Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0011

    2010/11/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 7 ta’ Jannar 2010 dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal apparati tal-illokkjar għal twieqi u bibien ta’ gallariji li ma jistgħux jinfetħu mit-tfal u mmuntati mill-konsumatur skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2009) 10298) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 4, 8.1.2010, p. 91–93 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/11(1)/oj

    8.1.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 4/91


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-7 ta’ Jannar 2010

    dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal apparati tal-illokkjar għal twieqi u bibien ta’ gallariji li ma jistgħux jinfetħu mit-tfal u mmuntati mill-konsumatur skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (notifikata bid-dokument numru C(2009) 10298)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2010/11/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (1) u partikolarment l-Artikolu 4(1)(a) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2001/95/KE tistipula li l-istandards Ewropej għandhom jiġu stabbiliti minn korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej. Standards bħal dawn għandhom jiżguraw li l-prodotti jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ sikurezza ġenerali tad-Direttiva.

    (2)

    Skont id-Direttiva 2001/95/KE prodott jitqies mhux ta’ periklu, sa fejn għandhom x’jaqsmu r-riskji u l-kategoriji ta’ riskji koperti mill-istandards nazzjonali, meta jkun konformi mal-istandards nazzjonali volontarji li jittrasponu l-istandards Ewropej.

    (3)

    Waqgħat aċċidentali mill-għoli, bħal per eżempju minn twieqi jew gallariji, huma kawża ewlenija li twassal għal mewt jew għal ħsara permanenti fil-moħħ jew fl-iskeletru fi tfal taħt il-ħames snin. Dawn huma problema ewlenija f’żoni urbani li għandhom konċentrazzjoni qawwija ta’ blokka ta’ appartamenti b’aktar minn sular wieħed, u jilħqu l-quċċata tagħhom fir-rebbiegħa u fis-sajf, meta t-twieqi jitħallew miftuħa għal perjodi aktar twal. Fir-reġjun tal-Île-de-France, bejn Mejju u Settembru 2005, ġew irreġistrati 67 waqgħa aċċidentali ta’ tfal, li jwasslu għal total ta’ 14-il każ fix-xahar. Fid-Danimarka u fl-Isvezja, kull sena jkunu rreġistrati bejn 20 u 60 każ. Fis-snin ta’ bejn l-1996 u l-2003, in-numru ta’ waqgħat li involvew tfal kien ta’ medja ta’ 79 fis-sena fil-Greċja, 130 fis-sena fl-Olanda u 25 fis-sena fir-Renju Unit.

    (4)

    Biex inaqqsu jew jipprevjenu waqgħat aċċidentali, hemm rekwiżiti fuq id-daqs tat-twieqi, u fuq il-preżenza u l-karatteristiċi tar-rixtelli tat-twieqi u tal-protezzjoni tat-twieqi. Madankollu, dawn ir-rekwiżiti huma stipulati b’mod ġenerali fil-kodiċi tal-bini nazzjonali, li jvarjaw bejn Stat Membru għal ieħor.

    (5)

    Fis-suq hemm ukoll prodotti iddisinjati biex jillimitaw jew jibblokkjaw il-ftuħ tat-twieqi u bibien tal-gallariji. Tali prodotti huma mgħammra mill-konsumatur direttament fuq it-tieqa jew il-bieb tal-gallarija.

    (6)

    M’hemm l-ebda standard Ewropew għas-sikurezza għal dawn il-prodotti. Fil-preżent, ir-referenzi ewlenin għall-operaturi ekonomiċi u għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jinsabu f’xi standards nazzjonali u internazzjonali u metodi tal-ittestjar.

    (7)

    Bejn l-2005 u l-2007, l-Awstrija, id-Danimarka u n-Norveġja għamlu proġett flimkien biex jivvalutaw is-sikurezza ta’ apparati tal-illokkjar għal twieqi u bibien ta’ gallariji immuntati mill-konsumatur disponibbli fis-suq u jevalwaw kemm il-metodi tal-ittestjar nazzjonali u internazzjonali huma adattati. B’żieda ma’ dan, il-parteċipanti kkunsidraw ir-rekwiżiti żviluppati mill-ANEC (2) fi studju fuq apparati li jipproteġu lit-tfal ippublikat fl-2004, (3) kif ukoll xi ftit rekwiżiti mill-istandard EN-71:1 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli.

