Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0262

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 262/2013 tat- 18 ta’ Marzu 2013 li japprova emendi minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni mdaħħla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Melon du Quercy (IĠP)]

ĠU L 82, 22.3.2013, p. 21–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/262/oj

22.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/21


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 262/2013

tat-18 ta’ Marzu 2013

li japprova emendi minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni mdaħħla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Melon du Quercy (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Jannar 2013. Dan ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (2).

(2)

F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni ta’ Franza għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Melon du Quercy” irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1165/2004 (3) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1040/2007 (4).

(3)

L-applikazzjoni għandha l-għan li temenda l-ispeċifikazzjoni billi tippreċiża d-deskrizzjoni tal-prodott, iż-żona ġeografika, il-prova tal-oriġini, il-metodu ta’ produzzjoni, it-tikkettar, ir-rekwiżiti nazzjonali u d-dettalji ta’ kuntatt tal-korp ta’ kontroll.

(4)

Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda inkwistjoni u kkonkludiet li hija ġġustifikata. L-emenda hija minuri u għalhekk il-Kummissjoni tista’ tapprovaha mingħajr ma tirrikorri għall-proċedura stabbilita fl-Artikoli 50 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Melon du Quercy” hija emendata skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-Dokument Uniku li jinkludi l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni jinsab fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(3)  ĠU L 224, 25.6.2004, p. 16.

(4)  ĠU L 238, 11.9.2007, p. 29.


ANNESS I

Fl-ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Melon du Quercy”, hija approvata l-emenda li ġejja:

1.   Id-deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

L-istandard ta’ kummerċjalizzazzjoni Ewropea dwar il-bettieħ tħassar fl-1 ta’ Lulju 2009 (ir-Regolament (KE) Nru 1615/2001), ir-referenza għall-ewwel kategorija tar-Regolament hija sostitwita permezz taż-żieda fl-ispeċifikazzjoni ta’ elementi oġġettivi li inizjalment kienu imposti mill-istandard (karatteristiċi tal-varjetà, kwalità tajba u imballaġġ omoġenju).

L-ispeċifikazzjoni inizjali kienet tagħmel distinzjoni bejn il-“bettieħ imsejjaħ charentais” u “tipi oħrajn ta’ bettieħ b’preservazzjoni fit-tul”. Peress li l-bettieħ kollu użat fil-produzzjoni tal-“Melon du Quercy” huwa tat-tip charentais, deskrizzjoni mil-ġdid u fil-qosor hija proposta.

Permezz ta’ simplifikazzjoni tal-forma, il-lista tal-klassijiet ta’ imballaġġ hija sostitwita bl-obbligu espliċitu ta’ imballaġġ omoġenju, bil-piż tal-ikbar bettieħa mhux ogħla minn 30 % aktar meta mqabbel mal-piż tal-iżgħar bettieħa.

Rigward il-kontenut ta’ zokkor, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-kundizzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni għal dan il-prodott kienet timponi bħala valur minimu 11° Brix, valur li jikkorrispondi għall-prattiki tal-produzzjoni. Għalhekk huwa propost li tiġi emendata l-ispeċifikazzjoni tal-IĠP biex “iktar minn 11° Brix” issir “iktar jew ugwali għal 11° Brix”.

2.   L-elementi li juru bil-provi li l-prodott agrikolu ġej miż-żona speċifikata

L-identifikazzjoni tal-operaturi hija introdotta sabiex jissaħħaħ il-kontroll tal-oriġini tal-“Melon du Quercy”. F’dan il-kapitolu huma introdotti r-rekwiżiti kollha ta’ dikjarazzjoni, ta’ żamma tar-reġistru jew ta’ identifikazzjoni tal-prodotti.

