EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0477(01)

2010/477/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 1 ta’ Settembru 2010 dwar kriterji u standards metodoloġiċi għal status ambjentali tajjeb ta’ ilmijiet tal-baħar (notifikata bid-dokument numru C(2010) 5956) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 232, 2.9.2010, p. 14–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/06/2017; Revokat u sostitwit bi 32017D0848

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/477(2)/oj

2.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 232/14


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-1 ta’ Settembru 2010

dwar kriterji u standards metodoloġiċi għal status ambjentali tajjeb ta’ ilmijiet tal-baħar

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 5956)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/477/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent tal-Baħar (Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija tal-Baħar) (1) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 9(3) tagħha,

Billi:

(1)

Il-kriterji għall-kisba ta’ status ambjentali tajjeb huma l-punt tat-tluq għall-iżvilupp ta’ approċċi koerenti fl-istadji ta’ tħejjija ta’ strateġiji tal-baħar, inklużi d-determinazzjoni ta’ karatteristiċi ta’ status ambjentali tajjeb u t-twaqqif ta’ sett komprensiv ta’ miri ambjentali, li għandu jiġi żviluppat b’mod ikkoordinat u koerenti fil-qafas tar-rekwiżit ta’ kooperazzjoni reġjonali.

(2)

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet interessati kollha, inklużi l-konvenzjonijiet tal-ibħra reġjonali, b’mod partikolari dwar il-valutazzjoni xjentifika u teknika mħejjija mill-Gruppi ta’ Ħidma mwaqqfa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u mill-Kunsill Internazzjonali dwar l-Esplorazzjoni tal-Ibħra biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ kriterji u standards ta’ metodoloġija.

(3)

Waħda mis-sejbiet ewlenin ta’ xogħol xjentifiku u tekniku bħal dan hija li hemm ħtieġa sostanzjali li jkun żviluppat għarfien xjentifiku addizzjonali għall-valutazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb b’mod koerenti u olistiku biex isostni l-approċċ għal ġestjoni bbażata fuq l-ekosistemi. Jeħtieġ li jkun żviluppat tagħrif xjentifiku aħjar, b’mod partikolari permezz tal-Komunikazzjoni “Strateġija Ewropea għar-Riċerka tal-Baħar u dik Marittima. Qafas koerenti ta’ Żona Ewropea ta’ Riċerka li jappoġġa użu sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra” (2), fil-qafas tal-Komunikazzjoni “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (3) u b’koerenza ma’ leġiżlazzjoni u politiki oħra tal-Unjoni. Ikun xieraq ukoll li aktar ’il quddiem fil-proċess tkun integrata l-esperjenza li dalwaqt ikollna, li għandha tiġi żviluppata fil-livelli nazzjonali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-istadji ta’ tħejjija tal-istrateġiji tal-baħar elenkati fl-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2008/56/KE.

(4)

Għalhekk huwa xieraq li l-Kummissjoni tirrevedi din id-Deċiżjoni fil-qafas tal-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2008/56/KE. Minbarra l-kriterji ta’ reviżjoni, huwa meħtieġ żvilupp akbar tal-istandards metodoloġiċi u dan għandu jsir permezz ta’ koordinazzjoni mill-qrib mat-twaqqif ta’ programmi ta’ monitoraġġ. Din ir-reviżjoni għandha ssir malajr kemm jista’ jkun wara li titlesta l-valutazzjoni meħtieġa tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/56/KE, u fil-ħin sabiex ikun sostnut aġġornament b’suċċess ta’ strateġiji tal-baħar li għandhom ikunu lesti sal-2018 skont l-Artikolu 17 ta’ dik id-Direttiva, bħala kontribut ieħor għal ġestjoni adattiva. Dan huwa koerenti mal-fatt li d-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb jista’ jieħu ż-żmien biex ikun adattat, meta titqies in-natura dinamika tal-ekosistemi tal-baħar, il-varjabbiltà naturali tagħhom, u l-fatt li l-pressjonijiet u l-impatti fuqhom jistgħu jvarjaw bl-evoluzzjoni ta’ xejriet differenti ta’ attività tal-bniedem u bl-impatt tat-tibdil fil-klima.

(5)

Il-kriterji għal status ambjentali tajjeb jibnu fuq obbligi u żviluppi eżistenti fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni, inkluża d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (4), li tapplika għall-ilmijiet kostali, kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (5), id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (6), u għadd ta’ strumenti żviluppati fil-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd, wara li jitqiesu, fejn xieraq, l-informazzjoni u t-tagħrif miġbura u l-approċċi żviluppati fil-qafas ta’ konvenzjonijiet reġjonali. Minħabba li din id-Deċiżjoni tikkontribwixxi għal aktar żvilupp tal-kunċett ta’ status ambjentali tajjeb ta’ ilmijiet tal-baħar, hija tappoġġa, b’rabta mal-ekosistemi tal-baħar, il-proċess biex tkun riveduta l-strateġija tal-bijodiversità tal-Unjoni Ewropea wara l-2010 kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Bijodiversità.

(6)

Id-Direttiva 2008/56/KE, li hija l-pilastru ambjentali tal-Politika Marittima Integrata, tesiġi l-applikazzjoni tal-approċċ tal-ekosistema għall-ġestjoni ta’ attivitajiet tal-bniedem, li jkopru s-setturi kollha li għandhom impatt fuq l-ambjent tal-baħar. Il-Green Paper dwar ir-Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (7) tgħid li din tal-aħħar għandha titwaqqaf biex ikunu pprovduti l-istrumenti tajbin biex isostnu dan l-approċċ għall-ekosistemi.

(7)

Il-miżuri provduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2008/56/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kriterji li għandhom jintużaw mill-Istati Membri biex ikun ivvalutat kemm qed jinkiseb status ambjentali tajjeb, akkumpanjati b’referenzi għal standards metodoloġiċi applikabbli, fejn ikunu disponibbli, huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

(2)  COM(2008) 534 finali.

(3)  COM(2010) 2020 finali.

(4)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(5)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

(6)  ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7.

(7)  COM(2009) 163 finali, p. 19.


ANNESS

KRITERJI U STANDARDS METODOLOĠIĊI GĦAL STATUS AMBJENTALI TAJJEB

PARTI A

Kundizzjonijiet ġenerali tal-applikazzjoni tal-kriterji għal status ambjentali tajjeb

1.

Il-kriterji biex jiġi vvalutat sa liema punt qiegħed jintlaħaq status ambjentali tajjeb huma speċifikati u nnumerati fil-Parti B b’rabta ma’ kull wieħed mill-ħdax-il deskrittur ta’ status ambjentali tajjeb stabbiliti fl-Anness I għad-Direttiva 2008/56/KE. Mal-kriterji nsibu lista ta’ indikaturi relatati sabiex tali kriterji jsiru operazzjonali u jippermettu progress sussegwenti. Fil-Parti B, mal-kriterji nsibu r-referenzi għal standards metodoloġiċi applikabbli fejn disponibbli. Għal għadd minn dawn il-kriterji u l-indikaturi relatati, il-ħtieġa għal aktar żvilupp u informazzjoni addizzjonali ġiet identifikata, sabiex tkompli tiġi indirizzata fil-proċess għar-reviżjoni ta’ din id-Deċiżjoni (1). Din il-Parti tispeċifika l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ applikazzjoni ta’ kriterji bħal dawn u ta’ indikaturi relatati.

2.

Għal biċċa l-kbira tal-kriterji, jeħtieġ li l-valutazzjoni u l-metodoloġiji meħtieġa jqisu, u fejn xieraq, ikunu bbażati fuq dawk applikabbli skont leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti, b’mod partikolari d-Direttiva 2000/60/KE, id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), id-Direttiva 92/43/KEE, id-Direttiva 2009/147/KE u leġiżålazzjoni oħra rilevanti tal-Unjoni (inkluża dik skont il-Politika Komuni tas-Sajd, eż. ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (3), filwaqt li jitqiesu wkoll rapporti tal-Gruppi ta’ Ħidma stabbiliti miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u l-Kunsill Internazzjonali dwar l-Esplorazzjoni tal-Ibħra (4) u, fejn rilevanti, l-informazzjoni u t-tagħrif miġbura u l-approċċi żviluppati fil-qafas tal-konvenzjonijiet dwar ibħra reġjonali.

