EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0094

2012/94/Euratom: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Diċembru 2011 dwar il-programm speċifiku, li għandu jitwettaq permezz ta’ azzjonijiet indiretti, li jimplimenta l-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika għal riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012-2013)

ĠU L 47, 18.2.2012, p. 33–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1314

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/94(1)/oj

18.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 47/33


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Diċembru 2011

dwar il-programm speċifiku, li għandu jitwettaq permezz ta’ azzjonijiet indiretti, li jimplimenta l-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika għal riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012-2013)

(2012/94/Euratom)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea sottomessa wara konsultazzjoni mal-Kumitat tax-Xjenza u t-Teknoloġija,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Sforzi konġunti nazzjonali u Ewropej fil-qasam tar-riċerka u t-taħriġ huma essenzjali biex jippromwovu u jiżguraw tkabbir ekonomiku u l-benesseri taċ-ċittadini fl-Ewropa.

(2)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/93/Euratom tad-19 ta’ Diċembru 2011 dwar il-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012-2013) (3) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Programm Kwadru”), il-Programm Kwadru għandu jiġi implimentat permezz ta’ programmi speċifiċi li jiddefinixxu regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tagħhom, jiffissaw it-tul tagħhom u jipprovdu għal mezzi meqjusa meħtieġa.

(3)

Il-Programm Kwadru huwa magħmul minn żewġ tipi ta’ attivitajiet: azzjonijiet indiretti fir-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni u riċerka dwar il-fissjoni nukleari, is-sikurezza u l-protezzjoni mir-radjazzjoni, u azzjonijiet diretti għall-attivitajiet taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) fil-qasam tal-ġestjoni tal-iskart nukleari, l-impatt ambjentali, is-sigurtà u s-sikurezza, speċjalment dawk relatati mal-avvenimenti nukleari u b’kont meħud tat-tagħlimiet meħudin mill-esperjenzi preċedenti. L-azzjonijiet indiretti għandhom jiġu implimentati b’dan il-programm speċifiku.

(4)

Ir-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka skont il-Programm Kwadru għandhom japplikaw għal dan il-programm speċifiku.

(5)

Skont l-Artikolu 101 tat-Trattat, il-Komunità kkonkludiet għadd ta’ ftehimiet internazzjonali fil-kamp tar-riċerka nukleari, u għandhom isiru sforzi sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka, bl-għan li jkun hemm aktar integrazzjoni tal-Komunità fil-komunità internazzjonali tar-riċerka. Il-kooperazzjoni internazzjonali bilaterali hija bbażata fuq qafas legali sod ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn il-Komunità u pajjiżi terzi. Il-Programm Kwadru huwa fundamentali għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-ftehimiet. Għalhekk, dan il-programm speċifiku għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi li kkonkludew ftehimiet skont dan u għandu wkoll ikun miftuħ fuq livell ta’ proġetti, u abbażi ta’ benefiċċju reċiproku, għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet minn pajjiżi terzi u minn organizzazzjonijiet internazzjonali għal kooperazzjoni xjentifika.

(6)

Dan il-programm speċifiku għandu jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u jiżgura li tinżamm kultura adatta ta’ sikurezza.

(7)

Għandu jiġi żgurat l-immaniġjar finanzjarju tajjeb ta’ dan il-programm speċifiku u l-implimentazzjoni tiegħu bl-aktar mod effikaċi u faċli biex jintuża, filwaqt li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-aċċessibilità ta’ dan il-programm għall-parteċipanti kollha, f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5).

(8)

Għandhom jittieħdu miżuri xierqa – proporzjonati għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni – biex jiġu mmonitorjati kemm l-effikaċja tal-appoġġ finanzjarju mogħti u l-effikaċja tal-użu ta’ dawn il-fondi sabiex jiġu pprevenuti l-irregolaritajiet u l-frodi. Għandhom jittieħdu wkoll il-passi neċessarji biex jiġu rkuprati l-fondi mitlufa, indebitament imħallsa jew użati skorrettament, konformement mar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (6), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (7) u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (8).

