EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0526

2014/526/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta' Awwissu 2014 li tistabbilixxi Infrastruttura tar-Riċerka Diġitali għall-Arti u l-Istudji Umanistiċi bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (DARIAH ERIC)

ĠU L 239, 12.8.2014, p. 64–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 239, 12.8.2014, p. 25–41 (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/526/oj

12.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/64


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta' Awwissu 2014

li tistabbilixxi Infrastruttura tar-Riċerka Diġitali għall-Arti u l-Istudji Umanistiċi bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (DARIAH ERIC)

(2014/526/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Serbja u s-Slovenja talbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi Infrastruttura tar-Riċerka Diġitali għall-Infrastruttura tar-Riċerka tal-Arti u l-Istudji Umanistiċi bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (minn hawn 'il quddiem “DARIAH ERIC”).

(2)

Franza ġiet magħżula mill-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Serbja u s-Slovenja bħala l-Istat Membru Ospitanti ta' DARIAH ERIC.

(3)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Infrastruttura tar-Riċerka Diġitali għall-Arti u l-Istudji Umanistiċi bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (DARIAH ERIC) qed tiġi hawnhekk stabbilita.

2.   L-Istatuti ta' DARIAH ERIC huma stabbiliti fl-Anness. L-Istatuti għandhom jinżammu aġġornati u għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku ta' DARIAH ERIC u fis-sede statutorja tiegħu.

3.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti li l-emendi għalihom għandhom jirrikjedu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 huma previsti fl-Artikoli 1, 2, 23–30.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Awwissu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1.


ANNESS

STATUTI TAD-DARIAH ERIC

L-AWSTRIJA,

IL-BELĠJU,

Il-KROAZJA,

ĊIPRU,

ID-DANIMARKA,

FRANZA,

IL-ĠERMANJA,

IL-GREĊJA,

L-IRLANDA,

L-ITALJA,

IL-LUSSEMBURGU,

MALTA,

IL-PAJJIŻI L-BAXXI,

IS-SERBJA,

IS-SLOVENJA,

Minn hawn 'il quddiem imsejħa “Il-Membri Fundaturi”

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU r-rwol importanti tal-Osservaturi u s-Sħab fil-Kooperazzjoni tad-DARIAH ERIC;

JIXTIEQU jappoġġaw l-arti u l-istudji umanistiċi fl-Ewropa;

JIXTIEQU joħolqu infrastruttura mill-aktar moderna u avvanzata għar-riċerka diġitalment abilitata fl-arti u l-istudji umanistiċi;

KONXJI tar-riżultati tal-Proġett tal-Fażi Preparatorja tad-DARIAH, iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea taħt il-Ftehim ta' Għotja Nru 211583;

JITOLBU lill-Kummissjoni Ewropea biex tistabbilixxi l-Infrastruttura Diġitali tar-Riċerka għall-Arti u l-Istudji Umanistiċi bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (DARIAH ERIC);

B'DAN QABLU DWAR ID-DISPOŻIZZJONIJIET LI ĠEJJIN:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Isem, sede, post u lingwa operattiva

1.   Għandu jkun hemm Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka msejħa l-“Infrastruttura Diġitali tar-Riċerka għall-Arti u l-Istudji Umanistiċi”, minn hawn 'il quddiem magħrufa bħala “DARIAH”.

2.   DARIAH għandu jkollha l-forma legali ta' Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) inkorporata skont id-dispożizzjoni tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 u tissemma “DARIAH ERIC”.

3.   DARIAH ERIC għandha tkun infrastruttura tar-riċerka distribwita. L-attivitajiet tagħha għandhom jitwettqu permezz taċ-Ċentri Virtwali ta' Kompetenza.

4.   Is-sede statutorja tad-DARIAH ERIC għandha tkun f'Pariġi, fi Franza.

5.   Il-lingwa operattiva tad-DARIAH ERIC għandha tkun l-Ingliż. Dawn l-Istatuti għandhom jitqiesu awtentiċi bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-lingwi uffiċjali l-oħrajn kollha tal-UE. M'għandha tipprevali l-ebda verżjoni lingwistika.

Artikolu 2

Għanijiet, koordinazzjoni u distribuzzjoni tal-attivitajiet

1.   Il-missjoni tad-DARIAH ERIC għandha tkun li ssaħħaħ u tappoġġa r-riċerka diġitalment abilitata fl-istudji umanistiċi u l-arti. DARIAH ERIC għandha tiżviluppa, iżżomm u topera infrastruttura b'appoġġ għall-prattiki ta' riċerka bbażati fuq l-ICT.

2.   DARIAH ERIC għandha taħdem ma' komunitajiet tar-riċerka u l-edukazzjoni, sabiex:

a.

Jesploraw u japplikaw metodi u għodod ibbażati fuq l-ICT li jippermettu li jsiru mistoqsijiet ġodda tar-riċerka u li mistoqsijiet antiki jiġu verbalizzati b'modi ġodda.

b.

Itejbu l-opportunitajiet u r-riżultati tar-riċerka permezz tal-ikkonnettjar ta' materjali ta' sors diġitali distribwit.

c.

Jagħmlu skambju ta' għarfien, esperjenza, metodoloġiji u prattiki bejn id-dominji u d-dixxiplini.

3.   L-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni tad-DARIAH-UE (DCO), kif definit fl-Artikolu 3, għandu jkun responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet tad-DARIAH ERIC. Inizjalment għandu jkollha uffiċċji fi Franza, fil-Ġermanja u fil-Pajjiżi l-Baxxi.

4.   Id-deskrizzjoni, l-organizzazzjoni u d-distribuzzjoni tal-attivitajiet tal-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni tad-DARIAH-UE (DCO) għandhom jiġu deċiżi mill-Bord tad-Diretturi.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

F'dawn l-Istatuti t-termini kapitalizzati li ġejjin għandu jkollhom it-tifsira pprovduta kif ġej:

Sieħeb fil-Kooperazzjoni : Istituzzjoni, pubblika jew privata, li sservi missjoni pubblika, li tinsab fit-territorju ta' Pajjiż Mhux Parteċipanti, li ġiet aċċettata mid-DARIAH ERIC biex tipparteċipa fil-ħidma ta' Ċentru Virtwali ta' Kompetenza (VCC) wieħed jew aktar, kif definit fl-Artikolu 5 tiegħu.

Uffiċċju ta' Koordinazzjoni tad-DARIAH-UE (DCO) : Unità, li hija responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet tad-DARIAH ERIC. Din tappoġġa u tintegra l-livelli kollha tad-DARIAH ERIC (l-Assemblea Ġenerali, il-Bord Xjentifiku, il-Bord tad-Diretturi, it-Tim tal-Maniġment Anzjan, il-Kumitat tal-Koordinatur Nazzjonali u l-Kumitat tar-Riċerka Konġunta). Fir-rwol tiegħu bħala koordinatur, id-DCO jissorvelja l-interazzjonijiet mas-sħab u l-bordijiet kollha tad-DARIAH ERIC fuq varjetà ta' kompiti vertikali (eż. jikkontrolla l-proċeduri amministrattivi) u kompiti orizzontali (eż. servizzi ċentrali, finanzjament ġenerali, rekwiżiti legali u fiskali, trasferiment ta' ħiliet u għarfien).

Istituzzjoni ta' Koordinazzjoni Nazzjonali : Istituzzjoni maħtura minn kull Membru u Osservatur biex tikkoordina l-attivitajiet nazzjonali tad-DARIAH.

