Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0716

    Deċiżjoni Nru 716/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Settembru 2009 li tistabbilixxi programm Komunitarju għall-appoġġ ta’ attivitajiet speċifiċi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, tar-rappurtar finanzjarju u l-verifika

    ĠU L 253, 25.9.2009, p. 8–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32014R0258

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/716/oj

    25.9.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 253/8


    DEĊIŻJONI Nru 716/2009/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-16 ta’ Settembru 2009

    li tistabbilixxi programm Komunitarju għall-appoġġ ta’ attivitajiet speċifiċi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, tar-rappurtar finanzjarju u l-verifika

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Is-servizzi finanzjarji huma element ewlieni tas-suq intern, kruċjali għall-funzjonament tajjeb tal-ekonomija Ewropea u għall-kompetittività globali. Settur finanzjarju b’saħħtu u dinamiku jeħtieġ qafas solidu għal regolamentazzjoni u superviżjoni, li huwa kapaċi jlaħħaq mal-integrazzjoni dejjem akbar tas-swieq finanzjarji fil-Komunità.

    (2)

    Il-kriżi fis-swieq finanzjarji li bdiet sa mill-2007 qiegħdet il-kwistjoni tas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tar-rappurtar finanzjarju u l-verifika fiċ-ċentru tal-aġenda politika tal-Komunità rigward in-neċessità li jiġi żgurat qafas komuni li jaħdem sew għas-suq intern.

    (3)

    F’ekonomija globali, jeħtieġ ukoll li ssir konverġenza tal-istandards bejn il-ġurisdizzjonijiet u li jiġu żviluppati standards internazzjonali fi proċess li jqis it-trasparenza u d-demokrazija. Huwa għalhekk importanti li l-Komunità jkollha rwol fil-proċess tal-istipular tal-istandards internazzjonali għas-swieq finanzjarji. Biex jiġi żgurat li l-interessi tal-Komunità jiġu rrispettati u li l-istandards globali jkunu ta’ kwalità għolja u kompatibbli mal-liġi Komunitarja, huwa essenzjali li l-interessi tal-Komunità jkunu rrappreżentati adegwatement f’dak il-proċess tal-istipular tal-istandards internazzjonali.

    (4)

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tad-19 ta’ Lulju 2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (3) (ir-Regolament tal-IAS), l-Istandards Internazzjonali dwar ir-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) għandhom ikunu inkorporati fil-liġi Komunitarja biex jiġu applikati minn dawk il-kumpaniji li s-sigurtajiet tagħhom ikunu elenkati fis-suq regolamentat fil-Komunità, jekk l-IFRS jilħqu l-kriterji msemmija f’dak ir-Regolament. L-IFRS għalhekk għandhom rwol ewlieni fil-funzjonament tas-suq intern u għalhekk il-Komunità għandha interess dirett li tiżgura li l-proċess, li permezz tiegħu l-IFRS jiġu żviluppati u approvati, jirriżulta fi standards li jkunu konsistenti mar-rekwiżiti tal-qafas legali tas-suq intern.

    (5)

    L-IFRS jinħarġu mill-Bord Internazzjonali tal-Istandards tal-Kontabbiltà (IASB) u l-interpretazzjonijiet relatati jinħarġu mill-Kumitat Internazzjonali għall-Interpretazzjonijiet dwar ir-Rappurtar Finanzjarju (IFRIC), żewġ korpi fil-Fondazzjoni Internazzjonali tal-Kumitat tal-Istandards tal-Kontabbiltà (IASCF). Għalhekk huwa importanti li jiġu stabbiliti arranġamenti ta’ finanzjament xierqa għall-IASCF.

    (6)

    Il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) twaqqaf fl-2001 minn organizzazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw lill-emittenti, l-investituri u l-professjoni tal-kontabbiltà involuti fil-proċess ta’ rappurtar finanzjarju. B’konformità mar-Regolament tal-IAS, l-EFRAG tipprovdi lill-Kummissjoni b’opinjonijiet dwar jekk standard tal-kontabilità maħruġ mill-IASB jew interpretazzjoni maħruġa mill-IFRIC, li għandhom jiġu approvati, jikkonformawx mal-liġi Komunitarja. L-EFRAG kull ma tmur qiegħda tintuża biex tipprovdi input upstream u tekniku dwar abbozz ta’ standards ta’ kontabilità.

    (7)

    Meta jitqiesu l-irwoli ewlenin tal-EFRAG fl-appoġġ għal-liġi u l-politiki dwar is-suq intern u fir-rappreżentanza tal-interessi Ewropej fil-proċess tal-istipular tal-istandards fil-livell internazzjonali, jeħtieġ li l-Komunità tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-EFRAG.

