EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0063

2013/63/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 24 ta’ Jannar 2013 li tadotta linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ kundizzjonijiet speċifiċi għal indikazzjonijiet tas-saħħa stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 22, 25.1.2013, p. 25–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/63/oj

25.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 22/25


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ Jannar 2013

li tadotta linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ kundizzjonijiet speċifiċi għal indikazzjonijiet tas-saħħa stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/63/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutriment u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi għal indikazzjonijiet dwar is-saħħa.

(2)

Kemm l-awtoritajiet nazzjonali tal-kontroll kif ukoll l-operaturi fin-negozju tal-ikel qajmu mistoqsijiet dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u biex jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-awtoritajiet tal-kontroll u jiġu żgurati ċarezza u ċertezza akbar għall-operaturi ekonomiċi, huwa xieraq li jinħarġu linji gwida.

(3)

Il-linji gwida stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jitqiesu mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kontroll u l-operaturi tan-negozju tal-ikel. Il-partijiet interessati, b’mod partikulari l-operaturi tan-negozju tal-ikel u l-gruppi tal-konsumaturi, ġew ikkonsultati fit-12 ta’ Ottubru 2012.

(4)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali (2).

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Jannar 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

(2)  http://ec.europa.eu/food/committees/regulatory/scfcah/general_food/index_en.htm


ANNESS

Linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ kundizzjonijiet speċifiċi għall-indikazzjonijiet dwar is-saħħa stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006

Introduzzjoni

Il-linji gwida li ġejjin huma indirizzati lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kontroll u l-operaturi tan-negozju tal-ikel fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutriment u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (“ir-Regolament”). Indikazzjoni dwar is-saħħa hi kwalunkwe messaġġ jew rappreżentazzjoni kummerċjali volontarja fi kwalunkwe forma bħal kliem, dikjarazzjonijiet, stampi, logos, eċċ. li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn l-ikel li huwa s-suġġett tal-indikazzjoni u s-saħħa.

L-Artikolu 10 jistipula kundizzjonijiet speċifiċi għall-użu permess tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati. Dawn għandhom jiġi osservat flimkien mal-prinċipji u r-rekwiżiti ġenerali għall-indikazzjonijiet kollha (eż. l-Artikolu 3 tar-Regolament u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u d-Direttiva 84/450/KEE (2) li l-operaturi li jużaw l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom jirrispettaw ukoll), mal-kundizzjonijiet għall-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutriment u s-saħħa stabbiliti fl-Artikolu 4 u mal-kundizzjonijiet ġenerali għall-indikazzjonijiet kollha pprovduti fl-Artikolu 5, kif ukoll mal-kundizzjonijiet speċifiċi tal-użu previst fil-lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi. Pereżempju, fil-każ ta’ “tnaqqis fir-riskju tal-mard” l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 14(1), hi mitluba informazzjoni addizzjonali fl-Artikolu 14(2). Huwa importanti li wieħed jinnota li anke indikazzjonijiet tas-saħħa awtorizzati ma jistgħux jintużaw sakemm l-użu tagħhom mhuwiex kompletament konformi mar-rekwiżiti kollha tar-Regolament. Għaldaqstant, anke fejn l-indikazzjoni tiġi awtorizzata u inkluża fil-listi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu azzjoni jekk l-użu tagħha ma jikkonformax mar-rekwiżiti kollha tar-Regolament.

Ikun iktar faċli li wieħed jikseb konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u b’ mod partikolari l-Artikolu 10, jekk l-operatur tan-negozju tal-ikel ikun kapaċi juri d-diliġenza xierqa u l-passi meħuda biex jikkonforma ma’ kull parti ta’ dan ir-Regolament.

1.   Projbizzjoni ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa mhux awtorizzati u ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li l-użu tagħhom ma jikkonformax mar-Regolament – l-Artikolu 10(1)

L-Artikolu 10(1) jipprevedi li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa huma pprojbiti sakemm: a) ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni u b) l-użu tagħhom ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament. L-indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom ikunu ġew awtorizzati skont il-proċedura xierqa stipulata fir-Regolament u jkunu ddaħħlu f’waħda mil-listi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi msemmija fl-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(1). L-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li mhumiex awtorizzati (mhux imdaħħla f’waħda mil-listi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi) u l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li ġew awtorizzati (imdaħħla f’waħda mil-listi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi) imma li l-użu tagħhom ma jkunx konformi mar-regoli stabbiliti fir-Regolament huma pprojbiti.

