EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0662

Regolament (KE) Nru 662/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi dwar materji partikolari li jikkonċernaw il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali

ĠU L 200, 31.7.2009, p. 25–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 20/08/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/662/oj

31.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 200/25


REGOLAMENT (KE) Nru 662/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Lulju 2009

li jistabbilixxi proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi dwar materji partikolari li jikkonċernaw il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 61(c), 65 u 67(5) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

It-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat jipprevedi l-bażi legali għall-adozzjoni ta’ leġislazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili.

(2)

Il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi kienet tradizzjonalment irregolata minn ftehimiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. Dawn il-ftehimiet, li minnhom hemm numru kbir, spiss jirriflettu rabtiet speċjali bejn Stat Membru u pajjiż terz u huma intenzjonati biex jipprovdu qafas legali adegwat biex jintlaħqu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-partijiet ikkonċernati.

(3)

L-Artikolu 307 tat-Trattat jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha xierqa biex tiġi eliminata kwalunkwe inkompatibbiltà bejn l-acquis tal-Komunità u l-ftehimiet internazzjonali konklużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. Dan jista’ jinvolvi l-ħtieġa għar-rinegozjar ta’ dawn il-ftehimiet.

(4)

Sabiex jiġi pprovdut qafas legali adegwat biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ Stat Membru partikolari fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ pajjiż terz, jista’ jkun hemm ukoll ħtieġa evidenti għall-konklużjoni ta’ ftehimiet ġodda ma’ pajjiżi terzi relatati mal-oqsma tal-ġustizzja ċivili li jaqgħu fl-ambitu tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat.

(5)

Fl-Opinjoni 1/03 tagħha tas-7 ta’ Frar 2006 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ikkonfermat li l-Komunità akkwistat ġuriżdizzjoni esklussiva biex tikkonkludi ftehim internazzjonali bħall-Konvenzjoni ta’ Lugano ma’ pajjiżi terzi dwar materji li jaffettwaw ir-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2) (Brussell I).

(6)

Hija il-Komunità li għandha tikkonkludi, skont l-Artikolu 300 tat-Trattat, ftehimiet bejn il-Komunità u pajjiż terz dwar materji li jaqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Komunità.

(7)

L-Artikolu 10 tat-Trattat jobbliga lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw il-ksib tal-kompiti tal-Komunità u biex jastjenu minn kwalunkwe miżura li tista’ tipperikola r-realizzazzjoni tal-għanijiet tat-Trattat. Dan id-dmir ta’ kooperazzjoni leali huwa ta’ applikazzjoni ġenerali u ma jiddependix fuq jekk il-kompetenza tal-Komunità hijiex esklussiva jew le.

(8)

Fir-rigward tal-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ ġustizzja ċivili li jaqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Komunità, għandha tiġi stabbilita proċedura koerenti u trasparenti li tawtorizza Stat Membru li jemenda ftehim eżistenti jew li jinnegozja u jikkonkludi ftehim ġdid, b’mod partikolari meta l-Komunità nnifisha ma tkunx indikat l-intenzjoni tagħha li teżerċita l-kompetenza esterna tagħha biex tikkonkludi ftehim permezz ta’ mandat għan-negozjar diġà eżistenti jew mandat għan-negozjar previst. Din il-proċedura għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza esklussiva tal-Komunità u għad-dispożizzjonjiet tal-Artikoli 300 u 307 tat-Trattat. Din għandha titqies bħala miżura eċċezzjonali u għandha tkun limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni u fiż-żmien.

(9)

Dan ir-Regolament m’għandux japplika jekk il-Komunità tkun diġà kkonkludiet ftehim mal-pajjiż terz ikkonċernat dwar l-istess suġġett. Żewġ ftehimiet għanhom jitqiesu li jikkonċernaw l-istess suġġett biss jekk, u sakemm, ikunu jirregolaw fis-sustanza l-istess kwistjonijiet legali speċifiċi. Dispożizzjonijiet li jiddikkjaraw sempliċiment intenzjoni ġenerali li ssir kooperazzjoni fi kwistjonijiet bħal dawn m’għandhomx jitqiesu li jikkonċernaw l-istess suġġett.

(10)

B’mod eċċezzjonali, ċerti ftehimiet reġjonali bejn numru żgħir ta’ Stati Membri u numru żgħir ta’ pajjiżi terzi, pereżempju tnejn jew tlieta, intenzjonati li jindirizzaw sitwazzjonijiet lokali u fejn ma jkunx possibbli li Stati oħra ikunu parti għalihom għandhom ikunu koperti wkoll minn dan ir-Regolament.

