Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0769

    2010/769/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Diċembru 2010 dwar l-iffissar ta’ kriterji għall-użu ta’ metodi teknoloġiċi minn trasportaturi tal-gass naturali likwifikat bħala alternattiva għall-użu ta’ karburanti għal użu marittimu b’kontenut ta’ kubrit baxx li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4b tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi kif emendata bid-Direttiva 2005/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontenut ta’ kubrit f’karburanti għal użu marittimu (notifikata bid-dokument numru C(2010) 8753) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 328, 14.12.2010, p. 15–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/769/oj

    14.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 328/15


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-13 ta’ Diċembru 2010

    dwar l-iffissar ta’ kriterji għall-użu ta’ metodi teknoloġiċi minn trasportaturi tal-gass naturali likwifikat bħala alternattiva għall-użu ta’ karburanti għal użu marittimu b’kontenut ta’ kubrit baxx li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4b tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi kif emendata bid-Direttiva 2005/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontenut ta’ kubrit f’karburanti għal użu marittimu

    (notifikata bid-dokument numru C(2010) 8753)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2010/769/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi (1) kif emendata bid-Direttiva 2005/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 4c tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 4b tad-Direttiva jirrikjedi li mill-1 ta’ Jannar 2010, il-bastimenti li jkunu fl-irmiġġ fil-portijiet tal-Komunità ma jużawx karburanti għal użu marittimu li jkollhom kontenut ta’ kubrit li jeċċedi 0,1 % skont il-massa. Madankollu, dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-karburanti li jintużaw abbord bastimenti li jużaw teknoloġiji approvati ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet skont l-Artikolu 4c.

    (2)

    L-Artikolu 4c(4) jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-bastimenti jużaw teknoloġija approvata għat-tnaqqis tal-emissjonijiet bħala alternattiva għall-użu ta’ karburanti għal użu marittimu b’kontenut ta’ kubrit baxx li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4b, kemm-il darba dawn il-bastimenti kontinwament jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet li jkun mill-inqas ekwivalenti għal dak li għandu jinkiseb permezz tal-limiti fuq il-kubrit fil-karburant speċifikati fid-Direttiva;

    (3)

    L-Artikolu 4c(3) jipprovdi għall-iffissar ta’ kriterji għall-użu ta’ metodi teknoloġiċi, minn bastimenti ta’ kull bandiera f’portijiet u estwarji magħluqa fil-Komunità skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva. Dawn il-kriterji għandhom jiġu kkomunikati lill-IMO.

    (4)

    Spiss, it-trasportaturi tal-gass naturali likwifikat (LNG) ikunu mgħammra b’bojlers li jużaw taħlita ta’ żewġ tipi ta’ karburant, gass li jevapora (“boil-off gas”) u żejt tal-karburant dens, għall-propulsjoni u għal operazzjonijiet relatati mal-merkanzija. Sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva, il-biċċa l-kbira tat-trasportaturi tal-LNG li jidħlu f’portijiet tal-UE jistgħu jużaw teknoloġiji ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet li jużaw taħlita ta’ karburanti għal użu marittimu u ta’ “boil-off gas” biex jipproduċu emissjonijiet b’kontenut ta’ kubrit ta’ 0,1 % jew inqas.

    (5)

    Għat-tul taż-żmien, il-“boil-off gas” jista’ jintuża bħala l-karburant primarju waqt li l-bastiment ikun fl-irmiġġ, u b’hekk l-emissjonijiet ikollhom kontenut ta’ kubrit inqas minn dak miksub bl-applikazzjoni tal-limiti fuq il-kubrit fil-karburant speċifikati fid-Direttiva.

    (6)

    Il-miżuri provduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju stabbilit skont Artikolu 9(2) tad-Direttiva,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Trasportatur tal-Gass Naturali Likwifikat (Trasportatur tal-LNG) huwa bastiment tal-merkanzija li jkun ġie mibni jew addattat biex jintuża għall-ġarr ta’ volum kbir ta’ gass naturali likwifikat kif definit skont il-Kodiċi Internazzjonali għall-Bini u t-Tagħmir tal-Bastimenti li jġorru Gass Likwifikat f’Volumi Kbar (Kodiċi IGC).

    Artikolu 2

    Sabiex jinkiseb l-għan ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet minn bastimenti permezz ta’ metodu ta’ teknoloġija alternattiva għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet permezz ta’ karburant għal użu marittimu u “boil-off gas”, it-Trasportaturi tal-LNG għandhom jużaw u jirrispettaw il-kriterji ta’ kalkoli stipulati fl-Anness.

    It-Trasportaturi tal-LNG jistgħu jużaw il-metodu ta’ teknoloġija alternattiva għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet waqt li jkunu fl-irmiġġ f’portijiet Komunitarji, fejn jagħtu żmien biżżejjed biex l-ekwipaġġ iwettaq il-miżuri meħtieġa biex ikun jista’ juża taħlita ta’ karburant għal użu marittimu u “boil-off gas” kemm jista’ jkun immedjatament wara li l-bastiment jasal fil-post tal-irmiġġ u kemm jista’ jkun tard qabel ma jitlaq.

    Artikolu 3

    It-tnaqqis ta’ kontenut ta’ kubrit fl-emissjonijiet miksub permezz tal-applikazzjoni tal-metodu msemmi fl-Artikolu 2, mill-inqas, għandu jkun ekwivalenti għat-tnaqqis li jista’ jinkiseb bl-applikazzjoni tal-limiti fuq il-kubrit fil-karburant speċifikati fid-Direttiva.