(9)

Kull qasam tematiku ta’ dan il-programm speċifiku għandu jkollu l-linja baġitarja tiegħu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

(10)

Attvitajiet ta’ riċerka mwettqa taħt dan il-programm speċifiku għandhom jirrispettaw il-prinċipji fundamentali tal-etika, inklużi dawk li huma riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-programm speċifiku, li għandu jitwettaq permezz ta’ azzjonijiet indiretti, li jimplimenta l-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika għal riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012 – 2013) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-programm speċifiku”) huwa adottat għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 2

Il-programm speċifiku għandu jappoġġa l-attivitajiet għal riċerka u taħriġ dwar l-enerġija nukleari, li jkopru l-firxa kollha ta’ azzjonijiet indiretti ta’ riċerka mwettqa fl-oqsma tematiċi li ġejjin:

a)

ir-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni (inkluż ir-Reattur Internazzjonali Termonuklejari Sperimentali (ITER));

b)

ir-riċerka dwar il-fissjoni nukleari, sikurezza u protezzjoni mir-radjazzjoni.

L-objettivi u l-linji ġenerali tal-attivitajiet imsemmija f’dan l-artiklu huma stabiliti fl-Anness.

Artikolu 3

Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2012/93/Euratom, l-ammont massimu għat-twettiq tal-programm speċifiku huwa ta’ EUR 2 327 054 000, li minnhom sa 15 % għandhom ikunu għan-nefqa amministrattiva tal-Kummissjoni. Dan l-ammont għandu jitqassam kif ġej:

a)

riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni

EUR 2 208 809 000;

b)

fissjoni nukleari, sikurezza u protezzjoni mir-radjazzjoni

EUR 118 245 000.

Artikolu 4

L-attivitajiet kollha ta’ riċerka mwettqa taħt il-programm speċifiku għandhom jitwettqu f’konformità mal-prinċipji fundamentali tal-etika.

Artikolu 5

1.   Il-programm speċifiku għandu jiġi implimentat permezz tal-iskemi ta’ finanzjament stabiliti fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2012/93/Euratom.

2.   Ir-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka b’rabta mal-azzjonijiet indiretti stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 139/2012 tad-19 ta’ Diċembru 2011 li jistabilixxi ir-regoli għal parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet f’azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Kwadru tal-Kommunità Ewropeja għall-Enerġija Atomika u għad-disseminazzjoni ta’ riżultati tar-riċerka (2012 - 2013) (9) għandhom japplikaw għal dan il-programm speċifiku.

Artikolu 6

1.   Il-Kummissjoni għandha tfassal programm ta’ ħidma annwali għall-implimentazzjoni tal-programm speċifiku, li jistabilixxi f’aktar dettall l-objettivi u l-prijoritajiet xjentifiċi u teknoloġiċi stabiliti fl-Anness, l-iskemi ta’ finanzjament li se jintużaw għat-temi li dwarhom qed issir stedina għall-proposti, u l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni.

2.   Il-programm ta’ ħidma għandu jikkunsidra l-attivitajiet rilevanti ta’ riċerka mwettqa mill-Istati Membri, stati assoċjati u organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali. Dan għandu jiġi aġġornat meta jkun jixraq.

3.   Il-programm ta’ ħidma għandu jispeċifika l-kriterji li fuqhom jiġu evalwati l-proposti għal azzjonijiet indiretti taħt l-iskemi ta’ finanzjament u jintgħażlu l-proġetti. Il-kriterji għandhom ikunu dawk ta’ eċċellenza, impatt u implimentazzjoni. Rekwiżiti addizzjonali, gradazzjonijiet u livelli limitu jistgħu jiġu speċifikati jew ikkomplimentati fil-programm ta’ ħidma.

4.   Il-programm ta’ ħidma jista’ jidentifika li ġej:

a)

organizzazzjonijiet li jirċievu sottoskrizzjonijiet fil-forma ta’ miżata tas-sħubija;

b)

azzjonijiet ta’ appoġġ għall-attivitajiet ta’ entitajiet legali speċifiċi.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm speċifiku.

2.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-programm speċifiku l-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat konsultattiv. Il-membri ta’ dan il-kumitat jistgħu jvarjaw skond is-suġġetti differenti fuq l-aġenda tal-kumitat. Għal aspetti relatati mal-fissjoni, il-kompożizzjoni ta’ dan il-kumitat u r-regoli operazzjonali dettaljati u l-proċeduri applikabbli għalih għandhom ikunu kif stabilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 84/338/Euratom, KEFA, KEE tad-29 ta’ Ġunju 1984 dwar strutturi u proċeduri għat-tmexxija u l-koordinazzjoni ta’ attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp u demostrazzjoni komunitarji (10). Għall-aspetti relatati mal-fużjoni dawn għandhom ikunu kif stabilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1980 li tistabilixxi Kumitat Konsultattiv għall-programm ta’ fużjoni (11).

