Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0387

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 387/2009 tat- 12 ta’ Mejju 2009 li japprova emendi minuri fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Bleu du Vercors-Sassenage (AOP)]

    ĠU L 118, 13.5.2009, p. 67–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/387/oj

    13.5.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 118/67


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 387/2009

    tat-12 ta’ Mejju 2009

    li japprova emendi minuri fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Bleu du Vercors-Sassenage (AOP)]

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari t-tieni sentenza tal-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1), l-ewwel inċiż, tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 u skont l-Artikolu 17(2) tal-istess Regolament, il-Kummissjoni eżaminat it-talba ta' Franza għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Bleu du Vercors-Sassenage”, irreġistrata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2400/96 tal-Kummissjoni (2) kif immodifikat mir-Regolament (KE) Nru 509/2001 (3).

    (2)

    It-talba għandha l-għan li temenda l-ispeċifikazzjoni billi tippreċiża l-kundizzjonijiet tal-użu ta’ trattamenti u addittivi għall-ħalib u fil-produzzjoni tal-“Bleu du Vercors-Sassenage”. Dawn il-prattiki jiżguraw iż-żamma tal-karatteristiċi essenzjali tad-denominazzjoni.

    (3)

    Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda konċernata u kkonkludiet li hija ġustifikata. Billi din hija emenda minuri skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni tista' tapprovaha mingħajr rikors għall-proċedura stipulata fl-Artikoli 5, 6 u 7 tal-istess Regolament,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Bleu du Vercors-Sassenage” hija b'dan emendata skont l-Anness I għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Is-sommarju konsolidat bl-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni jinsab fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Mejju 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

    (2)  ĠU L 327, 18.12.1996, p. 11.

    (3)  ĠU L 76, 16.3.2001, p. 7.


    ANNESS I

    B'dan huma approvati l-emendi li ġejjin għall-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Bleu du Vercors-Sassenage”:

    Metodu ta' produzzjoni

    Il-punt 5 tal-ispeċifikazzjoni rigward id-deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni huwa kkompletat bid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    “(…) L-operazzjoni tat-tibqittal-ħalib għandha ssir esklussivament bit-tames, b'temperatura bejn 31 et 35 °C.

    Minbarra l-materja prima tal-ħalib, l-uniċi ingredjenti jew prodotti sekondarji jew addittivi awtorizzati fil-ħalib, u waqt il-produzzjoni, huma t-tames, il-kulturi innokwi tal-batterji, il-ħmira, il-moffa, il-klorur tal-kalċju u l-melħ

    Il-konċentrazzjoni tal-ħalib bl-eliminazzjoni parzjali tal-parti ilmija qabel il-koagulazzjoni hija pprojbita.

    (...) Hija pprojbita l-konservazzjoni f’temperatura taħt iż-żero tal-materja prima tal-ħalib, tal-prodotti fil-proċess tal-produzzjoni, tal-baqta jew tal-ġobon frisk (fromage frais).

    Hija pprojbita l-konservazzjoni f’atmosfera mmodifikata tal-ġobon frisk jew tal-ġobniet li għaddejjin mill-maturazzjoni.”


    ANNESS II

    SOMMARJU

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini għal prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    “BLEU DU VERCORS-SASSENAGE”

    Nru tal-KE: FR-PDO-0105-0077/29.03.2006

    DPO (X) IĠP ( )

    Dan is-sommarju jippreżenta l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'finijiet ta’ informazzjoni biss.

    1.   Dipartiment responsabbli fl-istat membru

    Isem

    :

    Institut National de l’origine et de la qualité

    Indirizz

    :

    51 rue d'Anjou – 75008 Paris

    Tel.

    :

    +33 (0)1 53 89 80 00

    Feks

    :

    +33 (0)1 53 89 80 60

    Posta elettronika

    :

    info@inao.gouv.fr

    2.   Grupp

    Isem

    :

    Syndicat Interprofessionnel du Bleu du Vercors

    Indirizz

    :

    Maison du Parc - 38250 LANS EN VERCORS

    Tel.

