EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0188

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 188/2009 tad- 9 ta' Marzu 2009 li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

ĠU L 67, 12.3.2009, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/188/oj

12.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 188/2009

tad-9 ta' Marzu 2009

li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-ħarsien kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Il-miżuri fis-seħħ

(1)

Wara investigazzjoni (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 (2), impona dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom (“HPT”) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”). Il-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali kopra l-perjodu mill-1 ta' April 2003 sal-31 ta' Marzu 2004.

(2)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 684/2008 (3) il-Kunsill ikkjarifika l-firxa tal-prodott tal-investigazzjoni oriġinali.

2.   Talba ghal reviżjoni

(3)

Din ir-reviżjoni interim parzjali tnediet abbażi ta’ talba li tressqet, u l-informazzjoni pprovduta, minn Yale (Hangzhou) Industrial Products Co. Ltd. (“Yale”), esportatur mir-RPĊ. L-informazzjoni indikat li ċ-ċirkostanzi li abbażi tagħhom il-miżuri ġew stabbiliti fir-rigward tal-Yale inbidlu u li dawn il-bidliet huma ta’ natura permanenti. B’mod partikolari Yale pprovda evidenza prima facie li wriet li tilħaq il-kriterji għal trattament tal-ekonomija tas-suq u li tqabbil ta' valur normali bbażat fuq l-ispejjeż tagħha stess u l-prezzijiet ta' esportazzjoni lill-Komunità għandu jwassal għal marġini ta’ dumping ħafna inqas mil-livell attwali tal-miżuri. Għalhekk, l-issoktar tal-impożizzjoni ta' miżuri fil-livelli eżistenti, li kienu msejsa fuq il-livell tad-dumping li kien stabbilit qabel, jidher li mhux aktar meħtieġ biex jikkumpensa għad-dumping.

3.   Investigazzjoni tar-reviżjoni

(4)

Wara li ġie stabbilit, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed provi prima facie li jiġġustifikaw it-tnedija ta’ reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni, b’avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4), ħabbret il-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, limitat għall-eżami ta’ dumping sa fejn jikkonċerna Yale.

(5)

L-investigazzjoni tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni” jew “RIP”).

(6)

Il-Kummissjoni għarrfet uffiċjalment lil Yale, kif ukoll ir-rappreżentanti tar-RPĊ (“pajjiż ikkonċernat”), u l-Industrija Komunitarja, kif iddefinit fl-investigazzjoni oriġinali, tat-tnedija tar-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-avviż ta’ tnedija. Il-partijiet interessati kollha li gћamlu din it-talba u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex kellhom jinstemgħu, ingћataw seduta.

(7)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lil Yale, lill-produtturi tal-Industrija Komunitarja li kienu kkonċernati, lill-produtturi magħrufa tal-HPT fil-Kanada li ġiet magħżula bħala l-pajjiż analogu fl-investigazzjoni oriġinali u lill-produtturi magħrufa tal-HPT fl-Indja u l-Malaysia, li ssemmew waqt l-investigazzjoni oriġinali bħala pajjiżi analogi alternattivi. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll formola tat-talba għat-trattament tal-ekonomija tas-suq (“TES”) lil Yale.

(8)

Yale u produttur ieħor mill-Industrija Komunitarja bagħtu xi risposti għall-kwestjonarji, kif ukoll kummenti u informazzjoni.

(9)

Il-Kummissjoni fittxet it-tagħrif kollu li hija kkunsidrat meħtieġ sabiex tistabbilixxi t-TES u d-dumping, analizzat it-tagħrif provdut u għamlet żjarat ta' verifika fis-siti tal-kumpaniji relatati:

Yale (Hangzhou) Industrial Products Co. Ltd., Hangzhou, PRC,

Yale Industrial Products GmbH, Velbert, Germany.