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat fuq bażi regolari dwar il-progress kumplessiv tal-implimentazzjoni tal-programm speċifiku, u għandha tipprovdilu informazzjoni f’waqtha dwar l-azzjonijiet proposti jew iffinanzjati taħt dan il-programm speċifiku.

Artikolu 8

Il-Kummissjoni għandha tagħmel arranġamenti għall-monitoraġġ indipendenti, il-valutazzjoni u l-eżami indipendenti previsti fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2012/93/Euratom jiġi mwettaq fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fl-oqsma koperti mill-programm speċifiku.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. KOROLEC


(1)  Opinjoni tal-15 ta' Novembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Opinjoni mogħtija wara konsultazzjoni mhux obbligatorja.

(2)  ĠU C 318, 29.10.2011, p.127. Opinjoni mogħtija wara konsultazzjoni mhux obbligatorja.

(3)  Ara paġna 25 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(7)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(8)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(9)  Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(10)  ĠU L 177, 4.7.1984, p. 25.

(11)  Ma ġietx ippubblikata


ANNESS

OBJETTIVI XJENTIFIĊI U TEKNOLOĠIĊI, DESKRIZZJONI ĠENERALI TAT-TEMI U TAL-ATTIVITAJIET

I.   OQSMA TEMATIĊI TAR-RIĊERKA

I.A   Riċerka tal-enerġija mill-fużjoni

Għan ġenerali

L-iżvilupp tal-bażi ta’ għarfien għal ITER u t-twettiq tiegħu, bħala pass importanti lejn il-ħolqien ta’ prototipi ta’ reatturi għal impjanti tal-enerġija li jkunu sikuri, sostenibbli, ambjentalment responsabbli, u ekonomikament vijabbli.

Attivitajiet

1.   Ir-realizzazzjoni tal-ITER

Il-Komunità għandha responsabbiltà speċjali fi ħdan l-Organizzazzjoni ITER bħala l-ospitu tal-proġett u għandha rwol ewlieni, partikolarment fir-rigward tal-governanza tal-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER, l-immaniġjar u r-reklutaġġ tal-persunal, kif ukoll appoġġ ġenerali tekniku u amministrattiv.

Il-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-ITER bħala waħda mill-Partijiet ser tinkludi aktar kontributi għall-kostruzzjoni ta’ tagħmir u stallazzjonijiet meħtieġa fis-sit tal-ITER, u appoġġ għall-proġett waqt il-kostruzzjoni.

L-attivitajiet ta’ R&Ż li jappoġġaw il-kostruzzjoni tal-ITER ser jitwettqu fl-Assoċjazzjonijiet tal-Fużjoni u l-industriji Ewropej. Dawn ser jinkludu l-iżvilupp u l-ittestjar tal-komponenti u s-sistemi.

2.   R&Ż bi tħejjija għall-operazzjoni ITER

Programm ta’ fiżika u teknoloġija ffukat ser jimmira li jikkonsolida l-għażliet tal-proġett ITER u jipprepara għall-bidu mgħaġġel tal-operazzjoni ITER. Se jitwettaq permezz ta’ attivitajiet sperimentali, teoretiċi u ta’ mmodellar koordinati bl-użu tal-faċilitajiet JET u apparat ieħor sperimentali u komputazzjonali rilevanti. Ser jiżgura li l-Ewropa tħalli l-impatt neċessarju fuq il-proġett ITER, u jħejji għal rwol Ewropew qawwi fl-esplojtazzjoni tiegħu. Hija ser tinkludi:

il-valutazzjoni tat-teknoloġiji speċifiċi ewlenin għall-operazzjoni ITER permezz tal-esplojtazzjoni tat-Titjibiet JET (l-ewwel ħajt, sistemi ta’ tisħin, dijanjostiċi simili għal tal-ITER);

esplorazzjoni tax-xenarji tat-tħaddim tal-ITER permezz ta’ esperimenti mmirati fuq il-JET u faċilitajiet oħra, u attivitajiet ta’ mudellar ikkoordinati.