3.

Status ambjentali tajjeb jesiġi li l-attivitajiet kollha rilevanti tal-bniedem jitwettqu b’koerenza mar-rekwiżit ta’ protezzjoni u preservazzjoni tal-ambjent tal-baħar u l-kunċett ta’ użu sostenibbli ta’ prodotti u servizzi tal-baħar mill-ġenerazzjonijiet ta’ issa u tal-ġejjieni msemmijin fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/56/KE. L-applikazzjoni ta’ kriterji għal status ambjentali tajjeb jeħtieġ li titwettaq billi wieħed iżomm quddiem għajnejh il-ħtieġa li l-valutazzjoni u l-monitoraġġ ikunu strutturati u li tingħata prijorità lil azzjoni b’rabta mal-importanza tal-impatti fuq l-ekosistemi tal-baħar u l-komponenti tagħhom u t-theddid għalihom. Madankollu, huwa importanti li l-valutazzjoni tqis ukoll l-effetti kumulattivi u sinerġetiċi ewlenin ta’ impatti fuq l-ekosistema tal-baħar, kif imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b)(ii) tad-Direttiva 2008/56/KE.

4.

F’għadd ta’ każijiet, u b’mod partikolari meta titqies ir-relazzjoni bejn ħtiġijiet ta’ informazzjoni u l-ambitu ġeografiku tal-ilmijiet tal-ibħra konċernati, jista’ jkun xieraq li jiġu applikati bħala l-ewwel pass xi kriterji partikolari u indikaturi relatati għall-iskrinjar kumplessiv tal-istat ambjentali fuq skala usa’ u f’dak l-istadju mbagħad jiġu identifikati istanzi u żoni speċifiċi fejn, meta titqies l-importanza tal-impatti u t-theddid fid-dawl tal-karattteristiċi ambjentali u/jew il-pressjonijiet tal-bniedem, tkun meħtieġa valutazzjoni ifjen li tkun tinvolvi l-indikaturi rilevanti kollha relatati mal-kriterji.

5.

L-iskala temporali u ġeografika tal-impatti tvarja konsiderevolment u dan jiddependi mix-xorta ta’ pressjoni u sensittività tal-komponenti tal-ekosistemi milqutin. Minħabba l-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li għal xi kriterji u indikaturi jiġu applikati skedi ta’ żmien varji biex tinqabad firxa ta’ proċessi differenti. Meta jkun hemm il-ħtieġa li l-valutazzjoni tibda fuq skala ġeografika relattivament żgħira sabiex ikollha tifsira ekoloġika (pereżempju minħabba li l-pressjonijiet ikunu lokalizzati), jista’ jkun hemm il-ħtieġa li l-valutazzjonijiet jiżdiedu fuq skali usa’, bħal pereżempju fil-livelli ta’ sottodiviżjonijiet, sottoreġjuni u reġjuni.

6.

Valutazzjoni kkombinata tal-iskala, id-distribuzzjoni u l-intensità tal-pressjonijiet u l-medda, il-vulnerabbiltà u r-reżiljenza ta’ komponenti differenti tal-ekosistemi inkluż fejn possibbli li jintwerew fuq mappa, tippermetti l-identifikazzjoni taż-żoni fejn l-ekosistemi tal-baħar ġew milquta ħażin jewinkella jinsabu f’riskju li jintlaqtu ħażin. Il-valutazzjoni tal-iskala tal-impatti potenzjali u dawk li jkun hemm fir-realtà fuq l-ekosistemi tal-baħar hija bażi utli wkoll. Dan l-approċċ, li jqis il-kunsiderazzjonijiet abbażi tar-riskji, jappoġġa wkoll l-għażla tal-indikaturi l-aktar xierqa relatati mal-kriterji għal valutazzjoni tal-progress li jwassal għal status ambjentali tajjeb. Jiffaċilita wkoll l-iżvilupp ta’ għodod speċifiċi li jistgħu jappoġġaw approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi għall-ġestjoni tal-attivitajiet tal-bniedem meħtieġ sabiex jintlaħaq status ambjentali tajjeb billi jiġu identifikati s-sorsi tal-pressjonijiet u l-impatti, inklużi l-effetti kumulattivi u sinerġistiċi tagħhom. Għodod bħal dawn jinkludu miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji u miżuri li hemm fil-lista fl-Anness VI għad-Direttiva 2008/56/KE, partikolarment kontrolli ta’ distribuzzjoni ġeografika u temporali, bħall-ippjanar ġeografiku marittimu.

7.

Teżisti diversità ta’ kundizzjonijiet ambjentali fil-baħar u ta’ attivitajiet tal-bniedem li għandhom impatt fuqhom. B’mod partikolari, teżisti diversità bejn reġjuni u wkoll f’reġjuni, sottoreġjuni u sottodiviżjonijiet tal-baħar. Għal din ir-raġuni, l-applikabbiltà ta’ indikaturi speċifiċi relatati mal-kriterji jista’ jkun li teħtieġ jekk humiex ekoloġikament rilevanti għal kull sitwazzjoni li tkun qed tiġi vvalutata.

8.

L-Istati Membri jeħtieġ li jqisu kull wieħed mill-kriterji u mill-indikaturi relatati elenkati f’dan l-Anness biex jidentifikaw dawk li jkollhom jintużaw biex ikun determinat status ambjentali tajjeb. Abbażi tal-valutazzjoni inizjali, meta Stat Membru jqis li ma jkunx xieraq li jintuża wieħed mill-kriterji jew aktar, ikun meħtieġ jipprovdi lill-Kummissjoni b’ġustifikazzjoni fil-qafas tan-notifika skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/56/KE, meta dan ikun rilevanti b’rabta mal-konsistenza u l-paragun bejn reġjuni u sottoreġjuni. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri huma suġġetti għall-obbligu ta’ kooperazzjoni reġjonali kif stabbilit fl-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2008/56/KE, u b’mod partikolari għar-rekwiżit li jkun żgurat li l-elementi differenti tal-istrateġiji tal-baħar ikunu koerenti u kkoordinati mar-reġjun jew mas-subreġjun tal-baħar ikkonċernat kollu.

9.

Huwa importanti li l-applikazzjoni tal-kriterji tqis ir-riżultati tal-valutazzjoni inizjali, meħtieġa skont l-Artikolu 8 u l-Anness III għad-Direttiva 2008/56/KE, u li dawn ma jitwettqux b’mod separat minn xulxin. Il-valutazzjoni inizjali hija l-proċess ewlieni biex ikunu identifikati l-karatteristiċi essenzjali kif ukoll il-pressjonijiet u l-impatti predominanti fuq l-ambjent tal-baħar, soġġetta għall-aġġornamenti regolari tagħha u għall-programmi ta’ monitoraġġ. L-ewwel valutazzjoni jkun jeħtiġilha tiġi ffinalizzata sad-data speċifikata fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/56/KE abbażi tal-listi indikattivi ta’ elementi li hemm fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva u wara li titqies dejta eżistenti fejn din tkun tista’ tinkiseb. Għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li xi kriterji u indikaturi relatati jitqiesu li jkunu għadhom qed jiġu żviluppati matul dan il-perjodu inizjali.

10.

Qed isir progress li jwassal għal status ambjentali tajjeb fil-kuntest ta’ bidliet kontinwi u usa’ fl-ambjent tal-baħar. It-tibdil fil-klima diġà qed ikollu impatt fuq l-ambjent tal-baħar, inkluż fuq il-proċessi u l-funzjonijiet tal-ekosistemi. Il-fatt li jiġu żviluppati l-istrateġiji tal-baħar rispettivi tagħhom, l-Istati Membri jeħtiġilhom jispeċifikaw, fejn xieraq, kwalunkwe evidenza tal-impatti tat-tibdil fil-klima. Ġestjoni adattiva abbażi tal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi tinkludi l-aġġornament regolari tad-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb.