Koordinatur Nazzjonali : Persuna maħtura minn kull Membru jew kull Osservatur, li hija responsabbli għat-tħejjija tal-pjan direzzjonali nazzjonali tad-DARIAH u l-kontribuzzjonijiet nazzjonali in natura.

Istituzzjoni Msieħba : Istituzzjoni, pubblika jew privata, li sservi missjoni pubblika, li ġiet aċċettata mid-DARIAH ERIC biex tipparteċipa fil-ħidma ta' VCC wieħed jew aktar.

VCC : Ċentru Virtwali ta' Kompetenza huwa tim virtwali, magħmul minn nies minn Istituzzjonijiet Imsieħba, biex iwettaq l-attivitajiet operazzjonali tad-DARIAH ERIC.

President ta' VCC : Istituzzjoni Msieħba li tmexxi l-attivitajiet ta' VCC wieħed u li hija maħtura mill-Bord tad-Diretturi.

Kap ta' VCC : Il-persuna rakkomandata mill-President tal-VCC u maħtura mill-Bord tad-Diretturi bħala responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-VCC.

KAPITOLU 2

SĦUBIJA, OSSERVAZZJONI, PARTENARJAT

Artikolu 4

Membri, Osservaturi u Msieħba fil-Kooperazzjoni

1.   L-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati, il-pajjiżi terzi apparti mill-pajjiżi assoċjati u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi għandu jkollhom id-dritt li jsiru Membri tad-DARIAH ERIC, soġġett għall-formalitajiet previsti hemmhekk u d-deċiżjonijiet tal-Assemblea Ġenerali.

2.   L-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati, il-pajjiżi terzi apparti mill-pajjiżi assoċjati u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi jistgħu jsiru Osservaturi fid-DARIAH ERIC, soġġett għall-formalitajiet previsti hemmhekk u d-deċiżjonijiet tal-Assemblea Ġenerali.

3.   DARIAH ERIC għandu jkollha mill-inqas Stat Membru u żewġ pajjiżi oħra li huma Stati Membri jew pajjiżi assoċjati bħala Membri.

4.   L-Istati Membri jew il-pajjiżi assoċjati għandu jkollhom il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot b'mod konġunt fl-Assemblea Ġenerali.

5.   Il-Membri għandhom jaħtru istituzzjonijiet pubbliċi nazzjonali jew istituzzjonijiet privati b'missjoni ta' servizz pubbliku bħala Istituzzjonijiet ta' Koordinazzjoni Nazzjonali, kif elenkat fl-Anness I. L-Istituzzjonijiet ta' Koordinazzjoni Nazzjonali għandhom jirrappreżentaw lill-Membri fl-operazzjonijiet tad-DARIAH ERIC.

6.   L-Osservaturi għandhom jaħtru istituzzjonijiet pubbliċi nazzjonali jew istituzzjonijiet privati b'missjoni ta' servizz pubbliku bħala Istituzzjonijiet ta' Koordinazzjoni Nazzjonali, kif elenkat fl-Anness I. L-Istituzzjonijiet ta' Koordinazzjoni Nazzjonali għandhom jirrappreżentaw lill-Osservaturi fl-operazzjonijiet tad-DARIAH ERIC.

7.   Il-Membri, l-Osservaturi u l-entitajiet rappreżentanti tagħhom huma elenkati fl-Anness I. Fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal ERIC il-Membri għandhom jissejħu Membri Fundaturi.

8.   DARIAH ERIC tista' tikkonkludi ftehimiet ma' Msieħba fil-Kooperazzjoni.

Artikolu 5

Dħul tal-Membri, Osservaturi u Msieħba fil-Kooperazzjoni

1.   Kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni intergovernattiva interessati li jsiru Membru, Osservatur, jew kwalunkwe istituzzjoni interessata li ssir Imsieħba fil-Kooperazzjoni, għandhom japplikaw bil-miktub lid-DARIAH ERIC.

2.   Il-Membri u l-Osservaturi għandhom jinkludu fl-applikazzjoni l-isem tal-Istituzzjoni ta' Koordinazzjoni Nazzjonali li se tikkoordina l-attivitajiet nazzjonali tad-DARIAH.

3.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jgħaddi l-applikazzjoni lill-Assemblea Ġenerali, b'rakkomandazzjoni għall-aċċettazzjoni jew le tal-applikant.

4.   L-Assemblea Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-aċċettazzjoni tal-Membru, Osservatur jew Imsieħeb fil-Kooperazzjoni ġdid.

5.   DARIAH ERIC u l-Imsieħeb fil-Kooperazzjoni għandhom jidħlu fi ftehim vinkolanti, li jiddefinixxi l-qafas tal-kooperazzjoni, ibbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali, għal perjodu ta' mill-inqas sentejn, li fi tmiemu għandha tiġi evalwata l-kooperazzjoni.

Artikolu 6

Terminazzjoni tal-istatus ta' Membru jew Osservatur

1.   Jekk l-Assemblea Ġenerali tiddeċiedi li Membru jew Osservatur ikun qed jikser serjament l-Istatuti u r-Regoli ta' Proċedura Interni, u jekk il-Membru jew Osservatur ikun naqas milli jirrettifika dak il-ksur fi żmien sitt xhur, l-Assemblea Ġenerali tista' tiddeċiedi li tkeċċi lill-Membru jew lill-Osservatur inadempjenti.

2.   Il-vot tal-Membru inadempjenti m'għandux jingħadd għad-deċiżjoni.

3.   Il-Membru jew Osservatur inadempjenti għandu jkollu d-dritt li jispjega lill-Assemblea Ġenerali l-pożizzjoni tiegħu, qabel mal-Assemblea Ġenerali tieħu kwalunkwe deċiżjoni dwar il-kwistjoni.

4.   Fl-ewwel ħames snin tas-sħubija jew osservazzjoni tad-DARIAH ERIC, l-ebda Membru jew Osservatur ma jista' jirtira sakemm ma jkunx sar ftehim eċċezzjonali mill-Assemblea Ġenerali.

5.   Membri jew Osservaturi li inizjalment ma jikkommettux għal ħames snin għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni li tispeċifika l-perjodu iqsar li għandu jiġu rreġistrat mill-Assemblea Ġenerali meta tiddeċiedi dwar l-aċċettazzjoni skont l-Artikolu 5(4).

6.   Wara l-ewwel ħames snin tas-sħubija jew osservazzjoni tad-DARIAH ERIC, Membru jew Osservatur jista' jirtira b'notifika ta' mill-inqas sitt xhur, qabel id-data effettiva tal-irtirar.

7.   Il-Membru jew Osservatur li jixtieq jirtira għandu jkun meħtieġ li jħallas bis-sħiħ l-obbligi finanzjarji tiegħu għas-sena finanzjarja sħiħa tal-irtirar.

KAPITOLU 3

DRITTIJIET U OBBLIGI TAL-MEMBRI, L-OSSERVATURI U MSIEĦBA FIL-KOOPERAZZJONI

Artikolu 7

Membri

1.   Membri fid-DARIAH ERIC jistgħu jużaw l-għodod u s-servizzi kollha u jipparteċipaw fl-attivitajiet kollha. Għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw u jivvutaw fl-Assemblea Ġenerali. L-Istituzzjonijiet Imsieħba tagħhom għandu jkollhom id-dritt li jippresiedu VCC, soġġett għall-proċedura prevista hawnhekk.

2.   Il-Membri għandhom iħallsu l-kontribuzzjoni annwali tagħhom għall-baġit tad-DARIAH ERIC, ibbażata fuq prinċipji u l-metodu ta' kalkolu previsti fl-Artikolu 18(1) u fl-Anness II tiegħu.