Sabiex jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-ispeċifitajiet tal-kummerċjalizzazzjoni fis-suq tal-konsumaturi u peress li l-bettieħ kollu ta’ Quercy huwa identifikat b’mod individwali, l-identifikazzjoni tal-imballaġġi ma għadhiex obbligatorja. Għalhekk, it-tagħrif lill-konsumaturi jingħata permezz ta’ pubbliċità fil-post tal-bejgħ (POS) jew permezz tat-tikketta tal-prezz.

3.   Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni

Id-dijagramma tal-produzzjoni ġiet immodifikata formalment sabiex tenfasizza l-istadji differenti fil-produzzjoni tal-“Melon du Quercy”: il-produzzjoni, it-tqassim u l-imballaġġ, imbagħad il-ħżin. Id-distinzjoni bejn il-kanali differenti ta’ kummerċjalizzazzjoni ġiet ikkanċellata u minflok ġew enfasizzati r-rekwiżiti komuni għall-operaturi kollha.

Il-proċeduri għall-istabbiliment annwali tal-listi ta’ varjetajiet awtorizzati huma ppreċiżati sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tal-“Melon du Quercy”.

Fil-kuntest tat-traskrizzjoni tad-dispożizjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, u sabiex jiġu ppreċiżati minn qabel l-istadji tal-produzzjoni, fl-ispeċifikazzjoni ddaħħlu regoli dwar it-tħawwil u ż-żrigħ, l-irrigazzjoni, il-fertilizzazzjoni, il-protezzjoni fitosanitarja, l-approvazzjoni u t-tqassim.

L-iżviluppi tal-varjetajiet kif ukoll l-esperjenza miksuba fl-aħħar ħmistax-il sena, b’mod partikolari s-sjuf sħan (speċjalment is-sajf tal-2005) għamluha possibbli biex jiġi żgurat li l-kwalità tal-“Melon du Quercy” mhijiex ser tinbidel f’każ ta’ ħsad wara s-13.00, jiġifieri f’kundizzjonijiet ta’ temperaturi ogħla. Għalhekk tneħħa r-rekwiżit ta’ ħsad qabel is-13.00.

Bl-istess mod, il-ġbir tal-bettieħ f’saff wieħed wara l-ħsad huwa ġġustifikat fil-każ ta’ varjetajiet ferm sensittivi għax-xokkijiet. Provi mwettqa fl-2009 juru li m’hemmx telf fil-kwalità, u għalhekk żdiedet il-possibilità tal-ġbir tal-bettieħ wara l-ħsad fil-palits (l-imballaġġ f’ħafna saffi).

Dwar l-imballaġġ, ir-referenza għal trejs ġiet ikkanċellata biex ikun jista’ jintuża imballaġġ ta’ kwalità aħjar, bħal “punnets”.

Sabiex jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-ispeċifitajiet tal-kummerċjalizzazzjoni fis-swieq tal-konsumaturi f’sitwazzjoni fejn il-bettieħ jiġi rranġat regolarment fil-ħwienet, ir-rekwiżit ta’ imballaġġ f’kontenituri u bit-tgeżwir fil-karta tneħħa għal dan it-tip ta’ kummerċjalizzazzjoni.

4.   L-istruttura ta’ kontroll

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-korp ta’ kontroll huma aġġornati. Żdiedet ir-referenza għall-akkreditazzjoni tiegħu.

5.   Elementi speċifiċi dwar it-tikkettar

Ġew introdotti r-rekwiżiti speċifiċi għall-IĠP. Tneħħew l-obbligi dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali (CCP).

6.   Rekwiżiti li jridu jiġu rrispettati f’konformità ma’ dispożizzjonijiet Ewropej jew nazzjonali

L-introduzzjoni ta’ tabella bil-punti prinċipali għall-kontroll, f’konformità mar-rekwiżiti nazzjonali.


ANNESS II

DOKUMENT UNIKU

Ir-Regolament Nru 510/2006 (*)

MELON DU QUERCY

Nru tal-KE: FR-IĠP-0205-0086-13.10.2011

IĠP (X) DPO ( )

1.   Isem

“Melon du Quercy”

2.   L-Istat Membru jew il-pajjiż terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-ikel

3.1.   It-tip tal-prodott

Klassi 1.6.