PARTI B

Kriterji għal status ambjentali tajjeb rilevanti għad-deskritturi fl-Anness I għad-Direttiva 2008/56/KE

Deskrittur 1:   Id-diversità bijoloġika tinżamm. Il-kwalità u l-okkorrenza tal-ħabitats u d-distribuzzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi huma skont kundizzjonijiet fiżjografiċi, ġeografiċi u klimatiċi l-aktar imxerrda.

Il-valutazzjoni hija meħtieġa f’diversi livelli ekoloġiċi: ekosistemi, ħabitats (inklużi l-komunitajiet assoċjati magħhom, jiġifieri l-bijotopi) u speċi, li huma riflessi fl-istruttura ta’ din it-taqsima, filwaqt li jitqies il-punt 2 tal-Parti A. Għal ċerti aspetti ta’ dan id-deskrittur, huwa meħtieġ appoġġ xjentifiku u tekniku addizzjonali (5). Biex ikun indirizzat l-ambitu wiesa’ tad-deskrittur, huwa meħtieġ, wara li jitqies l-Anness III għad-Direttiva 2008/56/KE, li jiġu stabbiliti l-prijoritajiet minn fost il-karatteristiċi tal-bijodiversità fil-livell ta’ speċi, ħabitats u ekosistemi. Dan jippermetti l-identifikazzjoni ta’ dawk il-karatteristiċi tal-bijodiversità u ta’ dawk iż-żoni fejn ikun hemm impatti u theddid u jappoġġa wkoll l-identifikazzjoni ta’ indikaturi xierqa fost il-kriterji magħżulin, adegwati għaż-żoni u għall-karatteristiċi konċernati (6). L-obbligu ta’ kooperazzjoni reġjonali msemmi fl-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2008/56/KE huwa rilevanti direttament għall-proċess ta’ għażla ta’ karatteristiċi tal-bijodiversità f’reġjuni, sottoreġjuni u sottodiviżjonijiet, inkluż li jkunu stabbiliti, fejn xieraq, kundizzjonijiet ta’ referenza skont l-Anness IV għad-Direttiva 2008/56/KE. L-immudellar bl-użu ta’ pjattaforma ġeografika ta’ sistema ta’ informazzjoni jista’ jipprovdi bażi siewja biex ikun hemm mappa ta’ firxa ta’ karatteristiċi tal-bijodiversità u attivitajiet tal-bniedem u tal-pressjonijiet tagħhom, bil-kundizzjoni li kwalunkwe żball li jkun hemm jiġi vvalutat u deskritt sewwa meta jiġu applikati r-riżultati. Dan it-tip ta’ dejta huwa prerekwiżit għal ġestjoni tal-attivitajiet tal-bniedem ibbażata fuq l-ekosistemi u għall-iżvilupp ta’ għodod ġeografiċi relatati (7).

Livell ta’ speċi

Għal kull reġjun, subreġjun jew sottodiviżjoni, wara li jitqiesu l-ispeċi u l-komunitajiet differenti (pereżempju l-fitoplankton u ż-żooplankton) li jinsabu fil-lista indikattiva fit-Tabella 1 tal-Anness III għad-Direttiva 2008/56/KE, jeħtieġ li jkun stabbilit sett ta’ speċi u gruppi funzjonali rilevanti, wara li jitqies il-punt 2 tal-Parti A. It-tliet kriterji għall-valutazzjoni ta’ kwalunkwe speċi huma d-distribuzzjoni, id-daqs tal-popolazzjoni u l-kundizzjoni tal-popolazzjoni tal-ispeċi. Dwar din tal-aħħar, hemm każijiet fejn ikun meħtieġ għarfien dwar is-saħħa tal-popolazzjoni u ta’ relazzjonijiet interspeċifiċi u intraspeċifiċi. Jeħtieġ ukoll li jkunu vvalutati separatament sottospeċi u popolazzjonijiet fejn il-valutazzjoni inizjali jew informazzjoni ġdida disponibbli jidentifikaw impatti u theddid potenzjali għall-istatus ta’ wħud minnhom. Il-valutazzjoni tal-ispeċi teħtieġ ukoll għarfien integrat tad-distribuzzjoni, il-medda u l-kundizzjoni tal-ħabitats tagħhom, b’mod koerenti mar-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 92/43/KEE (8) u mid-Direttiva 2009/147/KE, sabiex jiġi żgurat li l-ħabitat ikun kbir biżżejjed sabiex tinżamm il-popolazzjoni tiegħu, filwaqt li titqies kwalunkwe theddida ta’ deterjorament jew telf ta’ ħabitats bħal dawn. F’dak li għandu x’jaqsam mal-bijodiversità fil-livell tal-ispeċi, it-tliet kriterji għall-valutazzjoni tal-progress li jwassal għal status ambjentali tajjeb, kif ukoll l-indikaturi relatati rispettivament magħhom, huma dawn li ġejjin:

1.1.   Id-distribuzzjoni tal-ispeċi

Il-firxa tad-distribuzzjoni (1.1.1)

Ix-xejra tad-distribuzzjoni fi ħdan il-firxa tad-distribuzzjoni, fejn xieraq (1.1.2)

Iż-żona koperta mill-ispeċjiet (għal speċi sessili/ta’ qiegħ il-baħar) (1.1.3)

1.2.   Id-daqs tal-popolazzjoni

L-abbundanza tal-popolazzjoni u/jew il-bijomassa, skont il-każ (1.2.1)

1.3.   Il-kundizzjoni tal-popolazzjoni

Il-karatteristiċi demografiċi tal-popolazzjoni (eż. struttura skont id-daqs tal-ġisem jew il-klassi tal-età, il-proporzjon tas-sessi, ir-rati ta’ fekondità, ir-rati ta’ sopravivenza/mortalità) (1.3.1)

L-istruttura ġenetika tal-popolazzjoni, fejn xieraq (1.3.2).

Livell tal-ħabitats

Għall-fini tad-Direttiva 2008/56/KE, it-terminu ħabitat jindirizza kemm il-karatteristiċi abijotiċi, kif ukoll il-komunità bijoloġika assoċjata, billi jittratta ż-żewġ elementi flimkien, fis-sens tat-terminu bijotopu. Jeħtieġ li jitfassal sett ta’ tipi ta’ ħabitats għal kull reġjun, subreġjun jew sottodiviżjoni, wara li jitqiesu l-ħabitats differenti fil-lista indikattiva fit-Tabella 1 tal-Anness III, u wara li jitqiesu l-istrumenti msemmija fil-punt 2 tal-Parti A. Strumenti bħal dawn jirreferu wkoll għal għadd ta’ kumplessi ta’ ħabitats (dan ifisser li, fejn ikun xieraq, jiġu vvalutati l-kompożizzjoni, il-medda u l-proporzjonijiet relattivi tal-ħabitats f’kumplessi bħal dawn) u ta’ ħabitats funzjonali (bħal pereżempju żoni ta’ tifrigħ, trobbija u għalf u rotot ta’ migrazzjoni). Sforzi addizzjonali għal klassifikazzjoni koerenti ta’ ħabitats tal-baħar, sostnuti b’lokalizzazzjoni adegwata, huma essenzjali għal valutazzjoni f’livell ta’ ħabitats, wara li jitqiesu varjazzjonijiet tul ix-xaqliba tad-distanza mill-kosta u l-fond (eż. baħar kostali, baħar kontinentali u baħar fond). It-tliet kriterji għall-valutazzjoni tal-ħabitats huma d-distribuzzjoni, il-medda u l-kundizzjoni tagħhom (għal tal-aħħar, b’mod partikolari, il-kundizzjoni ta’ speċi u komunitajiet tipiċi), flimkien mal-indikaturi relatati rispettivament magħhom. Il-valutazzjoni tal-kundizzjoni ta’ ħabitat tesiġi fehim integrat tal-istatus ta’ komunitajiet u speċi assoċjati, b’mod koerenti mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 92/43/KEE (9) u d-Direttiva 2009/147/KE, inkluża, fejn xieraq, valutazzjoni tal-karatteristiċi funzjonali tagħhom.