    (8)

    Fil-qasam tal-verifika statutorja, il-Bord tal-Iskrutinju tal-Interess Pubbliku (PIOB) inħoloq fl-2005 mill-Grupp ta’ Monitoraġġ, organizzazzjoni internazzjonali responsabbli mill-monitoraġġ tar-riforma tal-governanza tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC). L-irwol tal-PIOB huwa li jissorvelja l-proċess li jwassal għall-adozzjoni tal-Istandards Internazzjonali tal-Verifika (ISA) u attivitajiet oħra ta’ interess pubbliku tal-IFAC. Huwa possibbli li ISAs jiġu adottati għall-applikazzjoni tagħhom fil-Komunità sakemm, b’mod partikulari, li huma jkunu ġew żviluppati bi proċess, sorveljanza pubblika u trasparenza xierqa kif mitlub mill-Artikolu 26 tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati (4).

    (9)

    L-introduzzjoni tal-ISAs fil-liġi Komunitarja u l-irwol ewlieni tal-PIOB biex jiżguraw li jissodissfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2006/43/KE jfissru li l-Komunità jkollha interess dirett biex tiżgura li l-proċess li bih standards bħal dawn jiġu żviluppati u approvati joħroġ standards li jkunu konsistenti mal-qafas legali tas-suq intern. Għalhekk huwa importanti li jiġu assigurati arranġamenti ta’ finanzjament xierqa għall-PIOB.

    (10)

    Għalhekk, huwa xieraq li jiġi stabbilit skont dan, programm Komunitarju (il-“Programm”) li jippermetti l-kofinanzjament tal-attivitajiet tal-EFRAG, l-IASCF u l-PIOB, li jsegwu, skont l-Artikolu 162 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 ta’ 23 Diċembru 2002, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (5), miri ta’ interess ġenerali Ewropew bit-tfassil ta’ standards, bl-approvazzjoni ta’ standards jew bis-superviżjoni ta’ proċessi tal-istipular ta’ standards fil-qasam tar-rappurtar finanzjarju u l-verifika.

    (11)

    Huwa wkoll xieraq li jiġu pprovduti għotjiet lit-tliet strutturi legali ta’ appoġġ li l-mira esklussiva tagħhom hija li jingħata appoġġ amministrattiv lill-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (6), il-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (7) u l-Kumitat tas-Superviżuri Ewropej tal-Assigurazzjonijiet u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (8) (flimkien “il-Kumitati ta’ Sorveljanza”), għat-twettiq tal-mandati u l-proġetti tagħhom relatati mal-konverġenza superviżorja, b’mod partikolari mat-taħriġ tal-persunal ta’ awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-immaniġġjar ta’ proġetti tat-teknoloġija tal-informazzjoni.

    (12)

    Il-kriżi finanzjarja wriet il-ħtieġa urġenti għal progress fil-qasam tal-konverġenza u tal-koperazzjoni superviżorja. Għalhekk huwa xieraq li l-Komunità tikkontribwixxi finanzjarjament għal azzjonijiet speċifiċi tal-Kumitati ta’ Sorveljanza li għandhom jitwettqu biex jinkiseb dan il-progress.

    (13)

    L-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għal dik li hi superviżjoni huma essenzjali biex jitneħħew l-ostakoli li fadal biex is-suq intern jaħdem bla xkiel. Mezz mill-aktar effikaċi u xieraq biex jitneħħew dawn l-ostakoli huwa li l-Kumitati ta’ Sorveljanza jipprovdu taħriġ komuni aħjar għall-istaff tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u jiżviluppaw strumenti komuni tat-teknoloġija tal-informazzjoni.

    (14)

    Korpi li jaħdmu fil-qasam tas-superviżjoni, kontabbiltà u verifika huma dipendenti ħafna fuq il-finanzjament u minkejja r-rwoli importanti tagħhom fil-Komunità, l-ebda mill-benefiċjarji proposti tal-Programm ma jibbenifika minn xi appoġġ finanzjarju mill-baġit Komunitarju, li jista’ jaffettwa l-kapaċità tagħhom biex jikkonformaw mal-missjonijiet rispettivi tagħhom li huma kruċjali għall-funzjonament tas-suq intern.

    (15)

    Kofinanzjament Komunitarju jiżgura li dawn il-benefiċjari jibbenefikaw minn finanzjament ċar, stabbli, diversifikat, razzjonali u adegwat u li jippermettilhom jirrealizzaw il-missjoni tagħhom ta’ interess pubbliku b’mod indipendenti u effiċjenti.

    (16)

    Finanzjament suffiċjenti għandu jiġi pprovdut permezz ta’ kontribut Komunitarju għall-funzjonament tal-Kumitati ta’ Sorveljanza u t-twaqqif ta’ standards internazzjonali tal-kontabiltà u l-verifika, b’mod partikulari għall-IASCF, li jinkludi l-EFRAG u l-PIOB.

    (17)

    Il-finanzjament Komunitarju għandu, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mal-każ speċifiku tal-IASCF, ikun kundizzjonat mis-sodisfazzjon prattiku tar-riformi tal-governanza mitluba mill-Komunità.