B.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(10)

Id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat tikkorrispondi ma' dik li ntużat fl-investigazzjoni oriġinali, kif ġie kkjarifikat bir-Regolament (KE) Nru 684/2008. Il-prodott ikkonċernat, huwa l-pallet trucks tal-idejn, li ma jaħdmux waħedhom, li jintużaw għat-trattar tal-materjali li normalment jitqiegħdu fuq il-pallets, u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri xażi u ħajdroliks, li joriġinaw mir-RPĊ, u normalment iddikjarat fi ħdan il-kodiċi NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00. Għall-għanijiet tar-Regolament li jimponi d-dazju anti dumping definittiv imsemmi taħt il-premessa (1), il-pallet trucks tal-idejn huma trakkijiet b’roti li jirfdu l-lifting fork arms għat-tqandil tal-pallets, iddisinjati biex jiġu mbuttati, miġbuda u mmexxija bl-idejn, fuq uċuħ lixxi, invelli u iebsa, minn operatur pedonali bl-użu ta’ laċċ artikulat. Il-pallet trucks tal-idejn huma ddisinjati biss biex jgħollu t-tagħbija, billi jippompjaw il-laċċ, sa għoli biżżejjed għall-ġarr u ma għandhom l-ebda funzjoni jew użu addizzjonali ieħor bħal, per eżempju, (i) biex iġorru u jerfgħu t-tagħbija biex ipoġġuha aktar fl-għoli jew jgħinu fil-ħżin tat-tagħbija (“highlifters”),(ii) biex jistivaw pallet wieħed fuq l-ieħor (“stackers”), (iii) biex jerfgħu t-tagħbija għal livell fejn isir ix-xogħol (“scissorlifts”) jew (iv) biex jerfgħu u jiżnu t-tagħbija (“weighing trucks”).

2.   Il-prodott simili

(11)

Ir-reviżjoni attwali wriet li l-HPT prodotti fir-RPĊ minn Yale u mibjugħa fis-suq Ċiniż għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi basiċi u l-istess użi bħal dawk li huma esportati lill-Komunità. Għalhekk, dawn il-prodotti huma meqjusa li huma prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

1.   It-trattament ta’ ekonomija tas-suq (“MET”)

(12)

Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, f'investigazzjonijiet anti-dumping li jikkonċernaw importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skont il-paragrafi 1 sa 6 ta' dak l-Artikolu għal dawk il-produtturi esportaturi li jkunu wrew li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fejn jintwera minn dawn il-produtturi esportaturi li l-kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq huma prevalenti fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili. Fil-qosor, u biss biex ir-referenza tkun eħfef, dawn il-kriterji huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt:

(1)

id-deċiżjonijiet kummerċjali jsiru b'reazzjoni għall-kundizzjonjiet tas-suq, mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat, u l-ispejjeż jirriflettu l-valuri tas-suq;

(2)

id-ditti kummerċjali għandhom sett ċar ta' reġistri ta’ kontabilità bażika li huma vverifikati indipendentement skont Standards ta’ Kontabilità Internazzjonali (“IAS”) u applikati għall-għanijiet kollha;

(3)

ma hemm l-ebda tgħawwiġ sinifikanti li ntiret mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq;

(4)

iċ-ċertezza ġuridika u l-istabbiltà huma pprovduti mil-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà;

(5)

il-kambji tal-valuta jitwettqu bir-rata tas-suq.

(13)

Yale talab għal TES skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku u wieġbu għall-formola tat-talba tat-TES gћall-produtturi esportaturi fiż-żmien stabbilit tal-iskadenzi.

(14)

Il-Kummissjoni fittxet l-informazzjoni kollha li qieset li kienet meħtieġa u vverifikat l-informazzjoni li tressqet fit-talba għall-MET fl-istabbilimenti tal-kumpaniji kkonċernati.

(15)

Yale ma wrietx li ssodisfat il-kriterji kollha msemmija fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. Il-kumpanija ma ssodisfatx il-kriterji 1, u 2.