3.   Attivitajiet teknoloġiċi limitati bi tħejjija għad-DEMO

Teknoloġiji u materjali ewlenin meħtieġa għal-liċenzjar, il-kostruzzjoni u l-operazzjoni tal-impjant tal-enerġija DEMO ser jiġu żviluppati aktar fl-Assoċjazzjonijiet tal-Fużjoni u fl-industrija sabiex jiġu ttestjati fl-ITER u biex l-industrija Ewropea tiġi ppożizzjonata biex tkun kapaċi tibni d-DEMO u tiżviluppa impjanti tal-enerġija mill-fużjoni fil-futur. Ser jiġu implimentati l-attivitajiet li ġejjin:

aktar xogħol mit-tim tal-proġett dedikat fuq l-Attivitajiet ta’ Validazzjoni ta’ Inġinerija u ta’ Disinn ta’ Inġinerija biex isiru t-tħejjijiet għall-kostruzzjoni tal-Faċilità Internazzjonali għall-Irradjazzjoni ta’ Materjali tal-Fużjoni, li ser tintuża għall-ittestjar ta’ materjali għal impjant tal-enerġija mill-fużjoni,

l-iżvilupp, l-ittestjar tal-irradjazzjoni u l-immudellar ta’ materjali b’attivazzjoni baxxa u radjureżistenti; l-iżvilupp tat-teknoloġiji ewlenin meħtieġa għat-tħaddim ta’ impjanti tal-enerġija mill-fużjoni, inklużi kutri; attivitajiet ta’ disinn kunċettwali tad-DEMO, inklużi aspetti ta’ sikurezza u ambjentali.

4.   Attivitajiet ta’ R&Ż għat-terminu twil

Waqt li jibni fuq l-attivitajiet speċifikament relatati mal-ITER u d-DEMO, il-programm speċifiku ser jiżviluppa kompetenzi u jkabbar il-bażi ta’ għarfien fil-kampijiet strateġikament rilevanti għall-impjanti tal-enerġija mill-fużjoni futuri. Dawn l-attivitajiet ta’ riċerka ser itejbu l-fattibilità teknika u vijabilità ekonomika tal-enerġija mill-fużjoni. Azzjonijiet speċifiċi taħt il-Programm Kwadru ser jinkludu attivitajiet limitati kif ġej:

studju ta’ kunċetti mtejba għall-iskemi tal-konfinament manjetiku, inkluż stellaraturi. Ix-xogħol ser jikkonċentra fuq il-preparazzjoni tal-operazzjoni tal-istellaratur W7-X, l-utilizzazzjoni tal-apparati eżistenti għall-espansjoni tal-bażijiet tad-data sperimentali, u l-valutazzjoni tal-prospetti futuri għal dawn il-konfigurazzjonijiet,

esperiment, teorija, u aktar immudellar bl-għan aħħari ta’ fehim komprensiv tal-plażmi tal-fuzjoni għar-reatturi,

studji dwar l-aspetti soċjoxjentifiċi u dwar l-ekonomija tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-fużjoni, u azzjonijiet immirati għall-promozzjoni ta’ kuxjenza pubblika u l-fehim tal-fużjoni.

5.   Ir-riżorsi umani, l-edukazzjoni u t-taħriġ – nibnu l-”Ġenerazzjoni ITER”

L-iżgurar ta’ riżorsi umani xierqa u livell għoli ta’ kooperazzjoni fil-qasam tematiku tal-fużjoni, għall-ħtiġijiet tal-ITER kemm għat-terminu immedjat kif ukoll għat-terminu medju, u għal aktar żvilupp tal-fużjoni, ser jiġu indirizzati permezz ta’:

l-appoġġ għall-mobilità ta’ riċerkaturi bejn l-organizzazzjonijiet parteċipi fil-programm speċifiku, sabiex jiġu promossi l-kollaborazzjoni u l-integrazzjoni aħjar tal-attivitajiet tar-riċerka, u biex iseddqu l-kooperazzjoni internazzjonali,

it-taħriġ f’livell għoli għal inġinierija u riċerkaturi f’livell postgradwati u postdottorali, inkluż l-użu ta’ faċilitajiet bħal pjattaformi ta’ taħriġ u ta’ seminars u workshops speċjalizzati, u t-trawwim tal-kooperazzjoni fost l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla.

6.   L-infrastrutturi

Ir-realizzazzjoni tal-ITER fl-Ewropa, fil-qafas internazzjonali pprovdut mill-Organizzazzjoni ITER, ser iżżid b’dimensjoni Ewropea qawwija mal-infrastrutturi l-ġodda tar-riċerka.