2.   Informazzjoni obbligatorja li takkumpanja indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati – l-Artikolu 10(2)

2.1.   Distinzjoni ta’ tliet każijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 10(2)

Sabiex jikkonformaw mar-Regolament, l-Artikolu 10(2) jirrikjedi żewġ, jew fejn xieraq, erba’ biċċiet ta’ informazzjoni obbligatorji li jridu jingħataw lill-konsumatur meta tintuża indikazzjoni dwar is-saħħa. L-informazzjoni stabbilita fil-punti minn (a) sa (d) tal-Artikolu 10(2) għandha tkun inkluża fit-tikkettar tal-ikel, jew fil-preżentazzjoni tiegħu u r-reklamar jekk tali tikketta ma teżistix. Din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fid-dawl tal-iskop tal-leġiżlatur li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur billi tiġi pprovduta informazzjoni preċiża u ġenwina biex tgħin lill-konsumaturi jagħmel għażla infurmata.

Tikkettar” hi definita fil-punt (a) tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2000/13/KE u fil-punt (j) tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Dik id-definizzjoni tistqarr li “‘tikkettar’ tfisser kull kelma, dettalji, trejdmarks, isem tad-ditta, materjal jew simbolu bl-istampi marbut ma’ xi ikel u mqiegħed fuq xi pakkett, dokument, avviż, tikketta, ċirku jew għonq li jkun hemm ma’ dak l-ikel jew li jirreferi għalih’”; Fil-liġi tal-Unjoni hemm definizzjoni ta’ “reklamar” (4), iżda l-ebda definizzjoni ta’ “preżentazzjoni”, li għandha għalhekk tinftiehem fid-dawl tal-ispjegazzjoni prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2000/13/KE u l-punt (b) tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

L-indikazzjoni dwar is-saħħa tista’ ssir fuq it-“tikkettar” li jista’ jfisser aktar minn sempliċiment tikketta, billi jinkludi l-informazzjoni kollha mogħtija lill-konsumatur dwar l-ikel u li takkumpanjah jew tirreferi għalih. Id-distinzjoni bejn “tikkettar” u “reklamar” hija li “tikkettjar” huwa kkonċernat ma’ kunsinna tal-ikel lill-konsumatur finali, filwaqt li “reklamar” jirrigwardja l-promozzjoni talprovvista tal-ikel mill-operatur tan-negozju tal-ikel.

(a)

Sabiex tinkiseb konformità mal-Artikolu 10(2), huwa meħtieġ li tkun inkluża l-informazzjoni obbligatorja fit-tikkettar tal-ikel, li għalih tkun saret l-indikazzjoni dwar is-saħħa.

(b)

Fejn ma jeżisti l-ebda “tikkettar”, l-informazzjoni obbligatorja għandha tingħata fir-“reklamar” u l-“preżentazzjoni” tal-ikel li fir-rigward tiegħu ssir l-indikazzjoni dwar is-saħħa. Pereżempju, fejn indikazzjoni dwar is-saħħa tintuża f’reklamar ġeneriku għal ċertu ikel (eż. żejt taż-żebbuġa, prodotti tal-ħalib, laħam, eċċ.) bla rabta ma’ prodott speċifiku li jkollu t-“tikkettar”, allura l-informazzjoni obbligatorja għandha wkoll tingħata fir-“reklamar” u l-“preżentazzjoni” ta’ dak l-ikel.

L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jistabbilixxi prinċipju, li l-konsumatur għandu dejjem ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-nformazzjoni obbligatorja meta jieħu deċiżjoni dwar ix-xiri ta’ ikel. Aċċenn speċjali għandu jsir fir-rigward tal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar il-bejgħ mill-bogħod. L-informazzjoni obbligatorja għandha tkun disponibbli għall-konsumatur qabel ix-xiri u fil-każijiet tal-bejgħ mill-bogħod fejn l-aċċess għat”tikkettar” huwa ristrett, l-informazzjoni obbligatorja għandha tkun inkluża fil-preżentazzjoni u r-reklamar tal-ikel, fil-materjal li jappoġġja l-bejgħ mill-bogħod, sew jekk din hi websajt, katalgu, fuljett, ittra, eċċ.