Frott, ħaxix u ċereali friski jew ipproċessati.

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

Varjetà tat-tip “Charentais”, bettieħ bil-qoxra lixxa jew minsuġa, lewn aħdar, griż, bil-qoxra tagħti fl-isfar, bil-ġewwieni oranġjo, u b’piż minimu ta’ 450 g.

Sħiħ, bnin, dehra friska, sod, nadif, ta’ kwalità tajba, il-frott miġbur bil-pedunkulu tiegħu jrid ikollu tul tal-pedunkulu iqsar minn 2 cm.

L-indiċi refrattometriku huwa tal-inqas 11° Brix.

Il-“Melon du Quercy” jinbiegħ sħiħ jew f’imballaġġ. Għal kull imballaġġ, il-piż tal-ikbar bettieħa ma jistax jaqbeż iktar minn 30 % tal-piż tal-iżgħar bettieħa.

Il-kontenut ta’ kull pakkett irid ikun l-istess u għandu jkun fih bettieħ li bejn wieħed u ieħor ikunu fl-istess stadju ta’ żvilupp u ta’ maturità u bejn wieħed u ieħor tal-istess lewn.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   Il-passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jittieħdu fiż-żona ġeografika definita

Il-kultivazzjoni tal-“Melon du Quercy” issir fiż-żona ġeografika tal-IĠP.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

L-approvazzjoni, it-tqassim u l-imballaġġ isiru ġewwa ż-żona ġeografika tal-IĠP.

Sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tal-prodott, dawn l-operazzjonijiet jitwettqu malajr ħafna biex jitqiegħdu fis-suq fi żmien 6 ijiem wara l-ħsad.

L-istadji ta’ approvazzjoni u ta’ tqassim jitwettqu fiż-żona ġeografika għaliex dawn l-istadji huma fundamentali għall-għażla tajba tal-bettieħ li jistgħu jibbenefikaw mill-IĠP; dawn jitwettqu minn operaturi mħarrġa biex jiġġudikaw il-maturità ottimali tal-bettieħ permezz tal-lewn tal-qoxra u l-kontenut taz-zokkor imkejjel permezz tar-refrattometrija

Anki l-imballaġġ isir fiż-żona ġeografika għaliex jitwettaq b’mod simultanju fl-istadji ta’ tqassim u approvazzjoni, u b’hekk jiġi limitat l-ammont ta’ manipulazzjonijiet li jistgħu jaffettwaw il-kwalitajiet tal-“Melon du Quercy”. Barra minn hekk, it-traċċabilità hija żgurata minn identifikazzjoni individwali tal-bettieħ u tal-imballaġġi bil-logo “Melon du Quercy” kif ukoll miż-żamma tal-kontabbiltà tal-istokk speċifiku

3.7.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Denominazzjoni tal-prodott: “Melon du Quercy”,

il-logo IĠP jew il-kitba “Indication Géographique Protégée” (“Indikazzjoni Ġeografika Protetta”),

il-logo “Melon du Quercy” fuq kull frotta.

4.   Deskrizzjoni konċiża taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tal-IĠP “Melon du Quercy” tikkonsisti minn:

id-dipartiment ta’ Lot, id-distretti ta’ Castelnau-Montratier, Lalbenque, Montcuq, kif ukoll il-komuni ta’ Cambayrac, Carnac-Rouffiac, Concots, Floressas, Labastide-Marnhac, Lacapelle-Cabanac, Mauroux, Le Montat, Sauzet, Sérignac u Villesèque,

id-dipartiment ta’ Lot-et-Garonne, id-distretti ta’ Beauville, Penne-d’Agenais, Puymirol, Tournon-d’Agenais,

id-dipartiment ta’ Tarn-et-Garonne, id-distretti ta’ Bourg-de-Visa, Caussade, Lafrançaise, Lauzerte, Moissac, Molières, Monclar-de-Quercy, Montaigu-de-Quercy, Montauban, Montpezat-de-Quercy, Négrepelisse, Villebrumier, kif ukoll il-komuni ta’ Castelsagrat, Gasques, Goudourville, Montjoi, Mouillac, Perville, Pommevic, Saint-Clair u Valence.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika

