Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.
Dokument 32013D0312
2013/312/EU: European Council Decision of 28 June 2013 establishing the composition of the European Parliament
2013/312/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat- 28 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew
2013/312/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat- 28 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew
ĠU L 181, 29.6.2013, S. 57–58
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In Kraft
29.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 181/57 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL EWROPEW
tat-28 ta’ Ġunju 2013
li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew
(2013/312/UE)
IL-KUNSILL EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Artikolu 2(3) tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji,
Wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (2),
Billi:
(1) |
L-Artikolu 2(1) u (2) tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji se jiskadu fl-aħħar tal-leġislatura 2009-2014. |
(2) |
L-Artikolu 19(1) tal-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika se jiskadi fl-aħħar tal-leġislatura 2009-2014. |
(3) |
Huwa neċessarju li jkun hemm konformità mingħajr dewmien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) tal-Protokoll Nru 36 u għalhekk li tiġi adottata d-deċiżjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippromulgaw il-miżuri domestiċi neċessarji fi żmien xieraq biex ikunu organiżżati l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għal-leġislatura 2014-2019. |
(4) |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-kriterji għall-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, jiġifieri li n-numru tar-rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni ma jisboqx is-seba’ mija u ħamsin, apparti l-President, li r-rappreżentanza għandha tkun proporzjonalment digressiva, b’limitu minimu ta’ sitt membri għal kull Stat Membru, u li l-ebda Stat Membru ma għandu jiġi allokat iktar minn sitta u disgħin siġġu. |
(5) |
L-Artikolu 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprevedi inter alia li l-funzjonament tal-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva biċ-ċittadini rappreżentati direttament fil-livell tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew u l-Istati Membri rappreżentati mill-gvernijiet tagħhom, li huma stess demokratikament responsabbli lejn il-Parlamenti nazzjonali tagħhom jew lejn iċ-ċittadini tagħhom, fil-Kunsill. L-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew għalhekk japplika fil-kuntest tal-arranġamenti isitituzzjonali usa’ stabbiliti fit-Trattati, li jinkludu wkoll id-dispożizzjonijiet dwar teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Kunsill, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità digressiva previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:
— |
l-allokazzjoni ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew għandha tuża b’mod sħiħ in-numru minimu u dak massimu stabbiliti mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea biex ikun rifless kemm jista’ jkun possibbli d-daqs tal-popolazzjonijiet rispettivi tal-Istati Membri; |
— |
il-proporzjon bejn il-popolazzjoni u n-numru ta’ siġġijiet ta’ kull Stat Membru qabel ma n-numru deċimali jitqarreb lejn numru sħiħ għandu jvarja skont il-popolazzjoni rispettiva tagħhom b’tali mod li kull Membru tal-Parlament Ewropew minn Stat Membru b’popolazzjoni akbar jirrappreżenta iktar ċittadini minn kull Membru minn Stat Membru b’popolazzjoni iżgħar u, bil-maqlub, iktar ma tkun kbira il-popolazzjoni ta’ Stat Membru, akbar ikun id-dritt tiegħu għal numru akbar ta’ siġġijiet. |
Artikolu 2
Il-popolazzjoni totali tal-Istati Membri għandha tiġi kkalkolata mill-Kummissjoni (Eurostat) abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri, skont il-metodu stabbilit permezz ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Artikolu 3
Skont l-Artikolu 1, in-numru ta’ rappreżentanti fil-Parlament Ewropew eletti f’kull Stat Membru huwa b’dan stabbilit kif ġej, għall-leġisatura 2014-2019:
Belġju |
21 |
Bulgarija |
17 |
Repubblika Ċeka |
21 |
Danimarka |
13 |
Ġermanja |
96 |
Estonja |
6 |
Irlanda |
11 |
Ġreċja |
21 |
Spanja |
54 |
Franza |
74 |
Kroazja |
11 |
Italja |
73 |
Ċipru |
6 |
Latvja |
8 |
Litwanja |
11 |
Lussemburgu |
6 |
Ungerija |
21 |
Malta |
6 |
Pajjiżi Baxxi |
26 |
Awstrija |
18 |
Polonja |
51 |
Portugall |
21 |
Rumanija |
32 |
Slovenja |
8 |
Slovakkja |
13 |
Finlandja |
13 |
Svezja |
20 |
Renju Unit |
73 |
Artikolu 4
Din id-deċiżjoni għandha tkun riveduta fi żmien biżżejjed qabel il-bidu tal-leġislatura 2019-2024 abbażi ta’ inizjattiva tal-Parlament Ewropew ippreżentata qabel it-tmiem tal-2016 bil-għan li tiġi stabbilita sistema li fil-ġejjieni tagħmilha possibbli, qabel kull elezzjoni ġdida tal-Parlament Ewropew, li jiġu allokati s-siġġijiet bejn l-Istati Membri b’mod oġġettiv, ġust, dejjiemi u trasparenti, filwaqt li jiġi tradott il-prinċipju ta’ proporzjonalità digressiva kif stabbilit fl-Artikolu 1, b’kont meħud ta’ kwalunkwe bidla fin-numru tagħhom u tal-andamenti demografiċi fil-popolazzjoni tagħhom, kif stabbilit b’mod xieraq u għalhekk b’rispett tal-bilanċ ġenerali tas-sistema istituzzjonali kif stabbilita fit-Trattati.
Artikolu 5
Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2013.
Għall-Kunsill Ewropew
Il-President
H. VAN ROMPUY
(1) Inizjattiva adottata fit-13 ta’ Marzu 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Kunsens tat-12 ta’ Ġunju 2013 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).