    (18)

    Meta jitrażmettu l-abbozz tal-programmi ta’ ħidma tagħhom kull sena lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif mitlub fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Ottubru 2008 (9) u fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2008, il-Kumitati ta’ Sorveljanza għandhom jinkludu f’dawn il-programmi ta’ ħidma taqsima li tagħti bid-dettalji l-attivitajiet li jkunu ġew iffinanzjati mill-Programm matul is-sena ta’ trażmissjoni, filwaqt li jiġu indikati, b’mod partikulari, l-ammonti ta’ finanzjament u r-riżultati tal-attivitajiet iffinanzjati, kif ukoll deskrizzjoni tal-attivitajiet li l-Kumitat ta’ Sorveljanza jkun bi ħsiebu jressaq quddiem il-Kummissjoni matul is-sena ta’ wara għal finanzjament minn dan il-Programm.

    (19)

    Barra mit-tibdil fil-modi tal-finanzjament tagħhom, l-IASCF u l-EFRAG għaddejjin minn riformi ta’ governanza, li l-ħtieġa tagħhom ġiet enfasizzata mill-kriżi finanzjarja reċenti, biex jiġi żgurat li l-istrutturi u l-proċessi tagħhom jiggarantixxu l-kapaċità tagħhom li jwettqu l-missjoni tagħhom ta’ interess pubbliku b’mod indipendenti, effiċjenti, trasparenti u demokratikament responsabbli. L-importanza ta’ dawn ir-riformi ġiet enfasizzata mir-rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-superviżjoni finanzjarja presedut minn Jacques de Larosière (il-Grupp de Larosière) tal-25 ta’ Frar 2009, mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-4 ta’ Marzu 2009, bl-isem “Immexxu l-Irpiljar Ewropew”, kif ukoll mill-Grupp tal-Għoxrin (G-20), li ltaqa’ fit-2 ta’ April 2009. Dawk ir-riformi għandhom jidħlu fis-seħħ sa meta jibda l-kofinanzjament Komunitarju. Rigward l-IASCF, ir-riforma għandha tinkludi fost l-oħrajn, li jintlaħqu l-aspettattivi stipulati fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2008 dwar Standards ta’ Rappurtar Finanzjarju Internazzjonali (IFRS) u r-Regolazzjoni tal-Bord għall-Istandards ta’ Kontabbilita’ Internazzjonali (IASB) u fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Lulju 2008 b’mod partikulari l-ħolqien ta’ Bord ta’ Monitoraġġ b’setgħat rilevanti u kompożizzjoni xierqa, aktar trasparenza u leġittimità fir-rigward tal-proċessi tat-twaqqif tal-istandards u tal-aġendi tal-IASCF, it-titjib tal-effikaċja tal-Kunsill Konsultattiv tal-Istandards u l-formalizzazzjoni tal-irwol tal-evalwazzjonijiet tal-impatt bħala parti mill-proċess xieraq tal-IASB.

    (20)

    Benefiċjarji li jwettqu attivitajiet internazzjonali f’pajjiżi terzi, bħalma huma l-PIOB u l-IASCF, ma għandhomx ikomplu jibbenefikaw mill-Kofinanzjament Komunitarju jekk, wara l-ewwel sentejn ta’ kofinanzjament, dawn ma jkunux għamlu progress sinifikanti biex jiġi żgurat li l-arranġamenti newtrali ta’ finanzjament jiffurmaw il-parti l-kbira tal-iffinanzjar totali tagħhom, fosthom minn parteċipanti ta’ pajjiżi terzi.

    (21)

    Id-Direttiva 2006/43/KE tipprevedi li l-Istati Membri jwaqqfu korpi ta’ sorveljanza indipendenti fil-qasam tal-verifika. Avvenimenti reċenti tas-suq, madankollu, kixfu nuqqasijiet f’bosta oqsma, fosthom fil-verifika. Il-Kummissjoni għandha, sal-1 ta’ Lulju 2010, tippreżenta rapport dwar l-infurzar tal-koperazzjoni Ewropea tas-sorveljanza mid-ditti tal-verifika, sabiex il-kwalità tal-verifika fl-Unjoni Ewropea titjieb.

    (22)

    Il-kriżi fis-swieq finanzjarji jista’ jkun li twassal għat-twaqqif ta’ korpi ġodda fil-livell Komunitarju jew internazzjoanli f’wieħed jew aktar minn dawn l-oqsma b’mandat li jkopri għanijiet Komunitarji li huma simili bħal dawk tal-benefiċjarji tal-Programm.

    (23)

    Għandu jkun possibbli li fil-Programm jiġu inklużi korpi bħal benefiċjarji ġodda, sakemm dawn jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

    (24)

    Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi konferiti fuq il-Kummissjoni (10).

    (25)

    B’mod partikulari, il-Kummissjoni tista’ tingħata s-setgħa li tagħżel benefiċjarji ġodda għall-Programm u li temenda l-Anness kif xieraq. Billi dawn il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma intiżi biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Deċiżjoni billi jissupplimentawha b’elementi ġodda mhux essenzjali, għandhom ikunu adottati b’konformità mat-termini tal-proċedura regolatorja bl-iskrutinju skont ma jipprovdi l-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    (26)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (11) (ir-Regolament Finanzjarju) u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, li jħares l-interessi finanzjarji tal-Komunità, għandhom ikunu applikati bil-kunsiderazzjoni tal-prinċipji tas-sempliċità u l-konsistenza fl-għażla tal-istrumenti baġitarji, limitazzjoni fuq l-għadd ta’ każijiet fejn il-Kummissjoni għandha responsabbiltà diretta għall-implimentazzjoni u l-immaniġġjar tagħhom, u l-proporzjonalità meħtieġa bejn l-ammont ta’ riżorsi u l-piż amministrattiv marbut mal-użu tagħhom.