3.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jirrakkomanda l-kontribuzzjoni ta' Organizzazzjoni Intergovernattiva u pajjiżi mhux rikonoxxuti mill-Kunsill tal-Ewropa lill-Assemblea Ġenerali għall-approvazzjoni.

Artikolu 8

Osservaturi

1.   Osservaturi fid-DARIAH ERIC jistgħu jużaw l-għodod u s-servizzi kollha u jipparteċipaw fl-attivitajiet kollha. Barra minn hekk, l-Osservaturi jistgħu jkunu preżenti u jesprimu l-opinjoni tagħhom fil-laqgħat kollha tal-Assemblea Ġenerali iżda mingħajr drittijiet tal-vot.

2.   L-Osservaturi għandhom iħallsu l-kontribuzzjoni annwali tagħhom għall-baġit tad-DARIAH ERIC, ibbażata fuq prinċipji u l-metodu ta' kalkolu previsti fl-Artikolu 18(1) u fl-Anness II tiegħu.

3.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jirrakkomanda l-kontribuzzjoni ta' Organizzazzjoni Intergovernattiva u pajjiżi mhux rikonoxxuti mill-Kunsill tal-Ewropa lill-Assemblea Ġenerali għall-approvazzjoni.

Artikolu 9

Imsieħba fil-Kooperazzjoni

Il-ftehim vinkolanti kif deskritt fl-Artikolu 5(5) għandu jispeċifika d-drittijiet u l-obbligi tal-Imsieħeb fil-Kooperazzjoni.

KAPITOLU 4

GOVERNANZA

Artikolu 10

Assemblea Ġenerali

1.   L-Assemblea Ġenerali għandha tkun il-korp governattiv tad-DARIAH ERIC u għandha tkun magħmula minn rappreżentanti tal-Membri tad-DARIAH ERIC. Ir-rappreżentanti tal-Osservaturi tad-DARIAH ERIC jistgħu jkunu preżenti u jesprimu l-opinjoni tagħhom fil-laqgħat kollha tal-Assemblea Ġenerali, iżda mingħajr drittijiet tal-vot.

2.   Kull entità li tirrappreżenta Membru jew Osservatur għandha tinnomina rappreżentant uffiċjali wieħed. Barra minn hekk, kull Membru jew kull Osservatur jista' jressaq il-Koordinatur Nazzjonali tiegħu jew esperti oħra. Kull delegazzjoni ta' Membri jew Osservaturi tista' tkun magħmula minn massimu ta' tliet persuni.

3.   Kull Membru jew kull delegazzjoni ta' Membri għandu jkollhom vot wieħed.

4.   Il-voti tal-Membri li jkunu naqsu milli jħallsu l-kontribuzzjoni tagħhom fil-jum tal-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali għandhom jiġu sospiżi.

5.   L-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati għandu dejjem ikollhom il-maġġoranza tal-voti fl-Assemblea Ġenerali. F'każ li jkunu meħtieġa drittijiet tal-vot addizzjonali sabiex tiġi implimentata din id-dispożizzjoni, l-allokazzjoni ta' dawn id-drittijiet tal-vot addizzjonali għandha tingħata effett b'deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali.

6.   L-Assemblea Ġenerali għandha teleġġi l-President u l-Viċi President tagħha b'maġġoranza sempliċi tal-voti, minn fost il-Membri tagħha, għal terminu ta' tliet snin, li jistgħu jiġġeddu. Il-Viċi President għandu jissostitwixxi lill-President fl-assenza tiegħu/tagħha u fil-każ ta' kunflitt ta' interess. Il-President, jew persuna awtorizzata mill-President, għandu jkun responsabbli mill-aġġornament tal-Anness I, sabiex dejjem ikun hemm lista preċiża tal-Membri, l-Osservaturi u l-entitajiet li jirrappreżentawhom.

7.   L-Assemblea Ġenerali għandha tiltaqa' kull sena, f'laqgħa ordinarja jew f'laqgħa ta' ripetizzjoni jekk il-laqgħa ordinarja tkun ġiet postposta, u torganizza laqgħat addizzjonali.

8.   Id-dettalji operazzjonali biex tiġi organizzata kull tip ta' laqgħa tal-Assemblea Ġenerali (bħal laqgħat ordinarji, laqgħat ta' ripetizzjoni, laqgħat addizzjonali, rappreżentanza fil-laqgħat, skadenzi ta' stediniet, aġendi, minuti, eċċ.) għandhom ikunu ddikjarati fir-Regoli ta' Proċedura Interni.

9.   F'Laqgħa Ordinarja, jekk mill-inqas żewġ terzi tal-Membri, li huma intitolati li jivvutaw, huma preżenti jew rappreżentati, ir-rekwiżit tal-kworum ikun sodisfatt. F'laqgħa ta' ripetizzjoni tal-Assemblea Ġenerali, il-kworum għandu jitqies bħala milħuq, irrispettivament mill-għadd ta' membri preżenti jew rappreżentati.

10.   Maġġoranza sempliċi tiġi ffurmata meta l-għadd tal-voti favur id-deċiżjoni huwa ogħla mill-għadd ta' voti kontra. Id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu soġġetti għal kundizzjonijiet ta' maġġoranza addizzjonali kif stipulat fil-paragrafi 13 sa 17.

11.   L-Assemblea Ġenerali għandha b'mod validu:

a.

torganizza laqgħa biss jekk jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-kworum;

a.

tieħu deċiżjoni biss jekk jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-maġġoranza.

12.   Fuq il-punti kollha, l-Assemblea Ġenerali għandha timpenja ruħha bis-sħiħ biex tikseb il-kunsens. Jekk ma jintlaħaqx kunsens, l-Assemblea Ġenerali għandha tiddeċiedi l-kwistjonijiet skont is-sistema peżata tal-voti kif definit fil-paragrafi 13 sa 17.

13.   L-Assemblea Ġenerali, b'maġġoranza sempliċi, għandha:

a.

taċċetta Membri, Osservaturi, u Msieħba fil-Kooperazzjoni ġodda;

b.

tapprova r-rapporti finanzjarji u r-rapport annwali tal-attività;

c.

taħtar jew tkeċċi membri tal-Bord Xjentifiku;

d.

testendi t-tul ta' żmien tad-DARIAH ERIC;

e.

taħtar l-awdituri;

f.

taċċetta rtirar eċċezzjonali ta' Membru jew ta' Osservatur.

14.   L-Assemblea Ġenerali, b'maġġoranza sempliċi inkluż il-vot pożittiv tal-Membri li jirrappreżentaw mill-inqas ħamsin fil-mija tal-kontribuzzjonijiet annwali tad-DARIAH ERIC kif definit fl-Artikolu 18(1) u fl-Anness II, għandha:

a.

ikollha d-dritt li temenda l-baġit fi kwalunkwe ħin u tista' temenda l-approprjazzjonijiet u l-kalkoli tal-kontribuzzjonijiet kollha skont il-prinċipji deskritti fl-Anness II;

b.

tapprova l-orjentazzjoni strateġika u l-programm ta' attivitajiet inkluż kull programm ta' VCC u l-baġit;

c.

taħtar jew tkeċċi direttur fi kwalunkwe ħin, skont ir-regoli li tkun iddefinixxiet.