    (8)

    Ir-riżultati tal-proġett urew li ħafna mill-mudelli tal-illokkjar ittestjati setgħu jinfetħu mit-tfal, minkejja l-affermazzjoni li ma jistgħux jinfetħu mit-tfal; mudelli oħra ikkollassaw, tkissru jew ma felħux għat-test tat-tixjiħ u l-mudelli kollha ttestjati ma kellhomx xi ftit mill-istruzzjonijiet bażiċi meħtieġa.

    (9)

    Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġu stipulati rekwiżiti speċifiċi skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2001/95/KE u, abbażi ta’ dawn ir-rekwiżiti, sussegwentement ikun hemm mandat għall-abbozz tal-istandards ta’ sikurezza Ewropej biex jiġi żgurat li dawn l-apparati huma reżistenti għat-tfal, iżommu l-integrità strutturali tul il-ħajja mistennija tagħhom, huma reżistenti għat-tixjiħ u għall-esponiment għal kundizzjonijiet tat-temp u jipprovdu istruzzjonijiet u informazzjoni ċari lil min jużahom. Dawn l-istandards għandhom jiġu żviluppati skont id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni (4). Ir-referenza tal-istandard adottat għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/95/KE.

    (10)

    L-apparati tal-illokkjar koperti minn din id-Deċiżjoni għandhom ikunu dawk biss imwaħħla mill-konsumaturi fuq twieqi jew bibien tal-gallariji. Apparati tal-illokkjar li huma integrati fit-tieqa jew fil-qafas tal-bieb tal-gallarija huma koperti minn speċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti tal-bini (5).

    (11)

    Ġaladarba l-istandards rilevanti jkunu disponibbli, u jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tippubblika r-referenza tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/95/KE, apparati tal-illokkjar għal twieqi u bibien ta’ gallariji li ma jistgħux jinfetħu mit-tfal immuntati mill-konsumatur għandhom jiġu preżunti li jikkonformaw mar-rekwiżiti ġenerali ta’ sikurezza tad-Direttiva 2001/95/KE, safejn ir-rekwiżiti ta’ sikurezza koperti mill-istandard huma kkonċernati.

    (12)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilita skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/95/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

    “apparat tal-illokkjar immuntat mill-konsumatur” ifisser apparat li jew jibblokkja jew jillimita sa qagħda predeterminata l-ftuħ ta’ tieqa jew ta’ bieb ta’ gallarija. Tali apparat huwa ddisinjat biex ikun miżjud ma’ twieqi jew bibien tal-gallarija mill-konsumatur.

    “Ma jistgħux jinfetħu mit-tfal”, jew “reżistenti għat-tfal”, għandhom ifissru li l-apparat ma jistax jinfetaħ minn tifel/tifla iżgħar minn 51 xahar.

    Artikolu 2

    Rekwiżiti

    Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza għall-apparati tal-illokkjar li ma jistgħux jinfetħu mit-tfal immuntati mill-konsumatur li għandhom jissodisfaw l-istandards Ewropej skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/95/KE għandhom jiġu stabbiliti fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Pubblikazzjoni

    Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, is-7 ta’ Jannar 2010.

    Għall-Kummissjoni

    José Manuel BARROSO

    Il-President


    (1)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

    (2)  ANEC- Il-leħen tal-konsumatur Ewropew fi standardizzazzjoni. http://www.anec.org/anec.asp

    (3)  http://www.anec.org/attachments/r&t005-04.pdf

    (4)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

    (5)  ĠU L 40, 11.2.1989, p. 12.


    ANNESS

    Rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza u metodi ta’ ttestjar għal apparati tal-illokkjar għat-twieqi u bibien tal-gallarija li ma jistgħux jinfetħu mit-tfal u mmuntati mill-konsumatur

    Affarijiet fiżiċi u mekkaniċi

    Apparati li jillukkjaw it-twieqi u l-bibien ta’ gallariji għandhom jinbnew b’tali mod u manjiera biex jifilħu għal ftuħ u egħluq kontinwu, kemm jekk mimlija u kemm jekk le, kif ukoll għat-tixjiħ u għall-esponiment għal kundizzjonijiet kollha tat-temp, bħax-xemx, xita, silġ, umdità, temperaturi għolja u baxxi, ir-riħ u xorta waħda jibqgħu ma jistgħux jinfetħu mit-tfal.

    L-apparati għandhom ikunu jifilħu għal impatti aċċidentali matul il-ħajja tagħhom mingħajr ma jinkisru.