    (27)

    Il-kriżi finanzjarja ħarġet biċ-ċar il-ħtieġa ta’ riforma tal-mudelli regolatorji u superviżorji tas-settur finanzjarju tal-Unjoni Ewropea. Fil-Komunikazzjoni tagħha bit-titolu “Immexxu l-Irpiljar Ewropew”, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tressaq il-proposti leġiżlattivi meħtieġa b’konsiderazzjoni xierqa għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Grupp de Larosière. Il-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta’ Marzu 2009 qabel dwar il-ħtieġa ta’ titjib fir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni Ewropea, bir-rapport tal-Grupp de Larosière iservi ta’ bażi għall-azzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill minnufih u f’kull każ sal-1 ta’ Lulju 2010.

    (28)

    Din id-Deċiżjoni għandha tipprevedi l-possibbiltà ta’ kofinanzjament tal-attivitajiet ta’ ċerti korpi li jsegwu miri ta’ interessi Komunitarji ġenerali fuq kwistjonijiet ta’ rilevanza Komunitarja fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u bit-tfassil ta’ standards, adottar ta’ standards jew superviżjoni tal-proċessi tal-istipular tal-istandards fil-qasam tar-rappurtar finanzjarju u l-verifika.

    (29)

    Il-finanzjament mill-Komunità qed jiġi propost għal għadd definit sew u limitat tal-korpi l-aktar importanti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Fl-ambitu tal-qafas istituzzjonali attwali, l-arranġamenti l-ġodda ta’ finanzjament ser jiżguraw finanzjament stabbli, diversifikat u adegwat sabiex ikun possibbli li l-korpi rilevanti jwettqu l-missjoni tagħhom b’rabta Komunitarja jew ta’ interess pubbliku Komunitarju b’mod indipendenti u effiċjenti. L-appoġġ finanzjarju ser jingħata skont il-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament Finanzjarju u fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

    (30)

    Billi l-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu, għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, b’konformita’ mal-prinċipju ta’ sussidjarita’ kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. B’konformita’ mal-prinċipju tal-proporzjonalita’, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Deċizjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi,

    IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    Bil-preżenti qed jiġi stabbilit programm Komunitarju (“il-Programm”), għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013 biex jappoġġja l-attivitajiet tal-korpi li jikkontribwixxu għall-ilħiq tal-għanijiet tal-politika tal-Komunità fir-rigward tal-konverġenza superviżorja u l-kooperazzjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u b’rabta mar-rappurtar finanzjarju u l-verifika.

    Artikolu 2

    Għanijiet

    (1)   L-għan ġenerali tal-Programm huwa li jitjiebu l-kundizzjonijiet għat-tħaddim tas-suq intern bl-appoġġ tal-operat, tal-attivitajiet jew tal-azzjonijiet ta’ ċerti korpi fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji, ir-rappurtar finanzjarju u l-verifika.

    (2)   L-attivitajiet li ġejjin huma koperti bil-Programm:

    (a)

    dawk l-attivitajiet ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ politiki Komunitarji mmirati lejn il-konverġenza superviżorja, partikolarment permezz ta’ taħriġ tal-persunal tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-immaniġġjar ta’ proġetti tat-teknoloġija informatika fil-qasam tas-servizzi finanzjarji; u

    (b)

    dawk l-attivitajiet li jiżviluppaw jew li jagħtu kontribut għall-iżvilupp ta’ standards, l-applikazzjoni, il-valutazzjoni jew il-monitoraġġ tal-istandards jew is-superviżjoni tal-proċess tal-istipular tal-istandards b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politiki Komunitarji fil-qasam tar-rappurtar finanzjarju u l-verifika.

    (3)   L-indipendenza tal-Kumitati ta’ Sorveljanza prevista fid-Deċiżjonijiet 2009/77/KE, 2009/78/KE u 2009/79/KE m’għandiex tiġi mxekkla bl-implimentazzjoni tal-Programm.

    Artikolu 3

    Aċċess għall-Programm

    Biex ikun eliġibbli għall-finanzjament Komunitarju skont il-Programm, benefiċjarju għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    irid ikun persuna ġuridika li ma tagħmilx profitti, b’għan li jippromwovi l-interess pubbliku u li tfittex miri ta’ interess Ewropew ġenerali kif previst fl-Artikolu 162 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002; u

    (b)

    m’għandux ikun, fil-waqt tal-għoti tal-għotja, f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 93(1), l-Artikolu 94 jew il-punt (a) tal-Artikolu 96(2) tar-Regolament Finanzjarju.

    Artikolu 4

    Il-benefiċjarji tal-Programm

    (1)   Il-benefiċjarji elenkati fl-Anness għandhom jibbenefikaw mill-Programm.

