Wählen Sie die experimentellen Funktionen, die Sie testen möchten.

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument 32013R0606

    Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili

    ĠU L 181, 29.6.2013, S. 4–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Rechtlicher Status des Dokuments In Kraft

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/606/oj

    29.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 181/4


    REGOLAMENT (UE) Nru 606/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-12 ta’ Ġunju 2013

    dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punti (a), (e) u (f) tal-Artikolu 81(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni stabbilixxiet bħala għan li żżomm u tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fejn il-moviment liberu tal-persuni huwa żgurat u l-aċċess għall-ġustizzja huwa ffaċilitat, b’mod partikolari permezz tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili. Sabiex tali spazju jiġi stabbilit gradwalment, l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali, partikolarment meta meħtieġa għall-funzjonament korrett tas-suq intern.

    (2)

    L-Artikolu 81(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet f’każijiet extraġudizzjarji.

    (3)

    Fi spazju komuni ta’ ġustizzja mingħajr fruntieri interni huwa essenzjali li jkun hemm dispożizzjonijiet li jiżguraw ir-rikonoxximent rapidu u sempliċi u, fejn applikabbli, l-eżekuzzjoni fi Stat Membru ieħor ta’ miżuri ta’ protezzjoni ordnati fi Stat Membru biex jiġi żgurat li l-protezzjoni mogħtija lil persuna fiżika fi Stat Membru wieħed tinżamm u titkompla fi kwalunkwe Stat Membru ieħor li lejh jew fih dik il-persuna tivvjaġġa jew tmur toqgħod. Għandu jkun żgurat li l-eżerċizzju leġittimu minn ċittadini tal-Unjoni tad-dritt tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 21 tat-TFUE, ma jirriżultax f’telf ta’ dik il-protezzjoni.

    (4)

    Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni u l-għan li tiġi żgurata ċirkolazzjoni aktar rapida u b’anqas spejjeż tal-miżuri ta’ protezzjoni fi ħdan l-Unjoni jiġġustifikaw il-prinċipju li taħtu l-miżuri ta’ protezzjoni ordnati fi Stat Membru jkunu rikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħrajn mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċeduri speċjali. Bħala riżultat, miżura ta’ protezzjoni ordnata fi Stat Membru (“Stat Membru ta’ oriġini”) għandha tiġi ttrattata bħallikieku kienet ordnata fl-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent tagħha (“Stat Membru indirizzat”).

    (5)

    Sabiex jinkiseb l-għan tal-moviment liberu tal-miżuri ta’ protezzjoni, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw ir-rikonoxximent u, fejn applikabbli, l-eżekuzzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni jkunu regolati minn strument legali tal-Unjoni li jkun vinkolanti u direttament applikabbli.

    (6)

    Dan ir-Regolament għandu japplika għal miżuri ta’ protezzjoni ordnati bil-għan li jipproteġu persuna fejn ikun hemm raġunijiet serji biex jiġi kkunsidrat li l-ħajja, l-integrità fiżika jew psikoloġika, il-libertà personali, is-sigurtà personali jew l-integrità sesswali ta’ dik il-persuna jkunu f’riskju, pereżempju billi jipprevjenu kull forma ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess jew vjolenza f’relazzjonijiet intimi, bħal vjolenza fiżika, molestja, aggressjoni sesswali, stalking, intimidazzjoni jew forom oħra ta’ impożizzjoni indiretta. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li dan ir-Regolament japplika għall-vittmi kollha irrispettivament minn jekk humiex vittmi ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess.

    (7)

    Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (3) tiżgura li l-vittmi tal-kriminalità jirċievu informazzjoni u appoġġ xierqa.

    (8)

    Dan ir-Regolament ikompli mad-Direttiva 2012/29/UE. Il-fatt li persuna tkun is-suġġett ta’ miżura ta’ protezzjoni ordnata f’materji ċivili ma jipprekludix neċessarjament li dik il-persuna tkun definita bħala ‘vittma’ taħt dik id-Direttiva.

    (9)

    Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jinsab fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili fis-sens tal-Artikolu 81 tat-TFUE. Dan ir-Regolament japplika biss għall-miżuri ta’ protezzjoni ordnati f’materji ċivili. Il-miżuri ta’ protezzjoni adottati f’materji kriminali huma koperti mid-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-Ordni Ewropea ta’ Protezzjoni (4).

    (10)

    Il-kunċett ta’ materji ċivili għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, f’konformità mal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni. In-natura tal-ambitu ċivili, amministrattiva jew kriminali tal-awtorità li tordna miżura ta’ protezzjoni m’għandhiex tkun determinanti għall-fini tal-valutazzjoni tal-karattru ċivili ta’ miżura ta’ protezzjoni.

    (11)

    Dan ir-Regolament m’għandux jinterferixxi mal-funzjonament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u l-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri (5) (Regolament Brussell IIa). Deċiżjonijiet meħuda taħt ir-Regolament Brussell IIa għandhom ikomplu jiġu rikonoxxuti u eżegwiti taħt dak ir-Regolament.

