,

Billi,

(1)

L-Artikolu 10(4) tal-Protokoll Nru 36 ippermetta lir-Renju Unit, mhux aktar tard minn sitt xhur qabel l-iskadenza tal-perijodu transizzjonali ta' ħames snin, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, li jinnotifika lill-Kunsill li dan ma jaċċettax, fir-rigward tal-atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, is-setgħat tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tal-Protokoll Nru 36.

(2)

Permezz ta' ittra lill-President tal-Kunsill tal-24 ta' Lulju 2013, ir-Renju Unit għamel użu mill-possibbiltà msemmija hawn fuq billi ta notifika lill-Kunsill li ma jaċċettax is-setgħat imsemmija tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja, bil-konsegwenza li l-atti rilevanti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit fl-1 ta' Diċembru 2014.

(3)

L-Artikolu 10(5) tal-Protokoll Nru 36 jippermetti lir-Renju Unit jinnotifika x-xewqa tiegħu li jipparteċipa fl-atti msemmija hawn fuq, inkluż dawk l-atti li huma parti mill-acquis ta' Schengen, f'liema każ id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Protokoll ta' Schengen għandhom japplikaw.

(4)

Permezz ta' ittra lill-President tal-Kunsill u lill-President tal-Kummissjoni li ssir effettiva fl-1 ta' Diċembru 2014, ir-Renju Unit għamel użu mill-possibbiltà msemmija hawn fuq billi ta notifika lill-Kunsill tax-xewqa tiegħu li jipparteċipa f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li jinsabu f'atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali li kien diġà qed jieħu sehem fihom f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (1), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/926/KE (2) u l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta' Schengen.

(5)

Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu identifikati l-atti u d-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali li huma parti mill-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit ser ikompli jipparteċipa fihom wara n-notifika ta' hawn fuq dwar ix-xewqa tiegħu li jagħmel dan u għalhekk li jiġu emendati d-Deċiżjoni 2000/365/KE u d-Deċiżjoni 2004/926/KE.

(6)

Id-Deċiżjoni 2000/365/KE u d-Deċiżjoni 2004/926/KE, kif emendati, b'hekk jibqgħu japplikaw, b'mod partikolari fir-rigward ta' dawk id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit kien awtorizzat li jieħu sehem fihom u li mhumiex atti u dispożizzjonijiet fil-qasam ta' kooperazzjoni tal-pulizija u tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tal-Protokoll Nru 36.

(7)

Bl-istess mod, ir-Renju Unit ser ikompli jipparteċipa f'dawk l-atti u d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li kien awtorizzat jieħu sehem fihom, li għalkemm huma atti u dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, ġew emendati b'att, applikabbli għar-Renju Unit, adottat wara l-imsemmi dħul fis-seħħ u li għalhekk jaqgħu taħt l- Artikolu 10(2) tal-Protokoll Nru 36. Dan huwa l-każ fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta' Settembru 1998 (3) dwar il-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni ta' Schengen li ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 (4), u tal-Artikoli 48 sa 53 tal-Konvenzjoni tal-1990 li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985 kif ukoll il-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka f'Affarijiet Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (5), u l-Protokoll tagħha (6), li ġew emendati bid-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp tal-acquis ta' Schengen (8), li ġie emendat bil-Protokoll dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta' Liechtenstein għal dak il-Ftehim (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim tal-2008 dwar l-assoċjazzjoni tal-Isvizzera mal-acquis ta' Schengen”) (9)

(8)

Kif imfakkar fid-Deċiżjoni 2000/365/KE, ir-Renju Unit għandu pożizzjoni speċjali fir-rigward ta' materji koperti mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif rikonoxxut fil-Protokoll ta' Schengen, kif ukoll fil-Protokoll Nru 20 dwar l-applikazzjoni ta' ċerti aspetti tal-Artikolu 26 tat-TFUE għar-Renju Unit u għall-Irlanda (minn hawn 'il quddiem “Protokoll Nru 20”) u l-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (minn hawn 'il quddiem “Protokoll Nru 21”), anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE. Minħabba din il-pożizzjoni speċjali, il-Protokoll ta' Schengen jipprevedi l-possibbiltà li r-Renju Unit jipparteċipa f'uħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen.

(9)

F'konformità mal-Artikolu 10(5), tal-Protokoll Nru 36, il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li jinsabu fl-atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali kif previst f'din id-Deċiżjoni terġa' tistabbilixxi l-akbar livell possibbli ta' parteċipazzjoni tar-Renju Unit fl-acquis ta' Schengen tal-Unjoni fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr ma tintlaqat b'mod serju l-operabbiltà prattika tad-diversi partijiet tiegħu, u filwaqt li tiġi rispettata l-koerenza tagħhom.