15.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, l-Assemblea Ġenerali, b'maġġoranza sempliċi inkluż il-vot pożittiv tal-Membri li jirrappreżentaw mill-inqas ħamsa u sebgħin fil-mija tal-kontribuzzjonijiet annwali tad-DARIAH ERIC kif definit fl-Artikolu 18(1) u fl-Anness II, għandha:

a.

tapprova kull żieda tardiva ta' punt għall-aġenda dwar proposta biex temenda l-Istatuti;

b.

tipproponi emenda tal-Istatuti skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 723/2009;

c.

tadotta r-Regoli ta' Proċedura Interni;

d.

tapprova l-baġit annwali, inkluż il-kontribuzzjonijiet in natura, sa mhux aktar tard minn Novembru tas-sena fiskali preċedenti.

16.   L-Assemblea Ġenerali b'deċiżjoni unanima għandha:

a.

tkeċċi Membri u Osservaturi. Il-vot tal-Membru in kwistjoni ma għandux jingħadd għad-deċiżjoni;

b.

ixxolji d-DARIAH ERIC;

c.

tapprova żieda annwali tal-kontribuzzjonijiet tal-Membri u l-Osservaturi, li tkun jaqbeż it-tnejn fil-mija;

d.

tapprova l-Politika tad-Dejta tad-DARIAH.

17.   L-Assemblea Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kwalunkwe materja li tikkonċerna d-DARIAH ERIC, li mhix imsemmija fil-paragrafi preċedenti, skont il-paragrafu 16.

18.   Il-membri tal-Assemblea Ġenerali għandhom ikunu marbuta bid-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta' Proċedura Interni.

Artikolu 11

Bord Xjentifiku

1.   Il-Bord Xjentifiku għandu jikkonsisti minn bejn ħames u għaxar individwi, maħtura mill-Assemblea Ġenerali, għal terminu ta' tliet snin li jistgħu jiġġeddu.

2.   Il-Bord Xjentifiku għandu jaħtar wieħed mill-membri tiegħu bħala l-President.

3.   Il-President għandu jsejjaħ u jmexxi l-laqgħat kollha tal-Bord Xjentifiku.

4.   L-Assemblea Ġenerali għandha tiżgura li l-membri tal-Bord Xjentifiku jkollhom esperjenza sinifikanti fil-qasam tal-arti u l-istudji umanistiċi inkluża l-applikazzjoni tat-teknoloġija tal-informatika fl-arti u l-istudji umanistiċi.

5.   Il-Bord Xjentifiku għandu jiltaqa' kull sena u jipprovdi pariri u gwida lill-Assemblea Ġenerali u lill-korpi tad-DARIAH l-oħrajn kollha dwar materji xjentifiċi u tekniċi.

6.   Il-Bord Xjentifiku għandu jħejji rapport annwali għall-Assemblea Ġenerali dwar avvanzi teknoloġiċi u xjentifiċi kurrenti inklużi r-rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-infrastruttura tad-DARIAH.

7.   Il-membri tal-Bord Xjentifiku għandhom ikunu marbuta bid-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta' Proċedura Interni.

Artikolu 12

Bord tad-Diretturi

1.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jkun il-korp eżekuttiv tad-DARIAH ERIC u r-rappreżentant legali tagħha. Għandu jkun magħmul minn tliet diretturi, maħtura mill-Assemblea Ġenerali. Id-diretturi għandhom ikunu individwi kwalifikati, b'esperjenza sinifikanti fil-qasam tal-arti u l-istudji umanistiċi inkluża l-applikazzjoni tat-teknoloġija tal-informatika fl-arti u fl-istudji umanistiċi. Il-Bord tad-Diretturi għandu jkun responsabbli quddiem l-Assemblea Ġenerali.

2.   Kull direttur għandu jiġi maħtur għal terminu ta' mhux aktar minn tliet snin u jista' jerġa' jinħatar. Madankollu, l-ebda direttur m'għandu jitħalla jservi aktar minn żewġ termini konsekuttivi.

3.   Fil-każ li direttur jirriżenja jew ma jkunx jista' jibqa' jeżerċita d-dmirijiet tiegħu jew tagħha, l-Assemblea Ġenerali għandha taħtar direttur ieħor għall-bqija tal-mandat tad-direttur ta' qabel.

4.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jaħtar President minn fost il-membri tiegħu, għal terminu ta' tliet snin, li jista' jiġġedded, skont l-Artikolu 12(2). Il-President għandu jsejjaħ u jmexxi l-laqgħat kollha tal-Bord tad-Diretturi.

5.   Il-Bord tad-Diretturi għandu:

a.

jipprovdi tmexxija għad-DARIAH ERIC u jipproponi l-għanijiet u d-direzzjonijiet strateġiċi tagħha;

b.

jiffirma f'isem id-DARIAH ERIC il-kuntratti, il-ftehimiet u d-dokumenti l-oħrajn vinkolanti kollha, wara l-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali meta huwa meħtieġ il-qbil tagħha;

c.

jirrappreżenta d-DARIAH ERIC quddiem l-awtoritajiet u l-qrati Ewropej, internazzjonali u nazzjonali kollha u jiffunzjona bħala kuntatt primarju tagħha;

d.

jiżgura d-disponibbiltà ta' riżorsi finanzjarji adegwati u jħejji l-baġit;

e.

jħejji r-Regoli ta' Proċedura Interni;

f.

jikkontrolla l-effiċjenza tal-prestazzjoni tad-DARIAH ERIC fir-rigward tal-għanijiet u d-direzzjonijiet strateġiċi preskritti mill-Assemblea Ġenerali;

g.

iħejji r-rapport annwali tal-attività kif deskritt fl-Artikolu 21(1);

h.

jagħmel superviżjoni tat-Tim tal-Maniġment Anzjan;

i.

jimmaniġġja u jimpjega membri tal-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni tad-DARIAH-UE (DCO) kif deskritt fl-Artikoli 2(4) u 28(7);

j.

japprova l-ħolqien, l-emenda (inkluż qsim, fużjoni jew bidla fil-fokus) jew ix-xoljiment ta' VCCs wara konsultazzjoni mat-Tim tal-Maniġment Anzjan;

k.

jaħtar jew ikeċċi Presidenti ta' VCC u Kapijiet assoċjati ta' VCC wara konsultazzjoni mat-Tim tal-Maniġment Anzjan;

l.

jaħtar jew ikeċċi lill-President tal-Kumitat Konġunt tar-Riċerka wara konsultazzjoni mat-Tim tal-Maniġment Anzjan.

6.   Il-membri tal-Bord tad-Diretturi għandhom ikunu marbuta bid-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta' Proċedura Interni.

Artikolu 13

Tim tal-Maniġment Anzjan

1.   Għandu jkun hemm Tim tal-Maniġment Anzjan li għandu jkun magħmul mill-President u l-Viċi President tal-Kumitat tal-Koordinatur Nazzjonali, u l-President u l-Viċi President tal-Kumitat Konġunt tar-Riċerka. Uffiċjali rilevanti tal-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni tad-DARIAH-UE (DCO) u l-President tal-Bord Xjentifiku għandhom ikunu mistiedna biex jattendu laqgħat tat-Tim tal-Maniġment Anzjan.

2.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jikkonsulta mat-Tim tal-Maniġment Anzjan dwar il-kwistjonijiet ġenerali kollha inklużi t-tfassil ta' proposti għall-Assemblea Ġenerali, l-istabbiliment u l-modifika ta' pjanijiet ta' ħidma annwali relatati mad-DARIAH ERIC u l-iżgurar ta' konsistenza, koerenza u stabbiltà tas-servizzi tal-infrastruttura tar-riċerka.

3.   Il-President tal-Bord tad-Diretturi għandu jsejjaħ u jmexxi l-laqgħat kollha tat-Tim tal-Maniġment Anzjan.

4.   Il-membri tat-Tim tal-Maniġment Anzjan għandhom ikunu marbuta bid-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta' Proċedura Interni.