    (12)

    Dan ir-Regolament iqis it-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri u ma jindaħalx fis-sistemi nazzjonali li taħthom huma ordnati miżuri ta’ protezzjoni. Dan ir-Regolament ma jobbligax lill-Istati Membri sabiex jimmodifikaw is-sistemi nazzjonali tagħhom sabiex jiffaċilitaw li jiġu ordnati miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili, u lanqas sabiex jintroduċu miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (13)

    Sabiex jittieħed kont tad-diversi tipi ta’ awtoritajiet li jordnaw miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili fl-Istati Membri, u kuntrarjament għal oqsma oħra ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, dan ir-Regolament għandu japplika għal deċiżjonijiet kemm tal-awtoritajiet ġudizzjarji kif ukoll tal-awtoritajiet amministrattivi sakemm dawn tal-aħħar jagħtu garanziji fir-rigward, b’mod partikolari, tal-imparzjalità tagħhom u tad-dritt tal-partijiet għal reviżjoni ġudizzjarja. F’ebda każ m’għandhom l-awtoritajiet tal-pulizija jiġu kkunsidrati bħala awtoritajiet emittenti fis-sens ta’ dan ir-Regolament.

    (14)

    Abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, il-miżuri ta’ protezzjoni ordnati f’materji ċivili fl-Istat Membru ta’ oriġini għandhom jiġu rikonoxxuti fl-Istat Membru indirizzat bħala miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

    (15)

    Taħt il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, ir-rikonoxximent jikkorrispondi għat-tul ta’ żmien tal-miżura ta’ protezzjoni. Madankollu, b’kont meħud tad-diversità tal-miżuri ta’ protezzjoni taħt il-liġijiet tal-Istati Membri, partikolarment fir-rigward tat-tul ta’ żmien tagħhom, u tal-fatt li dan ir-Regolament tipikament japplika f’sitwazzjonijiet urġenti, l-effetti ta’ rikonoxximent taħt dan ir-Regolament għandhom, bħala eċċezzjoni, jiġu limitati għal perijodu ta’ 12-il xahar mill-ħruġ taċ-ċertifikat previst minn dan ir-Regolament, irrispettivament minn jekk il-miżura ta’ protezzjoni stess (kemm jekk provviżorja, jew limitata fiż-żmien, kif ukoll jekk indefinita fin-natura tagħha) ikollhiex aktar tul ta’ żmien.

    (16)

    F’każijiet fejn it-tul ta’ żmien ta’ miżura ta’ protezzjoni jaqbeż 12-il xahar, il-limitazzjoni tal-effetti ta’ rikonoxximent taħt dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuna protetta li tinvoka dik il-miżura ta’ protezzjoni taħt kwalunkwe att legali disponibbli ieħor tal-Unjoni li jipprovdi għar-rikonoxximent jew li tapplika għal miżura nazzjonali ta’ protezzjoni fl-Istat Membru indirizzat.

    (17)

    Il-limitazzjoni tal-effetti tar-rikonoxximent hija eċċezzjonali minħabba n-natura speċjali tas-suġġett ta’ dan ir-Regolament u m’għandhiex isservi bħala preċedent għal strumenti oħra f’materji ċivili u kummerċjali.

    (18)

    Dan ir-Regolament għandu jittratta biss ir-rikonoxximent tal-obbligu impost mill-miżura ta’ protezzjoni. Huwa ma għandux jirregola l-proċeduri għall-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ protezzjoni, u lanqas ma għandu jkopri xi sanzjonijiet potenzjali li jistgħu jiġu imposti jekk l-obbligu ordnat mill-miżura ta’ protezzjoni jinkiser fl-Istat Membru indirizzat. Dawk il-materji jibqgħu regolati bid-dritt ta’ dak l-Istat Membru. Madankollu, f’konformità mal-prinċipji ġenerali taħt id-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li miżuri ta’ protezzjoni rikonoxxuti taħt dan ir-Regolament jistgħu jsiru effettivi fl-Istat Membru indirizzat.

    (19)

    Il-miżuri ta’ protezzjoni koperti minn dan ir-Regolament għandhom jipprovdu protezzjoni lill-persuna protetta fil-post ta’ residenza tagħha, fil-post tax-xogħol tagħha jew f’kull post ieħor li dik il-persuna żżur fuq bażi regolari, bħar-residenza tal-qraba jew l-iskola jew l-istabbiliment edukattiv li jattendu t-tfal tagħha. Irrispettivament minn jekk dan il-post jew id-daqs taż-żona koperti mill-miżura ta’ protezzjoni humiex deskritti fil-miżura ta’ protezzjoni permezz ta’ indirizz speċifiku wieħed jew aktar jew b’riferiment għal ċertu spazju ċirkoskritt li fuqu l-persuna li tikkawża ir-riskju ma tistax, rispettivament, tersaq jew tidħol (jew taħlita ta’ dawn it-tnejn), ir-rikonoxximent tal-obbligu impost mill-miżura ta’ protezzjoni huwa relatat mal-iskop li l-post iservi għall-persuna protetta pjuttost milli mal-indirizz speċifiku.

