Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0327

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 327/2013 tat- 8 ta’ April 2013 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 102, 11.4.2013, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/327/oj

    11.4.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 102/8


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 327/2013

    tat-8 ta’ April 2013

    dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

    (3)

    Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ din it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

    (5)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

    Artikolu 2

    Tagħrif tariffarju vinkolanti maħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li mhuwiex skont dan ir-Regolament jista’ jibqa’ jkun invokat għal perjodu ta’ tliet xhur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ April 2013.

    Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

    Algirdas ŠEMETA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Prodott ippreżentat f’forma ta’ rombli (18 mm × 200 mm), maħruġ għall-bejgħ bl-imnut f’kaxxa li fiha 10 rombli. Kull romblu jiżen 28 g u jikkonsisti fil-komponenti li ġejjin (% bil-piż):

    weraq tal-artemisja (Artemisia vulgaris) mnixxfa

    95

    ħxejjex aromatiċi oħrajn imnixxfa (bħas-salvja)

    5

    Il-prodott jintuża bħala kura għall-pazjenti: ir-rombli jinxtegħlu u jinżammu qrib il-ġilda tal-pazjent fuq punti speċifiċi tal-agupuntura u jinħarqu biex tinħoloq sħana li tippenetra fil-fond.

    1404 90 00

    Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 sa 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, Nota Addizzjonali 1 tal-Kapitolu 30 u l-kliem tal-kodiċijiet NM 1404  u 1404 90 00 .

    Il-prodott jikkonsisti f’tipi differenti ta’ pjanti. Konsegwentement, il-klassifikazzjoni bħala tipi ta’ pjanti u partijiet ta’ pjanti taħt l-intestatura 1211 hija eskluża (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 1211 ).

    Il-prodott mhuwiex maħsub għall-konsum mill-bniedem. Konsegwentament, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 2106 hija eskluża.

    Il-prodott ma jissodisfax ir-rekwiżiti tan-Nota Addizzjonali 1 tal-Kapitolu 30. Konsegwentement, ma jistax jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 3004 bħala prodott erbali jew preparazzjoni mediċinali omeopatika.

    Il-prodott ma jintużax bħala fwieħa, kożmetiċi jew preparazzjonijiet tat-twaletta. Konsegwentement, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 3307 hija eskluża.

    Għalhekk il-prodott għandu jiġi kklassifikat bħala prodotti tal-ħaxix li mhumiex speċifikati jew inklużi x’imkien ieħor taħt il-kodiċi NM 1404 90 00 .


    Top