Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0461

    2010/461/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/461/PESK tas- 26 ta’ Lulju 2010 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali tal-Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ u verifika tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-EU kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva

    ĠU L 219, 20.8.2010, p. 7–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/461/oj

    20.8.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 219/7


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/461/PESK

    tas-26 ta’ Lulju 2010

    dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali tal-Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ u verifika tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-EU kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 26(2) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (l-Istrateġija), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta’ miżuri li jridu jittieħdu kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll f’pajjiżi terzi biex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni.

    (2)

    L-Unjoni qed timplimenta b’mod attiv l-Istrateġija u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b’mod partikolari billi jiġu rilaxxati riżorsi finanzjarji b’appoġġ għal proġetti speċifiċi mmexxija minn istituzzjonijiet multilaterali, bħas-Segretarjat Tekniku Proviżorju tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali tal-Provi Nukleari (CTBTO).

    (3)

    Fis-17 ta’ Novembru 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/805/PESK fuq l-universalizzazzjoni u t-tisħiħ tal-ftehimiet multilaterali fil-qasam tal-kontroll tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezz tat-trasport tagħhom (1). Dik il-Pożizzjoni Komuni tappella, inter alia, għall-promozzjoni tal-iffirmar u r-ratifika tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali tal-Provi Nukleari (CTBT).

    (4)

    L-Istati Firmatarji tas-CTBT iddeċidew li jistabbilixxu Kummissjoni Preparatorja, li jkollha kapaċità ġuridika u li jkollha pożizzjoni bħala organizzazzjoni internazzjonali, bil-għan li twettaq l-implimentazzjoni effettiva tas-CTBT, sakemm tiġi stabbilita s-CTBTO.

    (5)

    Id-dħul fis-seħħ bikri u l-universalizzazzjoni tas-CTBT u t-tisħiħ tas-sistema ta’ monitoraġġ u ta’ verifika tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO huma objettivi importanti tal-Istrateġija. B’konnessjoni ma’ dan, it-testijiet nukleari mwettqin mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea f’Ottubru 2006 u f’Mejju 2009 ssottolinjaw aktar l-importanza tad-dħul fis-seħħ bikri tas-CTBT u l-ħtieġa li s-sistema ta’ monitoraġġ u verifika tas-CTBTO tinbena u tissaħħaħ b’rata aktar mgħaġġla.

    (6)

    Il-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO hija impenjata fl-identifikazzjoni tal-aħjar mod kif tista’ tissaħħaħ is-sistema tagħha ta’ verifika, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ monitoraġġ ta’ gass nobbli u sforzi mmirati biex jinvolvu bis-sħiħ l-Istati Firmatarji fl-implimentazzjoni tar-reġim ta’ verifika.

    (7)

    Fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija, il-Kunsill adotta tliet Azzjonijiet Konġunti dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO: l-Azzjoni Konġunta 2006/243/PESK tal-20 ta’ Marzu 2006 (2) fil-qasam tat-taħriġ u tal-iżvilupp ta’ kapaċitajiet għall-verifika u l-Azzjonijiet Konġunti 2007/468/PESK tat-28 ta’ Ġunju 2007 (3) u 2008/588/PESK tal-15 ta’ Lulju 2008 (4) sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ u verifika tal-Kummissjoni Preparatorja.

    (8)

    Dan l-appoġġ tal-UE għandu jitkompla.

    (9)

    L-implimentazzjoni teknika ta’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi fdata lill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Għall-finijiet li tiġi żgurata l-implimentazzjoni kontinwa u prattika ta’ ċerti elementi tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (l-Istrateġija), l-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali tal-Provi Nukleari (CTBTO) sabiex isir aktar progress lejn l-objettivi li ġejjin:

    it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sistema ta’ monitoraġġ u verifika tas-CTBT, inkluż fil-qasam tal-kxif radju-nuklidu,

    it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Istati Firmatarji tas-CTBT biex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet ta’ verifika tagħhom skont is-CTBT u biex jitħallew jibbenefikaw bis-sħiħ mill-parteċipazzjoni fir-reġim tas-CTBT.

    2.   Il-proġetti li ser jiġu appoġġati mill-Unjoni għandu jkollhom l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    it-titjib fl-operat u s-sostenibbiltà tas-sistema ta’ monitoraġġ u verifika tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO;

    (b)

    it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ verifika tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO fl-oqsma tal-ispezzjonijiet fuq il-post u l-monitoraġġ u l-verifika ta’ gass nobbli għall-kxif u l-identifikazzjoni ta’ splużjonijiet nukleari possibbli;

    (c)

    l-għoti ta’ assistenza teknika lil pajjiżi fl-Afrika, l-Amerika Latina u l-Karibew bl-għan tal-integrazzjoni sħiħa tal-Istati Firmatarji fis-sistema ta’ monitoraġġ u verifika tas-CTBT.

    Dawn il-proġetti għandhom jitwettqu għall-benefiċċju tal-Istati Firmatarji kollha tas-CTBT.

    Deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti hija mniżżla fl-Anness.

    Artikolu 2

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-RGħ) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tkun fdata lill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.

    3.   Il-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO għandha twettaq il-kompiti tagħha taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan l-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta’ EUR 5 280 000.

    2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tajba tal-kontribut tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1. Għal dan il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistipula li l-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha.

    4.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.

    Artikolu 4

    Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari li għandhom jiġu mħejjija mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 3(3).

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tiskadi 18-il xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3) jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk l-ebda ftehim ta’ finanzjament ma jkun ġie konkluż f’dak il-perijodu.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. VANACKERE


    (1)  ĠU L 302, 20.11 2003, p. 34.

    (2)  ĠU L 88, 25.3.2006, p. 68.

    (3)  ĠU L 176, 6.7.2007, p. 31.

    (4)  ĠU L 189, 17.7.2008, p. 28.


    ANNESS

    L-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ u verifika tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva

    I.   INTRODUZZJONI

    Il-bini ta’ sistema ta’ monitoraġġ u verifika li taħdem sew tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO hija element kruċjali għat-tħejjija tal-implimentazzjoni tas-CTBT malli tkun daħlet fis-seħħ. L-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO fil-qasam tal-monitoraġġ tal-gass nobbli hija għodda importanti biex jiġi vvalutat jekk splużjoni osservata hix test nukleari jew le. Barra minn hekk, l-operabbiltà u l-prestazzjoni tas-sistema ta’ monitoraġġ u verifika tas-CTBT tiddependi fuq il-kontribut tal-Istati Firmatarji tas-CTBT. Għalhekk, huwa importanti li l-Istati Firmatarji jitħallew jipparteċipaw fi u jikkontribwixxu bis-sħiħ għas-sistema ta’ monitoraġġ u verifika tas-CTBT.

    L-Unjoni ser tappoġġa erba’ proġetti, li l-objettivi tagħhom huma dawn li ġejjin:

    (a)

    it-titjib tal-operat u s-sostenibbiltà tan-Netwerk tal-Istazzjonijiet Sismiċi Awżiljarji (ASS) tas-Sistema ta’ Monitoraġġ Internazzjonali (IMS) tas-CTBT;

    (b)

    it-titjib tas-sistema ta’ verifika tas-CTBT permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa mal-komunità xjentifika;

    (c)

    l-għoti ta’ assistenza Teknika lill-Istati Firmatarji fl-Afrika u fir-Reġjun tal-Amerika Latina u l-Karibew biex ikunu jistgħu jipparteċipaw u jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ verifika tas-CTBT;

    (d)

    l-iżvilupp ta’ sistema kapaċi ta’ kxif ta’ gass nobbli tal-ispezzjoni fuq il-post.

    Il-prospetti għad-dħul fis-seħħ tas-CTBT ittejbu minħabba ambjent politiku aktar favorevoli. Minħabba din id-dinamika ġdida, fis-snin li ġejjin jeħtieġ li jiżdied l-iffokar urġenti kemm fuq it-tlestija tal-bini tas-sistema ta’ verifika tas-CTBT kif ukoll fuq l-iżgurar tal-prontezza u l-kapaċità operattiva tagħha. It-testijiet nukleari mħabbrin mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK) f’Ottubru 2006 u f’Mejju 2009 mhux biss urew l-importanza ta’ projbizzjoni universali ta’ testijiet nukleari, iżda enfasizzaw ukoll il-ħtieġa għal sistema ta’ verifika effettiva għall-monitoraġġ tal-konformità ta’ tali projbizzjoni. Sistema ta’ verifika tas-CTBT kompletament operattiva u kredibbli tipprovdi lill-komunità internazzjonali b’mezzi indipendenti u affidabbli biex ikun żgurat li din in-norma tiġi rispettata.

    Fl-Azzjonijiet Konġunti 2006/243/PESK, 2007/468/PESK u 2008/588/PESK, l-Unjoni ffokat fuq it-tisħiħ tal-elementi ewlenin tal-kapaċitajiet ta’ verifika tas-CTBT fl-oqsma tal-kxif ta’ gass nobbli, tal-ispezzjonijiet fuq il-post kif ukoll tat-taħriġ u l-assistenza teknika. Filwaqt li l-proposta attwali tibni fuq il-proġetti preċedenti tal-Azzjoni Konġunta, sar iffukar partikolari fuq elementi li jsaħħu l-kapaċitajiet ta’ verifika tas-CTBT b’mod sostenibbli. Dan huwa ta’ importanza partikolari minħabba l-prospetti tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat, f’liema żmien is-sistema ta’ verifika trid tkun kompletament operattiva.

