Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0092

    2012/92/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal- 14 ta’ Diċembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

    ĠU L 46, 17.2.2012, p. 40–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/92/oj

    17.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 46/40


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tal-14 ta’ Diċembru 2011

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

    (2012/92/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fuq talba tal-Portugall, il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lilha (Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE (2)) b’appoġġ għall-programm ekonomiku u ta’ aġġustament finanzjarju b’saħħtu (“Programm”) bil-għan li terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja, jiġi ffaċilitat ir-ritorn tal-ekonomija lejn tkabbir sostenibbli, filwaqt li tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fil-Portugall, iż-żona euro u l-Unjoni.

    (2)

    Skont il-projezzjonijiet attwali tal-Kummissjoni għat-tkabbir tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) nominali (– 0,6 % fl-2011, – 1,9 % fl-2012, 1,9 % fl-2013 u 3,9 % fl-2014), il-pjan ta’ aġġustament fiskali huwa konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill lill-Portugall tat-2 ta’ Diċembru 2009 bil-ħsieb li jġib fit-tmiem is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gevrn, skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat, u konsistenti mal-pjan għall-proporzjon tad-dejn mal-PDG ta’ 107,2 % fl-2011, 116,2 % fl-2012, 118,1 % fl-2013 u 116 % fl-2014. Għaldaqstant, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG jistabbilizza fl-2013 u jaqbad it-triq tan-niżla minn wara dik is-sena, fejn qed jiġi ssopponut progress ulterjuri fit-tnaqqis tad-defiċit. Id-dinamiċi tad-dejn huma affettwati minn diversi operazzjonijiet esklużi mit-total tal-kont, inklużi akkwiżizzjonijiet imdaqqsa ta’ assi finanzjarji, b’mod partikolari għal rikapitalizzazzjoni u finanzjament possibbli mill-banek lill-impriżi tal-istat (“SOEs”) u d-differenzi bejn il-pagamenti dovuti u dawk tal-imgħax fi flus kontanti.

    (3)

    Intlaħaq il-kriterju ta’ prestazzjoni kwantitattiva ta’ kull tliet xhur fuq il-bilanċ tal-flus kontanti tal-gvern ċentrali għat-tieni sett ta’ tliet xhur tal-2011 u d-data preliminari tissuġġerixxi li dan kien il-każ ukoll fit-tielet sett ta’ tliet xhur tal-2011. Madankollu, bl-informazzjoni disponibbli minn kmieni f’Novembru, fuq bażi ta’ Sistemi Ewropej ta’ Kontijiet (ESA95), hija prevista diskrepanza baġitarja ta’ madwar 1½ fil-mija tal-PDG għall-2011 kollha. Parti minn din id-diskrepanza fiskali kienet diġà ġiet determinata sa Awwissu, l-aktar minħabba l-infiq akbar milli ppjanat attwali, dħul kurrenti mhux mit-taxxa inqas minn dak previst u nfiq kapitali akbar minn dak ibbaġittjat. Il-Gvern Portugiż kien ħa xi miżuri sabiex inaqqas din id-diskrepanza, l-aktar soprataxxa ta’ darba fit-taxxa fuq id-dħul personali u żieda fir-rata tal-VAT għall-gass naturali u l-elettriku, li ġiet rapportata għall-1 ta’ Ottubru 2011 mill-2012. Iżda dawn il-miżuri ma kinux biżżejjed sabiex jegħlbu d-diskrepanza fiskali, b’mod partikolari hekk kif aktar riċenti ġew identifikati imperfezzjonijiet oħrajn, inklużi pagament ta’ imgħax ogħla, dħul kapitali u bejgħ fis-suq immobilarji inqas minn dawk previsti. Il-Gvern Portugiż qed jipprova jilħaq ftehim mal-banek dwar trasferiment parzjali tal-fondi ta’ pensjoni tagħhom fis-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat, li jrid iseħħ b’konformità sħiħa mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, u li għandu jintuża f’każijiet eċċezzjonali sabiex tintlaħaq il-mira tad-defiċit ta’ 5,9 fil-mija tal-PDG fl-2011. Il-Gvern Portugiż qabel sabiex fis-snin li ġejjin ma jiddependix fuq trasferimenti ulterjuri tal-fondi ta’ pensjonijiet biex jilħaq il-miri tal-Programm.

