This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0655
2010/655/EU: Council Decision of 19 October 2010 concerning the conclusion, on behalf of the European Union, of the Additional Protocol to the Cooperation Agreement for the Protection of the Coasts and Waters of the North-East Atlantic against Pollution
2010/655/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Ottubru 2010 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku
2010/655/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Ottubru 2010 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku
ĠU L 285, 30.10.2010, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
30.10.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 285/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tad-19 ta’ Ottubru 2010
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku
(2010/655/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 196 (2) u 218(6)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
L-Unjoni Ewropea hija Parti għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/550/KEE (2) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ’il-Ftehim ta’ Lisbona’). |
(2) |
Tilwima politika dwar il-konfini fis-Saħara tal-Punent żammet lil Spanja u lill-Marokk milli jirratifikaw il-Ftehim ta’ Lisbona. Din it-tilwima issa ġiet solvuta permezz tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Lisbona li jimmodifika l-Artikolu 3(c) tiegħu. |
(3) |
Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku fit-12 ta’ Diċembru 2008, il-Protokoll Addizzjonali ġie ffirmat, f’isem il-Komunità, fil-25 ta’ Marzu 2009. |
(4) |
Il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Lisbona huwa miftuħ għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni mill-Partijiet. |
(5) |
Huwa għalhekk xieraq għall-Unjoni Ewropea li tikkonkludi l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Lisbona. |
(6) |
L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri li huma parti għall-Ftehim ta’ Lisbona għandhom jagħmlu ħilithom biex jiddepożitaw simultanjament, sa fejn hu possibbli, l-istrumenti tagħhom ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali. |
(7) |
Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea nnotifkat lill-Gvern tal-Portugall dwar il-fatt li l-Unjoni Ewropea ssostitwiet u ssuċċediet il-Komunità Ewropea, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.
It-test tal-Protokoll Addizzjonali huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
1. Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna/i li tingħata/jingħataw is-setgħa li tipproċedi/jipproċedu biex, f’isem l-Unjoni, tiddepożita/jiddepożitaw l-istrument tal-approvazzjoni mal-Gvern tal-Portugall, li jassumi l-funzjoni ta’ Depożitarju, skont l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll Addizzjonali, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta b’dak il-Protokoll.
2. L-Unjoni u l-Istati Membri li huma parti għall-Ftehim ta’ Lisbona għandhom jagħmlu ħilithom biex jiddepożitaw simultanjament, sa fejn hu possibbli, l-istrumenti tagħhom ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, id-19 ta’ Ottubru 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
D. REYNDERS
(1) Kunsens tad-9 ta’ Marzu 2010 (għadu mhuwiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) ĠU L 267, 28.10.1993, p. 20.
TRADUZZJONI
PROTOKOLL ADDIZZJONALI
għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku
Ir-Repubblika Portugiża, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Marokk u l-Komunità Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Partijiet”,
KONXJI tal-ħtieġa li jitħares l-ambjent ġenerali u partikolarment l-ambjent tal-baħar,
FILWAQT LI JAGĦRFU li t-tniġġis tal-Oċean Atlantiku tal-Grigal minn idrokarburi u sustanzi perikolużi oħra jistgħu jheddu l-ambjent tal-baħar u l-interessi ta’ Stati max-xtut,
WARA LI KKUNSIDRAW il-ħtieġa li jiffaċilitaw id-dħul fis-seħħ mill-aktar fis tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku, li sar f’Lisbona fis-17 ta’ Ottubru 1990, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ bħala “il-Ftehim ta’ Lisbona”,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Emenda għall-Ftehim ta’ Lisbona
L-Artikolu 3(c) tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku, li sar f’Lisbona fis-17 ta’ Ottubru 1990 (“il-Ftehim ta’ Lisbona”) huwa emendat kif ġej:
“c) |
fin-Nofsinhar, sal-limitu tan-Nofsinhar tal-ibħra koperti mis-sovranità jew mill-ġurisdizzjoni ta’ kwalunkwe Parti.” |
Artikolu 2
Relazzjoni bejn il-Ftehim ta’ Lisbona u l-Protokoll Addizzjonali
Dan il-Protokoll jemenda il-Ftehim ta’ Lisbona skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu preċedenti u, fir-rigward tal-Partijiet għall-Protokoll, il-Ftehim u l-Protokoll Addizzjonali għandhom jiġu interpretati u applikati bħala strument wieħed.
Artikolu 3
Kunsens għar-rabta u d-dħul fis-seħħ
1. Dan il-Protokoll għandu jitressaq lill-Partijiet għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, u l-istrumenti rispettivi għandhom jiġu depożitati mal-Gvern tar-Repubblika Portugiża.
2. Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Gvern tar-Repubblika Portugiża jirċievi l-istrument finali ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni.
3. L-ebda Parti ma tista’ tindika l-kunsens tagħha li tkun marbuta b’dan il-Protokoll mingħajr ma tkun indikat qabel jew fl-istess waqt il-kunsens tagħha li tkun marbuta bil-Ftehim ta’ Lisbona skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22.
4. Wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, kwalunkwe adeżjoni mal-Ftehim ta’ Lisbona skont il-proċedura stipulata fl-Artikoli 23 u 24 għandha tindika wkoll il-kunsens għar-rbit b’dan il-Protokoll, billi l-Partijiet huma marbuta bil-Ftehim ta’ Lisbona kif emendat mill-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll.
B’xhieda ta’ dan, is-sottoskritti, awtorizzati kif jixraq għal dan l-effett, iffirmaw dan il-Protokoll.
Magħmul f’Lisbona fl-għoxrin ġurnata ta’ Mejju 2008, bl-Għarbi, bl-Ispanjol, bil-Franċiż u l-Portugiż, bit-test Franċiż ikun dak awtentiku f’każ ta’ diverġenza.
GĦAR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA
GĦAR-RENJU TA’ SPANJA
GĦAR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA
GĦAR-RENJU TAL-MAROKK
GĦALL-KOMUNITÀ EWROPEA