Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0703

    2014/703/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta' Ottubru 2014 li temenda l-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2004/558/KE fir-rigward tal-approvazzjoni ta' programm ta' kontroll għall-qerda tar-rinotrakejite bovina infettiva fil-Belġju u tal-istatus ħieles mir-rinotrakejite bovina infettiva tal-Istat Federali ta' Thuringia fil-Ġermanja (notifikata bid-dokument C(2014) 7113) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 294, 10.10.2014, p. 43–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32021R0620

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/703/oj

    10.10.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 294/43


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-8 ta' Ottubru 2014

    li temenda l-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2004/558/KE fir-rigward tal-approvazzjoni ta' programm ta' kontroll għall-qerda tar-rinotrakejite bovina infettiva fil-Belġju u tal-istatus ħieles mir-rinotrakejite bovina infettiva tal-Istat Federali ta' Thuringia fil-Ġermanja

    (notifikata bid-dokument C(2014) 7113)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2014/703/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffetwaw il-kummerċ ta' annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 9(2) u 10(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 64/432/KEE tistipula regoli għall-kummerċ fl-Unjoni tal-annimali bovini. L-Artikolu 9 tagħha jistipula li Stat Membru li għandu programm obbligatorju ta' kontroll obbligatorju għal wieħed mill-mard kuntaġġjuż elenkat fl-Anness E (II) tal-istess Direttiva jista' jissottometti l-programm tiegħu lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. Din il-lista tinkludi r-rinotrakejite bovina infettiva. Ir-rinotrakejite bovina infettiva hija d-deskrizzjoni tal-aktar sinjali kliniċi prominenti tal-infezzjoni bil-herpesvirus bovin tip 1 (BHV1).

    (2)

    L-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/432/KEE jistipula wkoll id-definizzjoni ta' garanziji addizzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa f'kummerċ intra-UE.

    (3)

    Barra minn hekk, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE jistipula li meta Stat Membru jikkunsidra li t-territorju tiegħu jew parti minnu huwa liberu minn wieħed mill-mard elenkat fl-Anness E(II) ta' dik id-Direttiva, huwa għandu jippreżenta lill-Kummissjoni d-dokumentazzjoni approprjata (xierqa) ta' sostenn. Dan l-Artikolu jistipula wkoll id-definizzjoni ta' garanziji addizzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa fil-kummerċ intra-UE.

    (4)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/558/KE (2) tapprova l-programmi għall-kontroll u l-qerda tal-BHV1 ppreżentati mill-Istati Membri elenkati fl-Anness I tagħha għar-reġjuni elenkati f'dak l-Anness u li għalihom japplikaw garanziji addizzjonali skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/432/KEE.

    (5)

    Barra minn hekk, l-Anness II tad-Deċiżjoni 2004/558/KE jelenka r-reġjuni tal-Istati Membri li huma kkunsidrati bħala ħielsa mill-BHV1 u li għalihom japplikaw garanziji addizzjonali skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE.

    (6)

    Il-Belġju ssottometta lill-Kummissjoni programm bl-għan li l-infezzjoni BHV 1 tinqered fit-territorju kollu tagħha. Dan il-programm huwa konformi mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 64/432/KEE. Dak il-programm jistipula wkoll regoli għall-ispostament nazzjonali ta' annimali bovini li huma ekwivalenti għal dawk li ġew implimentati qabel f'ċerti Stati Membri jew f'reġjuni tagħhom, li kellhom suċċess f'dik li hija l-qerda tal-marda f'dawk l-Istati Membri jew reġjuni.

    Il-programm sottomess mill-Belġju u l-garanziji addizjonali sottomessi skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/432/KEE, għandhom jiġu approvati.

    (7)

    Għalhekk, l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/558/KE għandu jiġi emendat skont dan.

    (8)

    Ir-reġjuni kollha tal-Ġermanja, bl-eċċezzjoni tal-Istat Federali tal-Bavarja, huma elenkati fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/558/KE. L-Istat Federali tal-Bavarja huwa kkunsidrat bħala ħieles mill-BHV1, u għalhekk huwa elenkat fl-Anness II ta' dik id-Deċiżjoni.

    (9)

    Il-Ġermanja issa ressqet lill-Kummissjoni d-dokumentazzjoni ta' appoġġ biex l-Istat Federali ta' Thuringia jiġi kkunsidrat bħala ħieles mill-BHV1, u għall-garanziji addizzjonali skont l-Artikolu 10 tad- Direttiva 64/432/KEE.

    Wara evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni ta' appoġġ imressqa minn dak l-Istat Membru, l-Istat Federali ta' Thuringia ma għandux jibqa' elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/558/KE, iżda minflok għandu jiġi elenkat fl-Anness II tal-istess Deċiżjoni u l-applikazzjoni tal-garanziji addizzjonali skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE għandha tiġi estiża biex tinkludih.

    (10)

    Għalhekk, l-Anness II tad-Deċiżjoni 2004/558/KE għandu jiġi emendat skont dan.

    (11)

    Għalhekk, id-Deċiżjoni 2004/558/KE għandha tiġi emendata skont dan.

    (12)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2004/558/KE qed jiġu mibdula bit-test fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Ottubru 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Tonio BORG

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/558/KE tal-15 ta' Lulju 2004 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE fir-rigward ta' garanziji addizzjonali għal kummerċ intra-Komunitarji ta' annimali bovini relatati mar-rinotrakeite bovina infettiva u l-approvazzjoni tal-programmi ta' qerda ppreżentati minn ċerti Stati Membri (ĠU L 249, 23.7.2004, p. 20).


    ANNESS

    L-Anness I u II tad-Deċiżjoni 2004/558/KE jinbidlu b'dan li ġej:

    ANNESS I

    Stati Membri

    Ir-reġjuni ta' Stati Membri li għalihom japplikaw il-garanziji addizzjonali għar-rinotrakejite bovina infettiva skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/432/KEE

    Il-Belġju

    Ir-reġjuni kollha

    Ir-Repubblika Ċeka

    Ir-reġjuni kollha

    Il-Ġermanja

    Ir-reġjuni kollha, minbarra l-Istat Federali tal-Bavarja u l-Istat Federali ta' Thuringia

    L-Italja

    Ir-Reġjun tal-Friuli-Venezia Giulia

    Ir-Reġjun ta' Valle d'Aosta

    Il-Provinċja Awtonoma ta' Trento

    ANNESS II

    Stati Membri

    Ir-reġjuni ta' Stati Membri li għalihom japplikaw il-garanziji addizzjonali għar-rinotrakejite bovina infettiva skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE

    Id-Danimarka

    Ir-reġjuni kollha

    Il-Ġermanja

    L-Istat Federali tal-Bavarja

    L-Istat Federali ta' Thuringia

    L-Italja

    Il-Provinċja Awtonoma ta' Bolzano

    L-Awstrija

    Ir-reġjuni kollha

    Il-Finlandja

    Ir-reġjuni kollha

    L-Isvezja

    Ir-reġjuni kollha


    Top