    (20)

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ qabel u dment li jinżammu n-natura u l-elementi essenzjali tal-miżura ta’ protezzjoni, l-awtorità komptenenti fl-Istat Membru indirizzat għandha tkun tista’ taġġusta l-elementi fattwali tal-miżura ta’ protezzjoni fejn tali aġġustament huwa meħtieġ sabiex ir-rikonoxximent tal-miżura ta’ protezzjoni jkun jista’ jkun effettiv f’termini prattiċi fl-Istat Membru indirizzat. L-elementi fattwali jinkludu l-indirizz, il-post f’sens ġenerali jew id-distanza minima li l-persuna li tikkawża r-riskju għandha żżomm mill-persuna protetta, mill-indirizz jew mill-post f’sens ġenerali. Madankollu, it-tip u n-natura ċivili tal-miżura ta’ protezzjoni ma jistgħux jiġu affettwati minn tali aġġustament.

    (21)

    Sabiex jiġi ffaċilitat kwalunkwe aġġustament ta’ miżura ta’ protezzjoni, iċ-ċertifikat għandu jindika jekk l-indirizz speċifikat fil-miżura ta’ protezzjoni jikkostitwixxix il-post tar-residenza, il-post tax-xogħol jew post li l-persuna protetta żżur fuq bażi regolari. Barra minn hekk, jekk rilevanti, l-ispazju ċirkoskritt (ir-raġġ approssimattiv mill-indirizz speċifiku) li għalih japplika l-obbligu impost mill-miżura ta’ protezzjoni fuq il-persuna li tikkawża r-riskju, għandu jiġi indikat ukoll fiċ-ċertifikat.

    (22)

    Sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-miżuri ta’ protezzjoni fl-Unjoni, jeħtieġ li dan ir-Regolament jintroduċi mudell uniformi ta’ ċertifikat u jipprovdi għall-istabbiliment ta’ formola standard multilingwi għal dak il-għan. L-awtorità emittenti għandha toħroġ iċ-ċertifikat fuq talba tal-persuna protetta.

    (23)

    Il-kaxxi għal test liberu fil-formola standard multilingwi għaċ-ċertifikat għandhom ikunu kemm jista’ jkun limitati, sabiex it-traduzzjoni jew it-traslitterazzjoni tista’ tiġi pprovduta fil-biċċa l-kbira tal-każijiet mingħajr l-impożizzjoni ta’ xi spiża fuq il-persuna protetta permezz tal-użu tal-formola standard fil-lingwa rilevanti. Kwalunkwe spiża għat-traduzzjoni neċessarja li tmur lil hinn mit-test tal-formola standard multilingwi għandha tiġi allokata kif previst taħt id-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini.

    (24)

    Fejn ċertifikat fih test liberu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru indirizzat għandha tiddetermina jekk hijiex meħtieġa xi traduzzjoni jew traslitterazzjoni. Dan ma għandux jipprekludi lill-persuna protetta jew lill-awtorità emittenti tal-Istat Membru tal-oriġini milli jipprovdu traduzzjoni jew traslitterazzjoni fuq inizjattiva tagħhom stess.

    (25)

    Sabiex jiġi żgurat rispett għad-drittijiet ta’ difiża tal-persuna li tikkawża r-riskju, fejn il-miżura ta’ protezzjoni tkun ġiet ordnata fil-kontumaċja jew taħt xi proċedura li ma tipprevedix in-notifika minn qabel lil dik il-persuna (“proċedura ex-parte”), il-ħruġ taċ-ċertifikat għandu jkun possibbli biss jekk dik il-persuna kellha l-opportunità tħejji d-difiża tagħha kontra l-miżura ta’ protezzjoni. Madankollu, bil-ħsieb li tiġi evitata l-elużjoni u b’kont meħud tal-urġenza tipika tal-każijiet li jeħtieġu miżuri ta’ protezzjoni, ma għandux ikun meħtieġ li l-perijodu biex issir tali difiża jkun skada qabel ma jkun jista’ jinħareġ ċertifikat. Iċ-ċertifikat għandu jinħareġ hekk kif il-miżura ta’ protezzjoni tkun eżegwibbli fl-Istat Membru ta’ oriġini.