    Artikolu 4

    L-Istati Membri għandhom jesiġu li t-Trasportaturi tal-LNG li jużaw il-metodu ta’ teknoloġija alternattiva għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet u li jidħlu f’portijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom għandhom jipprovdu dettalji fil-ġurnal ta’ abbord il-bastiment, li jinkludu t-tip u l-kwantità tal-karburanti li jintużaw abbord il-bastiment. Għal dan il-għan, dawn il-bastimenti għandhom ikunu mgħammra għall-monitoraġġ u l-kejl tal-konsum ta’ “boil-off gas” u karburant għal użu marittimu.

    Artikolu 5

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jimmonitorjaw u jivverifikaw l-użu tal-metodu ta’ teknoloġija alternattiva għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet waqt li l-bastiment ikun fl-irmiġġ abbażi tat-tagħrif ipprovdut mit-Trasportaturi tal-LNG dwar it-tnaqqis miksub fir-rigward tal-emissjonijiet.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Siim KALLAS

    Viċi-President


    (1)  ĠU L 121, 11.5.1999, p. 13.

    (2)  ĠU L 191, 22.7.2005, p. 59.


    ANNESS

    1)   Il-formula

    Sabiex tiġi stabbilita l-ekwivalenza fis-sens tal-Artikolu 3, għandha tintuża din il-formula:

    SF (%) · MF 0,1 % · MF0,1 %

    Fejn:

    —   SF (%): il-perċentwali ta’ kontenut ta’ kubrit għal kull unità ta’ massa ta’ karburant għal użu marittimu li tintuża

    —   MF : il-massa tal-karburant għal użu marittimu, f’Kg, ikkonsmat waqt li l-bastiment ikun fl-irmiġġ

    —   MF0,1 % : il-massa ekwivalenti, f’Kg, ta’ karburant b’kontenut ta’ kubrit ≤ 0,1 %. Dan il-fattur għandu jinħadem skont din il-formula:

    MF0,1 % = (MBOG · EBOG + MF · EF )/EF0,1 %

    Fejn:

    —   MBOG : il-massa ta’ “boil-off gas”, f’Kg, ikkonsmat waqt li l-bastiment ikun fl-irmiġġ

    —   EBOG : il-valur ta’ enerġija, f’MJ/Kg, tal-“boil-off gas” użat

    —   MF : il-massa tal-karburant għal użu marittimu, f’Kg, ikkonsmat waqt li l-bastiment ikun fl-irmiġġ

    —   EF : il-valur ta’ enerġija, f’MJ/Kg, tal-karburant għal użu marittimu marittimu li jintuża

    —   EF0,1 % : il-valur ta’ enerġija, fMJ/Kg, ta’ karburant għal użu marittimu b’kontenut ta’ kubrit ≤ 0,1 %

    Verżjoni 1 tal-formula

    Iż-żewġ formuli msemmija hawn fuq jistgħu jiġu kkumbinati f’waħda, hekk:

    SF (%) · MF/(MBOG · EBOG + MF · EF)0,1 %/EF0,1 %

    Verżjoni 2 tal-formula

    Din il-formula tista’ tiġi żviluppata aktar, kif ġej:

    SF (%)/(RG/F · EBOG + EF ) ≤ 0,1 %/EF0,1 %

    Fejn:

    —   RG/F : il-proporzjon tal-massa tal-“boil-off gas” ma’ dik tal-karburant għal użu marittimu kkonsmati waqt li l-bastiment ikun fl-irmiġġ (MBOG /MF )

    Din it-tieni verżjoni tal-formula tista’ tiġi indikata bil-mod li ġej:

    RG/F ≥ (SF (%) · EF0,1 % - 0,1 % · EF )/0,1 % · EBOG

    2)   Applikazzjoni tal-formula

    Peress li l-valuri ta’ enerġija tad-diversi karburanti għal użu marittimu involuti fil-formula huma kważi l-istess, għall-valuri ta’ EF0,1 % , EF u EBOG jistgħu jintużaw il-valuri standard, biex tiġi ssimplifikata l-applikazzjoni prattika tal-formula. B’mod partikulari, jistgħu jiġu applikati dawn il-valuri standard ta’ enerġija:

    EF0,1 % = 43,0 MJ/Kg (sors: DNV Petroleum Services)

    EF = 40,8 MJ/Kg (source: DNV Petroleum Services)

    EBOG = 50,0 MJ/Kg (il-valur ta’ enerġija tal-metanu skont l-ISO)

    Konsegwentement, il-formula tiġi ssimplifikata kif ġej:

    RG/F 8,6 · SF (%) – 0,816

    Abbażi ta’ dan, l-uniku valur li jkun irid jiddaħħal fil-formula biex jinkiseb il-proporzjon tal-massa tal-“boil-off gas” ma’ dik tal-karburant għal użu marittimu kkonsmati (RG/F or MBOG/MF ) huwa l-kontenut ta’ kubrit tal-karburant għal użu marittimu kkonsmat waqt li l-bastiment ikun fl-irmiġġ. It-tabella ta’ hawn taħt, permezz ta’ eżempji, tindika l-proporzjon minimu meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-kriterji għall-karburanti għal użu marittimu b’kontenut ta’ kubrit differenti.

    Kontenut tal-kubrit (%)

    1,0 %

    1,5 %

    2,0 %

    2,5 %

    3,0 %

    3,5 %

    MBOG/MF

    7,8

    12,1

    16,4

    20,7

    25,0

    29,3


    Top