    (4)

    Qed isir progress biex tissaħħaħ il-ġestjoni finanzjarja pubblika permezz ta’ rapportar u monitoraġġ imtejba, u riforma tal-qafas baġitarju b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni u l-persunal tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

    (5)

    L-istokk ta’ arretrati għandhom jitnaqqsu b’mod sinifikanti matul il-perjodu tal-Programm. Għal dan il-għan, se titħejja strateġija għall-validazzjoni u l-ħlas tal-arretrati għall-entitajiet li jinsabu fl-amministrazzjoni pubblika kif ukoll għal SOEs ikklassifikati barra l-amministrazzjoni pubblika. F’din l-istrateġija, għandu jkun ipprovdut pjan direzzjonali li jistabbilixxi kif u meta għandu jiġi stabbilizzat l-istokk ta’ arretrati. Barra minn hekk, għandhom jiġu esplorati diversi għażliet ta’ ħlas tal-arretrati, billi jiġu pprovduti mekkaniżmi ta’ inċentiv xierqa inkluż il-potenzjal ta’ tnaqqis għall-ħlas bikri u l-ippremjar ta’ entitajiet li ma għadhomx jakkumulaw arretrati ġodda.

    (6)

    Minħabba l-ġibda sinifikanti li r-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira eżerċita fuq il-finanzi pubbliċi tal-Portugall, il-Gvern Portugiż għandu jħejji arranġament finanzjarju ma’ dak ir-reġjun bil-għan li jiġi kontenut il-livell għoli ta’ riskji finanzjarji li għadhom preżenti. L-arranġament għandu jiġi mfassal b’konformità mal-Programm u fost l-oħrajn, jinvolvi analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn.

    (7)

    Il-banek Portugiżi għandhom jaħdmu lejn l-ilħuq ta’ rekwiżiti kapitali ogħla kif stipulat mill-Programm, billi jikkunsidraw ukoll l-implikazzjonijiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju mmexxi mill-Awtorità Bankarja Ewropea fuq il-valutazzjoni ta’ espożizzjonijiet sovrani li għandhom jagħlqu il-prezzijiet tas-suq ta’ Settembru, il-programm speċjali ta’ spezzjoni fuq il-post u t-trasferiment tal-fondi tal-pensjonijiet tal-banek fis-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat. Qed jitħejja qafas legali, bil-għan li jipprovdi appoġġ pubbliku temporanju lill-banek. Diżingranaġġ ibbilanċjat u ordinat tas-settur bankarju jibqa’ fundamentali, filwaqt li jiġi salvagwardjat kreditu adegwat għas-setturi produttivi tal-ekonomija. Il-bejgħ tal-Banco Português de Negócios jinsab fl-istadji finali minkejja li t-tranżazzjoni għadha teħtieġ l-approvazzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Sar anki progress fit-tisħiħ tal-qafas superviżorju u regolatorju, inkluż permezz ta’ assistenza teknika.

    (8)

    Progress fir-riformi tas-suq tax-xogħol u tal-prodotti huwa essenzjali sabiex tiġi restawrata l-kompetittività u jikber il-potenzjal ta’ tkabbir. Qed javvanzaw ir-riformi tas-suq tax-xogħol sabiex jiġu allinjati l-protezzjoni u d-drittijiet taħt kuntratti fissi u indefiniti u sabiex jitwaqqaf fond iffinanzjat mill-impjegaturi sabiex jitħallsu l-intitolamenti ta’ severanza tal-ħaddiema. Il-programm ta’ privatizzazzjoni qed jiġi implimentat taħt il-liġi qafas il-ġdida għall-privatizzazzjoni. Fl-aġenda tal-gvern Portugiż ingħatat prijorità r-ristrutturar profond u urġenti tal-SOEs. Huwa meħtieġ progress ulterjuri sabiex jonqsu l-ostakli għad-dħul għas-setturi protetti bil-għan li titrawwem kompetizzjoni u tonqos ir-renta eċċessiva. Jeħtieġ li r-riformi strutturali jiġu implimentati b’mod deċisiv u sorveljati mill-qrib.