    (26)

    B’kont meħud tal-objettivi ta’ sempliċità u rapidità, dan ir-Regolament jipprevedi metodi sempliċi u rapidi li għandhom jintużaw sabiex il-persuna li tikkawża r-riskju tiġi mgħarrfa bil-passi proċedurali. Dawk il-metodi speċifiċi ta’ tagħrif għandhom japplikaw biss għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament minħabba n-natura speċjali tas-suġġett tiegħu, m’għandhomx iservu ta’ preċedent għal strumenti oħrajn f’materji ċivili u kummerċjali u m’għandhomx jaffettwaw xi obbligu ta’ Stat Membru li jirrigwarda n-notifika barra l-pajjiż ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili li jirriżultaw minn konvenzjoni bilaterali jew multilaterali konkluża bejn dak l-Istat Membru u pajjiż terz.

    (27)

    Meta l-persuna li tikkawża r-riskju tiġi mgħarrfa biċ-ċertifikat u wkoll meta jsir xi aġġustatament lil kwalunkwe element fattwali ta’ miżura ta’ protezzjoni fl-Istat Membru indirizzat, għandu jittieħed kont debitu tal-interess tal-persuna protetta biex ma jiġux żvelati l-post fejn tinsab dik il-persuna jew dettalji oħra ta’ kuntatt. Dawn id-dettalji ma għandhomx jingħataw lill-persuna li tikkawża r-riskju sakemm tali żvelar ma jkunx meħtieġ għall-konformità ma’, jew l-eżekuzzjoni ta’, il-miżura ta’ protezzjoni.

    (28)

    Il-ħruġ taċ-ċertifikat ma għandux ikun suġġett għal appell.

    (29)

    Iċ-ċertifikat għandu jiġi rettifikat fejn, minħabba żball ovvju jew impreċiżjoni ovvja, bħal żball tipografiku, jew żball ta’ traskrizzjoni jew fl-ikkuppjar, iċ-ċertifikat ma jirriflettix b’mod korrett il-miżura ta’ protezzjoni, jew għandu jiġi rtirat jekk ikun ċar li ngħata skorrettament, pereżempju fejn intuża għal miżura li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew fejn inħareġ bi ksur tar-rekwiżiti għall-ħruġ tiegħu.

    (30)

    L-awtorità emittenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandha, fuq talba, tassisti lill-persuna protetta fil-ksib ta’ informazzjoni dwar l-awtoritajiet tal-Istat Membru indirizzat li quddiemhom għandha tiġi invokata l-miżura ta’ protezzjoni jew tintalab l-eżekuzzjoni.

    (31)

    Il-funzjonament armonjuż tal-ġustizzja jirrikjedi li ma jingħatawx deċiżjonijiet irrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. Għal dak il-għan, dan ir-Regolament għandu jipprevedi raġuni għal rifjut ta’ rikonoxximent jew eżekuzzjoni tal-miżura ta’ protezzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ rikonċiljazzjoni ma’ sentenza mogħtija jew rikonoxxuta fl-Istat Membru indirizzat.

    (32)

    Kunsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jiġġustifikaw rifjut mill-qrati tal-Istat Membru indirizzat li jirrikonoxxu jew jeżegwixxu miżura ta’ protezzjoni fejn l-applikazzjoni tagħha tkun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku ta’ dak l-Istat Membru. Madankollu, il-qrati ma għandhomx ikunu jistgħu japplikaw l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku sabiex jirrifjutaw ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ protezzjoni meta b’dan imorru kontra d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha.

    (33)

    Fil-każ tas-sospensjoni jew irtirar tal-miżura ta’ protezzjoni jew tal-irtirar taċ-ċertifikat fl-Istat Membru ta’ oriġini, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru indirizzat għandha, mal-ħruġ taċ-ċertifikat rilevanti, tissospendi jew tirtira l-effetti tar-rikonoxximent u, fejn applikabbli, l-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ protezzjoni.

    (34)

    Persuna protetta għandha jkollha aċċess effettiv għall-ġustizzja fi Stati Membri oħrajn. Sabiex ikun żgurat tali aċċess effettiv fi proċeduri koperti minn dan ir-Regolament, għandha tingħata għajnuna legali b’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE tas-27 ta’ Jannar 2003 biex jitjieb l-aċċess għall-ġustizzja f’tilwim transkonfinali billi jiġu stabbiliti regoli minimi komuni rigward l-għajnuna legali għal tali tilwim (6).

    (35)

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandu jkun meħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu ċerta informazzjoni dwar ir-regoli u proċeduri nazzjonali tagħhom relatati mal-miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili fil-qafas tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE (7). Għandu jingħata aċċess għall-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri permezz tal-Portal e-Justice Ewropew.

    (36)

    Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu konferiti lill-Kummissjoni setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-istabbiliment u l-emendament sussegwenti tal-formoli previsti f’dan ir-Regolament. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (8).

    (37)

    Il-proċedura ta’ eżami għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu u li sussegwentement jemendaw il-formoli previsti f’dan ir-Regolament.