(16)

Rigward il-kriterju 1 kien stabbilit fuq il-post li l-Artikoli tal-Assoċjazzjoni (“AoA”) tal-kumpanija kellha restrizzjonijiet espliċiti tal-bejgħ domestiku, jiġifieri, il-kumpanja kienet obbligata li tbigħ 100 % tal-prodotti tagħha lis-swieq barranin. Yale argumentat li dawk ir-restrizzjonijiet qatt fil-fatt ma kellhom rwol minħabba fil-fatt li kellha xi ftit bejgħ domestiku minuri waqt l-RIP. Madankollu, il-kumpanija ma kinitx f’pożizzjoni li tippreżenta evidenza konkreta li turi li de facto u de jure ma kinitx suġġetta għar-restrizzjoni msemmija qabel stipulata mill-AoA tagħha. Barra minn hekk, l-evidenza tal-influwenza tal-Istat fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpanija fir-rigward tal-bejgħ għall-esportazzjoni ġiet stabbilita fuq il-post. Kien żvelat li sa mill-2002 Yale qiegħda tibbenefika minn tnaqqis mit-taxxa ta’ 50 % fuq ir-rata tat-taxxa fuq id-dħul. Dan it-tnaqqis fit-taxxa ġej minn regoli ta’ implimentazzjoni rilevanti tal-liġi tat-taxxa fuq id-dħul għall-intrapriżi mal-investiment barrani u intrapriżi barranin. Ir-regoli jistipulaw li l-intrapriżi għall-esportazzjoni li jinvestu fihom il-barranin, bħal Yale, b’bejgħ għall-esportazzjoni li jammonta għal 70 % jew iktar mill-bejgħ totali għas-sena huma intitolati għal tnaqqis fit-taxxa ta' 50 % wara li jkun skada l-perjodu ta' tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul. Minn dan jidher li Yale ma tiħux id-deċiżjonijiet dwar in-negozju tagħha fir-rigward tal-bejgħ għall-esportazzjoni biss fid-dawl tas-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda. Il-kumpanija hija suġġetta għal influwenza sinifikanti min-naħa tal-Istat li tikkonsisti fl-għoti ta' ċerti benefiċċji tat-taxxa fuq il-kundizzjoni espliċita li tieħu ċerti deċiżjonijiet tan-negozju fir-rigward tal-bejgħ tagħha kemm domestiku kif ukoll dak għall-esportazzjoni. Għaldaqstant, wara li tqies dak kollu msemmi hawn fuq, ġie konkluż li l-kumpanija ma wrietx li tissodisfa l-kriterju 1.

(17)

Fir-rigward tal-kriterju 2 kien stabbilit fuq il-post li l-prinċipji fundamentali tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità ġew injorati (jiġifieri l-prinċipju tad-dovuti, il-politiki tal-konverżjoni tar-rati ta’ kambju, in-nuqqas ta’ rappreżentazzjoni ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja u l-użu tal-kontijiet imħejjija biss għall-għanijiet tal-investigazzjoni) kemm fil-kontijiet kif ukoll fil-verifika tagħhom, li tefa′ dubji fuq l-affidabilità tal-kontijiet tal-kumpanija. Għaldaqstant, ġie konkluż li l-kumpanija ma wrietx li tissodisfa l-kriterju 2.

(18)

Kemm Yale kif ukoll l-industrija Komunitarja ngħataw opportunità biex jikkummentaw dwar is-sejbiet li ssemmew hawn fuq. Ma saru l-ebda kummenti speċifiċi fir-rigward tas-sejbiet ta’ hawn fuq min-naħa ta’ Yale filwaqt li produttur wieħed tal-Industrija Komunitarja ressaq xi kummenti ġenerali.

(19)

Fuq il-bażi ta’ dak imsemmi hawn fuq, ġie konkluż li Yale ma wrietx li tissodisfa l-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku u, għalhekk, ma tistax tingħata MET.

2.   It-trattament individwali (“TI”)

(20)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, dazju fuq skala nazzjonali, jekk jeżisti, għandu jkun stabbilit għal pajjiżi li jaqgħu taħt dak l-Artikolu, ħlief f'dawk il-każijiet fejn il-kumpaniji jkunu jistgħu juru li jissodisfaw il-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u għalhekk jistgħu jingħataw IT.

(21)

Yale talbet IT fil-każ li ma tingħatax MET.