1.4.   Id-distribuzzjoni tal-ħabitats

Il-firxa tad-distribuzzjoni (1.4.1)

Ix-xejra tad-distribuzzjoni (1.4.2)

1.5.   Il-medda tal-ħabitats

Iż-żona tal-ħabitats (1.5.1)

Il-volum tal-ħabitats, fejn rilevanti (1.5.2)

1.6.   Il-kundizzjoni tal-ħabitats

Il-kundizzjoni tal-ispeċi u l-komunitajiet tipiċi (1.6.1)

L-abbundanza relattiva u/jew il-bijomassa, skont il-każ (1.6.2)

Il-kundizzjonijiet fiżiċi, idroloġiċi u kimiċi (1.6.3).

Il-livell tal-ekosistemi

1.7.   L-istruttura tal-ekosistemi

Il-kompożizzjoni u l-proporzjonijiet relattivi tal-komponenti tal-ekosistemi (ħabitats u speċi) (1.7.1).

Barra minn dan, l-interazzjonijiet bejn il-komponenti struturali tal-ekosistema huma fundamentali għall-valutazzjoni ta’ proċessi u funzjonijiet tal-ekosistemi bil-għan li jkun determinat b’mod kumplessiv status ambjentali tajjeb, wara li jitqiesu inter alia l-Artikoli 1, 3(5) u 9(1) tad-Direttiva 2008/56/KE. Aspetti oħra funzjonali indirizzati permezz ta’ deskritturi oħra ta’ status ambjentali tajjeb (bħad-deskritturi 4 u 6), kif ukoll kunsiderazzjonijiet ta’ konnettività u reżiljenza, huma wkoll importanti biex ikunu indirizzati proċessi u funzjonijiet tal-ekosistemi.

Deskrittur 2:   L-ispeċi mhux indiġeni introdotti minħabba l-attivitajiet tal-bniedem huma f’livelli li ma jaffettwawx b’mod negattiv lill-ekosistemi.

L-identifikazzjoni u l-valutazzjoni ta’ mogħdijiet u vetturi (vectors) li jxerrdu speċi mhux indiġeni b’riżultat ta’ attivitajiet tal-bniedem huma prerekwiżit biex ikun evitat li speċi bħal dawn introdotti b’riżultat ta’ attivitajiet tal-bniedem jilħqu livelli li jolqtu ħażin lill-ekosistemi u biex jittaffa kwalunkwe impatt. Il-valutazzjoni inizjali għandha tqis li xi introduzzjonijiet ta’ speċi minħabba attivitajiet tal-bniedem huma diġà rregolati fil-livell tal-Unjoni (10) biex ikun ivvalutat u minimizzat l-impatt possibbli tagħhom fuq ekosistemi akkwatiċi, u li xi speċi mhux indiġeni ntużaw b’mod komuni fl-akkwakultura għal ħafna żmien u diġà huma suġġetti għal trattament ta’ permess speċifiku fi ħdan ir-Regolamenti eżistenti (11). Għad hemm biss għarfien limitat dwar l-effetti tal-ispeċi mhux indiġeni fuq l-ambjent. Jeħtieġ li jkun hemm żvilupp xjentifiku u tekniku biex ikunu żviluppati indikaturi potenzjalment siewja (12), l-aktar ta’ impatti ta’ speċi invażivi mhux indiġeni (bħal indiċijiet ta’ tniġġis bijoloġiku), li jibqgħu l-akbar tħassib għall-kisba ta’ status ambjentali tajjeb. Il-prijorità b’rabta ma’ valutazzjoni u monitoraġġ (13) hija relatata mal-karatterizzazzjoni tal-istat, li hija prerekwiżit għal valutazzjoni tal-kobor tal-impatti iżda li fiha nfisha ma tiddeterminax il-kisba ta’ status ambjentali tajjeb għal dan id-deskrittur.

2.1.   Abbundanza u karatterizzazzjoni tal-istat ta’ speċi mhux indiġeni, b’mod partikolari speċi invażivi

Xejriet fl-abbundanza, l-inċidenza temporali u d-distribuzzjoni ġeografika fis-selvaġġ ta’ speċi mhux indiġeni, partikolarment speċi mhux indiġeni invażivi, l-aktar f’żoni ta’ riskju, b’rabta mal-vetturi u l-mogħdijiet ewlenin li jxerrdu speċi bħal dawn (2.1.1)

2.2.   Impatt ambjentali ta’ speċi invażivi mhux indiġeni

Il-proporzjon bejn l-ispeċi invażivi mhux indiġeni u l-ispeċi nattivi f’uħud mill-gruppi tassonomiċi studjati tajjeb (eż. ħut, makroalka, molluski) li jistgħu jipprovdu kejl tal-bidla fil-kompożizzjoni tal-ispeċi (eż. wara l-ispostament ta’ speċi nattivi) (2.2.1)

Impatti ta’ speċi invażivi mhux indiġeni fil-livell tal-ispeċi, il-ħabitats u l-ekosistema, fejn vijabbli (2.2.2).

Deskrittur 3:   Il-popolazzjonijiet tal-ħut u l-frott tal-baħar kollu li jiġi sfruttat b’mod kummerċjali huma fi ħdan limiti bijoloġiċi sikuri, u għandhom età tal-popolazzjoni u distribuzzjoni tad-daqs li huma indikattivi ta’ stokk b’saħħtu.

Din it-taqsima tapplika għall-istokkijiet kollha koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (fl-ambitu ġeografiku tad-Direttiva 2008/56/KE) u obbligi simili tal-Politika Komuni tas-Sajd. Għal dawn l-istokkijiet u għal stokkijiet oħrajn, l-applikazzjoni tagħha tiddependi mid-dejta disponibbli (filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet dwar il-ġbir tad-dejta tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008), li tiddetermina l-indikaturi l-aktar xierqa li għandhom jintużaw. Għal dan id-deskrittur, it-tliet kriterji għall-valutazzjoni tal-progress li jwassal għal status ambjentali tajjeb, kif ukoll l-indikaturi relatati rispettivament magħhom, huma dawn li ġejjin:

3.1.   Il-livell ta’ pressjoni tal-attività tas-sajd

 

Indikatur primarju. L-indikatur primarju għal-livell ta’ pressjoni tal-attività tas-sajd huwa dan li ġej:

Il-mortalità fis-sajd (F) (3.1.1).

Biex jinkiseb jew biex jinżamm status ambjentali tajjeb jeħtieġ li valuri ta’ F ikunu ugwali għal jew anqas minn FMSY, il-livell li kapaċi jipproduċi Rendiment Massimu Sostenibbli (Maximum Sustainable Yield, MSY). Dan ifisser li f’sajd imħallat u fejn interazzjonijiet ta’ ekosistemi huma importanti, pjanijiet ta’ ġestjoni fit-tul jistgħu jirriżultaw fl-isfruttament ta’ xi stokkijiet b’mod aktar delikat milli f’livelli ta’ FMSY sabiex ma ssirx ħsara lill-isfruttament f’FMSY ta’ speċi oħra (14).

F huwa stmat skont valutazzjonijiet analitiċi xierqa msejsa fuq l-analiżi ta’ qabda (li għandha titqies bħala dak kollu li jitneħħa mill-istokk, inklużi skart u qbid mitluf) skont l-età jew it-tul u skont informazzjoni anċillari. Fejn it-tagħrif dwar id-dinamika tal-popolazzjoni tal-istokk ma jippermettix li jsiru simulazzjonijiet, ġudizzju xjentifiku dwar valuri ta’ ‘F’ assoċjati mal-kurva ta’ rendiment għal kull rekluta - Y/R (yield-per-recruit), flimkien ma’ informazzjoni oħra dwar il-prestazzjoni storika tas-sajda jew dwar id-dinamika tal-popolazzjoni ta’ stokkijiet simili, jistgħu jintużaw.

 

Indikaturi sekondarji (jekk ma jkunux disponibbli valutazzjonijiet analitiċi li jirrendu valuri għal ‘F’):

Il-proporzjon bejn il-qabda u l-indiċi tal-bijomassa (minn hawn ‘il qudiem imsejjaħ il-proporzjon qabda/bijomassa) (3.1.2).