7.   It-trasferiment tat-teknoloġija, l-involviment tal-industrija u l-innovazzjoni

L-ITER ser jeħtieġ strutturi organizzazzjonali aktar flessibbli biex jippermettu li l-proċess ta’ innovazzjoni u l-progress teknoloġiku jiġu ttrasferiti malajr għall-industrija, b’hekk jippermettu lill-industrija Ewropea ssir aktar kompetittiva. Dan ser jiġi indirizzat:

il-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien espert ma’ universitajiet, istituti ta’ riċerka u industrija relatati, inkluża interazzjoni adatta mal-organizzazzjoni ITER u l-Impriża Konġunta Ewropea tal-Enerġija għall-Fużjoni (F4E) (bl-għoti ta’ opportunità ugwali lis-sħab fl-industrija biex jipparteċipaw, skont ir-regoli għall-akkwist rilevanti tal-Unjoni),

bl-inkuraġġiment għall-ġenerazzjoni ta’ brevetti,

bil-promozzjoni tal-Forum tal-Innovazzjoni tal-Industrija tal-Fużjoni, li ser jiżviluppa pjan direzzjonali għat-teknoloġija tal-fużjoni u inizjattivi tal-iżvilupp tar-riżorsi umani, b’enfasi fuq l-innovazzjoni u l-potenzjal għall-forniment ta’ prodotti u servizzi ġodda.

I.B   Fissjoni nukleari, sikurezza u protezzjoni mir-radjazzjoni

Objettivi ġenerali

L-istabbiliment ta’ bażi xjentifika u teknika soda sabiex jiġu aċċelerati l-iżviluppi prattiċi għall-ġestjoni aktar sikura ta’ skart radjuattiv b’ħajja twila, li ttejjeb b’mod partikolari s-sikurezza, filwaqt li tikkontribwixxi għall-effiċjenza tar-riżorsi u l-kosteffettività tal-enerġija nukleari u tiżgura sistema ta’ protezzjoni robusta u soċjalment aċċettabbli għall-bniedem u l-ambjent kontra l-effetti tar-radjazzjoni jonizzanti.

Attivitajiet

Ser jittieħdu azzjonijiet indiretti fil-fissjoni nukleari u r-radjuprotezzjoni fil-ħames oqsma prinċipali ta’ attività speċifikati hawn taħt. Fid-dawl tal-enfasi rinfurzata fuq is-sikurezza nukleari li tikkontribwixxi għar-riorjentazzjoni tar-riċerka nukleari, l-oqsma tal-istallazzjoni tas-sigurtà, il-protezzjoni mir-radjazzjoni (inklużi l-użi mediċi), u l-valutazzjoni tar-riskju ser jirċievu l-akbar attenzjoni possibbli. Hemm konnessjonijiet importanti mar-riċerka fis-Seba’ Programm Kwadru tal-Unjoni adottat permezz tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (1), partikolarment fl-oqsma tal-enerġija, l-istandards Ewropej, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-protezzjoni tal-ambjent, is-saħħa, ix-xjenza tal-materjali, il-governanza, l-infrastrutturi komuni, is-sigurtà, il-kultura tas-sikurezza. Il-kooperazzjoni internazzjonali ser tiġi inkoraġġuta f’ħafna attivitajiet ta’ riċerka, b’fokus speċjali fuq is-sikurezza tal-istallazzjonijiet nukleari, u din ser issir f’kollaborazzjoni mal-fora rilevanti tekniċi u tal-partijiet interessati kif deskritt fil-ħsieb dwar il-fissjoni nukleari, sikurezza u protezzjoni mir-radjazzjoni fil-Punt I.B tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2012/93/Euratom.

1.   Ġestjoni ta’ skart radjuattiv aħħari

Studji tal-inġinerija u dimostrazzjoni ta’ disinji ta’ mħażen ġeoloġiċi sabiex titħejja l-implimentazzjoni waqt li tiġi żgurata s-sikurezza operattiva. Studji li jikkontribwixxu għal fehim aħjar tal-iskart u l-imġiba tagħhom matul iż-żmien, l-iżvilupp ta’ metodoloġiji robusti għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni u s-sikurezza, l-investigazzjoni tal-governanza u l-kwistjonijiet tas-soċjetà relatati mal-aċċettazzjoni mill-pubbliku u attivitajiet oħrajn jiġi enfasizzat l-iżvilupp ta’ fehma Ewropea komuni dwar il-kwistjonijiet prinċipali relatati mal-ġestjoni u d-disponiment tal-iskart.