(10)

Kif imfakkar fid-Deċiżjoni 2000/365/KE, l-acquis ta' Schengen kien maħsub u jopera bħala ġabra koerenti li trid tkun aċċettata u applikata bis-sħiħ mill-Istati kollha li jappoġġaw il-prinċipju tal-abolizzjoni ta' kontrolli fuq persuni fil-fruntieri komuni tagħhom.

(11)

Is-setgħa ta' implimentazzjoni biex jiġu adottati d-deċiżjonijiet taħt l-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Deċiżjoni 2000/365/KE, fejn l-acquis ta' Schengen ser jiġi applikat għaċ-Channel Islands u l-Isle of Man u l-acquis relevanti dwar is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen ser jidħol fis-seħħ għar-Renju Unit għandha tiġi konferita lill-Kunsill. Dan huwa fid-dawl tar-rwol speċifiku fdat lill-Kunsill mill-Protokoll ta' Schengen fir-rigward tal-qbil, b'mod unanimu, dwar parteċipanti ġodda fl-acquis ta' Schengen, kif ukoll fid-dawl tal-livell għoli ta' fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri li hija meħtieġa meta jiġi eżaminat li l-prekundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen ġew issodisfati u meta tittieħed id-deċiżjoni sussegwenti li biha dawk id-dispożizzjonijiet ser jidħlu fis-seħħ għar-Renju Unit. Il-Kunsill għandu jaġixxi bl-unanimità tal-membri tiegħu msemmija fl-Artikolu 1 tal-Protokoll ta' Schengen u tar-rappreżentant tal-Gvern tar-Renju Unit.

(12)

F'konformità mal-Artikolu 2 tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-istabbiliment ta' drittijiet u obbligi bejn l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, minn naħa, u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja, min-naħa l-oħra, fl-oqsma tal-acquis ta' Schengen li japplikaw għal dawn l-Istati (10), il-Kumitat Mist, stabbilit skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, ġie kkonsultat (11) skont l-Artikolu 4 tiegħu dwar it-tħejjija ta' din id-Deċiżjoni.

(13)

F'konformità mal-Artikolu 5 ta' dak il-Ftehim tal-2008 dwar l-assoċjazzjoni mal-acquis ta' Schengen, il-Kumitat Mist stabbilit skont l-Artikolu 3 tiegħu ġie infurmat dwar it-tħejjija ta' din id-Deċiżjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Mill-1 ta' Diċembru 2014, ir-Renju Unit għandu jkompli jipparteċipa fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen kif previst f'din id-Deċiżjoni, inkluż f'konformità mad-Deċiżjoni 2000/365/KE u d- Deċiżjoni 2004/926/KE, kif emendati b'din id-Deċiżjoni.

Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal atti u dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen adottati mill-1 ta' Diċembru 2009 li bih huwa marbut ir-Renju Unit skont l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta' Schengen u l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2000/365/KE.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni Nru 2000/365/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa emendat kif ġej:

(i)

fil-punt (i):

ir-referenza għall-Artikolu 27 hija sostitwita għal “27(1)”;

il-kliem “barra mill-Artikolu 47(2)(ċ)” huma sostitwiti għal “ħlief għall-Artikolu 47(2)(c) u (4)”;

(ii)

il-punti (i) u (ii) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(ii)

id-dispożizzjonijiet li ġejjin dwar is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen:

Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta' Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) (*1);

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/171/KE tas-16 ta' Marzu 2007 li tistipula r-rekwiżiti tan-netwerk għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen II (it-tielet pilastru) (*2);

(*1)   ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63."

(*2)   ĠU L 79, 20.3.2007, p. 29.” "

;

(b)

fil-punt (b), il-punti (i) sa (v) huma mħassra u l-punti (vi), (vii) u (viii) huma sostitwiti ki ġej:

“(i)

il-Ftehim iffirmat fid-19 ta' Diċembru 1996 dwar l-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka: L-Artikolu 6;

(ii)

il-Ftehim iffirmat fid-19 ta' Diċembru 1996 dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Finlandja: L-Artikolu 5;

(iii)

il-Ftehim iffirmat fid-19 ta' Diċembru 1996 dwar l-Adeżjoni tar-Renju tal-Isvezja: L-Artikolu 5;”

;

(c)

fil-punt (c), il-punti (i) u (ii) huma sostitwiti kif ġej:

“SCH/Com-ex (94) 28 rev (ċertifikat ipprovdut fl-Artikolu 75 għal Trasport ta' drogi u/jew sustanzi psikotropiċi);

SCH/Com-ex (98) 26 def (li jistabbilixxi Kumitat Permanenti għall-Konvenzjoni Implimentattiva ta' Schengen), soġġett għal arranġament intern li jispeċifika l-modalitajiet ta' parteċipazzjoni ta' esperti tar-Renju Unit f'missjonijiet li jsiru taħt l-awspiċi tal-Grupp ta' Ħidma rilevanti tal-Kunsill.”