    Iż-żamma tal-ogħla livell possibbli ta’ disponibbiltà tad-data tal-verifika tal-IMS ser tkun punt ta’ rifereiment importanti fil-valutazzjoni tal-prontezza operattiva tas-sistema ta’ verifika mad-dħul fis-seħħ. Il-Proġett I għalhekk jindirizza l-operat u s-sostenibbiltà tan-netwerk tal-ASS tal-IMS b’mod sistemiku.

    Il-Proġett II jindirizza l-kwistjoni ewlenija taż-żamma tal-kredibbiltà xjentifika u teknoloġika tas-sistema ta’ verifika tas-CTBT fuq medda twila. Dan għandu l-għan li jiżgura li l-progress xjentifiku u teknoloġiku f’xi oqsma speċifiċi relatati mal-verifika tas-CTBT jiġi integrat u applikat għar-rekwiżiti ta’ verifika tas-CTBT. Il-Proġett III huwa segwitu dirett għall-proġetti ta’ taħriġ u assistenza teknika tal-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK fl-Afrika u ser jiġi estiż għal xi stati tar-reġjun Latin u Karibew (LAC). Il-Proġett IV jiffoka fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-ispezzjoni fuq il-post (OSI) tas-CTBT permezz tal-iżvilupp ulterjuri ta’ sistema ta’ kxif ta’ gass nobbli (radioxenon) li tista’ ssir bl-OSI.

    L-erba’ proġetti b’appoġġ tal-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO msemmija hawn fuq, ser jiġu implimentati u ġestiti mis-Segretarjat Tekniku Proviżorju (PTS) tiegħu.

    II.   DESKRIZZJONI TAL-PROĠETTI

    Proġett I:   It-titjib tal-operat u s-sostenibbiltà tan-Netwerk tal-ASS tal-IMS tas-CTBT.

    Sfond:

    1.

    Fid-dawl tal-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi lejn il-prontezza tas-sistema ta’ verifika tas-CTBT fiż-żmien tad-dDħul fis-seħħ tas-CTBT, huwa ta’ importanza kbira li jkunu żgurati l-ogħla livelli possibbli ta’ operat u sostenibbiltà tan-netwerk tal-ASS. Għalhekk l-għan ta’ din il-proposta tal-proġett huwa li jinġabru l-fatti meħtieġa u l-kondizzjonijiet tas-sostenibbiltà għal kull waħda minn dawn il-faċilitajiet tan-netwerk tal-ASS sabiex jittejjeb il-livell ta’ sostenibbiltà tagħhom għal-livell mandatorju tar-rekwiżiti tekniċi u operattivi.

    2.

    Il-paragrafu 8 tal-Protokoll għas-CTBT jipprevedi li: “Biex jissupplimenta n-netwerk primarju, netwerk awżiljarju ta’ 120 stazzjon għandu jipprovdi informazzjoni, direttament jew permezz ta’ ċentru tad-data nazzjonali, liċ-Ċentru tad-Data Internazzjonali fuq talba. (…) L-istazzjonijiet awżiljarji għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi u operattivi speċifikati fil-Manwal Operattiv tal-Monitoraġġ Sismoloġiku u l-Iskambju Internazzjonali ta’ Data Sismoloġika. Id-data mill-istazzjonijiet awżiljarji tista’ tintalab fi kwalunkwe ħin miċ-Ċentru tad-Data Internazzjonali u għandha tkun immedjatament disponibbli permezz ta’ konnessjonijiet on-line bil-kompjuter”. L-ASS għandhom jissodisfaw essenzjalment l-istess rekwiżiti tekniċi u operattivi bħall-istazzjonijiet sismiċi primarji.

    3.

    Spejjeż regolari assoċjati mal-operat u ż-żamma tal-ASS, inkluża s-sigurtà fiżika tal-faċilità għandhom jitħallsu mill-Istat responsabbli għal tali faċilitajiet. Dan ma jikkawżax problema għall-ASS ospitati u/jew operati minn pajjiżi żviluppati. Madankollu, dan jikkostitwixxi sfida sinifikanti fir-rigward tas-36 ASS ċertifikat tal-IMS li jinsabu f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Ħafna minn dawn l-istazzjonijiet ilhom joperaw għal ħafna snin u issa t-tagħmir installat qed jilħaq l-istadju tat-tmiem taċ-ċiklu tal-użu.

    Ambitu tal-Proġett

    4.

    L-ambitu prinċipali ta’ dan il-proġett huwa li jiġu assistiti l-awtoritajiet lokali biex jittejbu l-operat u s-sostenibbiltà tan-Netwerk tal-ASS tal-IMS. Dan jinkludi:

    il-valutazzjoni tal-istatus attwali tal-ASS ċertifikati,

    iż-żjajjar fl-istazzjonijiet, li matulhom issir kalibrazzjoni tas-sistema,

    it-taħriġ addizzjonali fuq il-post lill-operaturi ta’ stazzjonijiet lokali, jekk ikun fattibbli,

    it-titjib tal-infrastruttura u s-sigurtà, jekk ikun meħtieġ,

    is-sostituzzjoni ta’ sistemi ta’ provvista ta’ enerġija ta’ riżerva, jekk ikun meħtieġ,

    is-sostituzzjoni/rikapitalizzazzjoni ta’ tagħmir obsolet.

    L-ispejjeż operattivi għall-istazzjonijiet mhux ser ikunu koperti minn dan il-proġett.

    5.

    Fl-għażla tal-iASS għal dan il-proġett ser tingħata prijorità lil:

    l-ASS tal-IMS attwalment ċertifikati li jinsabu f’pajjiż li qed jiżviluppa jew f’pajjiż fi transizzjoni,

    l-ASS li attwalment mhumiex kapaċi għal missjoni,

    l-ASS li qed joqorbu lejn in-nuqqas ta’ kapaċità għal missjoni, u

    l-ASS li ġew identifikati bħala sostituti potenzjali għal stazzjoni Sismika Primarja tal-IMS.

    6.

    Fażi I ta’ dan il-proġett ser tikkonsisti minn żjajjar fl-istazzjonijiet għall-valutazzjoni tal-istatus attwali u l-ħtieġa kontinwa tal-ASS u għat-twettiq ta’ azzjonijiet pendenti ta’ manutenzjoni tat-tagħmir u l-infrastruttura. Lista finali ta’ stazzjonijiet li jeħtieġu ħidma futura ser tkun disponibbli biss wara li jkunu saru tali żjajjar. Barra minn hekk, is-sostituzzjoni tat-tagħmir, is-sistemi ta’ provvista ta’ enerġija ta’ riżerva, is-sigurtà u l-infrastruttura ser issir fil-fażi I fejn possibbli biex ikun żgurat li l-ASS antiki jkunu lesti mad-dħul fis-seħħ tas-CTBT.

    7.

    Fil-Fażi II, wara ż-żjara inizjali lill-ASS li jeħtieġu attenzjoni immedjata, ser tiġi identifikata lista dettaljata ta’ stazzjonijiet li jeħtieġu ħidma futura. Din il-lista ser tkun ipprovduta bħala riżultat tal-fażi I u ser tinkludi d-dettalji relatati mas-sostituzzjoni meħtieġa ta’ tagħmir, sistemi ta’ provvista ta’ enerġija ta’ riżerva, sigurtà u infrastruttura li huma meħtieġa biex ikun żgurat li ASS antiki jkunu lesti mad-dħul fis-seħħ tas-CTBT. F’din il-fażi, ser isiru serje ta’ żjajjar immirati lill-awtoritajiet lokali tal-pajjiżi ospitanti tal-ASS biex iqajmu r-rikonoxximent tar-responsabbiltajiet tat-trattat tagħhom fir-rigward tal-operat u ż-żamma tal-ASS u biex jiġi inkoraġġit l-istabbiliment tal-istruttura u r-riżorsi ta’ appoġġ nazzjonali meħtieġa.

    8.

    Ser jiġu organizzati żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ/workshops dedikati għall-operaturi tal-ASS. Huwa previst li wieħed minnhom jiġi organizzat fl-Amerika t’Isfel u l-ieħor fl-Afrika jew fl-Asja.

    9.

    Ir-riżultat u l-benefiċċju mistenni ta’ dan il-proġett ser ikunu kapaċità mtejba, affidabbiltà u sostenibbiltà fit-tul tan-netwerk tal-IMS.

    Benefiċċji u Eżitu

    10.

    Il-benefiċċji mistennija ser jinkludu stazzjonijiet b’tagħmir modern li jiffunzjona tajjeb, li huma miżmumin fl-ogħla livell possibbli ta’ data disponibbli, biex b’hekk tiġi garantita l-kredibbiltà xjentifika u teknoloġika tas-sistema ta’ verifika fuq medda twila. L-assistenza f’termini ta’ tagħmir u taħriġ ser tiżgura li l-operaturi tal-istazzjonijiet ikunu kapaċi jżommu u joperaw l-istazzjon tagħhom fl-istandards tal-IMS mistennija, b’kont meħud tas-sostenibbiltà fit-tul u l-kwalità tad-data.