(22)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, ġie stabbilit li l-kumpanija ma ssodisfatx ir-rekwiżiti kollha kif ġie stabbilit fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, kif ġie deskritt fid-dettal taħt il-premessa (16), ġie żvelat fil-verifika fuq il-post li l-kumpanija ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina b'mod liberu l-kwantitajiet tal-esportazzjoni tagħha u l-kundizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ. Tabilħaqq, kif ġie deskritt hawn fuq, id-deċiżjonijiet tal-kumpanija fir-rigward tal-bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni kienu marbuta mar-restrizzjonijiet tal-bejgħ imposti min-naħa tal-Istat fl-AoA tal-kumpanija. B'hekk ġie konkluż li l-kumpanija ma setgħetx tingħata IT.

3.   Marġini ta' dumping matul l-rip

(23)

Kif ġie deskritt taħt il-premessi 18 u (22) hawn fuq, Yale ma ngħatat la MET u lanqas IT. Għalhekk, is-sitwazzjoni ta’ Yale ma nbidlitx fir-rigward tal-investigazzjoni oriġinali. F’dan ir-rigward, huwa mfakkar, kif ġie ddikjarat taħt il-premessa (4), li din ir-reviżjoni hija llimitata fil-firxa safejn jikkonċerna l-kumpanija Yale. Għalhekk, minħabba li la t-TES u lanqas l-IT ma ngħataw, ma jistax jiġi stabbilit marġini ta' dumping ġdid, kemm jekk ogħla kif ukoll jekk inqas minn dak eżistenti, għal Yale permezz ta' din ir-reviżjoni. Fl-aħħarnett, huwa importanti li wieħed jinnota li matul l-investigazzjoni oriġinali Yale kienet produttur magħruf għall-esportazzjoni fir-RPĊ, li l-Kummissjoni tat konsulenza uffiċjali fiż-żmien tat-tnedija tal-investigazzjoni oriġinali, iżda din ma kkoperax. Fl-investigazzjoni oriġinali ħames produtturi għall-esportazzjoni kkoperaw mal-investigazzjoni, li minnhom wieħed ingħata MET u erba’ ingħataw IT. Fir-rigward ta’ Yale, il-marġini ta’ dumping kien il-marġini ta’ dumping madwar il-pajjiż applikabbli għall-esportaturi kollha li ma kkoperawx mal-investigazzjoni oriġinali.

D.   TMIEM IR-REVIŻJONI

(24)

Fid-dawl tar-riżultati tal-investigazzjoni, ir-reviżjoni għandha tintemm mingħajr emendar għal-livell tad-dazju applikabbli għal Yale, li għandha tinżamm fil-livell tar-rata ta’ dazju antidumping definittiv stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri 46,7 %.

E.   ŻVELAR

(25)

Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet meħtieġa li abbażi tagħhom kien maħsub li tintemm ir-reviżjoni attwali u li jinżamm id-dazju antidumping eżistenti fuq importazzjonijiet ta' HPT prodotti minn Yale.

(26)

Il-partijiet kollha ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Il-kummenti li waslu ma kinux ta' natura li jibdlu l-konklużjonijiet.

(27)

Wara l-iżvelar, Yale ddikjarat li għandha tingħata IT. Madankollu, l-argumenti li tressqu ma kinux issostanzjati adegwatament u ma setgħux jargumentaw ir-riżultati tal-investigazzjoni kif deskritt taħt il-premessa (16) u (22). Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Jannar 2009 u indirizzata lill-Kummissjoni, Yale rtirat l-applikazzjoni tagħha għal reviżjoni interim parzjali.

(28)

Din ir-reviżjoni għandha għalhekk tintemm mingħajr l-ebda emenda għar-Regolament (KE) Nru 1174/2005,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u tal-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li ngħatat bidu skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, hija b'dan terminata mingħajr emendi għall-miżuri anti-dumping fis-seħħ.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament għall-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, 9 ta’ Marzu 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NEČAS


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 189, 21.7.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 192, 19.7.2008, p. 1.

(4)  ĠU C 308, 19.12.2007, p. 15


Top