    (9)

    Minkejja l-ewwel u t-tieni żborżamenti relattivament kbar, il-pożizzjoni tal-likwidità tal-Gvern Portugiż għadha taħt pressjoni. Dan huwa spjegat miż-żieda tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament mill-SOEs, żieda qawwija fit-tifdija domestika ta’ ċertifikati ta’ tfaddil, u stress persistenti fuq is-suq finanzjarju.

    (10)

    Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE għandha tiġi emendata,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE huwa b’dan emendat kif ġej:

    (1)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Id-defiċit tal-gvern ċentrali ma għandux jaqbeż il-massimu ta’ EUR 10 068 miljun (ekwivalenti għal 5,9 % tal-PDG fuq il-bażi tal-projezzjonijiet kurrenti) fl-2011, EUR 7 645 miljun (5 % tal-PDG) fl-2012 u 3,0 % tal-PDG sal-2013 b’konformità mar-rekwiżiti tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv. Għall-kalkolu ta’ dan id-defiċit, l-ispejjeż baġitarji possibbli tal-miżuri ta’ appoġġ tal-banek fil-kuntest tal-istrateġija tas-settur finanzjarju tal-Gvern Portugiż ma għandhomx jiġu kkunsidrati. Il-konsolidazzjoni għandha tinkiseb permezz ta’ miżuri permanenti ta’ kwalità għolja u minimizzazzjoni tal-impatt tal-konsolidazzjoni fuq gruppi vulnerabbli.”;

    (2)

    il-paragrafu 5 huwa emendat b’dan li ġej:

    (a)

    il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(a)

    il-mira tad-defiċit fiskali għall-2011 għandha tiġi milħuqa permezz ta’ miżura eċċezzjonali. L-assi ottenuti b’riżultat tat-trasferiment tal-fondi tal-pensjonijiet tal-banek għas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat ma għandhomx jintużaw fi kwalunkwe mod li jkun detrimentali għas-sostenibbiltà fuq terminu ta’ żmien twil tal-finanzi pubbliċi Portugiżi.

    (b)

    Il-Portugall għandu jadotta miżuri sabiex isaħħaħ il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi. Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri mogħtija fil-Liġi Qafas Baġitarja l-ġdida, inkluż l-istabbilment ta’ qafas baġitarju ta’ terminu medju u l-istabbilment ta’ Kunsill Fiskali indipendenti. Il-qafas baġitarju fil-livelli lokali u reġjonali għandu jissaħħaħ b’mod konsiderevoli, b’mod partikolari billi jipproponi l-għażliet ewlenin għall-allinjament tal-liġijiet finanzjarji rispettivi mar-rekwiżiti tal-Liġi Qafas Baġitarja. Il-Portugall għandu jżid ir-rapportar u l-monitoraġġ tal-finanzi pubbliċi u jirrinforza r-regoli u l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni baġitarja. Il-Gvern Portugiż għandu jħejji strateġija għall-validazzjoni u s-saldu ta’ arretrati li se tippreżenta mappa direzzjonali li tistabbilixxi kif u meta se jiġu stabilizzati l-istokkijiet ta’ arretrati u tesplora għażliet varji għas-saldu ta’ arretrati. Rigward is-Sħubiji Pubbliċi-Privati (“PPPs”), il-Gvern Portugiż m’għandux jidħol f’PPPs ġodda qabel ma jiġu disponibbli r-riżultati tal-istudji dwar PPPs eżistenti mbassra fil-Programm u r-riformi legali u istituzzjonali proposti.”;