    (2)   Benefiċjarji li jwettqu attivitajiet internazzjonali f’pajjiżi terzi, bħalma huma l-IASCF u l-PIOB, ma għandhomx ikomplu jibbenefikaw mill-Programm jekk, wara l-ewwel sentejn ta’ kofinanzjament, ma jkunux għamlu progress sinifikanti biex jassiguraw li l-arranġamenti newtrali ta’ finanzjament jiffurmaw il-parti l-kbira tal-iffinanzjar totali tagħhom, fosthom minn parteċipanti ta’ pajjiżi terzi.

    Artikolu 5

    Għoti ta’ għotjiet

    (1)   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi finanzjament skont il-Programm fil-forma ta’ għotjiet u biss meta tirċievi programm ta’ ħidma xieraq u stima ta’ baġit kumplessiv.

    (2)   Il-finanzjament Komunitarju għandu jingħata fil-forma ta’ għotjiet operattivi jew għotjiet ta’ azzjoni suġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    fil-każ ta’ benefiċjarji elenkati fit-Taqsima A tal-Anness, il-finanzjament Komunitarju għandu jingħata fil-forma ta’ għotjiet operattivi; u

    (b)

    fil-każ ta’ benefiċjarji elenkati fit-Taqsima B tal-Anness:

    (i)

    il-benefiċjarji jistgħu jagħżlu bejn għotja ta’ azzjoni u għotja operattiva, u

    (ii)

    meta jressaq il-programm ta’ ħidma tiegħu u l-istima totali tal-baġit lill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1, il-benefiċjarju għandu jagħti lill-Kummissjoni konferma bil-miktub li t-talba tiegħu għal finanzjament ma ddgħajjifx l-indipendenza tal-Kumitat ta’ Sorveljanza li għalih il-benefiċjarju jipprovdi funzjoni ta’ appoġġ amministrattiv.

    (3)   L-għotjiet operattivi għandhom jingħataw biss biex jiffinanzjaw l-ispejjeż operattivi tal-benefiċjarji u l-ispejjeż, inklużi t-treġija tas-segretarjati u r-rimunerazzjoni tal-impjegati tagħhom.

    Fil-każ ta’ tiġdid, l-għotjiet operattivi m’għandhomx jitnaqqsu awtomatikament.

    (4)   Għotjiet ta’ azzjoni għandhom jingħataw biss għall-attivitajiet stipulati fl-Artikolu 6 u għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-għan esklussiv tagħhom għandu jkun biex il-benefiċjarji elenkati fit-Taqsima B tal-Anness ikunu jistgħu jipprovdu funzjoni ta’ għajnuna amministrattiva lill-Kumitati ta’ Sorveljanza biex jiżviluppaw u jimplimentaw il-proġetti fid-deċiżjonijiet previsti għall-għotjiet ta’ azzjoni; u

    (b)

    il-funzjoni ta’ appoġġ amministrattiv tal-benefiċjarji elenkati fit-Taqsima B tal-Anness għandha tiġi stipulata ċarament fl-istatuti rispettivi tagħhom.

    Il-funzjoni ta’ appoġġ amministrattiv imsemmija fil-punt (b) għandha tkun l-għan uniku tal-benefiċjarji elenkati fit-Taqsima B tal-Anness u għandha tinkludi t-twettiq tal-attivitajiet stipulati fl-Artikolu 6 għall-benefiċċju tal-Kumitati ta’ Sorveljanza.

    (5)   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi u tippubblika l-ammonti u l-perċentwal massimu ta’ finanzjament.

    Artikolu 6

    Attivitajiet eliġibbli tal-benefiċjarji għal għotjiet ta’ azzjoni

    Mingħajr ħsara għall-Artikoli 2(3) u l-Artikoli 3 u 5, l-attivitajiet li ġejjin għandhom jitqiesu bħala li jkunu eliġibbli għal għotjiet ta’ azzjoni bħala proġetti speċifiċi b’dimensjoni Komunitarja:

    (a)

    proġetti ta’ teknoloġija tal-informazzjoni;

    (b)

    programmi ta’ taħriġ u skemi ta’ sekondar tal-istaff għal persunal minn superviżuri nazzjonali;

    (ċ)

    ospitar ta’ konferenzi, seminars, sessjonijiet ta’ taħriġ u laqgħat tal-esperti;

    (d)

    tħejjija u ħruġ ta’ pubblikazzjonijiet, tħejjija u eżekuzzjoni ta’ attivitajiet oħra ta’ informazzjoni;

    (e)

    twettiq ta’ riċerka, tħejjija ta’ studji; u

    (f)

    attivitajiet ta’ appoġġ speċifiċi oħra rilevanti għal-liġi jew għall-politiki Komunitarji fil-qasam tal-kontabbiltà u l-verifika jew fil-konverġenza jew koperazzjoni superviżorja.

    Artikolu 7

    Għażla ta’ benefiċjarji ġodda

    (1)   Il-Kummissjoni tista’ tagħżel benefiċjarji ġodda għall-Programm u temenda l-Anness kif xieraq. Dawk il-miżuri, intiżi biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Deċiżjoni billi jissupplimentawha, għandhom ikunu adottati skont it-termini tal-proċedura regolatorja bl-iskrutinju msemmija fl-Artikolu 13(2).

