This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0018(01)
2010/658/EU: Decision of the European Central Bank of 26 October 2010 on transitional provisions for the application of minimum reserves by the European Central Bank following the introduction of the euro in Estonia (ECB/2010/18)
2010/658/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 26 ta’ Ottubru 2010 dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-euro fl-Estonja (BĊE/2010/18)
2010/658/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 26 ta’ Ottubru 2010 dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-euro fl-Estonja (BĊE/2010/18)
ĠU L 285, 30.10.2010, p. 37–38
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
30.10.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 285/37 |
DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tas-26 ta’ Ottubru 2010
dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-euro fl-Estonja
(BĊE/2010/18)
(2010/658/UE)
IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, partikolarment l-Artikolu 19.1 u l-ewwel inċiż tal-Artiklu 46.2 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew (1),
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (KE) Nru 1745/2003 tat-12 ta’ Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi (BĊE/2003/9) (2),
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (3),
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (4), u partikolarment l-Artikoli 5(1) u 6(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (KE) Nru 25/2009 tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (riformulazzjoni) (BĊE/2008/32) (5),
Billi:
(1) |
L-adozzjoni tal-euro mill-Estonia fl-1 ta’ Jannar 2011 tfisser illi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu fl-Estonja ser ikunu soġġetti għal rekwiżiti dwar ir-riżervi minn dik id-data. |
(2) |
L-integrazzjoni ta’ dawn l-entitajiet fis-sistema tar-riżervi minimi tal-Eurosistema titlob l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet transitorji sabiex jiżguraw integrazzjoni bla xkiel mingħajr ma jinħoloq piż sproporzjonat għal istituzzjonijiet ta’ kreditu fi Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, inkluż l-Estonja. |
(3) |
Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Europea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jimplika illi l-BĊE, megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali, jiġbor it-tagħrif statistiku meħtieġ mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament mingħand aġenti ekonomiċi ukoll sabiex jiżgura tħejjija f’waqtha fil-qasam tal-istatistika minħabba l-adozzjoni tal-euro minn Stat Membru, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIżJONI:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-kliem “istituzzjoni”, “rekwiżit tar-riżerva”, “perijodu ta’ manutenzjoni” u “bażi tar-riżerva” għandhom l-istess tifsiriet bħal f’Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).
Artikolu 2
Dispożizzjonijiet tranżitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja
1. B’deroga minn Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9), perijodu ta’ manteniment tranżitorju għandu jiddekorri mill-1 sat-18 ta’ Jannar 2011 għal istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja.
2. Il-bażi ta’ riżerva ta’ kull istituzzjoni li tinsab fl-Estonja għall-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju għandha tkun definita b’rabta ma’ elementi tal-karta tal-bilanċ tagħha fil-31 ta’ Ottubru 2010. Istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja għandhom jirrappurtaw il-bażi ta’ riżerva tagħhom lil Eesti Pank skont il-qafas tal-BĊE għar-rappurtar ta’ statistika monetarja u bankarja, kif stabbilit f’Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32). Istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja li jibbenefikaw mid-deroga taħt l-Artikolu 8(1) u (4) ta’ Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) għandhom jikkalkulaw bażi ta’ riżerva għal perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju abbażi tal-karti tal-bilanċ tagħhom fit-30 ta’ Settembru 2010.
3. Fir-rigward tal-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju, istituzzjoni li tinsab fl-Estonja jew Eesti Pank għandhom jikkalkulaw ir-riżervi minimi ta’ din l-istituzzjoni. Il-parti li tikkalkula r-riżervi minimi għandha tissottometti l-kalkolu tagħha lill-parti l-oħra u tħalli biżżejjed żmien għal din tal-aħħar biex tivverifikah u tissottometti reviżjonijiet. Ir-riżervi minimi kkalkulati, inklużi r-reviżjonijiet li jsirulhom, għandhom ikunu kkonfermati miż-żewġ partijiet sa mhux aktar tard mis-7 ta’ Diċembru 2010. Jekk il-parti notifikata ma tikkonfermax l-ammont ta’ riżervi minimi sas-7 ta’ Diċembru 2010, hija titqies li tkun irrikonoxxiet illi l-ammont ikkalkulat japplika għall-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju.