    (b)

    il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(e)

    Il-Portugall għandu jkompli jiftaħ l-ekonomija għall-kompetizzjoni. Il-Gvern Portugiż għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-Istat Portugiż jew kwalunkwe korp pubbliku ieħor ma jikkonkludix, f’kapaċità ta’ azzjonist, ftehimiet li jistgħu jxekklu l-moviment ħieles ta’ kapital jew li jistgħu jinfluwenzaw il-kontroll amministrattiv ta’ kumpaniji. Il-Liġi ta’ Privatizzazzjoni l-ġdida għandha tirrispetta wkoll il-prinċipji ta’ moviment ħieles ta’ kapital u ma tagħti jew tippermetti l-ebda drittijiet speċjali lill-Istat. Għandha ssir reviżjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni bil-għan li jitjiebu l-veloċità u l-effettività tal-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni.”;

    (c)

    il-punt (h) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(h)

    Il-Portugall għandu jħejji arranġament finanzjarju mar-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira (“RAM”) b’mod konsistenti mal-Programm. Sakemm jintlaħaq ftehim dwar dak l-arranġament u l-implimentazzjoni tiegħu fil-baġit RAM, il-Portugall għandu jagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-eżekuzzjoni tal-baġit tar-RAM, għandu jżomm it-trasferimenti mill-Istat lill-gvern tar-RAM sospiżi u ma għandu jonora l-ebda dejn jew garanziji kummerċjali jew finanzjarji ġodda mill-gvern tar-RAM u s-SOEs tiegħu li mhumiex approvati mill-Ministeru tal-Finanzi.”;

    (3)

    il-paragrafu 6 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punti (a) sa (d) huma sostwiti b’dan li ġej:

    “(a)

    Il-Portugall għandu jimplimenta l-programm ta’ privatizzazzjoni. B’mod partikolari, il-bejgħ ta’ ishma tas-settur pubblika fl-EDP għandu jitlesta fl-2012. Barra minn hekk, l-ishma tas-settur pubbliku fir-REN u l-GALP, u, jekk il-kundizzjonijiet tas-suq jippermettu dan, fit-TAP, għandhom jinbiegħu fl-2012. Se titħejja strateġija għall-Parpublica, b’kunsiderazzjoni mill-ġdid tar-rwol tal-Parpublica bħala kumpanija pubblika u b’kunsiderazzjoni tal-possibbiltà ta’ stralċ tal-kumpanija jew konsolidazzjoni tagħha mal-gvern ġenerali. Il-pjan ta’ privatizzazzjoni matul l-2013 għandu jkopri anki l-Aeroportos de Portugal, il-fergħa tal-merkanzija ta’ Comboios de Portugal, Correios de Portugal u Caixa Seguros, kif ukoll għadd ta’ impriżi iżgħar;

    (b)

    il-miżuri definiti fil-punti (c) u (d) li jammontaw għal tal-inqas EUR 8,8 biljun għandhom jiġu inklużi fil-baġit tal-2012. Għandhom jittieħdu miżuri ulterjuri, l-aktar min-naħa tal-infiq, sabiex titneħħa kwalunkwe diskrepanza li tirriżulta mill-iżviluppi baġitarji fl-2012;

    (c)

    il-baġit għandu jipprovdi għal tnaqqis tan-nefqa fl-2012 b’tal-inqas EUR 6,7 biljun, inkluż tnaqqis fil-pagi u impjiegi fis-settur pubbliku; tnaqqis fil-pensjonijiet; riorganizzazzjoni komprensiva tal-amministrazzjoni ċentrali, eliminazzjoni ta’ xogħol doppju u ineffiċjenzi oħra; tnaqqis tal-għadd ta’ muniċipalitajiet u parroċċi; tnaqqis fl-edukazzjoni u s-saħħa; trasferimenti aktar baxxi lejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali; u tnaqqis fin-nefqa kapitali u nefqiet oħra kif stabbilit fil-Programm;