    (2)   Biex jikkwalifika bħala benefiċjarju ġdid, korp għandu jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 3, u tal-anqas waħda mill-kriterji li ġejjin:

    (a)

    irid ikun suċċessur dirett ta’ wieħed mill-benefiċjarji elenkati fl-Anness;

    (b)

    irid iwettaq attivitajiet ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ politiki Komunitarji mmirati lejn il-konverġenza u l-kooperazzjoni superviżorja fil-qasam tas-servizzi finanzjarji; jew

    (c)

    irid ikun direttament involut fil-proċess tal-iżvilupp jew jikkontribbwixxi għall-iżvilupp ta’ standards internazzjonali, l-applikazzjoni, il-valutazzjoni jew il-monitoraġġ ta’ dawk l-istandards jew is-superviżjoni tal-proċess tal-istipular tal-istandards b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politiki Komunitarji fil-qasam tar-rappurtar finanzjarju u l-verifika.

    (3)   Fejn korp jintgħażel mill-Kummissjoni bħala benefiċjarju ġdid:

    (a)

    jissodisfa l-kriterju stipulat fil-punt (a) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jista’ jingħata l-għotja tal-predeċessur tiegħu elenkat fl-Anness sakemm, fil-każ ta’ għotja ta’ azzjoni, korp bħal dan jissodisfa wkoll il-kriterji għall-attivitajiet eliġibbli stipulati fl-Artikolu 6; jew

    (b)

    jissodisfa l-kriterji għall-attivitajiet eliġibbli stipulati fl-Artikolu 6 u l-kriterji stipulati fil-punti (b) jew (c) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jista’ jingħata għotja ta’ azzjoni.

    Fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, l-ammont massimu ta’ finanzjament disponibbli skont l-għotja ta’ azzjoni ma għandux jaqbeż fuq bażi annwali l-krediti mhux użati fil-kuntest tal-għotjiet maħruġa għal azzjonijiet speċifiċi jew għotjiet operatorji skont l-Artikolu 9.

    Artikolu 8

    It-trasparenza

    Kull benefiċjarju ta’ finanzjament mogħti skont il-Programm għandu jindika f’post prominenti, bħal xi websajt, pubblikazzjoni jew rapport annwali, li jkun irċieva fond mill-baġit tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 9

    Dispożizzjonijiet finanzjarji

    (1)   Il-pakkett finanzjarju ta’ referenza għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni matul il-perjodu 2010-2013 huwa EUR 38 700 000. F’dan il-pakkett, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-benefiċjarji elenkati fit-Taqsima B tal-Anness għandhom ikunu ta’ EUR 13 500 000, dawk għall-IASCF m’għandhomx ikunu aktar minn EUR 12 750 000, u dawk għall-EFRAG m’għandhomx ikunu aktar minn EUR 11 250 000.

    (2)   L-approprjazzjonijiet annwali allokati skont din id-Deċiżjoni għandhom ikunu awtorizzati kull sena mill-awtorità baġitarja fil-parametri tal-qafas finanzjarju.

    (3)   Meta l-Kummissjoni tippreżenta l-ewwel talba tagħha ta’ approprjazzjoni bħala parti mill-abbozz preliminari tal-baġit lill-awtorità baġitarja rigward l-IASCF, għandha, fi żmien xahar qabel talba bħal din, tagħmel rapport dwar ir-riformi tal-governanza tal-IASCF li għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jiġi evalwat b’mod xieraq, mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Ir-rapport għandu jikkonċentra fuq l-istruttura u l-proċessi tal-governanza, fosthom il-kompożizzjoni u s-setgħat tal-Bord ta’ Monitoraġġ, b’mod partikolari dwar l-abilità ta’ dan il-korp li jaqdi l-missjoni tiegħu fl-interess pubbliku b’mod trasparenti u effiċjenti. Ir-rapport għandu wkoll jindika l-progress f’dak li għandu x’jaqsam mal-pjanijiet direzzjonali għall-applikazzjoni f’pajjiżi terzi tal-IFRS għall-emittenti domestiċi tagħhom.

    (4)   Meta l-Kummissjoni tippreżenta l-ewwel talba ta’ approprjazzjoni bħala parti mill-abbozz preliminari tal-baġit lill-awtorità baġitarja rigward is-sena li tiġi wara l-ewwel sentejn ta’ finanzjament tal-IASCF u tal-PIOB, għandha, fi żmien xahar qabel talba bħal din, tagħmel rapport dwar jekk il-IASCF u l-PIOB ikunux għamlu progress sinifikanti biex jiġi żgurat li l-arranġamenti għal finanzjament newtrali humiex il-parti l-kbira tal-finanzjament totali tagħhom, fosthom minn parteċipanti minn pajjiżi terzi. Dak ir-rapport għandu jiġi evalwat b’mod xieraq, mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, rigward jekk ikunx sar progress sinifikanti għal finanzjament newtrali, fosthom minn parteċipanti minn pajjiżi terzi.