Artikolu 14

Kumitat tal-Koordinatur Nazzjonali

1.   Il-Kumitat tal-Koordinatur Nazzjonali għandu jkun wieħed miż-żewġ organi operazzjonali tad-DARIAH ERIC. L-għan tiegħu huwa li jintegra u jikkoordina attivitajiet nazzjonali tad-DARIAH fil-livell Ewropew.

2.   Għandu jkun magħmul minn Koordinatur Nazzjonali wieħed għal kull Membru u kull Osservatur maħtur minn dak il-Membru jew l-Osservatur. Il-Koordinatur Nazzjonali għandu jiġi maħtur għal terminu ta' tliet snin li jistgħu jiġġeddu. Kull Membru u kull Osservatur jista' jibdel il-Koordinatur Nazzjonali tiegħu fi kwalunkwe ħin. Uffiċjali rilevanti tal-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni tad-DARIAH-UE (DCO) u l-Bord tad-Diretturi għandhom ikunu mistiedna biex jattendu l-laqgħat tal-Kumitat tal-Koordinatur Nazzjonali.

3.   Il-Kumitat tal-Koordinatur Nazzjonali għandu jaħtar, b'maġġoranza sempliċi, il-President u l-Viċi President tiegħu fost il-membri tiegħu, għal terminu ta' sena li jista' jiġġedded. Il-President u l-Viċi President għandhom ikunu membri tat-Tim tal-Maniġment Anzjan fejn għandhom jirrappreżentaw l-opinjoni kollettiva tal-Kumitat tal-Koordinatur Nazzjonali.

4.   Il-Kumitat tal-Koordinatur Nazzjonali għandu jiltaqa' normalment darbtejn fis-sena.

5.   Il-Kumitat tal-Koordinatur Nazzjonali għandu jappoġġa l-Bord tad-Diretturi, b'mod partikolari billi jippreżenta sinteżi annwali tal-pjanijiet direzzjonali nazzjonali tad-DARIAH ta' kull Membru u kull Osservatur. Fi ħdan il-Kumitat tal-Koordinatur Nazzjonali, kull Koordinatur Nazzjonali għandu jipproponi l-kontribuzzjonijiet annwali in natura ta' kull Membru u kull Osservatur lill-Bord tad-Diretturi għall-preżentazzjoni lill-Assemblea Ġenerali għall-approvazzjoni skont l-Artikolu 10(15)(d).

6.   Il-membri tal-Kumitat tal-Koordinatur Nazzjonali għandhom ikunu marbuta bid-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta' Proċedura Interni.

Artikolu 15

Kumitat Konġunt tar-Riċerka

1.   Il-Kumitat Konġunt tar-Riċerka għandu jkun wieħed miż-żewġ organi operazzjonali tad-DARIAH ERIC. L-għan tiegħu huwa li jorganizza l-integrazzjoni xjentifika u teknika tal-attivitajiet tad-DARIAH.

2.   Għandu jkun magħmul mill-Kapijiet kollha ta' VCC, li għandhom jaħtru, b'maġġoranza sempliċi, il-Viċi President tagħhom minn fost il-membri tagħhom, għal terminu ta' sena li jista' jiġġedded. Il-President jinħatar mill-Bord tad-Diretturi għal terminu ta' sena li jista' jiġġedded, skont proċedura li għandha tiġi ddikjarata fir-Regoli ta' Proċedura Interni. Uffiċjali rilevanti oħrajn tal-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni tad-DARIAH-UE (DCO) u l-Bord tad-Diretturi għandhom ikunu mistiedna biex jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt tar-Riċerka.

3.   Il-President u l-Viċi President għandhom ikunu membri tat-Tim tal-Maniġment Anzjan fejn għandhom jirrappreżentaw l-opinjoni kollettiva tal-Kumitat Konġunt tar-Riċerka.

4.   Il-Kumitat Konġunt tar-Riċerka għandu jiltaqa' normalment darbtejn fis-sena.

5.   Il-Kumitat Konġunt tar-Riċerka għandu jappoġġa l-Bord tad-Diretturi, partikolarment billi:

a.

jiġbor u jivvaluta kwalunkwe kontribuzzjoni in natura;

b.

jipproduċi pjan u rapport tal-attivitajiet annwali taċ-Ċentri ta' Kompetenza Virtwali;

c.

jorganizza mill-inqas laqgħa waħda ġenerali fis-sena dwar id-DARIAH mal-Membru jew l-Osservatur li jkun qed jospita l-laqgħa ġenerali dwar id-DARIAH u l-uffiċjali rilevanti tal-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni tad-DARIAH-UE (DCO).

6.   Il-membri tal-Kumitat Konġunt tar-Riċerka għandhom ikunu marbuta bid-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta' Proċedura Interni.

KAPITOLU 5

BAĠIT

Artikolu 16

Tħejjija u Adozzjoni tal-baġit

1.   Il-Bord tad-Diretturi mal-uffiċjal kompetenti tal-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni tad-DARIAH-UE (DCO) għandu jħejji abbozz tal-baġit għall-perjodu baġitarju li jkun imiss, li għandu jiġi ppreżentat lill-Assemblea Ġenerali fl-ewwel kwart tas-sena fiskali preċedenti.

2.   L-abbozz tal-baġit għandu jinkludi l-approprjazzjonijiet kollha u kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tal-Membri u l-Osservaturi għall-perjodu baġitarju li jkun imiss u projezzjoni tal-ispejjeż u l-kontribuzzjonijiet għaż-żewġ perjodi baġitarji ta' wara.

3.   Jekk il-baġit ma jiġix adottat għall-bidu tas-sena fiskali l-approprjazzjonijiet totali li jistgħu jiddaħħlu kull xahar fid-DARIAH ERIC għandhom ikunu soġġetti għal-limitazzjonijiet tas-sena baġitarja preċedenti.

Artikolu 17

Perjodu Baġitarju

1.   Kull sena fiskali tad-DARIAH ERIC għandha tibda fl-1 ta' Jannar u tintemm fil-31 ta' Diċembru ta' kull sena.

2.   Il-perjodu baġitarju għandu jinkludi sena fiskali waħda.

Artikolu 18

Kontribuzzjonijiet ta' Flus u In natura

1.   Il-kontribuzzjoni ta' kull Membru u kull Osservatur għandha tkun magħmula minn żewġ partijiet. Parti waħda għandha tkun il-kontribuzzjoni ta' flus u l-oħra l-kontribuzzjoni in natura. Dawn iż-żewġ partijiet jikkontribwixxu għal perċentwal tal-baġit annwali tal-flus u l-baġit annwali in natura tad-DARIAH ERIC, u għandhom ikunu bbażati fuq il-figuri tal-PDG ta' kull pajjiż. Il-prinċipji u l-metodu ta' kalkolu huma pprovduti fl-Anness II.

2.   Membri u Osservaturi għandhom ikunu responsabbli għat-trasferiment tal-kontribuzzjoni ta' flus għad-DARIAH ERIC.

3.   Kontribuzzjoni in natura għandha tkun kwalunkwe kontribuzzjoni miftiehma li mhix ta' flus għall-baġit tad-DARIAH ERIC.

4.   Kwalunkwe kontribuzzjoni in natura għandha tkun miġbura u vvalutata mill-Kumitat Konġunt tar-Riċerka, li għandu jikkonsulta mat-Tim tal-Maniġment Anzjan f'każ ta' diffikultajiet.

5.   Ir-Regoli ta' Proċedura Interni għandhom jistabbilixxu l-proċedura għall-evalwazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura.

