Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0806

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 806/2013 tas- 26 ta’ Awwissu 2013 li jagħti bidu għal reviżjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif esstiż għall-importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils tal-azzar ikkunsinjati minn, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Korea, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea kemm jekk le, għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-possibbiltà li tingħata eżenzjoni minn dawk il-miżuri lil esportatur Korean wieħed, u li jirrevoka d-dazju anti-dumping eżistenti dwar l-importazzjonijiet minn dak l-esportatur u li dawk l-importazzjonijiet jagħmilhom soġġetti għar-reġistrazzjoni

ĠU L 228, 27.8.2013, pp. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/806/oj

27.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 228/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 806/2013

tas-26 ta’ Awwissu 2013

li jagħti bidu għal reviżjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif esstiż għall-importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils tal-azzar ikkunsinjati minn, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Korea, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea kemm jekk le, għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-possibbiltà li tingħata eżenzjoni minn dawk il-miżuri lil esportatur Korean wieħed, u li jirrevoka d-dazju anti-dumping eżistenti dwar l-importazzjonijiet minn dak l-esportatur u li dawk l-importazzjonijiet jagħmilhom soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-Regolament bażiku) u b’mod partikolari l-Artikoli 11(4), 13(4) u 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   MIŻURI EŻISTENTI

(1)

Il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1796/1999 (2) impona miżuri anti-dumping fuq ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw, fost oħrajn, fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (il-miżuri oriġinali). Bir-Regolament (KE) Nru 1858/2005 (3), il-Kunsill żamm il-miżuri oriġinali wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 400/2010 (4), il-Kunsill estenda l-miżuri għall-ħbula u l-kejbils tal-azzar ikkunsinjati mir-Repubblika tal-Korea, kemm jekk dikjarati bħala li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea kemm jekk le (il-miżuri estiżi) bl-eċċezzjoni ta’ dawk prodotti mill-kumpaniji speċifikament imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Il-miżuri li bħalissa huma fis-seħħ huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012 (5) wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, li taħtu, fost l-oħrajn, l-importazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea tal-prodott investigat ikkonsenjat mir-Repubblika tal-Korea huma soġġetti għal dazju definittiv anti-dumping ta’ 60,4 %, bl-eċċezzjoni tal-prodott immanifatturat minn kumpanniji li kienu eżentati.

B.   TALBA GĦAL REVIŻJONI

(3)

Fis-6 ta’ Mejju 2013 Line Metal Co., Ltd (l-applikant) ressqet talba għal eżenzjoni mill-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiżi għall-importazzjonijiet ikkunsinnati mir-Repubblika tal-Korea, kemm jekk dikjarati bħala li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea kemm jekk le, sa fejn huwa kkonċernat l-applikant, skont l-Artikoli 11(4) u 13 (4) tar-Regolament bażiku.

C.   IL-PRODOTT

(4)

Il-prodott taħt reviżjoni huwa ħbula u kejbils tal-azzar inkluż ħbula bil-koljatura maqfula, esklużi l-ħbula u kejbils magħmula minn azzar li ma jsaddadx, b’dimensjoni trasversali massima ta’ aktar minn 3 mm, kkunsinjati mir-Repubblika tal-Korea, kemm jekk dikjarati bħala li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea kemm jekk le (il-prodott li qed jiġi rivedut), li bħalissa huwa kklassifikat fil-kodiċi NM ex 7312 10 81 , ex 7312 10 83 , ex 7312 10 85 , ex 7312 10 89  u ex 7312 10 98 (kodiċi TARIC 7312 10 81 13, 7312 10 83 13, 7312 10 85 13, 7312 10 89 13 u 7312 10 98 13).

D.   IR-RAĠUNIJIET GĦAR-REVIŻJONI

(5)

L-applikant jisħaq li huwa ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni Ewropea matul il-perjodu tal-investigazzjoni użat fl-investigazzjoni li wasslet għall-estensjoni tal-miżuri, jiġifieri mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009.

(6)

Barra minn hekk, l-applikant jisħaq li m’għandux konnessjoni mal-produtturi esportaturi li huma suġġetti għall-miżuri, u li ma evita l-ebda miżura applikabbli għall-ħbula u l-kejbils tal-azzar ta’ oriġini Ċiniża.

(7)

L-applikant ikompli jisħaq li beda jesporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni wara tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni użat fl-investigazzjoni li wasslet għall-estensjoni tal-miżuri.

E.   IL-PROĊEDURA

(8)

Il-produtturi tal-Unjoni li hu magħruf li huma milquta ġew mgħarrfa bl-applikazzjoni ta’ hawn fuq u ngħataw l-opportunità biex jikkummentaw.

(9)

Wara li ġiet eżaminata l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) tikkonkludi li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika li tiġi inizjata investigazzjoni skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament antidumping bażiku biex tiġi ddeterminata l-possibbiltà li l-applikant jingħata eżenzjoni mill-miżuri estiżi.

(a)   Il-Kwestjonarji

(10)

Sabiex tkun tista’ tikseb it-tagħrif li hija tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-applikant.