    Artikolu 10

    Implimentazzjoni

    Il-miżuri neċessajri għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċeduri stipulati fir-Regolament Finanzjarju u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

    Artikolu 11

    Monitoraġġ

    (1)   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li:

    (a)

    għal kwalunkwe azzjoni ffinanzjata mill-Programm b’għotja ta’ azzjoni, il-benefiċjarju jippreżenta rapporti annwali tekniċi u finanzjarji dwar il-progress tal-ħidma u rapport finali wara li tintemm l-azzjoni; u

    (b)

    għal programmi ta’ ħidma ffinanzjati mill-Programm b’għotja operattiva, il-benefiċjarju jippreżenta kull sena attività u rapport finanzjarju dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma u rapport finali wara tmiem il-perjodu ta’ eliġibilità għal finanzjament Komunitarju.

    Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-forma u l-kontenut tar-rapporti msemmija fil-punti (a) u (b).

    (2)   Mingħajr ħsara għall-verifiki mwettqa mill-Qorti tal-Awdituri f’koordinament mal-korpi jew dipartimenti nazzjonali kompetenti tal-verifika skont l-Artikolu 248 tat-Trattat, jew għal kwalunkwe spezzjoni mwettqa skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 279(1) tat-Trattat, uffiċjali u persunal ieħor tal-Kummissjoni jistgħu jwettqu verifiki fuq il-post, inklużi verifiki ta’ kampjuni, fuq azzjonijiet iffinanzjati skont il-Programm u skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (12). Fejn ikun meħtieġ, għandhom jitwettqu investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u dawn għandhom jiġu rregolati mir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

    (3)   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kuntratti u l-ftehimiet li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Programm jipprovdu, partikolarment, għas-superviżjoni u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni (jew minn kwalunkwe rappreżentant awtorizzat minnha), inkluż l-OLAF, u għall-verifiki - jekk meħtieġ fuq il-post - mill-Qorti tal-Awdituri.

    (4)   Il-persunal tal-Kummissjoni u persunal barrani li jkunu awtorizzati mill-Kummissjoni għandu jkollhom id-dritt xieraq tal-aċċess, l-aktar għall-uffiċċji tal-benefiċjarju u għat-tagħrif kollu, inkluż dak li jkun f’format elettroniku, liema tagħrif ikun meħtieġ biex titwettaq tali verifika.

    (5)   Il-Qorti tal-Awdituri kif ukoll l-OLAF għandu jkollhom l-istess drittijiet, b’mod partikolari rigward id-dritt tal-aċċess, bħall-Kummissjoni.

    (6)   Il-benefiċjarju ta’ għotja operatorja jew ta’ azzjoni għandu jkollu disponibbli għall-Kummissjoni d-dokumenti sostantivi kollha, inkluż ir-rapport finanzjarju vverifikat, dwar in-nefqa li tkun saret matul is-sena tal-għotja, għal perjodu ta’ ħames snin minn wara l-aħħar ħlas. Il-benefiċjarju ta’ għotja għandu jiżgura li, fejn applikabbli, dokumenti sostantivi fil-pussess tas-sħab jew tal-imsieħba jkunu disponibbli għall-Kummissjoni.

    (7)   Abbażi tar-riżultati tar-rapporti u l-kontrolli kampjunarji msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tiżgura li, fejn meħtieġ, l-iskala jew il-kundizzjonijiet tal-allokazzjoni tal-appoġġ finanzjarju oriġinarjament approvata, kif ukoll l-iskeda taż-żmien għall-ħlasijiet, jiġu aġġustati.

    (8)   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiġi vverifikat li l-azzjonijiet iffinanzjati jitwettqu kif xieraq u konformement ma’ din id-Deċiżjoni u tar-Regolament Finanzjarju.

    Artikolu 12

    Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità

    (1)   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet iffinanzjati skont il-Programm, jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Komunità permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u l-irkupru ta’ ammonti mħallsa mhux kif xieraq, kif ukoll, fil-każ li jinstabu irregolaritajiet, permezz ta’ penali effikaċi, proporzjonati u dissważivi, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (14), ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2185/96 u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

    (2)   Għall-attivitajiet Komunitarji ffinanzjati skont dan il-Programm, il-kunċett tal-irregolarità għandu, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95, jfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li jirriżulta minn att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku, li jkollu, jew li jista’ jkun li jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew il-baġits immaniġġjati mill-Komunitajiet, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi proprji miġbura direttament għan-nom tal-Komunitajiet, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.

    (3)   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ammont ta’ appoġġ finanzjarju għal azzjoni jitnaqqas, jiġi sospiż jew irkuprat, jekk issib irregolaritajiet, inkluż nuqqas ta’ konformità ma’ din id-Deċiżjoni jew mad-deċiżjoni individwali jew mal-kuntratt jew ftehim li jagħtu l-appoġġ finanzjarju inkwistjoni, jew jekk jirriżulta li, mingħajr ma tkun intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, l-azzjoni tkun ġiet soġġetta għal bidla li tikkunfliġġi man-natura jew il-kundizzjonijiet implimentattivi tal-proġett.