4. Id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 3(2) sa (4) għandhom japplikaw mutatis mutandis għal istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja biex dawn l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu, għall-perijodi ta’ manutenzjoni inizjali, inaqqsu mill-bażi ta’ riżerva kull passiv dovut lil istituzzjonijiet fl-Estonja, għalkemm fiż-żmien li jiġu kkalkulati r-riżervi minimi dawn l-istituzzjonijiet mhux ser jidhru fil-lista ta’ istituzzjonijiet soġġetti għar-rekwiżiti ta’ riżerva fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).
Artikolu 3
Dispożizzjonijiet tranżitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro
1. Skont l-Artikolu 7 ta’ Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9), il-perijodu ta’ manutenzjoni applikabbli għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro għandu jibqa’ mhux effettwat mill-eżistenza ta’ perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju għal istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja.
2. Istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jiddeċiedu li għall-perijodi ta’ manutenzjoni mit-8 ta’ Diċembru 2010 sat-18 ta’ Jannar 2011 u mid-19 ta’ Jannar sat-8 ta’ Frar 2011 inaqqsu mill-bażi ta’ riżerva tagħhom kull passiv dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja, anke jekk f’dak iż-żmien li jiġu kkalkulati r-riżervi minimi dawn l-istituzzjonijiet mhux ser jidhru fil-lista ta’ istituzzjonijet soġġetti għar-rekwiżiti ta’ riżerva msemmijin fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).
3. Istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro li jixtiequ jnaqqsu l-passi dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja għandhom, għall-perijodi ta’ manutenzjoni mit-8 ta’ Diċembru 2010 sat-18 ta’ Jannar 2011 u mid-19 ta’ Jannar sat-8 ta’ Frar 2011, jikkalkulaw ir-riżervi minimi abbażi tal-karti tal-bilanċ tagħhom għall-31 ta’ Ottubru u t-30 ta’ Novembru 2010 rispettivament u jirrappurtaw tagħrif statistiku skont Parti 1 ta’ Anness III tar-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) li juri l-istituzzjonijiet fl-Estonja bħala diġa soġġetti għas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.
Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-istituzzjonijiet li jirrapportaw tagħrif statistiku għall-perijodi kkonċernati skont Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) li għadha turi istituzzjonijiet li jinsabu l-Estonja bħala banek li jinsabu fil-“Bqija tad-dinja”.
It-tabelli għandhom ikunu rrappurtati skont il-limiti ta’ żmien u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32).
4. Għall-perijodi ta’ manutenzjoni li jibdew f’Diċembru 2010, Jannar u Frar 2011, istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro u li jibbenefikaw mid-deroga taħt Artikolu 8(1) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) u jixtiequ jnaqqsu passiv dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja, għandhom jikkalkulaw ir-riżervi minimi tagħhom abbażi tal-karta tal-bilanċ tagħhom għat-30 ta’ Settembru 2010 u jirrappurtaw tagħrif statistiku skont Parti 1 ta’ Anness III tar-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) li juri l-istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja bħala diġa soġġetti għas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.
Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-istituzzjonijiet li jirrapportaw tagħrif statistiku għall-perijodi kkonċernati skont Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) li għadha turi istituzzjonijiet li jinsabu l-Estonja bħala banek li jinsabu fil-“Bqija tad-dinja”.
It-tagħrif statistiku għandu jkun irrappurtat skont il-limiti ta’ żmien u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32).
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1. Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Eesti Pank, istituzzjonijiet li jinsabu fl-Estonja u istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro.
2. Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2010.
3. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi f’din id-Deċiżjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ Regolamenti (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9) u (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) għandhom japplikaw.
Magħmul fi Frankfurt am Main, is-26 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal-BĊE
Jean-Claude TRICHET
(1) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 1.
(2) ĠU L 250, 2.10.2003, p. 10.
(3) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4.
(4) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.
(5) ĠU L 15, 20.1.2009, p. 14.