(11)

Sabiex jiġi żgurat li ftehim previst min Stat Membru ma jirrendix il-liġi Komunitarja ineffettiva, u ma jikkompromettix il-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita minn dik il-liġi, jew ma jikkompromettix il-politika Komunitarja dwar ir-relazzjonijiet esterni kif deċiża mill-Komunità, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun meħtieġ jinnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tiegħu bil-ħsieb li tinkiseb awtorizzazzjoni biex jinfetħu jew jitkomplew in-negozjati formali dwar ftehim kif ukoll biex jiġi konkluż ftehim. Tali notifika għandha tingħata b’ittra jew b’mezzi elettroniċi. Din għandu jkun fiha l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha rilevanti li tippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt mistenni fuq il-liġi Komunitarja tal-eżitu tan-negozjati.

(12)

Għandha jkun ivvalutat jekk hemmx biżżejjed interess Komunitarju fil-konklużjoni ta’ ftehim bilaterali bejn il-Komunità u l-pajjiż terz ikkonċernat jew, fejn ikun xieraq, fis-sostituzzjoni ta’ ftehim bilaterali eżistenti bejn Stat Membru u pajjiż terz bi ftehim Komunitarju. Għal dak il-għan, l-Istati Membri kollha għandhom ikunu infurmati bi kwalunkwe notifika riċevuta mill-Kummissjoni dwar ftehim previst minn Stat Membru sabiex huma jkunu jistgħu juru l-interess tagħhom li jissieħbu fl-inizjattiva tal-Istat Membru li jkun bagħat in-notifika. Jekk, minn dan l-iskambju ta’ informazzjoni, jirriżulta li jkun hemm interess Komunitarju suffiċjenti, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tipproponi mandat għan-negozjar bil-ħsieb tal-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Komunità u l-pajjiż terz ikkonċernat.

(13)

Jekk il-Kummissjoni titlob informazzjoni addizzjonali minn Stat Membru b’rabta mal-valutazzjoni tiegħu dwar jekk dak l-Istat Membru għandux ikun awtorizzat li jiftaħ negozjati ma’ pajjiż terz, tali talba m’għandhiex taffettwa l-limiti ta’ żmien li fihom il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni ta’ dak l-Istat Membru.

(14)

Meta tkun qed tagħti l-awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ negozjati formali, il-Kummissjoni għandha tkun tista’, fejn ikun meħtieġ, tipproponi linji gwida għan-negozjar jew titlob li jiddaħħlu klawsoli partikolari fil-ftehim previst. Il-Kummissjoni għandha tinżamm infurmata bis-sħiħ matul l-istadji differenti tan-negozjati safejn għandhom x’jaqsmu l-materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandha titħalla tipparteċipa bħala osservatriċi fin-negozjati fir-rigward ta’ dawk il-materji.

(15)

Meta jkunu qed jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jibdew negozjati ma’ pajjiż terz, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa biss li jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-elementi li huma ta’ rilevanza għall-valutazzjoni li trid issir mill-Kummissjoni. L-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni u kwalunkwe linja gwida għan-negozjar possibbli jew, skont il-każ, iċ-ċaħda mill-Kummissjoni għandha tikkonċerna biss materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(16)

L-Istati Membri kollha għandhom jiġu infurmati bi kwalunkwe notifika lill-Kummissjoni dwar ftehimiet previsti jew innegozjati u dwar kwalunkwe deċiżjoni motivata mill-Kummissjoni taħt dan ir-Regolament. Informazzjoni bħal din, madankollu, għandha tkun konformi bis-sħiħ mar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità li jista’ jkun hemm.

(17)

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni identifikata bħala kunfidenzjali tkun trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (3).

(18)

Fejn il-Kummissjoni, abbażi tal-valutazzjoni tagħha, ikollha l-intenzjoni li ma tawtorizzax il-ftuħ ta’ negozjati formali jew il-konklużjoni ta’ ftehim innegozjat, hija għandha, qabel tagħti d-deċiżjoni motivata tagħha, tagħti opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat. Fil-każ ta’ ċaħda ta’ awtorizzazzjoni għall-konklużjoni ta’ ftehim innegozjat l-opinjoni għandha tiġi ppreżentata wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(19)

Sabiex jiġi żgurat li l-ftehim innegozjat ma jkunx jikkostitwixxi ostaklu għall-implimentazzjoni tal-politika esterna tal-Komunità dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali, il-ftehim għandu jipprevedi jew għad-denunzja totali jew parzjali tiegħu fil-każ tal-konklużjoni ta’ ftehim sussegwenti bejn il-Komunità jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-istess pajjiż terz, min-naħa l-oħra, dwar l-istess suġġett, jew għal sostituzzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim bid-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim sussegwenti.