(b)   Il-ġbir ta’ tagħrif u s-seduti ta’ smigħ

(11)

Il-partijiet kollha interessati huma b’dan mistiedna jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jagħtu evidenza ta’ sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, dejjem jekk jagħmlu talba bil-miktub li turi li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

F.   REVOKA TAD-DAZJU ANTIDUMPING FIS-SEĦĦ U REĠISTRAZZJONI TAL-IMPORTAZZJONIJIET

(12)

Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, id-dazju anti-dumping fis-seħħ għandu jiġi revokat fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rivedut li huma mmanifatturati u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni mill-applikant. Fl-istess ħin, dawn l-importazzjonijiet għandhom isiru suġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, biex jiġi żgurat li, jekk ir-riżultat tar-reviżjoni juri sejba ta’ ċirkomvenzjoni fir-rigward tal-applikant, id-dazji anti-dumping jistgħu jiġu imposti retroattivament mid-data tal-bidu ta’ din ir-reviżjoni. L-ammont ta’ responsabilità tal-applikant li jista’ jkun hemm fil-ġejjieni ma jistax jiġi stmat f’dan l-istadju tal-proċediment.

G.   LIMITI TA’ ŻMIEN

(13)

Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, għandhom jiġu ddikjarati limiti ta’ żmien li matulhom:

il-partijiet interessati jkunu jistgħu jippreżentaw irwieħhom lill-Kummissjoni, iressqu fehmiethom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju msemmi fil-premessa 10(a) ta’ dan ir-Regolament jew jipprovdu kwalunkwe tagħrif ieħor li għandu jitqies matul l-investigazzjoni,

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.

(14)

Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta ruħha fil-limiti taż-żmien indikati fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

H.   NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

(15)

F’każijiet li xi parti interessata tiċħad l-aċċess jew ma tagħtix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti taż-żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, jistgħu jsiru sejbiet, pożittivi jew negattivi, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

(16)

Fejn jinstab li parti interessata pprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha titwarrab u jista’ jsir użu tal-fatti disponibbli.

(17)

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli b’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku din kienet ikkooperat.

I.   SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

(18)

L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

J.   IPPROĊESSAR TAD-DEJTA PERSONALI

(19)

Ta’ min jinnota li kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-dejta (6).

K.   UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

(20)

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għall-aċċess tal-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-parti interessata jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ.

(21)

It-talba għal smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet tat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jitressqu fehmiet differenti u argumenti kuntrarji.

(22)

Għal aktar tagħrif u dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-Internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_mt.htm.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’dan qiegħed jingħata bidu għal reviżjoni tar- Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 102/2012 skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 sabiex jiġi stabbilit jekk l-importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils tal-azzar, inklużi ħbula bil-koljatura maqfula, esklużi ħbula u kejbils tal-azzar li ma jissaddadx, b’dimensjoni massima ta’ wisa’ trażversali li taqbeż it-3 mm, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7312 10 81 , ex 7312 10 83 , ex 7312 10 85 , ex 7312 10 89  u ex 7312 10 98 (kodiċijiet TARIC 7312 10 81 13, 7312 10 83 13, 7312 10 85 13, 7312 10 89 13 u 7312 10 98 13) kkunsinjati mir-Repubblika tal-Korea u prodotti minn Line Metal Co. Ltd (kodiċi addizzjonali TARIC B926), għandhom ikunu suġġetti għad-dazju anti-dumping impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 102/2012.

Artikolu 2

Id-dazju antidumping impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 102/2012 huwa b’dan revokat fir-rigward tal-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 tar-Regolament preżenti.

Artikolu 3

L-awtoritajiet doganali huma b’dan mitluba, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

1.   Sabiex jitqiesu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom matul l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw irwieħhom billi jikkuntattaw lill-Kumissjoni, iressqu fehmiethom bil-miktub u jibagħtu tweġiba għall-kwestjonarju msemmi fil-premessa 10 ta’ dan ir-Regolament jew kwalunkwe tagħrif ieħor li għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni, fi żmien 37 jum mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw sabiex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum.

2.   Il-partijiet interessati jeħtieġ li jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f’format elettroniku (sottomissjonijiet li mhumiex kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tagħhom. Madankollu, kull Prokura, kull ċertifikazzjoni ffirmata, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet għall-kwestjonarju għandhom jitressqu bħala dokument miktub, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta’ hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista’ tagħti s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f’format elettroniku, din għandha tgħarraf minnufih lill-Kummissjoni b’konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence.

Kull sottomissjoni bil-miktub, li tinkludi t-tagħrif mitlub f’dan ir-Regolament, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandha tkun immarkata bħala “Ristretta” (7) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, għandha tkun akkumpanjata b’verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Uffiċċju: N105 8/20

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Feks + 32 2 299 3704

Posta elettronika: TRADE-SWR-R562-DUMP@ec.europa.eu

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU L 217, 17.8.1999, p. 1.

(3)   ĠU L 299, 16.11.2005, p. 1.

(4)   ĠU L 117, 11.5.2010, p. 1.

(5)   ĠU L 36, 9.2.2012, p. 36.

(6)   ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(7)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


Top