Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0384

2011/384/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal- 20 ta’ Ġunju 2011 li tawtorizza lill-Isvezja tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku għall-elettriku pprovdut direttament lill-vapuri rmiġġati f’port ( “elettriku mill-art” ) skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

ĠU L 170, 30.6.2011, p. 36–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/06/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/384/oj

30.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/36


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Ġunju 2011

li tawtorizza lill-Isvezja tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku għall-elettriku pprovdut direttament lill-vapuri rmiġġati f’port (“elettriku mill-art”) skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

(2011/384/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittra ddatata l-4 ta’ Marzu 2010, l-Isvezja talbet awtorizzazzjoni biex tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku għall-elettriku pprovdut direttament lil vapuri rmiġġati f’port (“elettriku mill-art”) skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

(2)

Permezz tat-tnaqqis fit-taxxa li bi ħsiebha tapplika, l-Isvezja għandha l-għan li tippromovi użu iktar wiesa’ ta’ elettriku mill-art bħala mezz ambjentali inqas dannuż sabiex il-vapuri jissoddisfaw il-bonnijiet tagħhom ta’ elettriku filwaqt li jkunu fl-irmiġġ fil-portijiet meta mqabbel mal-ħruq ta’ karburanti tal-bunker abbord.

(3)

Sakemm l-użu tal-elettriku mill-art jevita l-emissjonijiet ta’ inkwinament tal-arja assoċjat mal-ħruq ta’ karburanti tal-bunker abbord il-vapuri fl-irmiġġ, dan jagħti kontribut għal titjib tal-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwali. Taħt il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-istruttura tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fir-reġjun ikkonċernat, jiġifieri s-suq tal-elettriku Nordiku inklużi l-Isvezja, id-Danimarka, il-Finlandja u n-Norveġja, l-użu tal-elettriku mis-sistema ta’ distribuzzjoni mill-art minflok l-elettriku iġġenerat permezz tal-ħruq ta’ karburanti tal-bunker abbord hija ikltar minn hekk mistennija li tnaqqas l-emissjonijiet CO2. Il-miżura għalhekk hija mistennija li tagħti kontribut lill-objettivi tal-politiki ambjentali, tas-saħħa u tal-klima tal-Unjoni.

(4)

Il-permess li l-Isvezja titħalla tnaqqas ir-rata tat-tassazzjoni fuq l-elettriku għall-elettriku mill-art ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv imsemmi hawn fuq, minħabba li fil-maġġoranza tal-każi l-ġenerazzjoni abbord se tibqa’ l-alternattiva l-iktar kompetittiva. Għall-istess raġuni, u minħabba bħalissal-penetrazzjoni tat-teknoloġija fis-suq hija relattivament baxxa, il-miżura x’aktarx li ma twassalx għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul il-ħajja tagħha u għalhekk mhux se jkollha effett negattiv fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

(5)

Mill-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE joħroġ li kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt din id-dispożizzjoni għandu jkollha żmien strettament limitat. Minħabba l-ħtieġa li l-perjodu għandu jkun twil biżżejjed sabiex ma jiskoraġġix lill-operaturi tal-portijiet milli jagħmlu l-investimenti neċessarji, iżda wkoll il-ħtieġa li ma jiġux imminati żviluppi futuri tal-qafas legali eżistenti, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata għal tliet snin, bil-kundizzjoni madankollu li jidħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet ġenerali fil-kwistjoni, f’mument iktar kmieni mill-iskadenza hekk prevista,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Isvezja hija għaldaqstant awtorizzata li tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornit direttament lil vapuri, ħlief għal opri ta’ użu privat rekreattiv, irmiġġati fil-portijiet (“elettriku mill-art”) sakemm il-livelli minimi ta’ tassazzjoni skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE jiġu rrispettati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tan-notifikazzjoni tagħha.

Hija għandha tiskadi fil-25 ta’ Ġunju 2014.

Madankollu, jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat, jipprovdi għal regoli ġenerali fuq il-vantaġġi tat-taxxi għall-elettriku mill-art, din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-jum li fih dawk ir-regoli ġenerali jsiru applikabbli.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Isvezja.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

MATOLCSY Gy.


(1)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.


Top