(20)

Għandhom jiġu previsti miżuri transitorji li jkopru sitwazzjonjiet fejn, fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, Stat Membru jkun diġà beda l-proċess li jinnegozja ftehim ma’ pajjiż terz, jew ikun lesta n-negozjati iżda ma jkunx għadu esprima l-kunsens tiegħu li jintrabat bil-ftehim.

(21)

Sabiex ikun żgurat li nkisbet esperjenza biżżejjed dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar din l-applikazzjoni mhux qabel tmien snin wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament. F’dak ir-rapport, il-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha, għandha tikkonferma n-natura temporanja ta’ dan ir-Regolament jew teżamina jekk dan ir-Regolament għandux jiġi sostitwit b’Regolament ġdid li jkopri l-istess suġġett jew li jinkludi wkoll materji partikolari li jaqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Komunità u rregolati minn strumenti Komunitarji oħra, kif imsemmi fil-premessa 5.

(22)

Jekk ir-rapport ippreżentat mill-Kummissjoni jikkonferma n-natura temporanja ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom xorta jkun jistgħu, wara l-preżentazzjoni tar-rapport, jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar negozjati li għaddejjin jew li diġà tħabbru bil-ħsieb li tinkiseb awtorizzazzjoni biex jinfetħu negozjati formali.

(23)

Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

(24)

Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda taw notifika tax-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(25)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċedura li tawtorizza Stat Membru jemenda ftehim eżistenti jew jinnegozja u jikkonkludi ftehim ġdid ma’ pajjiż terz, soġġett għall-kondizzjonjiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Din il-proċedura hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Komunità u tal-Istati Membri.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal ftehimiet li jikkonċernaw materji partikolari li jaqgħu, kompletament jew parzjalment, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (4) u tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (5).

3.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika jekk il-Komunità tkun diġà kkonkludiet ftehim mal-pajjiż terz ikkonċernat dwar l-istess suġġett.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu “ftehim” għandu jfisser:

(a)

ftehim bilaterali bejn Stat Membru u pajjiż terz;

(b)

ftehim reġjonali bejn numru limitat ta’ Stati Membri u ta’ pajjiżi terzi li jikkonfinaw dawk l-Istati Membri li jkun intenzjonat li jittratta sitwazzjonijiet lokali u li Stati oħra ma jistgħux jissieħbu fih.

2.   Fil-kuntest ta’ ftehimiet reġjonali kif imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, kwalunkwe referenza f’dan ir-Regolament għal pajjiż terz għandha tinqara bħala referenza għall-Istat Membru jew il-pajjiżi terzi kkonċernati, rispettivament.

Artikolu 3

Notifika lill-Kummissjoni

1.   Meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jidħol f’negozjati sabiex jemenda ftehim eżistenti jew biex jikkonkludi ftehim ġdid li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miktub bl-intenzjoni tiegħu mill-aktar fis possibbli qabel il-ftuħ previst tan-negozjati formali.

2.   In-notifika għandha tinkludi, kif ikun xieraq, kopja tal-ftehim eżistenti, l-abbozz tal-ftehim jew l-abbozz tal-proposta, u kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti oħra. L-Istat Membru għandu jiddeskrivi s-suġġett tan-negozjati u jispeċifika l-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati fil-ftehim previst, jew id-dispożizzjonjiet tal-ftehim eżistenti li għandhom jiġu emendati. L-Istat Membru jista’ jipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali oħra.

Artikolu 4

Valutazzjoni mill-Kummissjoni

1.   Mal-wasla tan-notifika msemmija fl-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-Istat Membru jistax jiftaħ negozjati formali.