    11.

    Ser jiġi pprovdut rapport finali lir-RGħ li jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

    l-ASS li saretilhom żjara u l-azzjoni meħuda,

    ir-riżorsi użati fuq bażi ta’ stazzjon bi stazzjon,

    lista tal-awtoritajiet lokali kollha li saret laqa’ magħhom u sommarju tal-azzjonijiet maqbulin biex isiru,

    lista tar-rapporti tal-problemi u r-rapporti tal-waqfien kollha (inklużi bħala annessi għar-rapport finali).

    Proġett II:   Titjib tas-sistema ta’ verifika tas-CTBT permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa mal-komunità xjentifika

    Sfond

    12.

    Minħabba l-pass rapidu tal-progress xjentifiku u teknoloġiku, hija sfida ewlenija għall-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO biex tibqa’ armonizzata mal-aħħar żviluppi fix-xjenzi li hu bbażat fuqhom is-CTBT u biex tivvalutahom regolarment fir-rigward tal-mandat tagħha ta’ verifika. Li tibqa’ fuq quddiem tal-isforzi ta’ verifika mad-dħul fis-seħħ tas-CTBT(u wara) huwa essenzjali li tinżamm il-kredibbiltà tas-sistema ta’ verifika tas-CTBT.

    13.

    Is-CTBT jserraħ fuq ix-xjenza u t-teknoloġija l-aktar avvanzati aktar minn kwalunkwe trattat internazzjonali ieħor dwar il-kontroll tal-armi. Il-komponenti kollha tas-sistema ta’ verifika unika tas-CTBT—l-IMS b’netwerk globali ta’ 337 faċilità ta’ monitoraġġ, iċ-Ċentru tad-Data Internazzjonali (IDC) għall-analiżi ta’ ammont kbir ta’ data u reġim OSI li jinkludi serje ta’ teknoloġiji kumplessi—jiddependu mill-iżvilupp kontinwu tax-xjenza u t-teknoloġija u minn relazzjoni mill-qrib mal-komunità xjentifika u l-interazzjoni magħha.

    14.

    Is-CTBT u l-Protokoll tiegħu jipprovdu lill-Organizzazzjoni mandat ċar biex is-CTBTO ttejjeb it-teknoloġiji ta’ verifika tagħha, waqt li jappellaw lil kull Stat Parti biex “... jikkoopera mal-Organizzazzjoni u ma’ Stati Partijiet oħra fit-titjib tas-sistema ta’ verifika…” (l-Artikolu IV(11) tas-CTBT) u lill-IDC biex “...isaħħaħ progressivament il-kapaċitajiet tekniċi tiegħu…” (il-punt (B) tal-paragrafu 18 tal-Parti I tal-Protokoll tas-CTBT).

    15.

    Kmieni fir-rebbiegħa tal-2008 l-PTS beda l-proġett dwar Studji Xjentifiċi Internazzjonali (ISS) bl-għan li jiġu vvalutati l-kapaċità u l-prontezza tas-sistema ta’ verifika tas-CTBT u biex jiġu identifikati l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi li jistgħu jsaħħu l-kapaċitajiet kif ukoll itejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-proċessi tal-PTS. L-involviment wiesa’ tal-komunità teknika u xjentifika permezz tal-Konferenza dwar l-Istudji Xjentifiċi Internazzjonali (ISS09) ipprovda ħafna suġġerimenti biex jittejbu l-kapaċitajiet ta’ verifika bl-użu ta’ teknoloġiji u metodi l-aktar avvenzati.

    16.

    Bħala segwitu għall-ISS09, il-PTS qed jaħdem biex jutilizza dawn l-ideat u s-suġġerimenti biex itejjeb b’mod konkret il-proċessi tiegħu u jesplora l-potenzjal ta’ verifika ta’ metodi ġodda. Taħt il-ġestjoni tal-PTS, qed isiru workshops iffokati li jinvolvu lill-komunità xjentifika ġenerali biex tavvanza ftit mill-ideat promettenti mill-ISS09. Qed jingħataw kuntratti għall-iżvilupp ta’ proċessi innovattivi ġodda identifikati fil-workshops u qed jiġi stabbilit Ċentru ta’ Sfruttament tad-Data Virtwali (vDEC) biex jipprovdi pjattaforma għall-iżvilupp u l-ittestjar ta’ dawn il-proċessi. Titjib u innovazzjonijiet potenzjali relatati mal-verifika li ġejjin mill-ħidma kkuntrattata ser jiġu sottomessi lill-Organi tat-Tfassil tal-Politika (PMOs) tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO għall-kunsiderazzjoni.

    Objettivi

    17.

    L-objettivi ta’ dan il-proġett huma li tittejjeb is-sistema ta’ verifika tas-CTBT bl-appoġġ tal-involviment tal-komunità xjentifika u teknika esterna ġenerali:

    fl-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet eżistenti tas-sistema ta’ verifika tas-CTBT,

    fil-kontribut għall-iżvilupp ta’ dawk it-teknoloġiji li għadhom ma ġewx esplorati kompletament f’dan il-qafas, u

    fil-provvediment ta’ bażi xjentifika u teknika soda għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet fit-tul biex tkun żgurata l-verifikabbiltà tas-CTBT.

    Ambitu

    18.

    L-ambitu ta’ dan il-proġett jinvolvi it-tliet kompiti li ġejjin:

    l-istabbiliment ta’ qafas għal kooperazzjoni strutturata mal-komunità xjentifika u teknika esterna għall-appoġġ ta’ proġetti ġodda u l-innovazzjoni għall-benefiċċju tal-kapaċitajiet ta’ verifika tas-CTBT,

    l-identifikazzjoni ta’ oqsma fejn l-impatt potenzjali ta’ attivitajiet iffokati ta’ riċerka u żvilupp immirat għall-avvanz tal-effettività u l-effiċjenza tas-sistema ta’ verifika ser tkun sostanzjali, u

    l-iżvilupp ta’ dawk it-tekniki għall-preżentazzjoni lill-PMOs u l-kunsiderazzjoni minnhom.

    19.

    Dawn il-kompiti ser jinkisbu permezz ta’ workshops iffokati biex jiġu diskussi u identifikati l-oqsma bl-akbar potenzjal għall-verifika tas-CTBT u, it-tieni, permezz tal-finanzjament tal-iżvilupp u l-ittestjar ta’ dawn il-metodi għall-użu possibbli fis-sistema ta’ verifika. Il-vDEC ser isaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-komunità xjentifika u teknika u ser jipprovdi aċċess għar-riżorsi tad-data u l-kompjuter b’appoġġ għall-proġetti.

    20.

    L-ISS09 irrevediet il-kapaċitajiet tas-sistema ta’ verifika tas-CTBT. Attwalment, u bħala bażi għal dan il-proġett, ir-riżultati tal-informazzjoni u r-riċerka li ġew ippreżentati lill-ISS09 qed jinġabru u jiġu vvalutati fil-PTS. Sussegwentement, u abbażi ta’ dawn is-sejbiet,

    Fażi I tal-proġett ser tikkonsisti minn serje ta’ workshops immirati u laqgħat tekniċi mal-esperti xjentifiċi u tekniċi. Dawn il-workshops, li ser jibdew fl-aħħar nofs tal-2010 u kmieni fl-2011, jew bħala parti mill-kalendarju regolari tal-avvenimenti tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO jew speċifikament iffinanzjati minn dan il-proġett, ser jinkludu preżentazzjonijiet dwar, u ser jeżaminaw, tekniki u proċessi li għandhom l-aħjar potenzjal għat-titjib tal-effettività u l-effiċjenza tas-sistema ta’ verifika.

    Fil-fażi II, l-iżvilupp u l-ittestjar tal-aktar soluzzjonijiet promettenti identifikati fil-fażi I ser jiġu kkuntrattati lill-istituzzjonijiet tar-riċerka xjentifika bl-għan li jittestjaw u jikkonsolidaw dawn l-istudji promettenti f’software li jista’ jitħaddem. Dan is-software ser jiġi ppreżentat lill-PMOs li ser jikkunsidraw l-inkorporazzjoni tiegħu fl-ambjent operattiv proviżorju tas-sistema ta’ verifika tas-CTBT.

    21.

    Barra mill-attivitajiet fil-fażijiet I u II, il-komunità xjentifika ġenerali ser tiġi involuta f’eżami ta’ xjenzi u teknoloġiji emerġenti ta’ rilevanza għas-sistema ta’ verifika tas-CTBT permezz ta’ previżjoni teknoloġika. Din l-attività parallela ser tkun ibbażata wkoll fuq il-ġbir u l-analiżi tas-sejbiet tal-ISS09 u ser titwettaq permezz ta’ workshops u analiżi biblijometrika matul l-2010 u l-2011. Din il-Previżjoni Teknoloġika għandha l-għan li tipprovdi l-informazzjoni u l-analiżi meħtieġa biex jibqgħu fuq quddiem tax-xjenza tal-verifika fil-futur prevedibbli.