    (4)   Jekk il-limiti ta’ żmien ma jkunux ġew osservati jew jekk parti biss mill-appoġġ finanzjarju allokat tkun iġġustifikata mill-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ azzjoni, il-benefiċjarju għandu jippreżenta osservazzjonijiet lill-Kummissjoni fi żmien speċifikat. Jekk il-benefiċjarju ma jagħtix tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tikkanċella l-appoġġ finanzjarju li jkun fadal u tista’ titlob il-ħlas lura tal-ammonti li diġà jkunu tħallsu.

    (5)   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe ħlas mhux dovut jkun rimborsat. L-imgħax għandu jiżdied mal-ammonti mhux imħallsa lura f’waqthom bil-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju.

    Artikolu 13

    Proċedura tal-Kumitat

    (1)   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.

    (2)   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE hija applikabbli, billi jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

    Artikolu 14

    Evalwazzjoni

    (1)   Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard minn sitt xhur qabel tmiem il-Programm, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill rapport dwar il-kisba tal-għanijiet tal-Programm. Dak ir-rapport għandu jkun ibbażat, fost l-oħrajn, fuq ir-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 11(1).

    Dak ir-rapport għandu jeżamina tal-anqas il-pertinenza u koerenza kumplessiva tal-Programm, l-effikaċja tal-eżekuzzjoni tiegħu u l-effikaċja kumplessiva u individwali tal-azzjonijiet varji f’termini tal-kisbiet tal-għanijiet kif stipulati fl-Artikolu 2.

    Dan ir-rapport għandu jintbagħat wkoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal fini ta’ informazzjoni.

    (2)   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, skont it-Trattat, jiddeċiedu dwar jekk ikomplux il-Programm wara l-31 ta’ Diċembru 2013.

    (3)   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta kemm jista’ jkun malajr, u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2010, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-bżonn ta’ riformi ulterjuri tas-sistema ta’ sorveljanza finanzjarja fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li tqis ir-responsabilitajiet previsti fit-Trattat, u għandha, kif jixraq, tressaq il-proposti leġiżlattivi neċessarji.

    (4)   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien mal-abbozz preliminari tal-baġit għall-2011, rapport dwar l-aġġustamenti possibbli li jistgħu jsiru għall-pakkett finanzjarju totali rigward l-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-benefiċjarji elenkati fit-Taqsima B tal-Anness.

    (5)   Il-Kummissjoni għandha, sal-1 ta’ Lulju 2010, tippreżenta rapport dwar l-infurzar tal-koperazzjoni Ewropea tas-sorveljanza mid-ditti tal-verifika.

    Artikolu 15

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni se tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Settembru 2009.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BUZEK

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. MALMSTRÖM


    (1)  L-Opinjoni tal-25 Marzu 25.3.2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Gurnal Uffiċjali).

    (2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Mejju 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 2009.

    (3)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

    (4)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.

    (5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

    (6)  ĠU L 25, 29.1.2009, p. 18.

    (7)  ĠU L 25, 29.1.2009, p. 23.

    (8)  ĠU L 25, 29.1.2009, p. 28.

    (9)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Ottubru 2008 bir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar is-segwitu ta’ Lamfalussy: l-istruttura futura tas-superviżjoni (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (10)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (11)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (12)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

    (13)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

    (14)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.


    ANNESS

    Il-benefiċjarji msemmija fid-Deċiżjoni huma dawn li ġejjin.

    Taqsima A

    Il-benefiċjarji fil-qasam tar-rappurtar finanzjarju:

    il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG),

    il-Fondazzjoni Internazzjonali tal-Kumitat tal-Istandards tal-Kontabbiltà (IASCF).

    Il-benefiċjarji fil-qasam tal-verifika:

    il-Bord tal-Iskrutinju tal-Interess Pubbliku (PIOB).

    Taqsima B

    Il-korpi li l-mira tagħhom hija li jipprovdu appoġġ amministrattiv lill-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli, il-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej u l-Kumitat tas-Superviżuri Ewropej tal-Assigurazzjonijiet u l-Pensjonijiet tax-Xogħol:

    fil-każ tal-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (CEBS), is-CEBS Secretariat Limited, kumpanija fir-Renju Unit b’responsabbiltà limitata mingħajr kapital azzjonarju li l-uffiċċju reġistrat tagħha jinsab f’Londra u li hija rreġistrata mal-Companies House bin-numru 5161108,

    fil-każ tal-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (CESR) organizzazzjoni Franċiża li ma tagħmilx profitti (“association loi 1901”), li l-uffiċċju reġistrat tagħha jinsab f’Pariġi u li hija rreġistrata mal-“prefecture de police” bin-numru 441545308,

    fil-każ tal-Kumitat tas-Superviżuri Ewropej tal-Assigurazzjonijiet u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (CEIOPS) organizzazzjoni Ġermaniża li ma tagħmilx profitti (eingetragener Verein (e.V.)), li l-uffiċċju reġistrat tagħha jinsab fi Frankfurt u li hija rreġistrata mal-“Amtsgericht Frankfurt am Main” bin-numru VR 12777.


    Top