Il-valur għall-indikatur li jirrifletti FMSY jeħtieġlu jkun stabbilit b’ġudizzju xjentifiku wara analiżi tax-xejriet storiċi osservati tal-indikatur flimkien ma’ informazzjoni oħra dwar il-prestazzjoni storika tas-sajda. Fejn valutazzjonijiet imsejsa fuq il-produzzjoni ta’ stokkijiet ikunu disponibbli, il-proporzjon ta’ qabda/bijomassa li jirrendi MSY jista’ jittieħed bħala referenza indikattiva.

Alternattivament għall-proporzjon qabda/bijomassa, indikaturi sekondarji jistgħu jkunu żviluppati abbażi ta’ dak li, skont il-każ, ikun iqarreb l-aktar lejn il-mortalità fis-sajd, b’ġustifikazzjoni adegwata.

3.2.   Il-kapaċità riproduttiva tal-istokk

 

Indikatur primarju. L-indikatur primarju tal-kapaċità riproduttiva tal-istokk huwa dan li ġej:

Bijomassa ta’ stokk ferriegħ (SSB)(3.2.1).

Dan huwa stmat skont valutazzjonijiet analitiċi xierqa msejsa fuq l-analiżi ta’ qabda skont l-età jew it-tul u skont informazzjoni anċillari.

Fejn valutazzjoni analitika tippermetti l-istima ta’ SSB, il-valur ta’ referenza li jirrifletti l-kapaċità riproduttiva sħiħa huwa SSBMSY, jiġifieri, il-bijomassa ta’ stokk ferriegħ li tikseb MSY skont il-mortalità fis-sajd ugwali għal FMSY. Kwalunkwe valur osservat ta’ SSB ugwali għal jew akbar minn SSBMSY jitqies li jissodisfa dan il-kriterju.

Hija meħtieġa aktar riċerka sabiex jiġi indirizzat il-fatt li SSB li jikkorrispondi għal MSY ma jistax jinkiseb għall-istokkijiet kollha b’mod simultanju minħabba interazzjonijiet possibbli bejniethom.

Fejn mudelli ta’ simulazzjoni ma jippermettux li ssir stima ta’ valur ta’ min joqgħod fuqu għal SSBMSY, allura r-referenza li għandha tintuża għall-fini ta’ dan il-kriterju hija SSBpa, li hija l-valur minimu ta’ SSB li għalih il-probabbiltà kbira tkun li l-istokk ikun jista’ jerġa’ jimtela skont il-kundizzjonijiet li jkun hemm ta’ sfruttament.

 

Indikaturi sekondarji (jekk ma jkunux disponibbli valutazzjonijiet analitiċi li jirrendu valur għal SSB):

Indiċijiet ta’ bijomassa (3.2.2).

Jistgħu jintużaw jekk indiċijiet bħal dawn ikunu jistgħu jinkisbu għall-frazzjoni tal-popolazzjoni li tkun sesswalment matura. F’każijiet bħal dawn, dawn l-indiċijiet jeħtieġ li jintużaw meta ġudizzju xjentifiku jkun jista’ jiddetermina, permezz ta’ analiżi dettaljata tax-xejriet storiċi tal-indikatur flimkien ma’ informazzjoni oħra dwar il-prestazzjoni storika tas-sajda, li jkun hemm probabbiltà kbira li l-istokk ikun jista’ jerġa’ jimtela skont il-kundizzjonijiet ta’ sfruttament li jkun hemm.

3.3.   L-età tal-popolazzjoni u d-distribuzzjoni tad-daqs.

 

Indikaturi primarji. Stokkijiet b’saħħithom huma kkaratterizzati minn proporzjon għoli ta’ ħut xiħ u kbir. Indikaturi bbażati fuq l-abbundanza relattiva ta’ ħut kbir jinkludu:

Proporzjon ta’ ħut akbar mid-daqs medju fil-maturazzjoni sesswali inizjali (3.3.1)

Tul massimu medju komuni għall-ispeċi kollha misjub permezz ta’ servejs minn bastimenti ta’ riċerka (3.3.2)

Perċentwali ta’ 95 % tad-distribuzzjoni tat-tul tal-ħut osservat permezz ta’ servejs minn bastimenti ta’ riċerka (3.3.3)

 

Indikatur sekondarju:

Id-daqs fil-maturità sesswali inizjali li jista’ jirrifletti kemm ikunu mifruxin l-effetti ġenetiċi mhux mixtieqa ta’ sfruttament (3.3.4).

Għaż-żewġ settijiet ta’ indikaturi (il-proporzjon tal-ħut xiħ u d-daqs fil-maturitazzjoni sesswali inizjali), huwa meħtieġ ġudizzju espert biex jiġi ddeterminat jekk hemm probabbiltà kbira li d-diversità ġenetika intrinsika tal-istokk ma tkunx imdgħajfa. Il-ġudizzju espert jeħtieġ li jsir wara analiżi tas-serje ta’ żmien għad-dispożizzjoni tal-indikatur, flimkien ma’ informazzjoni oħra dwar il-bijoloġija tal-ispeċi.

Deskrittur 4:   L-elementi kollha tax-xbieki alimentari tal-baħar, sa fejn huma magħrufa, jokkorru f’abbundanza u diversità normali u livelli li kapaċi jiżguraw l-abbundanza tal-ispeċi tul perjodu ta’ żmien twil kif ukoll iż-żamma tal-kapaċità riproduttiva sħiħa tagħhom.

Dan id-deskrittur huwa dwar aspetti funzjonali importanti bħal flussi tal-enerġija u l-istruttura ta’ xbieki alimentari (daqs u abbundanza). F’dan l-istadju huwa meħtieġ sostenn xjentifiku u tekniku addizzjonali għal aktar żvilupp ta’ kriterji u indikaturi potenzjalment siewja biex ikunu indirizzati r-relazzjonijiet fix-xibka alimentari (15).

4.1.   Produttività (produzzjoni għal kull unità ta’ bijomassa) ta’ speċi ewlenin jew gruppi trofiċi

Biex ikunu indirizzati flussi tal-enerġija fix-xbieki alimentari jeħtieġ li jkunu żviluppati aktar indikaturi adegwati biex tkun evalwata l-prestazzjoni tal-proċessi prinċipali tar-relazzjoni bejn predatur u priża li tirrifletti l-vijabbiltà fit-tul ta’ komponenti fil-parti tax-xibka alimentari fejn huma jgħixu, ibbażata fuq l-esperjenza fl-għażla ta’ speċi adattati f’xi sottoreġjuni (eż. mammiferi, għasafar tal-baħar).

Il-prestazzjoni ta’ speċi predaturi ewlenin billi tintuża l-produzzjoni tagħhom għal kull unità ta’ bijomassa (produttività) (4.1.1).

4.2.   Proporzjon ta’ speċi magħżulin li jinsabu fil-parti ta’ fuq nett tax-xibka alimentari

Biex tkun indirizzata l-istruttura tax-xbieki alimentari, id-daqs u l-abbundanza tal-komponenti, hemm il-ħtieġa ta’ valutazzjoni tal-proporzjon ta’ speċi magħżulin li jinsabu fil-parti ta’ fuq nett tax-xbieki alimentari. Jeħtieġ li l-indikaturi jkunu żviluppati aktar, abbażi tal-esperjenza f’xi sottoreġjuni. Għal ħut kbir, hemm disponibbli dejta minn servejs ta’ monitoraġġ tal-ħut.

Ħut kbir (skont il-piż) (4.2.1).

4.3.   Abbundanza/distribuzzjoni ta’ gruppi trofiċi/speċi ewlenin

Xejriet ta’ abbundanza ta’ gruppi/speċi magħżulin li huma funzjonalment importanti (4.3.1).