2.   Is-sistemi tar-reatturi

Waqt li jiġi rispettat l-objettiv ġenerali, riċerka li tenfasizza l-operazzjoni sikura tas-sistemi ta’ reatturi kollha (inklużi l-faċilitajiet taċ-ċiklu tal-karburant nukleari) li jintużaw fl-Ewropa jew, safejn meħtieġ sabiex tinżamm il-kompetenza esperta ġenerali dwar is-sikurezza nukleari fl-Ewropa, dawk it-tipi ta’ reatturi li jistgħu jintużaw fil-futur, li jiffukaw esklużivament fuq l-aspetti ta’ sikurezza. Dan jinkludi l-valutazzjoni u l-immaniġjar tal-ħajja operatorja tal-impjanti, il-kultura tas-sikurezza (minimizzar tar-riskju ta’ żball uman jew organizzazzjonali), metodoloġiji avvanzati ta’ valutazzjoni tas-sikurezza, għodod numeriċi ta’ simulazzjoni, l-istrumentazzjoni u l-kontroll, il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta’ aċċidenti gravi, ma’ attivitajiet assoċjati biex jottimizzaw l-immaniġjar tal-għarfien u jżommu l-livell tal-kompetenzi.

L-attivitajiet jinkludu attivitajiet ta’ riċerka bażiċi u ewlenin trasversali (bħax-xjenza materjali) (2) u, waqt li jiffukaw esklużivament fuq l-aspetti ta’ sikurezza, l-istudju ta’ reatturi futuri u l-aspetti kollha taċ-ċiklu tal-karburant bħad-diviżjonar u t-trasmutazzjoni.

3.   Il-protezzjoni mir-radjazzjoni

L-attivitajiet f’dan il-qasam ser jiffokaw fuq:

Kwantifikazzjoni aħjar tar-riskji għas-saħħa għal esponimenti baxxi u prolungati, inkluża l-varjabbiltà individwali, permezz ta’ studji epidemjoloġiċi u fehim aħjar tal-mekkaniżmi minn riċerka fil-bijoloġija ċellulari u molekulari.

Titjib fis-sikurezza u l-effikaċja tal-użijiet mediċi tar-radjazzjoni permezz ta’ żviluppi teknoloġiċi ġodda u l-ksib ta’ bilanċ xieraq bejn il-benefiċċji u r-riskji ta’ dawn l-użijiet.

It-titjib fil-koerenza u l-integrazzjoni tal-immaniġjar tal-emerġenzi u ġestjoni ta’ wara l-aċċidenti fl-Ewropa permezz tal-iżvilupp ta’ għodod u strateġiji komuni u d-dimostrazzjoni tal-effikaċja tagħhom f’ambjenti operazzjonali.

F’oqsma oħrajn, l-attivitajiet nazzjonali ta’ riċerka ser ikunu integrati b’mod aktar effettiv kif jitqies meħtieġ.

4.   L-infrastrutturi

Fejn hemm valur miżjud Ewropew ċar b’mod speċjali biex tiġi stabbilita massa kritika, jingħata appoġġ għad-disinn, il-modernizzar, il-kostruzzjoni u/jew l-operazzjoni ta’ infrastrutturi ta’ riċerka ewlenin meħtieġa fi kwalunkwe qasam tematiku ta’ hawn fuq, inkluż l-iffaċilitar tal-aċċess adatt għall-infrastrutturi eżistenti u futuri għall-ħaddiema individwali fir-riċerka u t-timijiet tar-riċerka.

5.   Ir-riżorsi umani u t-taħriġ (3)

Koordinazzjoni tal-programmi nazzjonali u l-provvista tal-ħtiġijiet ġenerali ta’ taħriġ fix-xjenza u t-teknoloġija nukleari permezz ta’ firxa ta’ strumenti, inklużi dawk kompetittivi, bħala parti mill-appoġġ ġenerali għar-riżorsi umani fl-oqsma tematiċi kollha. Dan jinkludi appoġġ għall-korsijiet ta’ taħriġ u netwerks ta’ taħriġ, u miżuri biex is-settur isir aktar attraenti għal xjenzjati u inġiniera żgħażagħ u tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li l-kwalifiki jkunu ekwivalenti fl-Istati Membri kollha.