    (38)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill- Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, huwa għandu bħala għan li jiżgura d-drittijiet tad-difiża u għal proċess imparzjali, kif stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-istess Karta. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat b’konformità ma’ dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

    (39)

    Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi regoli għal mekkaniżmu sempliċi u rapidu għar-rikonoxximent ta’ miżuri ta’ protezzjoni ordnati fi Stat Membru f’materji ċivili, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

    (40)

    B’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, dawk l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (41)

    B’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

    (42)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta opinjoni fis-17 ta’ Ottubru 2011 (9), ibbażata fuq l-Artikolu 41(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (10),

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT

    KAPITOLU I

    SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għal mekkaniżmu sempliċi u rapidu għar-rikonoxximent ta’ miżuri ta’ protezzjoni ordnati fi Stat Membru f’materji ċivili.

    Artikolu 2

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili ordnati minn awtorità emittenti fis-sens tal-punt (4) tal-Artikolu 3.

    2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal każijiet transkonfinali. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, każ għandu jitqies bħala każ transkonfinali fejn ir-rikonoxximent tal-miżura ta’ protezzjoni ordnata fi Stat Membru jintalab fi Stat Membru ieħor.

    3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal miżuri ta’ protezzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “miżura ta’ protezzjoni” tfisser kull deċiżjoni, irrispettivament minn kif tissejjaħ, ordnata mill-awtorità emittenti tal-Istat Membru ta’ oriġini taħt id-dritt nazzjonali tiegħu u li timponi wieħed jew aktar mill-obbligi li ġejjin fuq il-persuna li tikkawża r-riskju bl-għan tal-protezzjoni ta’ persuna oħra, meta jista’ jkun hemm riskju għall-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ din il-persuna protetta:

    (a)

    projbizzjoni jew regolamentazzjoni fuq id-dħul fil-post fejn il-persuna protetta tirrisjedi, taħdem jew regolarment iżżur jew toqgħod;

    (b)

    projbizzjoni jew regolamentazzjoni tal-kuntatt, fi kwalunkwe forma, mal-persuna protetta, inkluż dak permezz tat-telefon, posta elettronika jew ordinarja, fax jew kwalunkwe mezz ieħor;

    (c)

    projbizzjoni jew regolamentazzjoni tal-avviċinament tal-persuna protetta eqreb minn distanza preskritta;

    (2)

    “persuna protetta” tfisser persuna fiżika li tkun is-suġġett tal-protezzjoni mogħtija minn miżura ta’ protezzjoni;

    (3)

    “persuna li tikkawża r-riskju” tfisser persuna fiżika li fuqha ġew imposti wieħed jew aktar obbligi msemmijin fil-punt (1);

    (4)

    “awtorità emittenti” tfisser kwalunkwe awtorità ġudizzjarja jew kwalunkwe awtorità oħra nominata minn Stat Membru bħala li jkollha kompetenza fil-materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sakemm tali awtorità oħra toffri garanziji lill-partijiet fir-rigward tal-imparzjalità, u sakemm id-deċiżjonijiet tagħha fir-rigward tal-miżura ta’ protezzjoni jistgħu, taħt id-dritt tal-Istat Membru fejn toperai, ikunu suġġetti għal reviżjoni minn awtorità ġudizzjarja u għandhom forza u effetti ekwivalenti għal dawk ta’ deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja fl-istess materja;

    (5)

    “Stat Membru ta’ oriġini” tfisser l-Istat Membru li fih tiġi ordnata l-miżura ta’ protezzjoni;

    (6)

    “Stat Membru indirizzat” tfisser l-Istat Membru li fih jintalbu r-rikonoxximent u, fejn applikabbli, l-eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ protezzjoni.

    KAPITOLU II

    RIKONOXXIMENT U EŻEKUZZJONI TA’ MIŻURI TA’ PROTEZZJONI

    Artikolu 4

    Rikonoxximent u eżekuzzjoni

    1.   Miżura ta’ protezzjoni ordnata fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa ebda proċedura speċjali u għandha tkun eżegwibbli mingħajr ma tkun meħtieġa dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.

    2.   Persuna protetta li tixtieq tinvoka fl-Istat Membru indirizzat miżura ta’ protezzjoni ordnata fl-Istat Membru ta’ oriġini għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru indirizzat:

    (a)

    b’kopja tal-miżura ta’ protezzjoni li tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha;

    (b)

    biċ-ċertifikat maħruġ fl-Istat Membru ta’ oriġini f’konformità mal-Artikolu 5; u

    (c)

    fejn meħtieġ, bi traslitterazzjoni u/jew traduzzjoni taċ-ċertifikat skont l-Artikolu 16.

    3.   Iċ-ċertifikat għandu jsir effettiv biss fil-limiti tal-eżegwibbiltà tal-miżura ta’ protezzjoni.

    4.   Irrispettivament minn jekk il-miżura ta’ protezzjoni jkollhiex aktar tul ta’ żmien, l-effetti tar-rikonoxximent taħt il-paragrafu 1 għandhom ikunu limitati għal perijodu ta’ 12-il xahar, li jibdew jiddekorru mid-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat.

