Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0520

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 520/2010 tas- 16 ta’ Ġunju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 831/2002 li jikkonċerna l-aċċess għal dejta kunfidenzjali għal finijiet xjentifiċi fir-rigward tal-istħarriġiet disponibbli u sorsi ta’ dejta statistika (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 151, 17.6.2010, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 07/07/2013; Imħassar b' 32013R0557

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/520/oj

    17.6.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 151/14


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 520/2010

    tas-16 ta’ Ġunju 2010

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 831/2002 li jikkonċerna l-aċċess għal dejta kunfidenzjali għal finijiet xjentifiċi fir-rigward tal-istħarriġiet disponibbli u sorsi ta’ dejta statistika

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 831/2002 (2) jistabbilixxi, għall-fini li jkunu jistgħu jintlaħqu konklużjonijiet statistiċi għal finijiet xjentifiċi, il-kundizzjonijiet li bihom jista’ jingħata l-aċċess għal dejta kunfidenzjali mgħoddija lill-awtorità Komunitarja. Huwa jelenka l-istħarriġ u s-sorsi ta’ dejta differenti li japplika għalihom.

    (2)

    Hemm domanda dejjem tikber mir-riċerkaturi u l-komunità xjentifika b’mod ġenerali biex ikun hemm aċċess għal finijiet xjentifiċi għal dejta kunfidenzjali mill-Istħarriġ Intervista dwar is-Saħħa Ewropew (EHIS), l-Istatistika Komunitarja dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (CSIS), l-Istħarriġ dwar il-Baġit tal-Familji (HBS) u r-riżultati Statistiċi fir-rigward tal-Ġarr tal-Merkanzija bit-Triq (CGR).

    (3)

    L-EHIS għandu l-mira li jkejjel fuq bażi armonizzata u bi grad għoli ta’ komparabilità fost l-Istati Membri tal-UE, l-istat tas-saħħa, l-istil tal-ħajja (id-determinanti tas-saħħa) u l-użu tas-servizzi tal-kura tas-saħħa miċ-ċittadini tal-UE. Is-suġġetti inklużi fil-kwestjonarju huma t-tnejn li huma tweġiba għal bżonnijiet politiċi u għal finijiet xjentifiċi. L-użu ta’ settijiet ta’ dejta individwali se jippermetti lir-riċerkaturi biex iwettqu studji dwar popolazzjonijiet speċifiċi (nies anzjani, pereżempju), biex jiġi vvalutat aħjar l-istat ta’ saħħithom u kif is-sistemi tal-kura tas-saħħa jissodisfaw bżonnijiethom. Ir-riżultati ta’ studji ta’ riċerka bħal dawn jistgħu jintużaw biex jitfasslu pjanijiet speċifiċi għal gruppi ta’ popolazzjoni differenti jew biex jiġu vvalutati pjanijiet ta’ prevenzjoni Ewropej jew/u nazzjonali.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 808/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar l-istatistiċi tal-Komunità dwar is-soċjetà tal-informazzjoni (3) jipprovdi qafas għall-provvista ta’ dejta statistika armonizzata dwar l-użu ta’ Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) fid-djar u mill-individwi. L-aċċess għal settijiet ta’ dejta individwali huwa ta’ benefiċċju għall-ħidma ta’ riċerka dwar l-impatt tal-użu tal-ICT fuq is-soċjetajiet Ewropej u l-inklużjoni diġitali. Ir-riżultati jistgħu jintużaw biex jiġu vvalutati politiki eżistenti u biex jiġu definiti politiki rilevanti ġodda fil-livell nazzjonali u Ewropew, bħall-istrateġija i2010.

    (5)

    L-HBS tinkludi l-klassifikazzjoni tal-infiq skont il-karatteristiki tan-nies fid-dar u skont il-persuna ta’ referenza tagħha u d-dħul tan-nies tad-dar. L-omoġenjità ta’ dan is-sors tippermetti li jkunu prodotti għodod ta’ mikrosimulazzjoni sabiex jittestjaw l-ipoteżijiet madwar l-UE u jgħinu lil min ifassal il-politika biex jieħu deċiżjonijiet infurmati.