    (d)

    min-naħa tad-dħul, il-baġit għandu jinkludi miżuri ta’ dħul li jammontaw għal total ta’ EUR 2,1 biljun f’sena sħiħa, inkluż billi jitwessgħu l-bażijiet tal-VAT permezz ta’ tnaqqis tal-eżenzjonijiet u jiġu rranġati mill-ġdid il-listi ta’ prodotti u servizzi soġġetti għal rati mnaqqsa, intermedji u ogħla; żieda fit-taxxi tas-sisa; twessigħ tal-bażijiet ta’ taxxa korporattiva u fuq id-dħul personali billi jonqsu t-tnaqqis tat-taxxi u r-reġimi speċjali; tiġi żgurata l-konverġenza tat-tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul personali applikata għal dħul minn pensjonijiet u mix-xogħol; u bidliet fit-tassazzjoni tal-proprjetà billi l-eżenzjonijiet jitnaqqsu b’mod sostanzjali. Dawn il-miżuri għandhom jiġu kkumplimentati minn azzjoni ta’ ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi u l-informalità;”;

    (b)

    il-punti (k) u (l) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(k)

    Il-Portugall għandu jippromwovi l-iżviluppi fil-pagi b’mod konsistenti mal-għanijiet ta’ trawwim tal-ħolqien tal-impjiegi u ta’ titjib tal-kompetittività tad-ditti bil-għan li jikkoreġi l-iżbilanċi makroekonomiċi. Matul il-perjodu tal-Programm, kwalunkwe żieda fil-pagi minimi se ssir biss jekk din tkun ġustifikata mill-iżviluppi ekonomiċi u tas-suq tax-xogħol. Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġu indirizzati d-dgħjufiji fl-iskemi ta’ negozjar tal-pagi attwali, inkluża leġiżlazzjoni sabiex tiddefinixxi mill-ġdid il-kriterji u l-modalitajiet tal-estensjoni tal-ftehimiet kollettivi u biex jiġu faċilitati l-ftehimiet fil-livell tal-impriżi. Sa kemm isir dan, l-applikazzjoni tal-estensjonijiet se tiġi sospiża;

    (l)

    Għandu jitħejja pjan ta’ azzjoni sabiex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ sekondarji u vokazzjonali;”;

    (c)

    huwa miżjud il-punt li ġej:

    “(p)

    Il-Portugall għandu jadotta miżuri biex jiżgura s-sostenibbiltà tas-sistema nazzjonali tal-elettriku li twassal għall-eliminazzjoni tad-dejn tat-tariffa sal-2020 u tiżgura li tistabbilxxi sal-2013. Dawn il-miżuri għandhom jikkoreġġu l-kirjiet eċċessivi u jkopru s-sorsi kollha tagħhom.”;

    (4)

    il-paragrafu 7, huwa emendat b’dan li ġej:

    (a)

    il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(a)

    il-baġit tal-2013 għandu jinkludi miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali li jammontaw għal tal-anqas EUR 3, 4 biljun bil-għan li jitnaqqas id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fi ħdan il-perjodu ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 3(3);

    (b)

    Il-baġit għandu jinkludi miżuri ta’ dħul li jinkludu b’mod partikolari l-aktar it-twessigħ ulterjuri tal-bażijiet tat-taxxa korporattiva u fuq id-dħul personali, taxxi tas-sisa ogħla u bidliet fit-tassazzjoni tal-propjetà, li jrendu kważi EUR 0,7 biljun ta’ dħul addizzjonali;”;

    (b)

    il-punti li ġejjin huma miżjuda:

    “(d)

    min-naħa tan-nefqa, il-baġit għandu jipprovdi għal tnaqqis ta’ minimalment EUR 2.7 biljun, inkluż tnaqqis tan-nefqiet fl-amministrazzjoni ċentrali, l-edukazzjoni u s-saħħa; trasferimenti għal awtoritajiet lokali u reġjonali; tnaqqis fl-għadd ta’ impjegati fis-settur pubbliku; u nefqiet aktar baxxi mis-SOEs;