;

(d)

il-punt (d) huwa mħassar.

(2)

L-Artikolu 2, 3 u 4 huma mħassra.

(3)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, fit-tieni sentenza, il-kliem “Deċiżjoni dwar din it-talba tittieħed mill-Kunsill …” huma sostitwiti bi: “Deċiżjoni ta' implimentazzjoni dwar din it-talba għandha tittieħed mill-Kunsill …”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

fil-punt (a):

ir-referenza għall-Artikolu “27” hija sostitwita għal “27(1)”;

il-kliem “barra mill-Artikolu 47(2)(ċ)” huma sostitwiti għal “barra mill-Artikolu 47(2)(c) u (4)”;

(ii)

fil-punt (b), il-punti (i) sa (v) huma mħassra u l-punti (vi), (vii) u (viii) huma sostitwiti kif ġej:

“(i)

il-Ftehim iffirmat fid-19 ta' Diċembru 1996 dwar l-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka: L-Artikolu 6;

(ii)

il-Ftehim iffirmat fid-19 ta' Diċembru 1996 dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Finlandja: L-Artikolu 5;

(iii)

il-Ftehim iffirmat fid-19 ta' Diċembru 1996 dwar l-Adeżjoni tar-Renju tal-Isvezja: L-Artikolu 5.”

;

(iii)

fil-punt (c), il-lista tal-atti hija sostitwita kif ġej:

“SCH/Com-ex (94) 28 rev (ċertifikat ipprovdut fl-Artikolu 75 għal Trasport ta' drogi u/jew sustanzi psikotropiċi).”

;

(iv)

il-punt (d) huwa mħassar.

(4)

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b' dan li ġej:

“1.   Id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(a)(ii), kif ukoll dispożizzjonijiet oħra rilevanti dwar is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen adottati mill-1 ta' Diċembru 2009, iżda li għadhom ma daħlux fis-seħħ, għandhom jiddaħħlu fis-seħħ, bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri u Stati oħrajn li għalihom dawn id-dispożizzjonijiet jkunu diġà daħlu fis-seħħ, meta l-prekondizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet ikunu ġew issodisfati, b'deċiżjoni ta' implimentazzjoni meħuda mill-Kunsill.”

;

(b)

il-paragrafi 3, 4 u 5 huma rinumerati bħala 2, 3 u 4, rispettivament.

(c)

il-paragrafu 4, rinumerat bħala 3, il-kliem “Kwalunkwe Deċiżjoni …” huma sostitwiti għal “Kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni b'referenza għall-paragrafi 1 u 2”.

(5)

Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 huwa mħassar u jsir referenza unika.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni Nru 2004/926/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Mill-1 ta' Diċembru 2014, ir-Renju Unit għandu jkompli japplika d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 1(a)(i), (b) u (c) u 5(2) tad-Deċiżjoni 2000/365/KE, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2014/857/UE (*3), kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-atti elenkati fl-Annessi I u II għal din id-Deċiżjoni, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 2014/857/UE.

(*3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/857/UE tal-1 ta' Diċembru 2014 dwar in-notifika tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq rigward ix-xewqa tiegħu li jieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li jinsabu fl-atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u li temenda d-Deċiżjonijiet 2000/365/KE u 2004/926/KE (ĠU L 345, 1.12.2014, p. 1).” "

.

(2)

Fl-Anness I:

(a)

il-punt 4 huwa mħassar;

(b)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“8.

Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60).

9.

Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f' isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-Acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50).

10.

Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat b'mod partikolari mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 1).”

.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2014.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/926/KE tat-22 ta' Diċembru 2004 dwar id-dħul b'effett ta' partijiet tal-acquis ta' Schengen mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (ĠU L 395, 31.12.2004, p. 70).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta' Settembru 1998 għall-istabbiliment ta' Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta' Schengen (SCH/Com-ex (98) 26 def.) (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 138).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru1053/2013 tas-7 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta' Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta' Schengen, (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).

(5)  Il-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 197, 12.7.2000, p. 3); (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19 Volum 8, p. 205 - 226).

(6)  Il-Protokoll stabbilit mill-Kunsill skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 326, 21.11.2001, p. 2); (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19 Volum 8, p. 233).

(7)  Id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali (ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1).

(8)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(9)  Il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen(ĠU L 160, 18.6.2011, p. 3).

(10)   ĠU L 15, 20.1.2000, p. 2.

(11)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.


Top