KAPITOLU 6

ĊENTRI VIRTWALI TA' KOMPETENZA

Artikolu 19

Ċentri Virtwali ta' Kompetenza

1.   Id-DARIAH ERIC għandha torganizza l-operat tagħha madwar Ċentri Virtwali ta' Kompetenza (VCCs), fejn kull wieħed minnhom għandu jindirizza oqsma ta' kompetenza partikolari.

2.   Kull Istituzzjoni Msieħba tista' tipparteċipa bħala kontributur fil-ħidma ta' aktar minn VCC wieħed.

Artikolu 20

President taċ-Ċentri Virtwali ta' Kompetenza

1.   Istituzzjonijiet Imsieħba mill-Membri biss jistgħu jippresiedu VCC.

2.   Kwalunkwe Istituzzjoni Sieħba, skont l-Artikolu 20(1), li tixtieq tippresiedi VCC għandha tapplika għand il-Bord tad-Diretturi. L-applikazzjoni għandha tinkludi l-isem(ijiet) tal-Kap(ijiet) tal-VCC.

3.   Wara konsultazzjoni mat-Tim tal-Maniġment Anzjan, il-Bord tad-Diretturi għandu jaħtar Istituzzjoni(jiet) Imsieħba waħda jew aktar bħala President tal-VCC, u għandu jaħtar il-Kap(ijiet) assoċjat(i) tal-VCC.

4.   Istituzzjoni(jiet) Imsieħba maħtura mill-Bord tad-Diretturi bħala President ta' VCC għandha/hom tkun/ikunu marbuta bid-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta' Proċedura Interni.

KAPITOLU 7

RAPPORTAR, KONTIJIET u AWDITJAR

Artikolu 21

Rapportar

1.   Id-DARIAH ERIC għandha tipproduċi rapport annwali tal-attività, li jinkludi b'mod partikolari l-aspetti xjentifiċi, operazzjonali u finanzjarji tal-attivitajiet tagħha. Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Assemblea Ġenerali mill-Bord tad-Diretturi, għall-approvazzjoni, u trażmess lill-Kummissjoni Ewropea u lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja korrispondenti. Dan ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

2.   L-ERIC għandu jinforma lill-Kummissjoni Ewropea bi kwalunkwe ċirkostanzi li jheddu li jipperikolaw serjament il-ksib tal-kompiti tad-DARIAH ERIC jew ifixklu lid-DARIAH ERIC milli tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 723/2009.

Artikolu 22

Kontijiet u Awditjar

Id-DARIAH ERIC għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti tal-liġi tal-Istat Ospitanti fir-rigward tal-preparazzjoni, l-iffajljar, l-awditjar u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet.

KAPITOLU 8

POLITIKI

Artikolu 23

Politika tal-akkwist u eżenzjoni mill-VAT

1.   Id-DARIAH ERIC għandha ssegwi l-prinċipji tad-Direttivi rilevanti tal-Unjoni Ewropea dwar l-Akkwist Pubbliku u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli sussegwenti.

2.   Akkwist minn Membri u Osservaturi li jikkonċerna attivitajiet tad-DARIAH ERIC għandu jsir b'tali mod li tingħata l-konsiderazzjoni dovuta lill-bżonnijiet, rekwiżiti tekniċi u speċifikazzjonijiet tad-DARIAH ERIC maħruġa mill-korpi rilevanti.

3.   L-eżenzjoni mill-VAT abbażi tal-Artikoli 143(1)(g) u 151(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1) u skont l-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 (2) għandha tkun limitata għat-taxxa tal-valur miżjud għal dawk l-oġġetti u s-servizzi li huma għall-użu uffiċjali mid-DARIAH ERIC, jaqbżu l-valur ta' EUR 150, u jkunu kompletament imħallsin u akkwistati mid-DARIAH ERIC. Akkwist minn Membri individwali m'għandux jibbenefika minn dawn l-eżenzjonijiet.

4.   L-eżenzjoni mill-VAT għandha tapplika għal attivitajiet mhux ekonomiċi, u mhux għal dawk ekonomiċi.

5.   L-eżenzjoni mill-VAT għandha tiġi applikata għal oġġetti u servizzi għall-operazzjonijiet xjentifiċi, tekniċi u amministrattivi meħuda mid-DARIAH ERIC f'konformità mal-kompiti prinċipali tagħha. Dan jinkludi wkoll l-ispejjeż għall-konferenzi, sessjonijiet ta' ħidma u laqgħat marbuta direttament mal-attivitajiet uffiċjali tad-DARIAH ERIC. Madankollu spejjeż ta' vjaġġar u akkomodazzjoni m'għandhomx ikunu koperti minn eżenzjoni mill-VAT.

Artikolu 24

Responsabbiltà

1.   Id-DARIAH ERIC għandha tkun responsabbli għad-djun tagħha.

2.   Membri tad-DARIAH ERIC għandhom ikunu responsabbli sal-kontribuzzjonijiet annwali rispettivi tagħhom ipprovduti lid-DARIAH ERIC, sakemm ma jkunux iffirmaw dikjarazzjoni li jkunu se jieħdu responsabbiltà addizzjonali għad-djun tad-DARIAH ERIC.

3.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jinnegozja u jiffirma polza tal-assigurazzjoni xierqa f'isem id-DARIAH ERIC.

Artikolu 25

Politika ta' Aċċess

1.   L-għodod u s-servizzi offruti mid-DARIAH ERIC għandhom bħala prinċipju jkunu liberament disponibbli għall-użu mill-komunità xjentifika u edukattiva.

2.   L-Assemblea Ġenerali tista' tiddeċiedi li xi servizzi għandhom jiġu offruti bi ħlas u għandha tispeċifika l-kundizzjonijiet fir-Regoli ta' Proċedura Interni.

Artikolu 26

Evalwazzjoni Xjentifika u Politika ta' Diffużjoni

1.   Id-DARIAH ERIC għandha tkun qiegħda topera infrastruttura mingħajr limiti fuq l-aċċess ta' ħin, spazju jew konsiderazzjonijiet oħrajn, fil-prinċipju, liberi għall-komunità xjentifika u edukattiva.

2.   Jekk għal xi raġuni l-aċċess għandu jkun ristrett, jew temporanjament jew b'mod permanenti, l-aċċess jista' jiġi pprovdut biss wara reviżjoni bejn il-pari fuq il-bażi ta' eċċellenza u l-aħjar prattiki. L-Assemblea Ġenerali, wara konsultazzjoni mal-Bord Xjentifiku, għandha tadotta r-regoli implimentattivi meħtieġa.

3.   Id-DARIAH ERIC għandha tieħu kull azzjoni xierqa sabiex tippromwovi l-infrastruttura u l-użu tagħha mir-riċerkaturi.

4.   Dawn l-azzjonijiet jistgħu jinkludu, fost oħrajn, il-ħolqien ta' portal elettroniku, il-ħruġ ta' bullettin, l-organizzazzjoni ta' u l-parteċipazzjoni f'konferenzi u sessjonijiet ta' ħidma, eċċ.

Artikolu 27

Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, Politika tad-Dejta u Protezzjoni tal-privatezza

1.   Il-Proprjetà Intellettwali għandha tkun irregolata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Membri jew l-Osservaturi u minn ftehimiet internazzjonali li fihom Membri jew Osservaturi huma partijiet.

2.   Sors ġeneralment miftuħ u prinċipji ta' aċċess miftuħ għandhom ikunu ppreferuti.

3.   Għandha tiġi żviluppata Politika tad-Dejta tad-DARIAH u għandha tiġi approvata mill-Assemblea Ġenerali.

4.   L-użu u l-ġbir tad-dejta tad-DARIAH ERIC għandhom ikunu soġġetti għal-liġijiet Ewropej u nazzjonali tal-privatezza tad-dejta.