    :

    +33 (0)4 76 94 38 26

    Feks

    :

    +33 (0)4 76 94 38 39

    Posta elettronika

    :

    siver@pnr-vercors.fr

    Kompożizzjoni

    :

    produtturi/proċessuri (X) oħrajn ( )

    3.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.3

    Ġobnijiet

    4.   Speċifikazzjonijiet

    (sommarju tal-kundizzojnijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    4.1.   Isem

    “Bleu du Vercors-Sassenage”

    4.2.   Deskrizzjoni

    Il-Bleu du Vercors-Sassenage hu ġobon tat-tursina misjur, mhux ippressat mhux imsajjar, li jiġi fil-forma ta' ċilindri ċatti, konvessi fuq barra, b'dijametru bejn 27 u 30 ċm, għoljin bejn 7 u 9 ċm, b'piż bejn 4 u 4.5 kg, b'kisja bajdanija ħafifa fuq il-qoxra qisha moffa li jista' jkollha strixxi ta' lewn mill-oranġjo sal-avorju kkawżati mill-ħmira u l-batteriji attivi fil-proċess tal-maturazzjoni.

    Dan il-ġobon fih livell massimu ta' 48 g xaħam għal kull 100 g ġobon wara t-tnixxif totali u l-materja niexfa m'għandhiex tkun tiżen inqas minn 52 g għal kull 100 g ġobon.

    4.3.   Żona ġeografika

    Il-Bleu du Vercors-Sassenage DPO jiġi prodott fi ħdan il-Massif du Vercors, fi 13-il komun fid-dipartiment tad-Drôme u 14-il komun fid-dipartiment ta' Isère.

    Département de la Drôme

    Komuni ta' Bouvante (taqsimiet C, D, E, L 1, K, I 1, I 2, A I), Echevis, Le Chaffal, La Chapelle-en-Vercors, Léoncel, Omblèze, Plan-de-Baix, Saint-Agnan-en-Vercors, Saint-Jean-en-Royans (taqsima E), Saint-Julien-en-Vercors, Saint-Laurent-en-Royans (taqsimiet D 1 et D 2), Saint-Martin-en-Vercors, Vassieux-en-Vercors.

    Département de l’Isère

    Komuni ta' Autrans, Chatelus, Choranche, Corrençon-en-Vercors, Engins, Izeron (Fressinet u, Gouté fit-taqsimiet F 1, F 2 et G 1 u Malache f' G 2), Lans-en-Vercors, Malleval, Meaudre, Presles, Rencurel, Saint-Nizier-de-Moucherotte, Saint-Pierre-de-Cherennes ( Alevoux, Bayettes, Guillon f' C 1, C 2 et D 2), u Villard-de-Lans.

    4.4.   Prova tal-oriġini

    Kull produttur tal-ħalib, impjant tal-ipproċessar u impjant tal-maturazzjoni jeħtiġilhom jimlew “dikjarazzjoni ta' kapaċità” rreġistrata mis-servizzi tal-I.N.A.O. u li tippermetti lil dan tal-aħħar jidentifika l-operaturi kollha. Dawn għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-I.N.A.O. r-reġistri kif ukoll kull dokument meħtieġ għall-kontroll tal-oriġini, tal-kwalità u tal-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni tal-ħalib u tal-ġobon.

    Fil-qafas tal-kontroll li jsir fuq il-karatteristiċi tal-prodott b’denominazzjoni tal-oriġini, eżami analitiku u organolettiku għandu l-għan li jiżgura l-kwalità u t-tipiċità tal-prodotti ppreżentati għal dan l-eżami.

    Il-ġobon kollu mmarkat bid-denominazzjoni tal-oriġini għandu jkollu marka li tidentifika l-unità tal-produzzjoni u jippermetti li l-prodott jiġi ttraċċat.

    4.5.   Metodu ta’ produzzjoni

    Il-produzzjoni tal-ħalib, u l-manifattura u l-maturazzjoni tal-ġobon iridu jsiru fiż-żona ġeografika.

    Il-ħalib użat għall-manifattura tal-Bleu du Vercors-Sassenage għandu jiġi biss minn baqar tar-razez Montbéliarde, Abbondance u Villard. L-annimali għandhom jiġu mitmugħa għalf tal-ħaxix li jkun ġej miż-żona ġeografika definita. Il-ħalib użat huwa ħalib sħiħ tal-baqra, li jista' jkun parzjalment xkumat. Għandu jkun ġej mill-aħħar erba' ħalbiet biss. Il-ġobon isir mill-ħalib imsaħħan sa massimu ta' 76o C u mlaqqam bil-Pénicillium roqueforti. It-tibqit għandu jsir bit-tames f' temperatura bejn 31 et 35 °C. Il-baqta trid titħawwad u titferra' f'forom f'diversi saffi mingħajr ippressar. Il-ġobniet jitmellħu fil-forom individwali tagħhom. It-tmelliħ m'għandux ikun ta' aktar minn tlett ijiem. Il-ġobniet jimmaturaw fil-kantina tal-maturazzjoni għal mill-inqas 21 jum mid-data tat-tibqit; dan jippermettilhom jiżviluppaw b'mod ibbilanċjat.