    (e)

    Il-Portugall għandu jtejjeb l-ambjent tan-negozju billi jnaqqas il-piż amministrattiv permezz tal-estensjoni tar-riformi ta’ simplifikazzjoni (Punti ta’ Kuntatt Uniku u proġetti li ma jeħtieġu l-ebda awtorizzazzjoni) għas-setturi kollha tal-ekonomija; u billi jnaqqas ir-restrizzjonijiet ta’ kreditu għall-impriżi żgħar u medji, anki permezz tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (*)

    (*)  ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1.”;"

    (5)

    il-paragrafu 8 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-kliem introduttorju huma sostwiti b’dan li ġej:

    “8.   Bil-għan li terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja fis-settur finanzjarju, il-Portugall għandu jirrikapitalizza b’mod adegwat is-settur bankarju tiegħu u jiżgura proċess ta’ diżingranaġġ b’mod ordinat. F’dak ir-rigward, il-Portugall għandu jiżviluppa u jiftiehem mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI dwar strateġija għall-istruttura u l-funzjonament fil-ġejjieni tas-settur bankarju tal-Portugall sabiex tiġi ppreżervata l-istabbiltà finanzjarja. B’mod partikolari, il-Portugall għandu:”;

    (b)

    il-punti (a) sa (g) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(a)

    jagħtu pariri lil banek biex isaħħu l-ilqugħ kollaterali tagħhom fuq bażi sostenibbli u jimmonitorjaw il-ħruġ tal-bonds tal-bank garantiti mill-gvern, li ġew awtorizzati sa EUR 35 biljun f’konformità mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni;

    (b)

    Isegwi mill-qrib il-pjanijiet ippreżentati mill-banek sabiex jintlaħaq proporzjon tal-Grad 1 Ewlieni ta’ 9 fil-mija sa tmiem l-2011 u 10 fil-mija sa mhux aktar tard minn tmiem l-2012. Ir-rekwiżiti kapitali li jirriżultaw mill-valutazzjoni tad-dejn sovran fuq il-bażi tal-prezzijiet tas-suq skont l-Awtorità Bankarja Ewropea għandhom jintlaħqu f’Ġunju 2012 flimkien mal-implikazzjonijiet kapitali mill-programm speċjali ta’ spezzjoni fuq il-post u t-trasferiment ta’ fondi tal-pensjonijiet tal-banek fis-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat. Fi Frar 2012, il-banek għandhom jippreżentaw pjanijiet dwar kif beħsiebhom jilħqu l-ħtiġijiet kapitali tagħhom f’dik is-sena. Jekk il-banek ma jistgħux jilħqu l-livelli limiti tal-kapital meħtieġ fil-ħin, jistgħu temporanjament jirrikjedu dispożizzjoni pubblika ta’ kapital, li għal banek privati għandha tkun disponibbli permezz ta’ faċilità ta’ appoġġ ta’ EUR 12 biljun f’solvenza tal-bank stabbilita skont il-Programm;

    (c)

    jiżgura diżingranaġġ ibbilanċjat u b’mod ordinat tas-settur bankarju, li jibqa’ kritiku għall-eliminazzjoni ta’ żbilanċi fil-finanzjamenti fuq bażi permanenti. Il-pjanijiet ta’ finanzjament tal-‘Banek’ għandhom l-għan li jnaqqsu l-proporzjon tas-self mad-depożiti għal madwar 120 % sal-aħħar tal-Programm u tnaqqis mid-dipendenza fuq il-finanzjament mill-Eurosystem sakemm idum il-Programm. Dawn il-pjanijiet ta’ finanzjament għandhom jiġu riveduti kull tliet xhur, fejn li jmiss tkun mistennija qabel it-tielet reviżjoni tal-Programm. Il-Bank tal-Portugall għandu jieħu l-azzjoni xierqa fil-każ ta’ devjazzjonijiet mill-pjanijiet ta’ finanzjament tal-banek;