Din hija kkaratterizata mill-klima tagħha b’bidliet fil-flussi oċeaniċi (friski u umdi) u minn flussi Mediterranji (sħan u nixfin) li jġibu magħhom varjazzjonijiet kbar fit-temperatura. Din il-klima moderata hija adattata għat-tkabbir tal-bettieħ.

L-art hija taflija bil-ġir. L-għamla ta’ din il-ħamrija hija partikolarment adattata għat-tkabbir tal-bettieħ.

5.2.   L-ipeċifiċità tal-prodott

Il-“Melon du Quercy” huwa prodott ġej minn varjetajiet ta’ bettieħ tat-tip “Charentais” bil-qoxra lixxa jew minsuġa u b’tinji bejn wieħed u ieħor enfasizzati.

Għandu l-laħma fl-oranġjo, immerrqa, soda u li fl-istess ħin tinħall.

L-għażla tal-varjetajiet skont il-kriterji agronomiċi u aromatiċi (palat, togħma, …) marbuta mal-ħamrija tal-ġir u taflija, mat-tip tal-klima u mal-kriterji tal-ħsad (maturità ottimali) huma fatturi determinanti li jippermettu li jinkiseb frott li jesprimi l-potenzjal kollu tiegħu: togħma zokkrija (minimu ta’ 11° Brix), irwejjaħ u togħmiet żviluppati, aromi intensi u partikolari.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima taż-żona ġeografika jagħtu sehemhom biex jinkiseb frott aromatiku.

Min-naħa, il-ħamrija tal-ġir u taflija bi struttura ekwilibrata u vventilata sew tippermetti tkabbir regolari tal-pjanti u ekwilibriju minerali ottimali għall-frott.

Min-naħa l-oħra, il-klima speċifika ta’ Quercy tħalli impatt fuq l-ambjent, u b’hekk jiġi ottimizzat l-għadd ta’ frott kull pied. B’hekk kull frotta tikber aħjar. Fl-istess ħin, il-flussi Mediterranji (sħan u nixfin), l-iktar matul is-sajf, jgħinu fil-maturazzjoni tal-frott.

Il-kwalità tal-“Melon du Quercy” tiddependi wkoll fuq l-għarfien espert tradizzjonali tal-operaturi tal-produzzjoni tal-“Melon du Quercy” u dan huwa espress b’mod partikolari mill-għażla ta’ varjetajiet speċifikament adattati għaż-żona tal-produzzjoni, mill-ħsad f’maturazzjoni ottimali u minn skedi taż-żmien ottimali għat-tħejjija tal-bettieħ wara l-ħsad

Ir-reputazzjoni tal-bettieħ ilha stabbilita bis-saħħa tal-identifikazzjoni prekoċi tal-“Melon du Quercy” mill-operaturi tiegħu sa mill-1994. Il-bosta avvenimenti għall-kummerċjalizzazzjoni tiegħu jixhdu l-fama tiegħu, pereżempju bil-festa ta’ Belfort du Quercy organizzata f’nofs Awwissu jew fil-ftuħ tal-istaġun f’Lulju 1994 li sar fis-swali tal-prefettura ta’ Lot bil-preżenza qawwija tal-istampa lokali. F’Lulju 1996 il-gazzetta Dépêche du Midi kien fiha artiklu bit-titlu “l’excellence du Melon du Quercy” (“l-eċċellenza tal-Melon du Quercy”).

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCIGPMelonDuQuercy.pdf


(*)  Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.


Top