    4.6.   Rabta

    L-evidenza tal-manifattura ta' dan il-ġobon fil-Massif du Vercors tmur lura sas-seklu 14. F'Ġunju tal-1338, att iffirmat mill-Baruni Albert de Sassenage ta lin-nies tal-post il-libertà kollha biex ibigħu l-ġobon tagħhom. Bosta kitbiet huma xhieda tal-fama ta' dan il-ġobon, fosthom il-Grand Dictionnaire Universel du XIX ta' Pierre Larousse li jsemmi li kien jogħġob ħafna lir-Re François l-Ewwel. Il-manifattura tradizzjonali fl-irziezet baqgħet sa kmien fis-seklu 20. Fl-1933, kien hemm maħleb li beda jagħmel il-ġobon skond il-proċess tradizzjonali. Dan l-aħħar, reġgħet bdiet taqbad il-manifattura fl-irziezet.

    Il-Massif du Vercors huwa kompost minn iġbla tal-franka definiti sew li jħarsu minn għoli ta' 1 000 m fuq il-pjanuri tal-madwar. Huwa kkaratterizzat minn widien umdi twal u forma ta' benniena u minn widien qosra u ħofor fuq wileġ il-għolja mħarsa mill-irdumijiet. Il-Vercors għandu klima tal-muntajna, ikkaratterizzata minn sjuf qosra, iljieli dejjem friski, ħarifa bikrija, u borra li taf tibda minn Ottubru u tibqa' sa April u Mejju. Din il-klima tittaffa mill-effetti tal-Atlantiku u l-Mediterran. L-altitudni, il-ħamrija tal-ġir u tal-franka, u l-klima bix-xita tat-tip tal-muntanji jagħmlu l-mergħat tal-massif tajbin għall-aħħar. Dawn il-fatturi flimkien jagħtu wkoll lill-Massif de Vercors l-ispeċifiċità kollha tiegħu, l-iktar mill-aspett botaniku. Id-diversità tal-pajżaġġi ta' dan l-ambjent naturali tfisser mergħat differenti kumplimentari li joffru għalf abbundanti ta' kwalità mill-aħjar. Dan jikkostitwixxi l-bażi ta' għalf il-merħla, u jgħati l-karatteristiċi tipiċi lill-ħalib, u għalhekk lill-ġobon.

    4.7.   Struttura tal-kontroll

    Isem

    :

    Institut National de l’origine et de la qualité (INAO)

    Indirizz

    :

    51 rue d'Anjou 75008 PARIS

    Tel.

    :

    + 33 (0)1 53 89 80 00

    Feks

    :

    + 33 (0)1 53 89 80 60

    Posta elettronika

    :

    info@inao.gouv.fr

    L-Institut National des Appellations d’Origine huwa entità pubblika ta’ natura amministrattiva, b’personalità ċivili, u taqa’ taħt il-Ministeru tal-Agrikoltura.

    Il-kontroll tal-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni li għandhom denominazzjoni tal-oriġini qiegħed f’idejn l-INAO.

    Isem

    :

    Direction Générale de la Concurrence, de la Consommation et de la Répression des Fraudes (DGCCRF)

    Indirizz

    :

    59, Boulevard Vincent Auriol 75703 PARIS Cedex 13

    Tel.

    :

    +33 (0)1 44 87 17 17

    Feks

    :

    +33 (0)1 44 97 30 37

    Id-DGCCRF huwa servizz tal-Ministeru tal-Ekonomija, tal-Industrija u tal-Impjiegi.

    4.8.   Tikkettar

    Il-prodott għandu jkollu l-kliem “appellation d’origine contrôlée” u isem id-denominazzjoni tal-oriġini.

    Il-kliem “fabrication fermière” ou “fromage fermier” jew kliem ieħor simili li jissuġġerixxi li l-prodott sar f'razzett jista' jintuża biss mill-produtturi li huma bdiewa.


    Top