    Biex jissodisfaw l-għan intenzjonat tagħhom, l-apparati għandhom jillimitaw id-distanza tal-ftuħ bejn il-qafas u għal distanza massima biex jipprevjenu b’mod effettiv li jgħaddi tifel/tifla żgħir/a, filwaqt li, b’mod partikolari, wieħed iżomm f’moħħu l-abilitajiet ta’ żvilupp u l-miżuri antropometriċi tat-tfal f’etajiet differenti.

    Partijiet żgħar

    Biex jipprevjenu fgar ta’ ġugarelli, partijiet żgħar stakkati jew li jinqalgħu għandhom ikunu ta’ tali qisien li ma jkunux jistgħu jinbelgħu u/jew jidħlu mill-imnifsejn.

    Truf misnuna u partijiet li jisporġu ’l barra

    Biex jipprevjenu titqib, qatgħat, tqaxxir, tqasqis jew korriment fiżiku ieħor, truf aċċessibbli għandhom jinġiebu għat-tond jew iċċanfrinati u m’għandu jkun hemm l-ebda punti jew superfiċi li jisporġu ’l barra.

    Qbid tas-swaba

    L-apparati m’għandhomx ikollhom aperturi aċċessibbli, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu l-miżura antropometrika tat-tfal u l-abilitajiet tagħhom f’etajiet differenti.

    Ittestjar

    Tixjiħ kontra r-radjazzjoni tal-UV u żieda fit-temperatura, deterjorament, stabbilità mekkanika u funzjoni li ma tinfetaħx mit-tfal għandhom ikunu soġġetti għal metodi ta’ ttestjar speċifiċi. Prodotti b’partijiet flessibbli, bħal katini, wajers u ħbula, għandhom ukoll jiġu ttestjati b’metodu tal-istamping. L-apparati m’għandhomx jinkisru u għandhom ikunu kompletament funzjonali wara t-test.

    Il-metodi tal-ittestjar għandhom ikunu adattati, kif xieraq, biex jittestjaw il-prestazzjoni tal-apparati tal-illokkjar għat-tipi kollha ta’ twieqi (eż. “twieqi li jagħtu għall-ġnien jew gallarija” jew “sportelli”, twieqi b’tilari tal-ħġieġ u twieqi li jisslajdjaw).

    Għandha tiġi applikati s-saħħa fit-testijiet fl-aktar direzzjonijiet onerużi u għandhom jiġu mkejla b’inċertezza ta’ qies li ma jkunx aktar minn ± 1 %, u spostamenti b’inċertezza ta’ qies li ma jkunx aktar minn ± 1 mm.

    Bord pilota fir-rigward tat-tfal

    Il-funzjoni li tipproteġi t-tfal għandha tiġi vverifikata. Ir-rekwiżiti f’EN ISO 8317 fuq ippakkjar reżistenti għat-tfal għandha tintuża bħala referenza. Il-kriterji ta’ falliment stipulati f’dak l-istandard għandha tiġi sodisfatta.

    L-Informazzjoni dwar il-Prodott

    L-informazzjoni dwar il-prodott għandha tkun ipprovduta biex b’hekk tnaqqas ir-riskju ta’ perikli potenzjali previsti li għandhom x’jaqsmu mal-użu tal-prodott.

    Għandha tiġi pprovduta informazzjoni li tirrigwarda l-użu sikur tal-prodott. Dawn l-istruzzjonijiet għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:

    L-isem jew l-isem kummerċjali tal-manifattur, importatur jew organizazzjoni responsabbli għall-bejgħ tal-prodott.

    L-istruzzjoni: “Aqra din l-istruzzjoni sew qabel ma timmunta u tuża l-apparat. Il-funzjoni tal-apparat li tipproteġi t-tfal tistà tiġi affettwata jekk ma ssegwix l-istruzzjonijiet. Żomm l-istruzzjonijiet għal referenza fil-futur.”

    Informazzjoni dwar it-tip tat-twieqi għal-liema l-prodott kien magħmul.

    Istruzzjonijiet fuq kif u fejn l-apparat għandu jiġi mmuntat sew. Istruzzjonijiet differenti jistgħu jiġu meħtieġa għal tipi differenti ta’ twieqi u materjali differenti, bħall-injam, metall, plastik eċċ. Peress li l-immuntar tal-apparat huwa neċessarju biex jipproteġi t-tfal, l-istruzzjonijiet għandhom ikunu preċiżi u f’ċerti każijiet għandha tiġi pprovduta għodda speċjali għall-immuntar.

    Kwalunkwe informazzjoni oħra għal użu sikur.


    Top