Artikolu 28

Politika dwar l-Impjiegi

1.   Id-DARIAH ERIC tħaddan politika ta' opportunitajiet indaqs.

2.   Kuntratti ta' impjieg għandhom isegwu l-liġijiet nazzjonali tal-pajjiż li fih huwa impjegat il-persunal.

3.   Id-DARIAH ERIC m'għandha tiddiskrimina bl-ebda mod bejn persunal impjegat direttament u dak sekondat.

4.   Id-DARIAH ERIC għandha tirreklama l-pożizzjonijiet vakanti kollha u għandha tiffissa perjodu ta' żmien adegwat li fih tirċievi l-applikazzjonijiet.

5.   Id-DARIAH ERIC m'għandhiex toffri kwalunkwe pożizzjoni lil kwalunkwe applikant qabel ma jiskadi l-perjodu ta' żmien imsemmi hawn fuq.

6.   Id-DARIAH ERIC m'għandhiex toffri kwalunkwe pożizzjoni lil kwalunkwe persuna li legalment ma tistax taċċetta impjieg fl-Unjoni Ewropea u/jew fl-Istat Ospitanti u/jew fil-post tal-impjieg skont l-Unjoni Ewropea u l-leġiżlazzjoni lokali.

7.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jkun responsabbli għar-reklutaġġ tal-persunal u għandu jkun assistit mill-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni tad-DARIAH-UE (DCO).

KAPITOLU 9

TUL TA' ŻMIEN, STRALĊ, TILWIM, DISPOŻIZZJONIJIET DWAR L-ISTABBILIMENT

Artikolu 29

Tul ta' Żmien

It-tul ta' żmien tad-DARIAH ERIC għandu jkun ta' għoxrin sena, li jista' jiġġedded skont ir-regola tal-maġġoranza definita fl-Artikolu 10(13)(d).

Artikolu 30

Emenda, Stralċ

1.   Proposti ta' emenda jistgħu jkunu sottomessi lill-Assemblea Ġenerali minn kull Membru, mill-Bord tad-Diretturi u mill-Bord Xjentifiku.

2.   Proposti ta' emenda għandhom jiġu inklużi fil-punti fuq l-aġenda kkomunikati bl-istedina lill-Assemblea Ġenerali.

3.   L-Annessi jistgħu jiġu aġġornati mill-Assemblea Ġenerali mingħajr ma jikkostitwixxu emenda tal-Istatuti.

4.   L-istralċ tad-DARIAH ERIC għandu jsegwi deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali skont l-Artikolu 10(16)(b).

5.   Mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe eventwalità fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni biex tiġi stralċata d-DARIAH ERIC, id-DARIAH ERIC għandha tinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deċiżjoni.

6.   L-assi li jibqa' wara l-ħlas tad-djun tad-DARIAH ERIC għandhom jitqassmu bejn il-Membri b'mod proporzjonali għall-kontribuzzjoni annwali akkumulata tagħhom għad-DARIAH ERIC. L-obbligazzjonijiet li jifdal wara li jiġu inklużi l-assi tad-DARIAH ERIC għandhom jitqassmu fost il-Membri, skont l-Artikolu 24(2).

7.   Mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe eventwalità fi żmien għaxart ijiem mill-għeluq tal-proċedura tal-istralċ, id-DARIAH ERIC għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b'dan.

8.   Id-DARIAH ERIC m'għandhiex tibqa teżisti mill-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika n-notifika korrispondenti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 31

Liġi Applikabbli

Id-DARIAH ERIC għandha tiġi rregolata, bi preċedenza:

a.

mil-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 723/2009;

b.

mil-liġi tal-Istat Ospitanti fil-każ ta' materja mhux koperta, jew biss parzjalment koperta, mil-liġi tal-Unjoni;

c.

minn dawn l-Istatuti u r-regoli ta' implimentazzjoni tagħhom.

Artikolu 32

Tilwim

1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha l-ġurisdizzjoni fuq il-litigazzjoni fost il-Membri u l-Osservaturi fir-rigward tad-DARIAH ERIC, bejn il-Membri, l-Osservaturi u d-DARIAH ERIC u fuq kwalunkwe litigazzjoni li l-Unjoni Ewropea hija parti minnha.

2.   Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-ġurisdizzjoni għandha tapplika għat-tilwim bejn id-DARIAH ERIC u partijiet terzi. F'każijiet mhux koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, il-liġi tal-Istat Ospitanti għandha tiddetermina l-ġurisdizzjoni kompetenti għar-riżoluzzjoni ta' tali tilwim.

Artikolu 33

Disponibbiltà tal-Istatuti

L-Istatuti għandhom jinżammu aġġornati u jkunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tad-DARIAH ERIC u fis-sede statutorja.

Artikolu 34

Dispożizzjonijiet dwar l-Istabbiliment

1.   Għandha tissejjaħ laqgħa kostituzzjonali tal-Assemblea Ġenerali mill-Istat Ospitanti kemm jista' jkun malajr iżda mhux aktar tard minn ħamsa u erbgħin jum kalendarju minn meta tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi d-DARIAH ERIC.

2.   L-Istat Ospitanti għandu jinnotifika lill-Membri Fundaturi bi kwalunkwe azzjoni legali urġenti speċifika li trid tittieħed f'isem id-DARIAH ERIC qabel ma ssir il-laqgħa kostituzzjonali. Sakemm Membru Fundatur ma joġġezzjonax fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara li jiġi notifikat, l-azzjoni legali għandha titwettaq minn persuna debitament awtorizzata mill-Istat Ospitanti.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta' 28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(2)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal- 15 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).

ANNESS I

LISTA TA' MEMBRI U OSSERVATURI

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Ġunju 2014

Membri

Pajjiż jew Organizzazzjoni Intergovernattiva

Entità Rappreżentanti

Istituzzjoni ta' Koordinazzjoni Nazzjonali

L-Awstrija

Ministeru Awstrijak tax-Xjenza u r-Riċerka

L-Akkademja Awstrijaka tax-Xjenzi — Istitut tal-Korpus Lingwistiku u t-Teknoloġija tat-Testi (ICLTT)

Il-Belġju

Uffiċċju tal-Politika Xjentifika Belġjan

Ċentru ta' Ghent għall-Istudji Umanistiċi Diġitali (L-Università ta' Ghent)

Il-Kroazja

Ministeru tax-Xjenza, l-Edukazzjoni u l-Isport

Istitut tar-Riċerka tal-Etnoloġija u l-Folklor

Ċipru

Digital Champion of Cyprus, Ministeru tal-Enerġija, il-Kummerċ, l-Industrija u t-Turiżmu

L-Università ta' Ċipru tat-Teknoloġija f'Limassol

Id-Danimarka

Aġenzija Daniża għax-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni

Laboratorju Daniż tal-Istudji Umanistiċi Diġitali

Franza

Ċentru Nazzjonali tar-Riċerka Xjentifika

Huma-Num (Ċentru Nazzjonali tar-Riċerka Xjentifika)

Il-Ġermanja

Ministeru Federali Ġermaniż tal-Edukazzjoni u r-Riċerka

L-Università Georg-August ta' Göttingen

Il-Greċja

Segretarjat Ġenerali għar-Riċerka u t-Teknoloġija/Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Affarijiet Reliġjużi