    Ġestjoni

    22.

    L-aspetti kollha ta’ dan il-proġett ser jiġu ġestiti mill-PTS b’parteċipazzjoni barranija potenzjali. Il-PMOs ser ikun informat fuq bażi regolari dwar l-attivitajiet u l-benefiċċji potenzjali tagħhom. Dan ser jinkludi informazzjoni fil-qosor dwar il-proġetti li jkunu għaddejjin kif ukoll preżentazzjonijiet iffokati fuq proġetti speċifiċi kif adatt.

    23.

    Biex jikkapitalizzaw fuq il-momentum tal-ISS09, il-koordinaturi u l-integraturi tal-oqsma tas-suġġetti differenti relatati mal-verifika li kienu involuti fil-proċess ISS09 ser ikunu kandidati potenzjali għall-kontribut lill-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-workshops iffokati. Dawn ix-xjenzati prominenti ser jaħdmu mal-ġestjoni tal-PTS biex jiżguraw il-parteċipazzjoni wiesgħa mill-komunità xjentifika u biex jgħinu fl-organizzazzjoni u l-kopresidenza tas-sessjonijiet ta’ dawn il-laqgħat u l-workshops.

    24.

    L-ideat u l-proġetti potenzjali ġenerati u rakkomandati mill-workshops iffokati ser jiġu riveduti mill-PTS. Il-ġestjoni tal-PTS ser tiżgura li l-attivitajiet tal-proġett huma ffokati fuq l-objettiv aħħari tat-titjib tal-kapaċitajiet tas-sistema ta’ verifika.

    vDEC

    25.

    L-implimentazzjoni tal-vDEC qed timxi ‘l quddiem peress li hija għodda ewlenija fl-isforzi tal-PTS biex il-kapaċitajiet tiegħu jissaħħu progressivament. L-impetu inizjali għall-vDEC oriġina mill-isforzi tat-Tagħlim bil-Magni/Estrazzjoni tad-Data (tekniki ta’ proċessar innovattivi) mwettqin taħt il-proġett ISS09 u kien immotivat fil-biċċa l-kbira mill-ħtieġa perċepita għal pjattaformi ta’ skambju u komunikazzjoni, li jippermettu l-aċċess għad-data u s-software tal-PTS.

    26.

    Abbażi ta’ dawn il-ħtiġijiet, u biex ikun ipprovdut l-aċċess għad-data u l-għodda ta’ proċessar, il-pjattaforma ta’ żvilupp tal-vDEC (hardware u software) ser:

    tospita skambju xjentifiku,

    tipprovdi arkivju kbir ta’ data parametrika, fil-forma ta’ mewġa u radjunuklida lil riċerkaturi li jaħdmu biex jittejjeb il-proċessar,

    tipprovdi aċċess għas-software,

    tipprovdi aċċess għall-verżjoniet tal-ittestjar tal-pipelines tal-ipproċessar biex ikunu jistgħu jiġu installati u ttestjati moduli alternattivi,

    tintegra data addizzjonali mad-data tal-IMS biex jiġi investigat it-titjib li jirriżulta minn din l-addizzjoni.

    Monitoraġġ u Teknoloġiji tal-OSI

    27.

    Il-monitoraġġ u t-teknoloġiji tal-OSI huma l-pedamenti tas-sistema ta’ verifika tas-CTBT. L-ISS09 pprovdiet reviżjoni xjentifika esterna ta’ dawk it-teknoloġiji kif ukoll ħarsa lejn ħafna avvanzi moderni f’dawn l-oqsma. Huwa importanti kemm li tinqabad l-essenza tal-informazzjoni ppreżentata u li jkunu segwiti dawk l-oqsma fejn jista’ jsir titjib konkret fil-kapaċitajiet ta’ verifika.

    28.

    Qed jinġabru r-riżultati tal-informazzjoni u r-riċerka mill-kartelluni u l-preżentazzjonijiet xjentifiċi fl-ISS09 u dawn ser isiru disponibbli għall-utenti reġistrati u x-xjenzati. Dan ser jifforma l-bażi għal workshops u laqgħat immirati (fażi I) f’oqsma ta’ suġġetti speċifiċi biex jiġi kkonsolidat aktar il-kontribut tal-ISS09 u biex jiġu esplorati u identifikati ideat promettenti oħra li ta’ min iwettaqhom għall-benefiċċju tas-sistema ta’ verifika tas-CTBT. Ser jiġu ffinanzjati proġetti magħżulin immirati lejn l-iżvilupp u l-ittestjar tal-aktar ideat promettenti (fażi II). Ir-rżultati ta’ dawn il-proġetti ser jiġu sottomessi għal konsiderazzjoni aħħarija mill-PMOs meta jkun hemm prova ta’ titjib. Il-benefiċċji ta’ dan l-element tal-proġett huma l-effiċjenza u l-effettività mtejbin tal-proċessi ta’ sistema ta’ verifika tas-CTBT.

    29.

    Fost is-suġġetti speċifiċi li jistgħu jiġu segwiti taħt fażi II tal-proġett hemm:

    il-fużjoni tad-data,

    l-identifikazzjoni ta’ fażi fil-forma ta’ mewġa,

    it-tekniki tal-OSI, u

    il-proċessar ta’ data avvanzat u l-kategorizzazzjoni tal-avvenimenti għall-analiżi radjunuklida.

    Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistema f’dawn l-oqsma speċifiċi ser ikunu attività ta’ prijorità biex jiġu kkwantifikati r-riżultati tal-proċessi żviluppati reċentament.

    30.

    Il-fużjoni tad-data fil-forma ta’ mewġa kienet suġġett ta’ laqgħa teknika reċenti dwar l-estrazzjoni tad-data (teknika ta’ proċessar innovattiva), u l-ideat ippreżentati ser ikunu lesti għall-iffinanzjar sal-aħħar tal-2010. Żewġ proġetti sekondarji tal-fużjoni tad-data huma antiċipati għall-iffinanzjar permezz ta’ kuntratturi: pereżempju, fużjoni ta’ data fil-forma ta’ mewġa (sismika, idroakustika, u infrasound); u l-fużjoni ta’ prodotti/data fil-forma ta’ mewġa u radjunuklidi biex jipproduċu Bullettin ta’ Avvenimenti Marbutin Flimkien (Fused Event Bulletin).

    31.

    L-identifikazzjoni tal-fażi hija qasam identifikat mill-PTS fejn il-komunità xjentifika tista’ tagħti kontribut sinifikanti. Il-workshops dwar l-estrazzjoni tad-data indirizzaw din il-kwistjoni u ser ikomplu jagħmlu dan, u l-Workshop dwar l-Infrasound tard fl-2010 ser jinkludi l-identifikazzjoni tal-fażi bħala wieħed mis-suġġetti tiegħu. Fl-2011 ser jiġi solleċitat kuntratt biex jiġu żviluppati tekniki promettenti u biex jiġu ttestjati fl-infrastruttura tal-proċessar tal-vDEC.

    32.

    Is-CTBT jawtorizza l-użu ta’ sett ta’ tekniki differenti matul OSI f’konformità mad-dispożizzjonijiet u r-restrizzjonijiet dwar il-ġbir, it-trattament u l-analiżi ta’ kampjuni u kejl. Huwa permess total ta’ disa’ gruppi ta’ tekniki, li ħafna minnhom ġew adattati għall-applikazzjoni f’ambjent tal-OSI. Tlieta minn dawn it-tekniki, jiġifieri l-immaġni multispettrali, is-sismika attiva u t-tħaffir huma fl-istadju inizjali fil-qafas speċifiku tal-OSI minkejja li huma żviluppati sew fl-ambjent tal-ipprospettar ġeofiżiku, kummerċjali u dak tar-riċerka. Għalhekk jeħtieġ li ssir diskussjoni mal-esperti dwar kif dawn it-tekniki jistgħu jiġu adattati għall-pekuljaretajiet u r-restrizzjonijiet li fihom ser titwettaq OSI: restrizzjonijiet ta’ ħin u riżorsi, partkolaritajiet loġistiċi, limitazzjonijiet potenzjali imposti mill-istat parti tal-ispezzjoni, eċċ.

    33.

    Ser isiru tliet laqgħat tal-esperti b’attendenza minn rappreżentanti ta’ kumpanniji tal-esplorazzjoni u istituzzjonijiet xjentifiċi, riċerkaturi, u esperti dwar testijiet nukleari bejn it-tieni nofs tal-2010 u l-ewwel nofs tal-2011 dwar is-suġġetti li ġejjin:

    l-immaġni multispettrali – (inklużi l-wavelengths tal-infraaħmar) huma permessi matul il-fażi iniżjali ta’ OSI; flimkien mal-istħarriġ radjumetriku mill-ajru, jistgħu jiġu karatterizzati anomaliji tal-wiċċ potenzjalment relatati mal-karatteristiċi osservabbli ta’ test nukleari;

    is-sismika attiva – tista’ tintuża biex tinkixef il-preżenza ta’ kavitajiet, jew għall-inqas ta’ bidliet fil-karatteristiċi tal-blat madwar il-punt ta’ detonazzjoni ta’ splużjoni nukleari taħt l-art;

    it-tħaffir – jipprovdi kampjuni mill-qrib ta’ kavità li jwassal għal tweġiba konklużiva għall-mistoqsija dwar jekk seħħx test nukleari.