Jeħtieġ li jkunu identifikati l-bidliet fl-istatus tal-popolazzjoni li potenzjalment jista’ jkollhom effett fuq l-istruttura tax-xbieki alimentari. Jeħtieġ li indikaturi dettaljati jkunu aktar speċifiċi, meta titqies l-importanza tagħhom għax-xbieki alimentari, abbażi ta’ gruppi/speċi xierqa f’reġjun, subreġjun jew sottodiviżjoni, inklużi fejn xieraq:

gruppi b’rati mgħaġġla ta’ riproduzzjoni (eż. fitoplankton, żooplankton, bram, molluski bivalvi, ħut pelaġiku li jgħix ftit) li jirreaġixxu malajr għal bidla f’ekosistema u li huma siewja bħala indikaturi ta’ twissija bikrija,

gruppi/speċi milquta mill-attivitajiet tal-bniedem jew li indirettament jiġu affettwati minnhom (b’mod partikolari qbid inċidentali u skart),

gruppi/speċi li jiddefinixxu ħabitat,

gruppi/speċi li jinsabu fil-parti ta’ fuq nett tax-xibka alimentari,

speċi migratorji anadromi u katadromi li jkopru distanzi twal,

gruppi/speċi li huma relatati strettament ma’ gruppi/speċi speċifiċi f’livell trofiku ieħor.

Deskrittur 5:   L-ewtrofikazzjoni kkawżata mill-bniedem titnaqqas kemm jista’ jkun, speċjalment l-effetti negattivi tagħha, bħal pereżempju t-telf tal-bijodiversità, id-degradazzjoni tal-ekosistemi, l-inwar ta’ alka tossika u d-defiċjenza ta’ ossiġnu fl-ilmijiet tal-qiegħ.

Il-valutazzjoni tal-ewtrofikazzjoni f’ilmijiet tal-baħar jeħtieġ li tqis il-valutazzjoni ta’ ilmijiet kostali u tranżizzjonali skont id-Direttiva 2000/60/KE (L-Anness V, 1.2.3 u 1.2.4) u gwida relatata (16), b’mod li jiżgura komparabbiltà, filwaqt li jitqiesu wkoll l-informazzjoni u l-għarfien miġburin u l-approċċi żviluppati fil-qafas ta’ konvenzjonijiet dwar ibħra reġjonali. Fuq bażi ta’ proċedura ta’ skrining bħala parti mill-valutazzjoni inizjali, jistgħu jitqiesu kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq ir-riskji biex l-ewtrofikazzjoni tkun ivvalutata b’mod effiċjenti (17). Il-valutazzjoni jeħtieġ li tgħaqqad flimkien informazzjoni dwar il-livelli tan-nutrijenti u dwar il-firxa ta’ dawk l-effetti primarji u sekondarji li huma rilevanti ekoloġikament (18), billi jitqiesu skali temporali rilevanti. Meta jitqies li l-konċentrazzjoni ta’ nutrijenti hija relatata ma’ tagħbijiet ta’ nutrijenti minn xmajjar fiż-żona ta’ qbid, il-kooperazzjoni ma’ Stati Membri li ma jmissux mal-baħar, bl-użu ta’ strutturi stabbiliti ta’ kooperazzjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/56/KE, hija partikolarment rilevanti.

5.1.   Livelli ta’ nutrijenti

Konċentrazzjoni ta’ nutrijenti fil-kolonna tal-ilma (5.1.1)

Proporzjonijiet ta’ nutrijenti (is-silika, in-nitroġenu u l-fosfru), fejn xieraq (5.1.2)

5.2.   Effetti diretti tal-arrikkiment tan-nutrijenti

Konċentrazzjoni ta’ klorofilla fil-kolonna tal-ilma (5.2.1)

Trasparenza tal-ilma relatata ma’ żieda ta’ alka sospiża, fejn rilevanti (5.2.2)

Abbundanza ta’ makroalka opportunistika (5.2.3)

Bidla fl-ispeċi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kompożizzjoni floristika bħall-proporzjon ta’ diatomi ma’ flaġellati, bidliet minn speċi ta’ qiegħ il-baħar għal dawk pelaġiċi, kif ukoll okkorrenzi ta’ nwar bħal inwar ta’ alka inkonvenjenti jew tossika (eż. ċjanobatterji) li jinħolqu minn attivitajiet tal-bniedem (5.2.4)

5.3.   Effetti indiretti tal-arrikkiment tan-nutrijenti

Abbundanza ta’ alka tal-baħar u ħaxix tal-baħar perenni (eż. ħabaq tal-baħar, ħaxixet is-sallura u ħaxixet Nettunu) milqutin ħażin minn tnaqqis fit-trasparenza tal-ilma (5.3.1)

Ossiġnu maħlul, jiġifieri bidliet minħabba żieda fid-dekompożizzjoni organika tal-materja u d-daqs taż-żona konċernata (5.3.2).

Deskrittur 6:   L-integrità ta’ qiegħ il-baħar tinsab f’livell li jiżgura li l-istruttura u l-funzjonijiet tal-ekosistemi huma ssalvagwardjati u l-ekosistemi ta’ qiegħ il-baħar, b’mod partikolari, mhumiex affettwati b’mod negattiv.

L-objettiv huwa li pressjonijiet tal-bniedem fuq qiegħ il-baħar ma jfixklux il-komponenti tal-ekosistemi milli jżommu d-diversità naturali, il-produttività u l-proċessi ekoloġiċi dinamiċi tagħhom, filwaqt li titqies ir-reżiljenza tal-ekosistemi. L-iskala tal-valutazzjoni għal dan id-deskrittur tista’ tkun partikolarment ta’ sfida minħabba n-natura mraqqa’ tal-karatteristiċi ta’ wħud mill-ekosistemi ta’ qiegħ il-baħar u ta’ bosta pressjonijiet tal-bniedem. Jeħtieġ li jsiru valutazzjoni u monitoraġġ wara skrining inizjali tal-impatti u t-theddid għall-karatteristiċi tal-bijodiversità u tal-pressjonijiet mill-bniedem, kif ukoll integrazzjoni ta’ riżultati ta’ valutazzjonijiet minn skali żgħar għal oħrajn usa’, li jkopru fejn xieraq sottodiviżjoni, subreġjun jew reġjun (19).

6.1.   Ħsara fiżika b’kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi tas-sottostrati

It-tħassib ewlieni għall-finijiet ta’ ġestjoni huwa dwar il-kobor tal-impatti tal-attivitajiet tal-bniedem fuq is-sottostrati ta’ qiegħ il-baħar li jservu ta’ struttura għall-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar. Fost it-tipi ta’ sottostrati, is-sottostrati bijoġeniċi, li huma l-aktar sensittivi għal disturbi fiżiċi, jipprovdu firxa ta’ funzjonijiet li jsostnu ħabitats u komunitajiet ta’ qiegħ il-baħar.

Tip, abbundanza, bijomassa u l-medda superfiċjali ta’ sottostrat bijoġeniku rilevanti (6.1.1)

Il-medda ta’ qiegħ il-baħar milquta b’mod sinifikanti minn attivitajiet tal-bniedem għat-tipi differenti ta’ sottostrati (6.1.2).

6.2.   Il-kundizzjoni ta’ komunità ta’ qiegħ il-baħar

Il-karatteristiċi ta’ komunità ta’ qiegħ il-baħar bħall-kompożizzjoni tal-ispeċi, il-kompożizzjoni tad-daqs u l-karatteristiċi funzjonali jipprovdu indikazzjoni importanti tal-potenzjal tal-ekosistema biex tiffunzjona sewwa. Tagħrif dwar l-istruttura u d-dinamika ta’ komunitajiet jinkiseb, kif xieraq, billi titkejjel id-diversità tal-ispeċi, il-produttività (abbundanza jew bijomassa), il-grupp tassonomiku tolleranti jew sensittiv u d-dominanza tassonomika u l-kompożizzjoni tad-daqs ta’ komunità, riflessi fil-proporzjon ta’ partijiet individwali żgħar u kbar.