L-Akkademja ta' Ateni

L-Irlanda

Kunsill tar-Riċerka tal-Irlanda

L-Università Nazzjonali tal-Irlanda f'Maynooth

L-Italja

MIUR-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Università u r-Riċerka

Kunsill tar-Riċerka Nazzjonali tal-Italja

Il-Lussemburgu

Ministru tal-Edukazzjoni Għolja u r-Riċerka

Ċentru Virtwali ta' Għarfien dwar l-Ewropa (CVCE)

Malta

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Kunsill Malti tal-Libreriji

Il-Pajjiżi l-Baxxi

Organizzazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi għar-Riċerka Xjentifika

Arkivjar ta' Dejta u Servizzi fuq Netwerk

Is-Serbja

Ministeru tal-Kultura u l-Informazzjoni

Ċentru ta' Belgrad għall-Istudji Umanistiċi Diġitali

Is-Slovenja

Ministeru tal-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Isport

Inštitut za novejšo zgodovino/Istitut tal-Istorja Kontemporanja

Osservaturi

Pajjiż jew Organizzazzjoni Intergovernattiva

Entità Rappreżentanti

Istituzzjoni ta' Koordinazzjoni Nazzjonali

 

 

 

ANNESS II

PRINĊIPJI GĦALL-KALKOLU TAL-KONTRIBUZZJONIJIET

1.

Il-flus u l-kontribuzzjonijiet in natura annwali tal-Membri u l-Osservaturi għandhom jiġu determinati permezz tal-varjabbli li ġejjin:

a.

Skala ta' kontribuzzjoni;

b.

Unità tas-sjieda DARIAH, fil-qosor: l-unità DARIAH;

c.

Baġit tal-flus;

d.

Baġit in natura;

e.

Il-Membri u l-Osservaturi magħżula mill-Assemblea Ġenerali biex jikkalkulaw l-unità DARIAH.

2.

L-iskala ta' kontribuzzjoni għal pajjiż għandha tiġi kkalkolata bil-formula li ġejja: iddividi l-PDG tal-pajjiż bis-somma tal-PDG tal-Kunsill tal-istati membri tal-Ewropa, u mbagħad qarreb l-iskala ta' kontribuzzjoni għal żewġ ċifri wara l-punt deċimali. Għal pajjiżi li jissieħbu fid-DARIAH ERIC bħala Osservaturi, l-iskala tagħhom ta' kontribuzzjoni għandha tkun bin-nofs ta' dik li kienet tkun kieku ssieħbu bħala Membri.

3.

L-unità DARIAH għall-baġit tal-flus (x) għandha tkun ikkalkolata bil-formula li ġejja: iddividi l-baġit tal-flus bis-somma tal-iskali ta' kontribuzzjoni tal-Membri u l-Osservaturi magħżula mill-Assemblea Ġenerali biex jikkalkulaw l-unità DARIAH għall-baġit tal-flus.

4.

L-unità DARIAH għall-baġit in natura (y) għandha tkun ikkalkolata bil-formula li ġejja: iddividi l-baġit in natura bis-somma tal-iskali ta' kontribuzzjoni tal-Membri u l-Osservaturi magħżula mill-Assemblea Ġenerali biex jikkalkulaw l-unità DARIAH għall-baġit in natura.

5.

Kontribuzzjonijiet ta' flus u in natura għandhom jiġu kkalkolati skont il-formula li ġejja:

a.    Kontribuzzjoni ta' flus : L-iskala ta' kontribuzzjoni għal pajjiż hija mmultiplikata bl-unità DARIAH għall-flus (x), u r-riżultat huwa mbagħad imqarreb għall-eqreb mitt euro.

b.    Kontribuzzjoni in natura : L-iskala ta' kontribuzzjoni għal pajjiż hija mmultiplikata bl-unità DARIAH għal in natura (y), u r-riżultat huwa mbagħad imqarreb għall-eqreb elf euro.

6.

L-Assemblea Ġenerali tista' tbiddel il-baġit tal-flus u dak in natura kull sena, u l-PDG ta' referenza wara tliet snin, skont is-sistema peżata tal-voti kif definit fl-Artikoli 10(14) u 10(16).

7.

Jekk l-Assemblea Ġenerali ma tbiddilx il-varjabbli tal-baġit (kif deskritt fil-prinċipju 1 hawn fuq), il-kontribuzzjoni annwali għandha tkun il-kontribuzzjoni tas-sena preċedenti b'żieda annwali ta' tnejn fil-mija biex tikkumpensa għall-inflazzjoni u ż-żieda fl-ispejjeż.

8.

Organizzazzjonijiet Intergovernattivi għandhom iħallsu l-kontribuzzjoni skont l-istatus tagħhom bħala Membri jew Osservaturi.

9.

Il-kontribuzzjoni għal entitajiet li jingħaqdu matul il-kors ta' sena għandha tkun proporzjonali għall-għadd ta' xhur li jkun baqa' f'dik is-sena, li tibda fl-ewwel jum tax-xahar li fih jingħaqdu.

10.

Il-kontribuzzjoni annwali għal Membri jew Osservaturi li inizjalment ma jikkommettux għal ħames snin għandha tiżdied b'ħamsa u għoxrin fil-mija, sakemm l-impenn għall-perjodu li jifdal ma jkunx ittieħed. Jekk jittieħed impenn għall-bqija tal-ħames snin jew jekk il-Membru jew l-Osservatur jibqa għal ħames snin, għandhom isiru arranġamenti sabiex jiżguraw li l-Membru jew l-Osservatur ma jkollux iħallas aktar mill-kontribuzzjoni standard bħala total għal dawk il-ħames snin.

ANNESS III

BAĠIT U KONTRIBUZZJONIJIET PROVIŻORJI

Pajjiżi

Tul tal-Impenn

Stima ta' Flus Sena 1 (*)

(Eur)

Stima In Natura Sena 1 (*)

(Eur)

Stima Totali Sena 1

(Eur)

L-Awstrija (**)

3 snin

28 250,00

231 250,00

259 500,00

Il-Belġju

5 snin

27 700,00

227 000,00

254 700,00

Il-Kroazja

5 snin

3 400,00

28 000,00

31 400,00

Ċipru

5 snin

1 300,00

11 000,00

12 300,00

Id-Danimarka

5 snin

18 000,00

147 000,00

165 000,00

Franza

5 snin

149 200,00

1 221 000,00

1 370 200,00

Il-Ġermanja (**)

Sas-26.2.2016

242 125,00

1 981 250,00

2 223 375,00

Il-Greċja

5 snin

15 600,00

128 000,00

143 600,00

L-Irlanda

5 snin

11 800,00

96 000,00

107 800,00

L-Italja

5 snin

118 100,00

966 000,00

1 084 100,00

Il-Lussemburgu

5 snin

3 200,00

26 000,00

29 200,00

Malta

5 snin

500,00

4 000,00

4 500,00

Il-Pajjiżi l-Baxxi

5 snin

45 100,00

369 000,00

414 100,00

Is-Serbja

5 snin

2 500,00

21 000,00

23 500,00

Is-Slovenja

5 snin

2 700,00

23 000,00

25 700,00

 

Total

669 475,00

5 479 500,00

6 148 975,00


(*)  Fis-snin ta' wara, il-kontribuzzjoni annwali hija l-kontribuzzjoni tas-sena preċedenti b'żieda annwali ta' 2 % biex tikkumpensa għall-inflazzjoni u ż-żieda fl-ispejjeż (ara l-prinċipju 7, Anness II).

(**)  Minħabba li t-tul tal-impenn huwa inqas minn 5 snin ġiet inkluża ż-żieda ta' 25 % (ara l-prinċipju 10, Anness II).


Top