    (d)

    jiffinalizza l-bejgħ tal-Banco Português de Negócios filwaqt li jiġu rispettati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni;

    (e)

    jiżgura li l-Caixa Geral de Depositos (CGD) li huwa proprjetà tal-istat, jesperjenza riforma ta’ simplifikazzjoni biex iżid il-bażi kapitali tal-fergħa bankarja ewlenija tiegħu kif meħtieġ fl-2011 mingħajr id-dipendenza fuq il-bejgħ tal-fergħa tal-assigurazzjoni tiegħu. Dan il-bejgħ huwa mistenni li jseħħ fl-2012 direttament lil xerrej aħħari u huwa mistenni jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet kapitali addizzjonali ta’ dik is-sena. Sa fejn dawn il-ħtiġijiet ma jkunux jistgħu jintlaħqu minn sorsi ta’ grupp interni, is-CGD għandu jiġi pprovdut bl-appoġġ kapitali mill-gvern barra l-faċilità ta’ appoġġ għas-solvenza tal-bank;

    (f)

    jiżgura li t-trasferiment parzjali tal-fondi tal-pensjonijiet tal-banek fis-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat jsir bil-kundizzjonijiet attwalment ibbilanċjati, kif ukoll jirrispetta ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u dwar l-għajnuna mill-Istat. Sabiex jiġi evitat il-bżonn ta’ rikors għall-appoġġ għas-solvenza tal-bank fi ħdan il-pakkett ta’ finanzjament tal-Programm, il-gvern Portugiż għandu joffri li jgħin lill-banek sabiex ikopru l-impatt tat-trasferiment fuq il-kapital billi juża parti mit-trasferiment sabiex jixtri ekwità komuni fil-banek. Il-bqija tal-fondi trasferiti għandhom jiġu depożitati f’kont imblukkat sat-tlestija tat-tielet reviżjoni tal-Programm;

    (g)

    jiffinalizza l-qafas legali għall-aċċess għall-kapital minn sorsi pubbliċi sal-aħħar ta’ Jannar 2012 b’konsistenza mar-regoli tal-għajnuna mill-istat tal-Unjoni u f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni;”;

    (c)

    żdiedu il-punti li ġejjin:

    “(i)

    jiżgura li qabel it-tielet reviżjoni tal-Programm il-banek ikunu inkorporaw ir-riżultati disponibbli tal-programm tal-ispezzjonijiet fuq il-post speċjali fl-eżerċizzju tat-test tal-istress b’livell limitu ta’ 6 fil-mija tal-Grad 1 Ewlieni;

    (j)

    ilesti l-qafas legali għal intervent, riżoluzzjoni u assigurazzjoni tad-depożiti bikrija għall-banek sa tmiem l-2011 u dak għar-ristrutturazzjoni tad-dejn korporattiv u domestiku sal-istess data ta’ skadenza.”;

    (6)

    il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “9.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza u gwida kontinwi dwar ir-riformi fiskali, tas-suq finanzjarju u strutturali sabiex tiżgura l-implimentazzjoni mingħajr intoppi tal-kundizzjonalità tal-Programm, u sabiex tgħin fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi b’mod sostenibbli. Fi ħdan il-qafas tal-assistenza li għandha tingħata lill-Portugall, flimkien mal-FMI u l-BĊE, għandha tirrevedi b’mod perjodiku l-effettività u l-impatt ekonomiku u soċjali tal-miżuri miftiehma, u għandha tirrakkomanda l-korrezzjonijiet meħtieġa bil-għan li jiġu żgurati t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, tiġi garantita l-konsolidazzjoni fiskali meħtieġa u jiġu minimizzati l-impatti soċjali negattivi, b’mod partikolari fuq l-aktar partijiet vulnerabbli tas-soċjetà Portugiża.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. KOROLEC


    (1)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

    (2)  ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88.


    Top