    34.

    Peress li dawn it-teknoloġiji huma standard fl-industrija, il-workshops (tal-fażi I mhux ser jiġu segwiti mill-iżvilupp tal-fażi II; ir-rakkomandazzjonijiet minn dawn il-laqgħat tal-esperti ser jiddaħħlu f’rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji għall-OSI li ser jiġi ppreżentat lill-PMOs għal kunsiderazzjoni.

    35.

    B’enfasi fuq l-inkorporazzjoni tat-teknoloġija tal-gass nobbli fis-sistema ta’ verifika, jeħtieġ titjib fil-proċessar tad-data u kategorizzazzjoni tal-avvenimenti għall-analiżi radjunuklida. Fit-tieni nofs tal-2010 l-komunità xjentifika ser tiġi inkoraġġita biex tipparteċipa fil-workshop dwar l-Esperiment Internazzjonali tal-Gass Nobbli fejn ser jinġabru u jiġu diskussi l-ideat tal-komunità xjentifika dwar is-suġġett. Imbagħad fl-2011 ser jiġi solleċitat kuntratt biex jiġu żviluppati tekniki promettenti u biex jiġu ttestjati fl-infrastruttura tal-proċessar tal-vDEC.

    36.

    Fl-2011 ser tiġi kkuntrattata l-ħidma biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni tas-sistema permezz tar-riżorsi tal-vDEC. Il-parteċipazzjoni esterna fil-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistema hija essenzjali biex tinżamm il-kredibbiltà xjentifika lejn il-komunità globali u ser ittejjeb il-fiduċja tal-Istati Partijiet meta jikkunsidraw li jivvalidaw is-sistema ta’ verifika u li jikkummissjonaw id-diversi elementi tagħha. Il-miżuri ta’ prestazzjoni żviluppati permezz ta’ dan il-finanzjament huma mistennija li jipproduċu miżuri ta’ valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistema ġodda u mtejbin li jistgħu jiġu ppreżentati lill-PMO bħala titjib propost.

    Previżjoni Teknoloġika

    37.

    Filwaqt li qed titħejja s-sistema ta’ verifika tas-CTBT emerġenti għall-użu operattiv, għandha tingħata wkoll attenzjoni għat-triq ‘il quddiem biex tinżamm il-kredibbiltà xjentifika u teknoloġika tal-kapaċitajiet ta’ verifika tagħha fit-tul. Il-previżjoni teknoloġika, filwaqt li teżamina l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi li jikkontribwixxu għal dawn il-kapaċitajiet fit-tul, ser tgħin lill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO biex tkun fuq quddiem fil-qasam tagħha. L-ammont kbir ta’ kontributi xjentifiċi u ta’ riċerka tal-ISS09 pprovda kontribut siewi u linja ta’ bażi għal approċċ komprensiv tal-previżjoni teknoloġika. Bl-għarfien tat-teknoloġiji emerġenti, jista’ jiġi żviluppat pjan direzzjonali biex dawk it-teknoloġiji jiġu inkorporati fis-sistema ta’ verifika, u biex jinħarġu rakkomadazzjonijiet lill-PMOs għal pjanijiet ta’ implimentazzjoni għal dawk it-teknoloġiji li jtejbu l-proċessi ta’ monitoraġġ.

    38.

    Fl-2009 l-PTS investa fis-servizzi konsultattivi tal-previżjoni teknoloġika, b’mod partikolari biex tiġi żviluppata analiżi biblijometrika u tkun applikata għal żewġ suġġetti dwar il-previżjoni teknoloġika. Abbażi ta’ dawn l-esperjenzi, dan il-proġett jipprevedi li jestendi din it-teknika pprovata għal erba’ suġġetti addizzjonali kritiċi għall-iżvilupp tat-teknoloġija għas-sistemi tas-CTBTO li ser jibdew fit-tieni nofs tal-2010, jiġifieri:

    it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni,

    is-Sorsi tal-enerġija,

    is-Sensuri u l-immaġni,

    interkonnessjonijiet ta’ sistemi ta’ awtomazzjoni u umani.

    39.

    Minbarra l-analiżijiet, fl-2011 ser issir serje ta’ erba’ workshops immirati u ffokati li jiġbdu parteċipanti mill-komunitajiet tax-xjenza u t-teknoloġija biex dawn is-suġġetti jiġu esplorati u żviluppati aktar u, konsegwentement, biex ikun żgurat l-għarfien tal-aħħar żviluppi teknoloġiċi u l-livell l-aktar avvanzat tas-sistemi tas-CTBT.

    40.

    Il-finanzjament ser jintuża għal-liċenzjar għal 18-il xahar tal-għodod tas-software tal-previżjoni teknoloġika u għall-ikkuntrattar ta’ servizzi ta’ esperti biex jissaħħu u jittejbu l-aċċessibbiltà u l-effettività tas-Sistema ta’ Komunikazzjoni tal-Previżjoni Teknoloġika (TFCS) eżistenti bil-ħsieb li din issir għodda aktar effettiva u forum tassew kollaborattiv mal-komunità xjentifika.

    41.

    L-avvanzi futuri fis-sorsi ġodda tal-enerġija, is-sensuri ġeofiżiċi, l-awtomazzjoni u l-wiri jibbenefikaw lill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO billi potenzjalment ibaxxu l-ispejjeż operattivi tal-istazzjonijiet, iżidu l-affidabbiltà tal-istazzjonijiet u l-proċessar awtomatiku, u jżidu l-effiċjenza u l-effettività tal-analiżi, biex insemmu ftit.

    Konklużjoni

    42.

    L-involviment wiesa’ tal-komunità teknika u xjentifika permezz tal-ISS09 pprovda ħafna suġġerimenti biex jittejbu l-kapaċitajiet ta’ verifika tas-CTBT bl-użu ta’ teknoloġiji u metodi l-aktar avvenzati. Il-PTS qed jaħdem biex jaqbad l-aktar ideat u suġġerimenti promettenti biex itejjeb b’mod konkret il-proċessi tiegħu u jesplora l-potenzjal ta’ verifika ta’ metodi ġodda.

    43.

    L-attivitajiet proposti ta’ dan il-proġett ser jinvolvu lill-komunità xjentifika u teknika fl-eżami ta’ kwistjonijiet tekniċi speċifiċi u fl-iżvilupp ta’ proċessi innovattivi li jtejbu l-prestazzjoni eżistenti tas-CTBT u l-valutazzjoni tagħha, l-ewwel permezz ta’ sett ta’ workshops immirati għall-esplorazzjoni ta’ ideat ġodda, u t-tieni bl-ittestjar tat-tekniki promettenti u l-iżvilupp tagħhom fi proċessi li jistgħu jitħaddmu. Dawn ser jiġu ppreżentati lill-PMOs li ser jikkunsidra l-inkorporazzjoni tagħhom fl-ambjent operattiv proviżorju tas-CTBT.

    44.

    Barra minn hekk, il-komunità xjentifika ġenerali ser tkun involuta biex teżamina xjenzi u teknoloġiji emerġenti ta’ rilevanza għall-verifika tas-CTBT. Din l-attività ser tkun ibbażata wkoll fuq il-ġbir u l-analiżi tas-sejbiet tal-ISS09 u ser titwettaq permezz ta’ workshops u analiżi biblijometrika matul l-2010 u l-2011. Il-previżjoni teknoloġika għandha l-għan li tipprovdi l-informazzjoni u l-analiżi meħtieġa biex tibqa’ fuq quddiem tax-xjenza tal-verifika fil-futur prevedibbli.

    45.

    Il-finanzjament inizjali ser ikopri l-ispejjeż relatati mal-iżvilupp u l-appoġġ tal-aħjar ideat tal-ISS09 u mal-previżjoni teknoloġika. Matul il-proġett, il-PTS ser jistabbilixxi u jirfina l-proċessi u l-għodod għall-involviment tal-komunità xjentifika u ser juri l-valur ta’ din is-sħubija bħala mekkaniżmu għall-iżvilupp, l-ittestjar u t-titjib implimentattiv tas-sistema ta’ verifika. Huwa maħsub (lil hinn minn dan il-proġett) li jiġu estiżi r-rabtiet mal-komunità xjentifika globali, u b’hekk jiżdied l-istatus tal-isforzi kollaborattivi u jiżdied in-numru tal-kontributuri potenzjali għalihom, sabiex ikun jista’ jittieħed l-ikbar benefiċċju għas-sistema ta’ verifika mir-riċerka l-aktar avvanzata.

    Proġett III:   Assistenza Teknika għall-Istati Firmatarji fl-Afrika u fir-Reġjun tal-Amerika Latina u l-Karibew biex ikunu jistgħu jipparteċipaw u jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ verifika tas-CTBT

    Sfond

    46.