    5.   Il-proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni għandha tkun regolata mid-dritt tal-Istat Membru indirizzat.

    Artikolu 5

    Ċertifikat

    1.   L-awtorità emittenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandha, fuq talba mill-persuna protetta, toħroġ iċ-ċertifikat bl-użu tal-formola standard multilingwi stabbilita f’konformità mal-Artikolu 19 u li jkun fiha l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 7.

    2.   Ma għandu jkun hemm l-ebda appell kontra l-ħruġ taċ-ċertifikat.

    3.   Fuq talba mill-persuna protetta, l-awtorità emittenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandha tipprovdi lill-persuna protetta bi traslitterazzjoni u/jew traduzzjoni taċ-ċertifikat billi jsir użu mill-formola standard multilingwi stabbilita f’konformità mal-Artikolu 19.

    Artikolu 6

    Rekwiżiti għall-ħruġ taċ-ċertifikat

    1.   Iċ-ċertifikat jista’ jinħareġ biss jekk il-miżura ta’ protezzjoni tkun ġiet notifikata lill-persuna li tikkawża r-riskju f’konformità mad-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini.

    2.   Fejn il-miżura ta’ protezzjoni kienet ordnata fil-kontumaċja, iċ-ċertifikat jista’ jinħareġ biss jekk il-persuna li tikkawża r-riskju tkun ġiet notifikata bid-dokument istituttiv tal-proċediment jew b’dokument ekwivalenti jew, fejn rilevanti, tkun ġiet mgħarrfa b’mod ieħor bil-bidu tal-proċediment f’konformità mad-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini fi żmien suffiċjenti u b’tali mod li jippermetti lil dik il-persuna tiddifendi ruħha.

    3.   Fejn il-miżura ta’ protezzjoni ġiet ordnata taħt proċedura li ma tipprovdix li notifika minn qabel tingħata lill-persuna li tikkawża r-riskju (“proċediment ex-parte”), iċ-ċertifikat jista’ jinħareġ biss jekk dik il-persuna kellha d-dritt li tikkontesta l-miżura ta’ protezzjoni taħt id-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini.

    Artikolu 7

    Kontenut taċ-ċertifikat

    Iċ-ċertifikat għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-isem u l-indirizz/id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità emittenti;

    (b)

    in-numru ta’ referenza tal-fajl;

    (c)

    id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat;

    (d)

    dettalji dwar il-persuna protetta: isem, data u post tat-twelid, fejn disponibbli, u indirizz sabiex jintuża għall-finijiet tan-notifika, preċeduti minn avviż viżibbli sew li dak l-indirizz jista’ jingħata lill-persuna li tikkawża r-riskju;

    (e)

    dettalji dwar il-persuna li tikkawża r-riskju: isem, data u post tat-twelid, fejn disponibbli, u indirizz li għandu jintuża għall-finijiet ta’ notifika;

    (f)

    l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ protezzjoni, inkluż, fejn applikabbli, it-tip ta’ miżura u l-obbligu impost minnha fuq il-persuna li tikkawża r-riskju u l-ispeċifikazzjoni tal-funzjoni tal-post u/jew l-ispazju ċirkoskritt li lilu jew fih dik il-persuna tkun ipprojbita milli, rispettivament, tavviċina jew tidħol;

    (g)

    it-tul ta’ żmien tal-miżura ta’ protezzjoni;

    (h)

    it-tul ta’ żmien tal-effetti tar-rikonoxximent f’konformità mal-Artikolu 4(4);

    (i)

    dikjarazzjoni li r-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 6 jkunu ġew sodisfatti;

    (j)

    informazzjoni dwar id-drittijiet mogħtija taħt l-Artikoli 9 u 13;

    (k)

    sabiex tiġi ffaċilitata r-referenza, it-titolu sħiħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 8

    Notifika taċ-ċertifikat lill-persuna li tikkawża r-riskju

    1.   L-awtorità emittenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandha tgħarraf lill-persuna li tikkawża r-riskju biċ-ċertifikat u bil-fatt li l-ħruġ taċ-ċertifikat jirriżulta fir-rikonoxximent u, fejn applikabbli, l-eżegwibbiltà tal-miżura ta’ protezzjoni fl-Istati Membri kollha f’konformità mal-Artikolu 4.

    2.   Fejn il-persuna li tikkawża r-riskju tirrisjedi fl-Istat Membru ta’ oriġini, in-notifika għandha ssir f’konformità mad-dritt ta’ dak l-Istat Membru. Fejn il-persuna li tikkawża r-riskju tirrisjedi fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru ta’ oriġini jew f’pajjiż terz, in-notifika għandha ssir permezz ta’ ittra reġistrata b’konferma tar-riċezzjoni jew ekwivalenti.