Il-preżenza ta’ speċi partikolarment sensittivi u/jew tolleranti (6.2.1)

Indiċijiet multimetriċi li jevalwaw il-kundizzjoni u l-funzjonalità ta’ komunitajiet ta’ qiegħ il-baħar, bħad-diversità u r-rikkezza tal-ispeċi, il-proporzjon tal-ispeċi minn dawk opportunistiċi għal dawk sensittivi (6.2.2)

Il-proporzjon tal-bijomassa jew l-għadd ta’ individwi fl-organiżmi ta’ qiegħ il-baħar viżibbli mingħajr l-użu ta’ apparat li huma akbar minn xi tul/daqs speċifikat (6.2.3)

Parametri li jiddeskrivu l-karatteristiċi (forma, xaqliba u interċezzjoni) tal-ispettru tad-daqs tal-komunità ta’ qiegħ il-baħar (6.2.4).

Deskrittur 7:   Alterazzjoni permanenti tal-kundizzjonijiet idrografiċi ma taffettwax b’mod negattiv lill-ekosistemi tal-baħar.

Alterazzjonijiet permanenti tal-kundizzjonijiet idrografiċi mill-attivitajiet tal-bniedem jistgħu jikkonsistu, pereżempju f’bidliet fis-sistema tal-marea, il-ġarr tas-sediment u tal-ilma ħelu, l-azzjoni tal-kurrenti jew tal-mewġ, li jwasslu għal bidliet fil-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi stabbiliti fit-Tabella 1 tal-Anness III għad-Direttiva 2008/56/KE. Bidliet bħal dawn jistgħu jkunu partikolarment rilevanti kull meta jkollhom il-potenzjal li jolqtu ekosistemi tal-baħar fuq skala usa’ u l-valutazzjoni tagħhom tkun tista’ tipprovdi twissija bikrija dwar impatti li jista’ jkun hemm fuq l-ekosistema. Għall-ilmijiet kostali, id-Direttiva 2000/60/KE tistabbilixxi objettivi idromorfoloġiċi li jeħtieġ li jiġu indirizzati permezz ta’ miżuri fil-kuntest ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni ta’ baċiri ta’ xmajjar. Jeħtieġ approċċ każ b’każ biex ikun ivvalutat l-impatt tal-attivitajiet. Għodod bħal valutazzjoni tal-impatt ambjentali, valutazzjoni ambjentali strateġika u ppjanar ġeografiku marittimu jistgħu jikkontribwixxu biex ikun ivvalutat u eżaminat id-daqs tal-impatti u l-aspetti kumulattivi tagħhom minn attivitajiet bħal dawn. Iżda huwa importanti li jkun żgurat li mezzi bħal dawn jipprovdu elementi li jivvalutaw impatti potenzjali fuq l-ambjent tal-baħar, inklużi kunsiderazzjonijiet transkonfinali.

7.1.   Karatterizzazzjoni ġeografika ta’ alterazzjonijiet permanenti

Il-medda taż-żona milquta minn alterazzjonijiet permanenti (7.1.1)

7.2.   L-impatt ta’ bidliet idrografiċi permanenti

Il-medda ġeografika milquta mill-alterazzjonijiet permanenti (7.2.1)

Bidliet f’ħabitats, b’mod partikolari l-funzjonijiet ipprovduti (eż. tifrigħ, żoni għat-trobbija u l-għalf u rotot ta’ migrazzjoni ta’ ħut, għasafar u mammiferi), minħabba kundizzjonijiet idrografiċi mibdula (7.2.2).

Deskrittur 8:   Il-konċentrazzjonijiet tal-kontaminanti huma f’livelli li ma joħolqux effetti ta’ tniġġis.

Il-konċentrazzjoni ta’ kontaminanti fl-ambjent tal-baħar u l-effetti tagħhom jeħtieġ li jkunu evalwati, filwaqt li jitqiesu l-impatti u t-theddid għall-ekosistema (20). Għandhom jitqiesu d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2000/60/KE dwar ibħra territorjali u/jew kostali biex tkun żgurata l-koordinazzjoni xierqa tal-implimentazzjoni taż-żewġ oqfsa, fiwaqt li jitqiesu wkoll l-informazzjoni u l-għarfien miġbura u l-approċċi żviluppati fil-konvenzjonijiet dwar l-ibħra reġjonali. L-Istati Membri għandhom iqisu s-sustanzi jew gruppi ta’ sustanzi, fejn rilevanti għall-ambjent tal-baħar, li:

(i)

jaqbżu l-Istandard tal-Kwalità Ambjentali stabbilit skont l-Artikolu 2(35) u l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE f’ibħra kostali jew territorjali maġenb ir-reġjun jew is-sottoreġjun tal-baħar, kemm jekk ikunu f’ilma, kif ukoll jekk f’sediment jew f’bijota; u/jew

(ii)

ikunu elenkati bħala sustanzi ta’ prijorità fl-Anness X għad-Direttiva 2000/60/KE u rregolati aktar mid-Direttiva 2008/105/KE, li jintremew fir-reġjun, sottoreġjun jew sottodiviżjoni tal-baħar konċernat/a; u/jew

(iii)

ikunu kontaminanti u r-rilaxx totali tagħhom (inklużi telf, rimi jew emissjonijiet) jista’ jġib miegħu riskji sinifikanti għall-ambjent tal-baħar minn tniġġis tal-passat jew tal-preżent fir-reġjun, sottoreġjun jew sottodiviżjoni tal-baħar konċernat/a, inklużi bħala konsegwenza ta’ avvenimenti ta’ tniġġis akut wara inċidenti li jinvolvu pereżempju sustanzi perikolużi u li jagħmlu l-ħsara.

Il-progress li jwassal għal status ambjentali tajjeb jiddependi fuq jekk it-tniġġis ikunx qed jitneħħa progressivament f’fażijiet, jiġifieri li l-preżenza ta’ kontaminanti fl-ambjent tal-baħar u l-effetti bijoloġiċi tagħhom jinżammu f’limiti aċċettabbli, biex ikun żgurat li ma jkunx hemm impatti sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar jew riskji għalih.

8.1.   Konċentrazzjoni ta’ kontaminanti

Il-konċentrazzjoni tal-kontaminanti msemmija hawn fuq, imkejla skont il-matriċi rilevanti (bħal bijota, sediment u ilma) b’mod li jkun żgurat li jkun hemm kompatibbiltà mal-valutazzjonijiet skont id-Direttiva 2000/60/KE (8.1.1)

8.2.   L-effetti ta’ kontaminanti

Il-livelli tal-effetti ta’ tniġġis fuq il-komponenti konċernati tal-ekosistema, filwaqt li jitqiesu l-proċessi bijoloġiċi u l-gruppi tassonomiċi magħżula fejn tkun ġiet stabbilita relazzjoni kawża/effett u jeħtieġ li tiġi mmonitorjata (8.2.1)

L-okkorrenza, l-oriġini (fejn possibbli), kemm huwa akut it-tniġġis tal-avvenimenti sinifikanti (eż. rqajja’ ta’ żejt u prodotti miż-żejt) u l-impatt tagħhom fuq bijota milquta fiżikament minn dan it-tniġġis (8.2.2).

Deskrittur 9:   Il-kontaminanti fil-ħut u f’ikel tal-baħar ieħor għall-konsum mill-bniedem ma jaqbżux il-livelli stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja jew standards rilevanti oħra.

Fir-reġjuni jew is-sottoreġjuni differenti hemm il-ħtieġa li l-Istati Membri jimmonitorjaw fit-tessuti li jittieklu (muskoli, fwied, bajd, laħam, partijiet tarjin kif xieraq) ta’ ħut, krustaċji, molluski, ekinodermi, kif ukoll alka tal-baħar, maqbuda jew maħsuda fis-selvaġġ, il-preżenza possibbli ta’ sustanzi li għalihom huma stabbiliti livelli massimi fil-livell Ewropew, reġjonali jew nazzjonali għal prodotti destinati għall-konsum mill-bniedem.

9.1.   Livelli, għadd u frekwenza ta’ kontaminanti

Livelli ta’ kontaminanti li fir-realtà ġew individwati u l-għadd ta’ kontaminanti li qabżu l-livelli regolatorji massimi (9.1.1)

Il-frekwenza li biha qed jinqabżu l-livelli regolatorji (9.1.2).