    Waħda mill-karatteristiċi uniċi tas-sistema ta’ verifika tas-CTBT fost is-sistemi ta’ kontroll tal-armi hija l-għoti fi żmien reali ta’ informazzjoni rilevanti għall-konformità direttament lill-Istati Firmatarji. Minbarra l-għan primarju tal-verifika tas-sistema ta’ monitoraġġ tas-CTBT, it-teknoloġiji u d-data tal-IMS huma ta’ użu konsiderevoli għal aġenziji ċivili u tal-gvernijiet fl-analiżi tagħhom ta’ (pereżempju) terremoti, żbroffi ta’ vulkani, splużjonijiet taħt l-ilma, tibdil fil-klima u tsunamis.

    47.

    Filwaqt li l-interess fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-istabbiliment ta’ Ċentri Nazzjonali tad-Data (NDC) kiber b’mod sinifikanti fis-snin li għaddew - żieda ta’ madwar 20 % fl-abbonatigħall-IDC - bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw għad m’għandhomx aċċess sħiħ għas-sistema tas-CTBT.

    Għalhekk, qed isiru sforzi addizzjonali mill-PTS biex jiżdied in-numru ta’ NDCs stabbiliti, in-numru ta’ Kontijiet Firmatarji Siguri u n-numru ta’ utenti awtorizzati. B’mod partikolari, is-70 Stati Firmatarji li baqa’ li għad m’għandhomx aċċess għad-Data tal-IMC u l-prodotti tal-IDC huma mmirati (29 fl-Afrika, 8 fl-Amerika Latina, 10 fil-Lvant Nofsani u l-Asja tan-Nofsinhar, 12 fl-Asja tax-Xlokk, il-Paċifiku u l-Lvant Imbiegħed, 3 fl-Ewropa tal-Lvant u 8 fl-Amerika ta’ Fuq u fl-Ewropa tal-Punent). Dawn l-isforzi huma diretti lejn dawk li jeħtieġu l-appoġġ tekniku tal-PTS sabiex jiżdied l-użu tagħhom ta’ din id-data u dawn il-prodotti.

    48.

    Skont l-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK inbeda proġett ta’ assistenza teknika bl-għan li tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni mtejba tal-istati Afrikani fis-sistema ta’ verifika tas-CTBT u l-benefiċċji ċivili u xjentifiċi tagħha. Total li jasal sa 19-il stat Afrikan ġew magħżula bħala benefiċjarji għal dak il-proġett. Madankollu, huma meħtieġa riżorsi addizzjonali biex jiġu indirizzati l-ħtiġiet identifikati fir-reġjun tal-Afrika kif ukoll f’reġjuni oħra.

    49.

    Il-proġett ġdid ta’ assistenza teknika propost huwa segwitu tal-proġett li nbeda taħt l-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK. Dan ser jestendi l-appoġġ tekniku lill-istati Afrikani li ma setgħux jiġu inklużi fl-ewwel proġett kif ukoll lill-istati magħżulin fir-Reġjun tal-Amerika Latina u l-Karibew (ir-Reġjun LAC). Fl-għażla tal-pajjiżi benefiċjarji proposti, ser jingħata prijorità lil:

    l-Istati Firmatarji mingħajr Kont Sigur (37 fiż-żewġ reġjuni) u

    l-Istati Firmatarji li għandhom Kont Sigur iżda li jeħtieġu li jsaħħu l-infrastruttura teknika tagħhom sabiex jiżdied l-użu minnhom tad-data tal-IMS u tal-prodotti tal-IDC għall-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fis-sistema ta’ verifika kif ukoll għal applikazzjonijiet ċivili u xjentifiċi.

    50.

    Biex jiġu sostnuti l-attivitajiet tal-NDCs, ir-riżorsi meħtieġa għall-operat tal-faċilità għandhom jiġu pprovduti mill-pajjiżi riċeventi. L-impenn tal-pajjiż riċeventi huwa meqjus bħala prerekwiżit għas-suċċess tal-proġett.

    51.

    Bħal fil-każ tal-proġett li nbeda taħt l-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK, dan il-proġett ser jinvolvi l-għoti ta’ taħriġ fi gruppi fir-reġjun dwar il-proċessar tad-data tal-IMS u l-analiżi tal-prodotti taċ-Ċentru tad-Data Internazzjonali (IDC), kif ukoll il-forniment ta’ tagħmir bażiku meta jkun meħtieġ. Jekk ikun fattibbli, attivitajiet ta’ taħriġ immirat u assistenza teknika oħra ser jiġu ppjanati għall-istati benefiċjarji li fihom ġew identifikati u vvalutati ħtiġijiet partikolari rigward l-istabbiliment ta’ NDCs u SSAs kif ukoll rigward il-benefiċċji ċivili u xjentifiċi tas-sistema. L-attivitajiet kollha fl-Istati benefiċjarji ser jitwettqu f’koordinazzjoni mill-qrib mal-PTS u b’appoġġ minnu biex tiġi żgurata l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-isforzi ta’ taħriġ u assistenza mwettqa f’dan il-proġett, kif ukoll biex tiġi żgurata armonizzazzjoni adegwata mal-attivitajiet imwettqa taħt l-Azzjoni Konġunta 2006/243/PESK.

    52.

    Abbażi tal-kriterji tal-għażla msemmija fil-paragrafu 47, il-PTS jipprevedi attivitajiet f’kemm jista’ jkun mill-pajjiżi li ġejjin, soġġett għal valutazzjoni minn qabel mill-PTS tal-fattibbiltà meta jitqiesu l-kondizzjonijiet lokali li jipprevalu f’dak iż-żmien:

    fl-Afrika, l-istati elenkati, iżda mhux magħżulin bħala parti mill-proġett li nbeda taħt l-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK: l-Angola, il-Komoros, is-Sważiland, ir-Rwanda, il-Benin, il-Ginea Ekwatorjali, il-Ginea, il-Ginea Bissaw u t-Togo, kif ukoll dawn l-istati: il-Botswana, Burkina Faso, il-Kamerun, il-Kap Verde, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Côte d’Ivoire, il-Kongo Brazzaville, Ġibuti, il-Liberja, il-Madagaskar, Mali, in-Namibja, in-Niġer, in-Niġerja, u s-Senegal.

    fir-Reġjun tal-LAC: Antigwa u Barbuda, il-Barbados, il-Baħamas, il-Beliże, il-Bolivja, il-Kosta Rika, ir-Repubblika Dominikana, l-Ekwador, El Salvador, Grenada, il-Gwatemala, il-Gujana, Ħaiti, il-Ħonduras, il-Ġamajka, il-Panama, u l-Paragwaj, is-Surinam u l-Urugwaj.

    Benefiċċji

    53.

    Il-proġett għandu l-għan li jiġġenera numru ta’ benefiċċji importanti għas-CTBTO u l-istati benefiċjarji, jiġifieri li jippermetti lill-NDCs fl-istati benefiċjarji li jkollhom kapaċitajiet tekniċi kwalifikati aħjar għal:

    iż-żamma u l-manutenzjoni tal-istazzjonijiet tagħhom tal-IMS,

    l-analiżi u l-ġestjoni tad-data u l-prodotti tad-data. Minbarra l-verifika tas-CTBT, dan ser ikun ukoll ta’ benefiċċju għall-finijiet tal-valutazzjoni tar-riskji u t-tnaqqis ta’ diżastri naturali permezz tal-proċessi ta’ twissija ta’ diżastru, it-tħejjija u l-mitigazzjoni.

    54.

    Huwa ser jippermetti lil dawk l-Istati li jistabbilixxu NDCs biex jirċievu u janalizzaw id-data mhux proċessata pprovduta f’ħin reali mill-IDC. L-istati li jistabbilixxu NDCs ser jirċievu appoġġ teknoloġiku u uman mill-PTS, u dan l-appoġġ ser jgħin lill-Istati riċevituri biex jibnu u jżommu l-kapaċitajiet tekniċi meħtieġa biex jipparteċipaw bis-sħiħ fis-sistema ta’ verifika tas-CTBT. Barra minn hekk, ser jinkiseb apprezzament akbar fost l-istati benefiċjarji ta’ kif il-ħolqien ta’ NDC jista’ jgħin biex il-bażi xjentifika tagħhom issir aktar rikka u kif id-data tal-IMS tista’ tintuża biex jiġu analizzati l-avvenimenti fir-reġjun.

    Deskrizzjoni

    55.

    Il-PTS ser jidentifika u jipprovdi żewġ esperti tekniċi bħala konsulenti li ser ikunu bbażati jew direttament fiż-żewġ reġjuni jew fi Vjenna għal dan il-proġett u li ser jikkoordinaw l-attivitajiet kollha tagħhom f’konsultazzjoni mal-ġestjoni tal-PTS u bl-approvazzjoni tiegħu.

    Fażi 1:   Żjajjar ta’ evalwazzjoni teknika

    56.