    Is-sitwazzjonijiet li fihom l-indirizz tal-persuna li tikkawża r-riskju ma tkunx magħrufa jew li fihom dik il-persuna tirrifjuta bħala riċevuta minnha n-notifika għandhom ikunu regolati mid-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini.

    3.   Il-post fejn tinsab il-persuna protetta jew dettalji oħrajn ta’ kuntatt magħha ma għandhomx jiġu żvelati lill-persuna li tikkawża r-riskju sakemm l-iżvelar tagħhom ma jkunx meħtieġ għall-konformità ma’, jew l-eżekuzzjoni ta’, il-miżura ta’ protezzjoni.

    Artikolu 9

    Rettifika jew irtirar taċ-ċertifikat

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(2) u fuq talba mill-persuna protetta jew tal-persuna li tikkawża r-riskju lill-awtorità emittenti tal-Istat Membru ta’ oriġini jew fuq inizjattiva proprja ta’ dik l-awtorità, iċ-ċertifikat għandu:

    (a)

    jiġi rettifikat fejn, minħabba żball klerikali, ikun hemm diskrepanza bejn il-miżura ta’ protezzjoni u ċ-ċertifikat; jew

    (b)

    jiġi rtirat fejn ikun ċar li ngħata skorrettament, b’kont meħud tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6 u tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Il-proċedura, inkluż kwalunkwe appell, fir-rigward tar-rettifika jew l-irtirar taċ-ċertifikat għandha tkun regolata mid-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini.

    Artikolu 10

    Assistenza lill-persuna protetta

    Fuq talba mill-persuna protetta, l-awtorità emittenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandha tassisti dik il-persuna protetta fil-ksib ta’ informazzjoni, kif tkun saret disponibbli taħt l-Artikoli 17 u 18, li tikkonċerna l-awtoritajiet tal-Istat Membru indirizzat li quddiemhom ser tiġi invokata l-miżura ta’ protezzjoni jew mitluba l-eżekuzzjoni.

    Artikolu 11

    Aġġustament tal-miżura ta’ protezzjoni

    1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru indirizzat għandha, fejn u sal-punt meħtieġ, taġġusta l-elementi fattwali tal-miżura ta’ protezzjoni sabiex il-miżura ta’ protezzjoni ssir effettiva f’dak l-Istat Membru.

    2.   Il-proċedura għall-aġġustament tal-miżura ta’ protezzjoni għandha tkun regolata mid-dritt tal-Istat Membru indirizzat.

    3.   L-aġġustament tal-miżura ta’ protezzjoni għandu jiġi notifikat lill-persuna li tikkawża r-riskju.

    4.   Fejn il-persuna li tikkawża r-riskju tirrisjedi fl-Istat Membru indirizzat, in-notifika għandha ssir f’konformità mad-dritt ta’ dak l-Istat Membru. Fejn il-persuna li tikkawża r-riskju tirrisjedi fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru indirizzat jew f’pajjiż terz, in-notifika għandha ssir permezz ta’ ittra reġistrata b’aċċettazzjoni tar-riċezzjoni jew ekwivalenti.

    Is-sitwazzjonijiet li fihom l-indirizz tal-persuna li tikkawża r-riskju ma jkunx magħruf jew fejn dik il-persuna tirrifjuta bħala riċevuta minnha n-notifika għandhom ikunu regolati mid-dritt tal-Istat Membru indirizzat.

    5.   Jista’ jitressaq appell kontra l-aġġustament tal-miżura ta’ protezzjoni mill-persuna protetta jew mill-persuna li tikkawża r-riskju. Il-proċedura ta’ appell għandha tkun regolata mid-dritt tal-Istat Membru indirizzat. Madankollu, ir-rikors għal appell ma għandux ikollu effett sospensiv.

    Artikolu 12

    Ebda reviżjoni dwar il-mertu

    Taħt l-ebda ċirkostanza ma tista’ tiġi riveduta miżura ta’ protezzjoni ordnata fl-Istat Membru ta’ oriġini fir-rigward tal-mertu tagħha fl-Istat Membru indirizzat.

    Artikolu 13

    Rifjut tar-rikonoxximent jew tal-eżekuzzjoni

    1.   Ir-rikonoxximent u, fejn applikabbli, l-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ protezzjoni għandhom jiġu rifjutati, fuq rikors mill-persuna li tikkawża r-riskju, sa fejn tali rikonoxximent ikun:

    (a)

    manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru indirizzat; jew

    (b)

    irrikonciljabbli ma’ sentenza mogħtija jew rikonoxxuta fl-Istat Membru indirizzat.

    2.   Ir-rikors għal rifjut ta’ rikonoxximent jew eżekuzzjoni għandu jiġi ppreżentat lill-qorti tal-Istat Membru indirizzat kif komunikata minn dak l-Istat Membru lill-Kummissjoni b’konformità mal-punt (a) (iv) tal-Artikolu 18(1).