(c)

Teżisti eżenzjoni fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament fil-każ ta’ ikel mhux ippakkjat minn qabel għall-bejgħ lill-konsumatur aħħari jew lill-kejterers tal-massa u l-ikel ippakkjat fil-punt tal-bejgħ fuq talba tax-xerrej jew ippakkjat minn qabel bil-ħsieb tal-bejgħ immedjat. Dik l-eżenzjoni tfisser li l-informazzjoni obbligatorja elenkata fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 10(2) ma tkunx meħtieġa. Għall-kuntrarju, fejn xieraq, l-informazzjoni meħtieġa skont il-punti (c) u (d) tal-Artikolu 10(2) hija meħtieġa dejjem.

2.2.   Erba’ biċċiet ta’ informazzjoni obbligatorji

Filwaqt li jippermetti ċerta flessibbiltà lill-operaturi tan-negozji tal-ikel fir-rigward ta’ kif jesprimu l-informazzjoni obbligatorja, ir-Regolament jipprevedi li l-erba’ biċċiet ta’ informazzjoni li ġejjin għandhom jiġu pprovduti meta tintuża xi indikazzjoni dwar is-saħħa permessa:

(a)

Dikjarazzjoni li tindika l-importanza ta’ dieta varjata u bilanċjata u stil ta’ ħajja san

L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tgħin lill-konsumatur jifhem l-effett ta’ benefiċċju speċifiku tal-ikel li jkollu indikazzjoni dwar is-saħħa. Hija tenfasizza li l-konsumaturi għandhom jiġu mgħarrfa li l-konsum ta’ xi ikel partikolari għandu jkun parti minn dieta varjata u bbilanċjata u mhux mittiekel wisq jew kontra il-prattika ta’ dieta tajba (il-premessa 18) sabiex jinkisbu riżultati tajbin għas-saħħa u li l-konsum tal-ikel li jkollu l-indikazzjoni dwar is-saħħa u fil-kuntest ta’ dieta varjata u bbilanċjata huma biss aspett wieħed ta’ stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa;

(b)

Il-kwantità tal-ikel u t-tendenza tal-konsum meħtieġa biex jinkiseb l-effett ta’ benefiċċju indikat

Id-dispożizzjoni tirrigwarda l-informazzjoni li operatur tan-negozju tal-ikel għandu jipprovdi, abbażi tal-kompożizzjoni tal-ikel, biex jiġi żgurat li l-effett indikat jista’ jitwassal. Il-mod kif l-ikel jiġi kkunsmat huwa importanti u l-komunikazzjoni ta’ dan lill-konsumatur jista’ wkoll ikun rekwiżit tal-kundizzjonijiet speċifiċi tal-użu stabbiliti għal indikazzjonijiet dwar is-saħħa mill-Kummissjoni meta tawtorizzahom u telenkahom fir-reġistru tal-Unjoni (5). Madankollu, dik id-dispożizzjoni għandha tiżgura li fil-każ tal-indikazzjonijiet tas-saħħa kollha, il-konsumatur ikun infurmat bis-sħiħ dwar kemm ikel huwa meħtieġ u kif dan għandu jiġi kkunsmat matul il-jum. Pereżempju, għandha tingħata informazzjoni dwar jekk l-effett allegat huwiex probabbli li jinkiseb billi jiġi kkunsmat l-ikel darba biss jew diversi drabi matul il-jum. Barra minn hekk, dik l-informazzjoni ma tridx tħeġġeġ jew tittollera l-konsum eċċessiv ta’ ikel partikolari kif previst fil-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3. Fejn dan ma jkunx possibbli, l-indikazzjoni dwar is-saħħa m’għandhiex issir;

(c)

Fejn xieraq, dikjarazzjoni indirizzata lil persuni li għandhom jevitaw l-użu ta’ dak l-ikel”; kif ukoll

(d)

Twissija adegwata għal prodotti li hemm il-probabbiltà li jkunu ta’ riskju għas-saħħa jekk ikkunsmati eċċessivament”.