II.   ASPETTI ETIĊI

Waqt l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm u fl-attivitajiet ta’ riċerka li joħorġu minnu, għandhom jiġu rispettati prinċipji fundamentali tal-etika. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, il-prinċipji riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawn li ġejjin: il-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem u l-ħajja tal-bniedem, il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, kif ukoll l-annimali u l-ambjent skont il-liġi tal-Komunità u l-aħħar verżjonijiet tal-konvenzjonijiet, il-linji gwida u l-kodiċi ta’ kondotta internazzjonali rilevanti, eż. id-Dikjarazzjoni ta’ Ħelsinki, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina ffirmata f’Oviedo fl-4 ta’ April 1997 u l-Protokolli Addizzjonali tagħha, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, id-Dikjarazzjoni Universali dwar il-ġenoma tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem adottata mill-UNESCO, il-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi, it-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura, u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Ser jittieħed kont ukoll tal-opinjonijiet tal-Grupp Ewropew ta’ Konsulenti dwar l-Implikazzjonijiet Etiċi tal-Bijoteknoloġija (1991-1997) u l-opinjonijiet tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji godda (mill-1998 ’il quddiem).

B’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u d-diversità ta’ approċċi eżistenti fl-Ewropa, il-parteċipanti fi proġetti ta’ riċerka għandhom ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti u r-regolamenti etiċi kurrenti fil-pajjiżi fejn titwettaq ir-riċerka. Fi kwalunkwe każ, japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali u l-ebda riċerka pprojbita fi kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż ieħor partikolari ma tiġi appoġġata mill-finanzjament Komunitarju sabiex titwettaq f’dak l-Istat Membru jew pajjiż.

Fejn xieraq, dawk li jwettqu proġetti ta’ riċerka għandhom ifittxu l-approvazzjoni tal-kumitati etiċi nazzjonali jew lokali rilevanti qabel ma jinbdew l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku. Reviżjoni etika ser tiġi wkoll implimentata sistematikament mill-Kummissjoni għal proposti li jittrattaw kwistjonijiet etikament sensittivi jew fejn aspetti etiċi ma jkunux ġew indirizzati b’mod adegwat. F’każijiet speċifiċi tista’ ssir revizjoni etika matul l-implimentazzjoni ta’ proġett.

L-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjomanemt tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħti kull rigward lill-ħtiġiet tal-benesseri tal-annimali meta tifformula u timplimenta linji politiċi tal-Unjoni inkluża r-riċerka. Id-Direttiva tal-Kunsill 86/609/KEE tal-24 ta’ Novembru 1986 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-annimali użati għall-għanijiet sperimentali u għanijiet oħra xjentifiċi (4) teħtieġ li l-esperimenti kollha jkunu disinjati b’tali mod li jevitaw dieqa u uġigħ u tbatija bla bżonn għall-annimali sperimentali; li jintuża numru minimu ta’ annimali; u li jiġu involuti annimali bl-aktar grad baxx ta’ sensittività newropsikoloġika; li jiġu kkawżati l-inqas uġigħ, tbatija, dieqa jew ħsara dejjiema. L-alterazzjoni tal-wirt ġenetiku tal-annimali u l-klonazzjoni tal-annimali tista’ tkun ikkunsidrat biss jekk il-miri huma etikament ġustifikati u l-kondizzjonijiet huma tali li l-ġid tal-annimali huwa garantit u l-prinċipji tal-bijodiversità huma rispettati. Matul l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm speċifiku, avvanzi xjentifiċi u dispożizzjonijiet nazzjonali u internazzjoniali se jiġu regolarment immonitorjati mill-Kummissjoni sabiex jitqies kwalunkwe żvilupp.


(1)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(2)  Hu mifhum li l-ĊER huwa responsabbli mill-appoġġ tar-riċerka fil-fruntiera fl-oqsma kollha tax-xjenza u t-teknoloġija.

(3)  Huwa mifhum lir-responsabilità għall-mobilità tar-riċerkaturi bejn l-oqsma kollha tax-xjenza u t-teknoloġija taqa' fuq il-Programm “Nies” taħt il-Programm Kwadru tal-Unjoni.

(4)  ĠU L 358, 18.12.1986, p. 1.


Top