    3.   Ir-rikonoxximent tal-mizura ta’ protezzjoni ma jistax jigi rifjutat għar-raġuni li d-dritt tal-Istat Membru indirizzat ma jipprovdix għal tali mizura abbazi tal-istess fatti.

    Artikolu 14

    Sospensjoni jew irtirar tar-rikonoxximent jew tal-eżekuzzjoni

    1.   Fil-każ tas-sospensjoni jew irtirar tal-miżura ta’ protezzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini, jew tas-sospensjoni jew limitazzjoni tal-eżegwibbiltà tagħha, jew irtirar taċ-ċertifikat f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 9(1), l-awtorità emittenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandha, fuq talba mill-persuna protetta jew mill-persuna li tikkawża r-riskju, toħroġ ċertifikat li jindika dik is-sospensjoni, limitazzjoni jew irtirar bl-użu tal-formola standard multilingwi stabbilita f’konformità mal-Artikolu 19.

    2.   Mal-preżentazzjoni, mill-persuna protetta jew mill-persuna li tikkawża r-riskju, taċ-ċertifikat maħruġ taħt il-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru indirizzat għandha tissospendi jew tirtira l-effetti tar-rikonoxximent u, fejn applikabbli, l-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ protezzjoni.

    KAPITOLU III

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

    Artikolu 15

    Legiżlazzjoni u formalitajiet simili oħra

    L-ebda leġislazzjoni jew formalità simili oħra m’għandha tkun meħtieġa għal dokumenti maħruġa fi Stat Membru fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 16

    Traslitterazzjoni jew traduzzjoni

    1.   Kwalunkwe traslitterazzjoni jew traduzzjoni meħtieġa taħt dan ir-Regolament għandha tkun għal-lingwa uffiċjali jew għal waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew għal kwalunkwe lingwa uffiċjali oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li dak l-Istat Membru jkun indika li jista’ jaċċetta.

    2.   Suġġett għall-Artikolu 5(3), kwalunkwe traduzzjoni taħt dan ir-Regolament għandha ssir minn persuna kkwalifikata biex tittraduċi f’wieħed mill-Istati Membri.

    Artikolu 17

    Informazzjoni magħmula aċċessibbli għall-pubbliku

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu, fi ħdan il-qafas tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali stabbilit bid-Deċiżjoni 2001/470/KE u bil-ħsieb li l-informazzjoni ssir aċċessibbligħall-pubbliku, deskrizzjoni tar-regoli u l-proċeduri nazzjonali li jirrigwardaw miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili, inkluża informazzjoni dwar it-tip ta’ awtoritajiet li huma kompetenti fil-materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    L-Istati Membri għandhom iżommu din l-informazzjoni aġġornata.

    Artikolu 18

    Komunikazzjoni ta’ informazzjoni mill-Istati Membri

    1.   Sal-11 ta’ Lulju 2014, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    it-tip ta’ awtoritajiet li huma kompetenti fil-materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u jispeċifikaw, fejn applikabbli,

    (i)

    l-awtoritajiet li huma kompetenti biex jordnaw miżuri ta’ protezzjoni u joħorgu ċ-ċertifikat f’konformità mal-Artikolu 5;

    (ii)

    l-awtoritajiet li quddiemhom għandha tiġi invokata miżura ta’ protezzjoni ordnata fi Stati Membruieħor u/jew li huma kompetenti biex jeżegwixxu tali miżura;

    (iii)

    l-awtoritajiet li huma kompetenti sabiex jagħmlu l-aġġustament tal-miżuri ta’ protezzjoni f’konformità mal-Artikolu 11(1);

    (iv)

    il-qrati li lilhom ir-rikors għal rifjut tar-rikonoxximent u, fejn applikabbli, tal-eżekuzzjoni għandu jiġi ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 13;

    (b)

    il-lingwa jew lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 16(1).

    2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta’ kwalunkwe mezz adatt, b’mod partikolari permezz tas-sit web tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali.

    Artikolu 19

    Stabbiliment u emendament sussegwenti tal-formoli

    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu u li sussegwentement jemendaw il-formoli msemmija fl-Artikoli 5 u 14. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 20.

    Artikolu 20

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 21

    Reviżjoni

    Sal-11 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni għandha tipprezenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk neċessarju, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti għal emendi.

    Artikolu 22

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-11 ta’ Jannar 2015.

    Dan ir-Regolament għandu japplika għal miżuri ta’ protezzjoni ordnati fil-11 ta’ Jannar 2015 jew wara, irrispettivament minn meta jkunu ġew istitwiti proċedimenti.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Ġunju 2013.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. CREIGHTON


    (1)  ĠU C 113, 18.4.2012, p. 56.

    (2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Mejju 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2013.

    (3)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

    (4)  ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.

    (5)  ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1.

    (6)  ĠU L 26, 31.1.2003, p. 41.

    (7)  ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.

    (8)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

    (9)  ĠU C 35, 9.2.2012, p. 10.

    (10)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    nach oben