2.   Meta tagħmel dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tivverifika jekk huwiex speċifikament previst xi mandat għan-negozjar rilevanti bil-ħsieb tal-konklużjoni ta’ ftehim Komunitarju mal-pajjiż terz ikkonċernat fl-24 xahar li jsegwu. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk ikunux ġew sodisfatti l-kondizzjonjiet kollha li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru kkonċernat ikun ipprovda l-informazzjoni li turi li għandu interess speċifiku fil-konklużjoni tal-ftehim minħabba rabtiet ekonomiċi, ġeografiċi, kulturali, storiċi, soċjali jew politiċi bejn l-Istat Membru u l-pajjiż terz ikkonċernat;

(b)

abbażi tal-informazzjoni provduta mill-Istat Membru, il-ftehim previst ma jidhirx li jirrendi ineffettiva l-liġi Komunitarja u li jimmina l-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita b’dik il-liġi; u

(c)

il-ftehim previst m’għandux jimmina s-suġġett u l-fini tal-politika Komunitarja dwar ir-relazzjonijiet esterni kif deċiż mill-Komunità.

3.   Jekk l-informazzjoni provduta mill-Istat Membru ma tkunx biżżejjed għall-valutazzjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali.

Artikolu 5

Awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ negozjati formali

1.   Jekk il-ftehim previst jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2), il-Kummissjoni għandha, fi żmien 90 jum minn meta tirċievi n-notifika msemmija fl-Artikolu 3, tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru li tawtorizzah li tiftaħ negozjati formali dwar dak il-ftehim.

Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ tipproponi linji gwida għan-negozjar u tista’ titlob li jiġu inklużi klawsoli partikolari fil-ftehim previst.

2.   Il-ftehim previst għandu jinkludi klawsola li tipprevedi jew:

(a)

denunzja sħiħa jew parzjali tal-ftehim fil-każ tal-konklużjoni ta’ ftehim sussegwenti bejn il-Komunità jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-istess pajjiż terz, min-naħa l-oħra, dwar l-istess suġġett; jew

(b)

sostituzzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim bid-dispożizzjonijiet ta’ ftehim sussegwenti konkluż bejn il-Komunità jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-istess pajjiż terz, min-naħa l-oħra, dwar l-istess suġġett.

Il-klawsola msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi formulata fuq il-mudell li ġej: “(l-isem/ismijiet tal-Istat(i) Membru/i) għandu jiddenunzja dan il-ftehim, parzjalment jew bis-sħiħ, jekk u meta l-Komunità Ewropea jew il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha jikkonkludu Ftehim ma’ (l-isem/ismijiet tal-pajjiż(i) terz(i)) dwar l-istess materji ta’ ġustizzja ċivili bħal dawk irregolati minn dan il-Ftehim”.

Il-klawsola msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi formulata fuq il-mudell li ġej: “Dan il-Ftehim jew ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim m’għandhomx jibqgħu applikabbli fil-jum li fih ikun daħal fis-seħħ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u (l-isem/ismijiet tal-pajjiż(i) terz(i)), min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-materji rregolati mill-Ftehim tal-aħħar”.

Artikolu 6

Ċaħda tal-awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ negozjati formali

1.   Jekk, abbażi tal-valutazzjoni tagħha skont l-Artikolu 4, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li ma tawtorizzax il-ftuħ ta’ negozjati formali dwar il-ftehim previst, hija għandha tagħti opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat fi żmien 90 jum mill-wasla tan-notifika msemmija fl-Artikolu 3.

2.   Fi żmien 30 jum mill-wasla tal-opinjoni tal-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tibda diskussjonijiet miegħu bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni.

3.   Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jitlobx lill-Kummissjoni biex tibda diskussjonijiet miegħu fil-limitu ta’ żmien previst fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru fi żmien 130 jum mill-wasla tan-notifika msemmija fl-Artikolu 3.

4.   Fil-każ tad-diskussjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru fi żmien 30 jum mill-għeluq tad-diskussjonijiet.

Artikolu 7

Parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fin-negozjati

Il-Kummissjoni tista’ tipparteċipa bħala osservatriċi fin-negozjati bejn l-Istat Membru u l-pajjiż terz fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk il-Kummissjoni ma tipparteċipax bħala osservatriċi, hija għandha tinżamm infurmata dwar il-progress u r-riżultati matul l-istadji differenti tan-negozjati.

Artikolu 8

Awtorizzazzjoni għall-konklużjoni tal-ftehim

1.   Qabel l-iffirmar ta’ ftehim innegozjat, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika l-eżitu tan-negozjati lill-Kummissjoni u għandu jitrasmettilha t-test tal-ftehim.