    (6)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 1172/98 tal-25 ta’ Mejju 1998 dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta’ merkanzija bit-triq (4) jitlob li l-pajjiżi li qed jirrapportaw jipprovdu lill-Eurostat b’mikrodejta dwar il-vetturi magħżula għall-kampjun, vjaġġi mwettqa minn dawn il-vetturi u merkanzija ttrasportata matul dawn il-vjaġġi bejn ir-reġjuni. L-aċċess mir-riċerkaturi għal din id-dejta tkun ta’ benefiċċju għall-analiżi tal-politika tat-trasport u għall-immudellar tat-trasport, fost l-oħrajn għall-finijiet tal-politika reġjonali tal-UE, l-ibbilanċjar ta’ mezzi ta’ trasport differenti u l-iżvilupp ta’ Netwerks ta’ Trasport trans-Ewropew fl-UE.

    (7)

    L-Istħarriġ Intervista dwar is-Saħħa Ewropew (EHIS), l-Istatistika Komunitarja dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (CSIS) - modulu 2 Individwi, familji u s-soċjetà tal-informazzjoni, l-Istħarriġ dwar il-Baġit tal-Familji (HBS) u r-riżultati Statistiċi fir-rigward tal-Ġarr tal-Merkanzija bit-Triq (CGR) għandhom għalhekk jiżdiedu mal-enumerazzjoni fir-Regolament (KE) 831/2002.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tas-Sistema Statistika (il-Kumitat ESS),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 831/2002 huwa emendat kif ġej:

    1.

    Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

    “1.   L-awtorità Komunitarja tista’ tagħti aċċess fl-istabbiliment tagħha għal dejta kunfidenzjali miksuba mill-istħarriġ jew mis-sorsi ta’ dejta statistika li ġejja:

    Bord dwar il-Familji tal-Komunità Ewropea,

    Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol,

    Stħarriġ dwar l-Innovazzjoni Komunitarja,

    Stħarriġ dwar it-Taħriġ Vokazzjonali Kontinwu,

    Stħarriġ dwar l-Istruttura tal-Qligħ,

    Statistika tal-Unjoni Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien,

    Stħarriġ dwar l-Edukazzjoni tal-Adulti,

    Stħarriġ dwar l-Istruttura tal-Irziezet,

    Stħarriġ Intervista dwar is-Saħħa Ewropew,

    Statistika Komunitarja dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni - modulu 2 Individwi, familji u s-soċjetà tal-informazzjoni,

    Stħarriġ dwar il-Baġit tal-Familji,

    Riżultati Statistiċi fir-rigward tal-Ġarr tal-Merkanzija bit-Triq.

    Madankollu, fuq talba tal-awtorità nazzjonali li pprovdiet id-dejta, l-aċċess għal dejta minn din l-awtorità nazzjonali m’għandux jingħata għal proġett speċifiku ta’ riċerka.”

    2.

    Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 jinbidel b’li ġej:

    “1.   L-awtorità Komunitarja tista’ toħroġ settijiet ta’ mikrodata anonimizzata miksuba mill-istħarriġ jew mis-sorsi ta’ dejta statistiċi li ġejjin:

    Bord dwar il-Familji tal-Komunità Ewropea,

    Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol,

    Stħarriġ dwar l-Innovazzjoni Komunitarja,

    Stħarriġ dwar it-Taħriġ Vokazzjonali Kontinwu,

    Stħarriġ dwar l-Istruttura tal-Qligħ,

    Statistika tal-Unjoni Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien,

    Stħarriġ dwar l-Edukazzjoni tal-Adulti,

    Stħarriġ dwar l-Istruttura tal-Irziezet,

    Stħarriġ Intervista dwar is-Saħħa Ewropew,

    Statistika Komunitarja dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni - modulu 2 Individwi, familji u s-soċjetà tal-informazzjoni,

    Stħarriġ dwar il-Baġit tal-Familji,

    Riżultati Statistiċi fir-rigward tal-Ġarr tal-Merkanzija bit-Triq.

    Madankollu, fuq talba tal-awtorità nazzjonali li pprovdiet id-dejta, l-aċċess għal dejta minn din l-awtorità nazzjonali m’għandux jingħata għal proġett speċifiku ta’ riċerka.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

    (2)  ĠU L 133, 18.5.2002, p. 7.

    (3)  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 49.

    (4)  ĠU L 163, 6.6.1998, p. 1.


    Top