Xi indikazzjonijiet jistgħu jkunu awtorizzati b’restrizzjonijiet fuq l-użu tagħhom, jew fil-każ ta’ xi sustanzi, dispożizzjonijiet oħra speċifiċi għal ċerti kategoriji ta’ ikel jistgħu jipprevedu rekwiżiti addizzjonali tal-ittikkettar. Dawn ir-rekwiżiti kollha huma kumulattivi u l-operaturi għandhom jirrispettaw id-disposizzjonijiet relevanti kollha li japplikaw għall-ikel u l-indikazzjonijiet. Madankollu, l-operaturi tan-negozji tal-ikel għandhom jassumu r-responsabilitajiet tagħhom skont il-liġi ġenerali tal-ikel u jħarsu r-rekwiżit fundamentali biex jiġi kummerċjalizzat ikel li jkun sigur u ma jkunx ta’ ħsara għas-saħħa u jużaw tali dikjarazzjonijiet fuq ir-rikonoxxenza tagħhom stess.

3.   Referenza għal benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi tas-saħħa – l-Artikolu 10(3)

L-Artikolu 10(3) jippermetti l-użu ta’ dikjarazzjonijiet attraenti faċli, li jagħmlu referenza għal benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi ta’ ċertu ikel għal saħħa tajba kumplessiva jew benesseri relatat mas-saħħa, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, suġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi. L-użu ta’ tali indikazzjonijiet jista’ jkun ta’ għajnuna għall-konsumaturi peress li jwassal messaġġi aktar ċari lill-konsumatur. Madankollu, dawn jistgħu jkunu interpretati ħażin u/jew ma jiftiehmux faċilment mill-konsumaturi u possibbilment iwasslu biex wieħed jifhem li jeżistubenefiċċji għas-saħħa oħrajn/aħjar ta’ ċertu ikel, minn dawk li jeżistu attwalment. Għal din ir-raġuni, meta wieħed jirreferi għal benefiċċji tas-saħħa ġenerali u mhux speċifiċi, huwa meħtieġ li dawn ir-referenzi jiġu akkumpanjati minn indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa misluta mil-listi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi fir-Reġistru tal-Unjoni. Għall-finijiet tar-Regolament, l-indikazzjoni tas-saħħa awtorizzata speċifika li takkumpanja l-istqarrija li tagħmel referenza għall-benefiċċji tas-saħħa ġenerali mhux speċifiċi, għandha ssir “biswit” jew “wara” t-tali stqarrija.

L-indikazzjonijiet speċifiċi misluta mil-listi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi għandu jkollhom xi rilevanza għar-referenza ġenerali. Hekk kif din ir-referenza ssir aktar wiesgħa, eż. “għal saħħa tajba”, jaf ikunu eliġibbli li jakkumpanjawha aktar indikazzjonijiet dwar is-saħħa mil-listi permessi. Xorta għandha tingħata attenzjoni lill-fatt li l-Artikolu 10 jistabbilixxi regoli rigward il-kuntest li fih l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa huma użati u minħabba li l-Artikolu 10 jirreferi speċifikament għar-regoli tal-Kapitoli II u IV, dawk ir-regoli għandhom jiġu kkunsidrati wkoll jekk l-operaturi jixtiequ jikkonformaw mar-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 10(3). Għalhekk, biex jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu mqarrqa, l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom ir-responsabbiltà li juru r-rabta bejn ir-referenza għall-benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi tal-ikel u l-indikazzjoni speċifika permessa dwar is-saħħa li takkumpanjaha.

Xi indikazzjonijiet sottomessi għall-awtorizzazzjoni matul il-valutazzjoni xjentifika tagħhom kienu ġġudikati bħala ġenerali wisq jew mhux speċifiċi għal evalwazzjoni. Dawn l-indikazzjonijiet ma setgħux jiġu awtorizzati u għalhekk jistgħu jinstabu fil-lista ta’ indikazzjonijiet mhux awtorizzati fir-Reġistru tal-Unjoni ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutriment u s-saħħa. Dan ma jeskludix li dawk l-indikazzjonijiet ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 10(3) u għalhekk jistgħu jiġu użati legalment meta jkunu akkumpanjati minn indikazzjoni speċifika misluta mil-lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi skont dak l-Artikolu.


(1)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

(2)  ĠU L 250, 19.9.1984, p. 17.

(3)  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.

(4)  Id-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv tiddikjara li “reklamar” tfisser l-għemil ta’ rappreżentazzjoni fi kwalunkwe forma b’konnessjoni ma’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex jippromwovi l-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, inkluż proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21).

(5)  Ir-Reġistru tal-Unjoni huwa ppubblikat fil-websajt uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea, DĠ tas-Saħħa u l-Konsumaturi http://ec.europa.eu/nuhclaims/


Top