    Ser issir żjara lil Stati benefiċjarji potenzjali kif deskritt hawn fuq biex jiġi vvalutat l-għarfien u l-użu tad-data tal-IMS u l-prodotti tal-IDC. L-esperti ser jaħdmu flimkien mal-Awtoritajiet Nazzjonali (maħtura jew stabbiliti mill-Istati Membri kkonċernati skont l-Artikolu III tas-CTBT) biex jifhmu l-ħtiġijiet u l-perċezzjonijiet attwali, u biex ikabbru l-għarfien dwar id-data tal-IMS u l-prodotti tal-IDC, inkluż l-użu potenzjali tagħhom għal skopijiet ċivili u xjentifiċi. Barra minn hekk, ser jiġi stabbilit kuntatt ma’ istituzzjonjiiet rilevanti oħrajn f’kull pajjiż li jista’ jibbenefika mill-użu tad-data tal-IMS u l-prodotti tal-IDC. Ser jiġi ffaċilitat netwerking bejn l-Awtoritajiet Nazzjonali u l-istituzzjonijiet rilevanti, kif adatt. F’każijiet fejn ikun jeżisti NDC, ser jiġi vvalutat l-istatus ta’ kull NDC f’termini ta’ persunal u infrastruttura (inkluża l-infrastruttura tal-kompjuters u tal-Internet), sabiex jitfasslu attivitajiet prijoritarji.

    Fażi 2:   Taħriġ

    57.

    Ser isiru sessjonijiet ta’ taħriġ reġjonali, li ser iġibu flimkien parteċipanti mill-istituzzjonijiet identifikati fil-fażi 1. Dan it-taħriġ ser jipprovdi istruzzjoni teknika dwar id-data tal-IMS u l-prodotti tal-IDC. Matul dan it-taħriġ, il-parteċipanti ser jaħdmu b’software tal-PTS żviluppat għall-NDCs, li jista’ jintuża għall-aċċess u l-analiżi tad-data tal-IMS u l-prodotti tal-IDC. Dan it-taħriġ ser jipprovdi wkoll opportunità biex titrawwem kooperazzjoni bejn il-persunal tekniku f’istituzzjonijiet fir-reġjun.

    58.

    Sussegwentement, ser tingħata assistenza teknika estiża biex jintgħażlu NDCs biex jgħinu fl-applikazzjoni ta’ lezzjonijiet meħudin mit-taħriġ reġjonali għas-sitwazzjoni speċifika tagħhom. Dan it-taħriġ ser jitfassal skont il-ħtiġijiet ta’ kull NDC, is-sett ta’ ħiliet ta’ kull wieħed mill-persunal tal-NDC u b’kont meħud tal-lingwi uffiċjali tal-pajjiżi benefiċjarji. Il-parteċipanti ser jinstallaw u jikkonfiguraw software tal-NDC bl-assistenza tal-espert tekniku u ser jistabbilixxu sistemi ta’ ksib, proċessar, analiżi u rappurtar tad-data fuq bażi ta’ rutina skont il-ħtiġijiet ta’ kull Awtorità Nazzjonali. Barra minn hekk, xi pajjiżi ser jingħataw tagħmir bażiku tal-NDC, inkluż hardware tal-kompjuters u periferali, skont il-ħtiġijiet ivvalutati tagħhom. Jekk jiġi pprovdut it-tagħmir, jiġu wkoll ipprovdut mill-espert tekniku t-taħriġ fuq l-installazzjoni, iż-żamma, u t-tħaddim ta’ dak it-tagħmir.

    Fażi 3:   Segwitu

    59.

    Biex jikkonsolidaw il-ħiliet miksuba u/jew jagħlqu l-vojt li jifdal wara l-fażi 1, ser issir żjara ta’ ritorn lill-pajjiżi benefiċjarji biex issir valutazzjoni dwar kif il-parteċipanti qed jużaw dak li tgħallmu fis-sessjonijiet tat-taħriġ fil-fażi 1.

    60.

    L-objettiv ta’ dawn iż-żjajjar qosra ta’ segwitu hu li jiġi żgurat li l-persunal tekniku lokali jkun jista’ juża d-data tal-IMS u l-prodotti tal-IDC fuq bażi ta’ rutina. Dawn l-isforzi ser ikunu mfassla skont il-ħtiġijiet u l-ħiliet lokali, bil-ħsieb tas-sostenibbiltà, sabiex l-attivitajiet ikomplu anki wara li jintemm dan il-proġett. Rapport komprensiv konklużiv għal kull pajjiż benefiċjarju ser jifforma l-bażi biex l-attivitajiet ikomplu jiġu segwiti fil-pajjiżi rispettivi.

    Tul tal-proġett

    61.

    Skont il-ħtiġijiet ivvalutati fl-istat benefiċjarju, huwa antiċipat li l-esperti tekniċi ser jibqgħu bejn 3 sa 6 ġimgħat f’kull pajjiż benefiċjarju. Il-preżenza totali fil-pajjiżi benefiċjarji hija prevista li ser tkun minn 12 sa 15-il xahar. It-tul ta’ żmien totali stmat għall-implimentazzjoni tal-proġetti hu ta’ 18-il xahar.

    Proġett IV:   It-tisħiħ tal-kapaċitajiet OSI tas-CTBT: permezz tal-iżvilupp ta’ sistema ta’ kxif ta’ gass nobbli (RadioXenon) fuq il-post Ibbażata fuq OSI (OSI XeFDS)

    Sfond

    62.

    L-importanza tal-kxif ta’ gass nobbli saret evidenti fis-snin reċenti, mhux l-inqas fil-kuntest taż-żewġ testijiet nukleari mħabbrin mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK) fl-2006 u fl-2009. Għalhekk il-bini ta’ din il-kapaċità b’mod partikolari għall-finijiet speċifiċi tal-OSI huwa element ewlieni biex tkun żgurata l-verifika futura tal-konformità mas-CTBT. L-eżerċizzji reċenti tal-OSI, bħall-Eżerċizzju Integrat fil-Post fl-2008 (IFE08) fil-Kazakistan, it-test sempliċi inizjali tat-tagħmir RadioXenon fl-2006, kif ukoll l-eżerċizzju tal-Esperiment tal-Gass Nobbli (NG09) fis-Slovakkja fil-ħarifa tal-2009 pprovdew esperjenzi operattivi siewja fir-rigward tar-rekwiżiti għal OSI XeFDS. Abbażi tal-analiżi li ġejja minn dawk l-eżerċizzji sar evidenti li s-sistemi ta’ gass nobbli eżistenti mhux ser jissodisfaw il-kondizzjonijiet tipiċi fuq il-post u dawk operattivi li jiġu ffaċċjati matul OSI reali (1). Għal dan ġew identifikati tliet raġunijiet tekniċi prinċipali:

    F’termini ta’ kwantifikazzjoni ta’ kampjun, l-istrateġiji tat-teħid ta’ kampjuni tal-gass mill-ħamrija indikaw ħtieġa li jiġu proċessati minn 10 sa 30 kampjun fuq il-post kuljum. B’total li jammonta sa erba’ gruppi tat-teħid ta’ kampjuni fuq il-post li jiġbru kampjuni f’lott u kampjuni tal-gass mill-ħamrija matul OSI, unità analitika waħda b’żewġ sensuri biss mhijiex biżżejjed biex jiġu mmaniġġjati dawn il-kwantitajiet. Dan ser ikun ta’ xkiel għall-metodoloġija sħiħa tal-Gass Nobbli.

    L-esperjenza proċedurali tal-IFE08 wriet li l-ħtiġijiet operattivi speċifiċi tal-OSI huma bbażati fuq katina ta’ kustodja ssikkata u magħluqa.

    Tnaqqis tal-piż u l-volum tal-lott tas-sistema tal-gass nobbli tal-OSI huwa meħtieġ minħabba l-kunċetti loġistiċi stretti u l-operati prevedibbli f’lokazzjonijiet remoti taħt kondizzjonijiet severi ta’ klima kif ukoll restrizzjonijiet mill-provvista tal-enerġija limitata. Jeħtieġ li ssir enfasi speċjali fuq disinn rinfurzat sew għall-kapaċità operattiva tiegħu fuq il-post.

    Objettiv

    63.

    L-objettiv ta’ dan il-proġett huwa t-tfassil mill-ġdid u l-provvista ta’ prototip modulari OSI XeFDS li tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi tal-OSI b’mod partikolari f’termini tal-ammont ta’ kampjuni ta’ gass nobbli u t-trasportabbiltà. L-għan huwa li s-sistema tiġi pprovduta fil-ħin għat-tħejjija għall-Eżerċizzju Integrat fil-Post li jmiss fl-2013 (IFE13).

    Ambitu

    64.

    Sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-OSI msemmijin hawn fuq għal sistema ta’ kxif ta’ gass nobbli, ser jiġu mistiedna fornituri potenzjali biex jippreżentaw proposti biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tekniċi li ġejjin:

    Sistema Modulari: għandu jiġi żviluppat tagħmir tar-RadioXenon modulari speċifiku tal-OSI li jikkonsisti minn unità waħda tal-ipproċessar ċentrali li ser ikollha tikkontrolla diversi kmamar analitiċi simultanjament u ugwalment. Din il-proposta tal-proġett għandha biss l-għan li tkopri l-provvista lill-PTS ta’ unità bażi waħda u żewġ unitajiet plug-on kull waħda, b’żewġt ikmamar analitiċi kull wieħed (total ta’ 4). Madankollu, il-par inizjali ta’ unitajiet analitiċi modulari ser jipprovdi l-possibbiltà teknika biex aktar tard jittejjeb b’pari add-on ta’ sensuri addizzjonali, pereżempju billi jiġu konnessi sa 16-il par ta’ kmamar analitiċi ma’ unità bażi waħda biss.