Deskrittur 10:   Proprjetajiet u kwantitajiet ta’ żibel fil-baħar li ma jikkawżawx ħsara lill-ambjent kostali u tal-baħar.

Id-distribuzzjoni taż-żibel hija varjabbli ħafna, u jeħtieġ li titqies għall-programmi ta’ monitoraġġ. Huwa neċessarju li tkun identifikata l-attività marbuta magħha, inkluż, fejn ikun possibbli, l-oriġini tagħha. Għad hemm il-ħtieġa li bosta indikaturi jkunu żviluppati aktar, partikolarment dawk relatati ma’ impatti bijoloġiċi u ma’ mikropartikoli, kif ukoll li l-valutazzjoni tat-tossiċità potenzjali tagħhom tissaħħaħ (21).

10.1.   Karatteristiċi taż-żibel fl-ambjent tal-baħar u f’dak kostali

Xejriet fl-ammont ta’ żibel li jinġarr għal fuq ix-xtut u/jew li jiġi ddepożitat mal-kosti, inkluża analiżi tal-kompożizzjoni, id-distribuzzjoni ġeografika u, fejn ikun possibbli, is-sors tiegħu (10.1.1)

Xejriet fl-ammont ta’ żibel fil-kolonna tal-ilma (inkluż dak f’wiċċ l-ilma) u dak iddepożitat f’qiegħ il-baħar, inkluża analiżi tal-kompożizzjoni, id-distribuzzjoni ġeografika u, fejn ikun possibbli, is-sors tiegħu (10.1.2)

Xejriet fl-ammont, fid-distribuzzjoni u, fejn possibbli, fil-kompożizzjoni ta’ mikropartikoli (b’mod partikolari mikroplastiks) (10.1.3)

10.2.   Impatti taż-żibel fuq il-ħajja tal-baħar

Xejriet fl-ammont u fil-kompożizzjoni taż-żibel li annimali tal-baħar jibilgħu (eż. analiżi tal-istonku) (10.2.1.).

Dan l-indikatur jeħtieġ li jkun żviluppat aktar, abbażi tal-esperjenza f’xi sottoreġjuni (eż. fil-Baħar tat-Tramuntana), biex ikun adattat għal reġjuni oħra.

Deskrittur 11:   L-introduzzjoni tal-enerġija, inkluż l-istorbju ta’ taħt l-ilma, hija f’livelli li ma jaffettwawx ħażin l-ambjent tal-baħar.

Flimkien mal-ħsejjes ta’ taħt l-ilma, li hemm enfasi dwarhom fid-Direttiva 2008/56/KE kollha, għamliet oħra ta’ imput ta’ enerġija għandhom il-potenzjal li jħallu impatt fuq l-ekosistemi tal-baħar, bħall-enerġija termali, il-kampijiet elettromanjetiċi u d-dawl. Għad hemm il-ħtieġa ta’ progress xjentifiku u tekniku addizzjonali biex ikun sostnut aktar l-iżvilupp ta’ kriterji relatati ma’ dan id-deskrittur (22), inklużi dawk relatati mal-impatti tal-introduzzjoni tal-enerġija fuq il-ħajja tal-baħar, livelli ta’ storbju u frekwenzi rilevanti (li jista’ jkun li jkun meħtieġ li jiġu adattati, fejn xieraq, soġġetti għar-rekwiżit ta’ kooperazzjoni reġjonali). Fl-istadju attwali, l-orjentazzjonijiet prinċipali biex jitkejlu l-ħsejjes ta’ taħt l-ilma kienu identifikati bħala l-ewwel prijorità b’rabta ma’ valutazzjoni u monitoraġġ (23), suġġetti għal aktar żvilupp, inkluż dak relatat ma’ wiri fuq mapep. Ħsejjes antropoġeniċi jistgħu jdumu ftit (eż. impulsivi bħal dawk minn servej sismiku u t-taħfir għal arbli ta’ farms tar-riħ u għal pjattaformi tagħhom, kif ukoll splużjonijiet), jew jistgħu jdumu ħafna (eż. kontinwi bħat-tħammil, it-trasport marittimu u installazzjonijiet tal-enerġija) li jaffettwaw lill-organiżmi b’modi differenti. Kważi l-attivitajiet kummerċjali kollha li jġibu magħhom livell għoli ta’ ħsejjes li relattivament iħallu effett fuq żoni kbar jitwettqu skont kundizzjonijiet regolati suġġetti għal liċenzja. Dan joħloq l-opportunità li jkunu kkoordinati b’mod koerenti rekwiżiti għall-kejl ta’ ħsejjes impulsivi għoljin bħal dawn.

11.1.   Distribuzzjoni f’waqtha u f’lokha ta’ ħsejjes impulsivi ta’ frekwenza għolja, baxxa u medja

Proporzjon ta’ jiem u d-distribuzzjoni tagħhom f’sena kalendarja fuq żoni ta’ superfiċje determinata, kif ukoll id-distribuzzjoni ġeografika tagħhom, li fihom is-sorsi ta’ ħsejjes antropoġeniċi jaqbżu livelli li x’aktarx joħolqu impatt sinfikanti fuq l-annimali tal-baħar imkejla bħala Livell ta’ Esponiment għall-Ħsejjes (f’dB re 1μPa2.s) jew bħala l-ogħla livell ta’ pressjoni ta’ ħsejjes (f’dB re 1μPapeak) f’metru, imkejla fil-faxxa ta’ frekwenza 10 Hz sa 10 kHz (11.1.1)

11.2.   Ħoss kontinwu ta’ frekwenza baxxa

Xejriet fil-livell tal-istorbju ambjentali fil-faxex ta’ 1/3 ta’ ottava 63 u 125 Hz (frekwenza ċentrali) (re 1μΡa RMS); livell medju ta’ storbju f’dawn il-faxex ta’ ottavi f’sena) imkejjel minn stazzjonijiet ta’ osservazzjoni u/jew bl-użu ta’ mudelli skont kif ikun xieraq (11.2.1).


(1)  Ara l-Premessi 3 u 4.

(2)  ĠU L 348, 24.12.2008, p. 84.

(3)  ĠU L 60, 5.3.2008, p. 1.

(4)  Ara l-Premessa 2.

(5)  Ara l-Premessi 3 u 4.

(6)  Ara l-punti 3 sa 6 fil-Parti A.

(7)  Ara l-punt 6 fil-Parti A.

(8)  “Valutazzjoni, monitoraġġ u rappurtar dwar l-istatus tal-konservazzjoni – Tħejjija tar-rapport għall-2001-2007 skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats”, il-15 ta’ Marzu 2005, aċċettat mill-Kumitat għall-Ħabitats fl-20 ta’ April 2005.

(9)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 8.

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 tal-11 ta’ Ġunju 2007 dwar l-użu ta’ speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura (ĠU L 168, 28.6.2007, p. 1).

(11)  Ara l-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 708/2007.

(12)  Ara l-Premessi 3 u 4.

(13)  Ara l-punt 9 fil-Parti A.

(14)  Il-Komunikazzjoni “L-implimentazzjoni tas-sostenibbiltà fis-sajd fl-UE permezz ta’ rendiment sostenibbli massimu” [traduzzjoni mhux uffiċjali], (COM(2006) 360 finali).

(15)  Ara l-Premessi 3 u 4.

(16)  Dokument ta’ Gwida dwar il-Valutazzjoni tal-Ewtrofikazzjoni fil-Kuntest tal-Politiki Ewropej dwar l-Ilma, Dokument nru 23. Il-Kummissjoni Ewropea (2009). Ara http://circa.europa.eu/Public/irc/env/wfd/library

(17)  Ara l-punti 3 sa 6 fil-Parti A.

(18)  Ara l-punt 7 fil-Parti A.

(19)  Ara l-punti 3 sa 6 fil-Parti A.

(20)  Ara l-punti 3 u 4 fil-Parti A.

(21)  Ara l-Premessi 3 u 4.

(22)  Ara l-Premessi 3 u 4.

(23)  Ara l-punt 9 fil-Parti A.


Top