2.   Mal-wasla ta’ din in-notifika l-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-ftehim innegozjat:

(a)

jirrispettax il-kondizzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-Artikolu 4(2);

(b)

jirrispettax il-kondizzjoni stabbilita fil-punt (c) tal-Artikolu 4(2), sakemm ikun hemm ċirkostanzi ġodda u eċċezzjonali fir-rigward ta’ dik il-kondizzjoni; u

(c)

jissodisfax ir-rekwiżit taħt l-Artikolu 5(2).

3.   Jekk il-ftehim innegozjat jirrispetta l-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha, fi żmien 90 jum minn meta tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru li tawtorizzah jikkonkludi dak il-ftehim.

Artikolu 9

Ċaħda tal-awtorizzazzjoni għall-konklużjoni tal-ftehim

1.   Jekk, abbażi tal-valutazzjoni tagħha skont l-Artikolu 8(2), il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tawtorizzax il-konklużjoni tal-ftehim innegozjat, hija għandha tagħti opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fi żmien 90 jum mill-wasla tan-notifika msemmija fl-Artikolu 8(1).

2.   Fi żmien 30 jum mill-wasla tal-opinjoni tal-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tibda diskussjonijiet miegħu bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni.

3.   Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jitlobx lill-Kummissjoni biex tibda diskussjonijiet miegħu fil-limitu ta’ żmien previst fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru fi żmien 130 jum mill-wasla tan-notifika msemmija fl-Artikolu 8(1).

4.   Fil-każ tad-diskussjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru fi żmien 30 jum mill-għeluq tad-diskussjonijiet.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bid-deċiżjoni tagħha fi żmien 30 jum mid-deċiżjoni.

Artikolu 10

Kunfidenzjalità

Meta tipprovdi l-informazzjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 3, 4(3) u 8, l-Istat Membru jista’ jindika jekk xi nformazzjoni għandhiex titqies bħala kunfidenzjali u jekk l-informazzjoni provduta tistax tinqasam ma’ Stati Membri oħra.

Artikolu 11

Għoti ta’ informazzjoni lill-Istati Membri

Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Istati Membri n-notifiki li jkunu waslu skont l-Artikoli 3 u 8 u, jekk ikun meħtieġ, id-dokumenti supplimentari, kif ukoll id-deċiżjonijiet motivati kollha tagħha skont l-Artikoli 5, 6, 8 u 9, soġġett għar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità.

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet transitorji

1.   Fejn, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, Stat Membru jkun diġà beda l-proċess li jinnegozja ftehim ma’ pajjiż terz, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 sa 11.

Fejn l-istadju tan-negozjati jippermetti dan, il-Kummissjoni tista’ tipproponi linji gwida għan-negozjati jew titlob l-inklużjoni ta’ klawsoli partikolari, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 5(2) rispettivament.

2.   Fejn, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, Stat Membru jkun diġà kkonkluda n-negozjati iżda ma jkunx għadu kkonkluda l-ftehim, għandhom japplikaw l-Artikolu 3, l-Artikolu 8(2) sa (4) u l-Artikolu 9.

Artikolu 13

Reviżjoni

1.   Mhux qabel it-13 ta’ Lulju 2017 il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Dak ir-rapport għandu jew:

(a)

jikkonferma li jkun xieraq li dan ir-Regolament jiskadi fid-data stabbilita skont l-Artikolu 14(1); jew

(b)

jirrakkomanda li dan ir-Regolament jiġi sostitwit minn dik id-data b’Regolament ġdid.

3.   Jekk ir-rapport jirrakkomanda li dan ir-Regolament jiġi sostitwit kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2, miegħu għandu jkun hemm ukoll proposta leġiżlattiva adatta.

Artikolu 14

Skadenza

1.   Dan ir-Regolament għandu jiskadi tliet snin wara l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 13.

Il-perijodu ta’ tliet snin imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jibda jiddekorri mill-ewwel jum tax-xahar li jiġi wara l-aħħar l-preżentazzjoni tar-rapport jew lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill, skont liema jiġi wara.

2.   Minkejja l-iskadenza ta’ dan ir-Regolament fid-data stabbilita skont il-paragrafu 1, in-negozjati kollha li jkunu għaddejjin f’dik id-data li Stat Membru jkun daħal fihom skont dan ir-Regolament għandhom jitħallew jissuktaw u jiġu kkompletati skont dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

E. ERLANDSSON


(1)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Mejju 2009 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2009.

(2)  ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

(3)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(4)  ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.

(5)  ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.


Top