    Tfassil ġeometriku mill-ġdid: Din il-proposta tkopri mhux biss disinn tekniku/funzjonali mill-ġdid, iżda wkoll tfassil ġeometriku mill-ġdid biex jiġu sodisfatti rekwiżiti operattivi speċifiċi li jinsabu f’OSI. L-isfida tat-tfassil u l-valur miżjud ta’ dan il-proġett huwa t-tnaqqis konsiderevoli ta’ sistemi eżistenti mingħajr ma jintilfu l-kapaċitajiet ta’ kxif inizjali fl-ordni ta’ 1 mBq/m3. Għalhekk id-detetturi kollha tal-gass nobbli fil-kaxxa modulari tagħhom għandhom jew ikunu jistgħu jaħdmu taħt diversi kondizzjonijiet klimatiċi ambjentali mingħajr l-operat kollu problemi tan-nitroġenu likwidu jew jużaw enerġija elettrika għat-tkessiħ termoelettriku (jekk ikun meħtieġ).

    Id-disinn elettriku tal-OSI XeFDS għandu jkun kemm jista’ jkun effiċjenti fl-enerġija biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija elettrika matul użu fuq il-post.

    Sabiex tiġi ssikkata l-katina ta’ kustodja, is-sistema ser ikollha tkun kapaċi tissorvelja l-passi operattivi kollha f’ħin reali minn reġistratur tad-data għal parametri ta’ tagħmir ta’ reġistrazzjoni, numru ta’ kampjun, passi operattivi eċċ. Dan ser jinkiseb b’disinn tajjeb mill-ġdid tas-software operattiv.

    65.

    Wara l-provvista tal-prototip ta’ sistema modulari, hija prevista fażi ta’ validazzjoni, ittestjar u taħriġ bil-ħsieb li s-sistema tkun tista’ titħaddem għall-IFE13.

    66.

    Minbarra r-rekwiżiti tekniċi ġeneriċi msemmijin hawn fuq, aktar tard aktar speċifikazzjonijiet ta’ żvilupp u rekwiżiti partikolari tas-sistema teknika ser jiġu bbażati fuq is-sejbiet dettaljati mill-NG09 u fuq diskussjonijiet tekniċi previsti li għandhom jitwettqu matul Laqgħa tal-Esperti tal-Gass Nobbli ppjanata fit-tieni kwart tal-2010. Madankollu, is-sejbiet u l-konklużjonijiet prinċipali minn diskussjonijiet tal-esperti matul l-NG09 intużaw fit-tħejjija għal din il-proposta u mhuma mistennija la li jinbidlu fir-rapport u lanqas fir-rekwiżiti tal-proġett.

    Benefiċċji

    67.

    It-tisħiħ tal-kapaċita ta’ kxif ta’ gass nobbli huwa rekwiżit ewlieni għall-prontezza operattiva tal-OSI u, b’hekk, għall-effettività u l-kredibbiltà tas-sistema ta’ verifika tas-CTBT. Bħala riżultat ta’ dan il-proġett, unità bażi waħda operattiva kompletament u faċilment trasportabbli b’żewġ pari ta’ sensuri plug-on modulari hija mistennija li tiġi pprovduta qabel l-IFE13 previst. Dan ser jippermetti avvanzi operattivi sinifikanti fil-kapaċità ta’ kxif ta’ gass nobbli matul OSI mingħajr ma tintilef il-kapaċità ta’ kxif fl-ordni ta’ 1 mBq/m3.

    68.

    Is-sistema modulari prevista ser tippermetti wkoll it-titjib faċli tal-hardware eżistenti qabel it-tnedija tal-missjoni speċifika tal-OSI sempliċiment billi jiġu integrati moduli addizzjonali ta’ sensuri bħala plug-ins robusti għal sistema bażika waħda. Barra minn hekk, iż-żamma u l-iffittjar ta’ partijiet tar-rikambju taħt il-kondizzjonijiet ta’ fuq il-post matul OSI ser jiġu ffaċilitati bil-kbir.

    Tul tal-proġett

    69.

    Abbażi ta’ proġetti simili ta’ disinn tekniku mill-ġdid, hu mistenni li ekwipaġġ ta’ żewġ inġiniera ser ikollhom jaħdmu għal-sentejn b’mod kontinwu; it-tul massimu tal-proġett sħiħ huwa ffissat għal sentejn.

    70.

    Il-proġett huwa previst li jibda fit-tielet kwart tal-2010 u li jdum sal-2012. Il-fażijiet u l-iskedi huma ppreżentati hawn taħt:

    Fażi I Kunċettwalizzazzjoni u Blueprint III.2010 - VI.2010

    Fażi II Il-bini ta’ Prototip wieħed tal-OSI XeFDS I.2011 - II.2011

    Fażi III Bank tal-prova (test bed) tal-Prototip u Rfinar tal-Kunċett III.2011

    Fażi IV Prototip irfinat fuq bank tal-prova IV.2011

    Fażi V Produzzjoni ta’ OSI XeFDS wieħed irfinat I.2012 - III.2012(unità bażi waħda, erba’ sensuri/żewġ pari ta’ sensuri)

    Fażi VI Provvista u Taħriġ Inizjali ta’ Familjarizzazzjoni mat-Tagħmir IV.2012

    71.

    L-iskedi ta’ hawn fuq jippermettu l-flessibbiltà interna. Madankollu, it-taħriġ ta’ spetturi supplenti dwar is-sistema ta’ kxif ta’ gass nobbli tal-OSI huwa rekwiżit obbligatorju għat-tħaddim tas-sistema matul l-IFE13 ippjanat. Id-data tal-provvista tal-OSI XeFDS ittestjata, li ser tikkonsisti minn unità bażi waħda u żewġ pari modulari ta’ kmamar analitiċi, hija għalhekk iffissata għall-31 ta’ Diċembru 2012. Minħabba r-restrizzjonijiet konsiderevoli ta’ żmien, ser isiru sforzi biex tinbeda u titmexxa l-fażi ta’ applikazzjoni (fażi żero) ta’ dan il-proġett simultanjament mal-kunċettwalizzazzjoni u l-fażi ta’ blueprint inizjali (fażi 1).

    III.   TUL TA’ ŻMIEN

    It-tul ta’ żmien totali għall-implimentazzjoni tal-proġetti huwa stmat għal 18-il xahar.

    IV.   BENEFIĊJARJI

    Il-benefiċjarji tal-proġetti li għandhom jiġu appoġġati skont din id-Deċiżjoni huma l-Istati Firmatarji kollha tas-CTBT, kif ukoll il-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.

    L-għażla finali tal-pajjiżi benefiċjarji għall-komponent tal-proġett “Assistenza Teknika” ser issir f’konsultazzjoni bejn l-entità implimentattiva u r-RGħ fil-qafas tal-Grupp ta’ Ħidma kompetenti tal-Kunsill. Id-deċiżjoni finali ser tkun ibbażata fuq proposti mill-entità implimentattiva skont l-Artikolu 2(2) ta’ din id-Deċiżjoni.

    V.   ENTITÀ IMPLIMENTATTIVA

    Il-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO ser tiġi fdata bl-implementazzjoni teknika tal-proġetti. Il-proġetti ser jiġu implementati direttament mill-persunal tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO, mill-esperti mill-Istati Firmatarji tas-CTBT u mill-kuntratturi. Fil-każ tal-kuntratturi, l-akkwist ta’ kwalunkwe merkanzija, xogħol jew servizz mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO fil-kuntest ta’ din id-Deċiżjoni ser jitwettaq kif dettaljat fil-ftehim ta’ finanzjament li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.

    L-entità implimentattiva ser tħejji:

    rapport ta’ nofs it-terminu wara l-ewwel sitt xhur tal-implimentazzjoni tal-proġetti,

    rapport finali mhux aktar tard minn xahar wara t-tmiem tal-implimentazzjoni tal-proġetti.

    Ir-rapporti ser jintbagħtu lir-RGħ.

    VI.   PARTEĊIPANTI TERZI

    Il-proġetti ser jiġu ffinanzjati fl-intier tagħhom b’din id-Deċiżjoni. L-esperti mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO u mill-Istati Firmatarji tas-CTBT jistgħu jitqiesu bħala parteċipanti terzi. Huma ser jaħdmu skont ir-regoli ta’ ħidma standard għall-esperti tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.


    (1)  Is-sistemi ta’ gass nobbli, li ġew akkwistati skont l-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK, huma tagħmir trasportabbli li jissodisfa r-rekwiżiti biex jintuża bħala “stazzjon bażi mobbli” għall-kejl tal-isfond globali u kontinwu tar-RadioXenon, iżda mhumiex maħsubin għall-finijiet ta’ fuq il-post tal-OSI. Dawn is-sistemi ser jinżammu fil-kustodja tal-PTS u ser iservu bħala unitajiet ta’ taħriġ għall-OSI u bħala sistemi mobbli ta’ riżerva għall-IMS.


    Top