EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0838

2008/838/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 3 ta' Novembru 2008 dwar it-tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fil-papri mallard fil-Portugall u ċerti miżuri li jirrestrinġu l-movimenti ta’ dawn it-tjur u tal-prodotti tagħhom (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6348)

ĠU L 299, 8.11.2008, p. 40–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/07/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/838/oj

8.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 299/40


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta' Novembru 2008

dwar it-tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fil-papri mallard fil-Portugall u ċerti miżuri li jirrestrinġu l-movimenti ta’ dawn it-tjur u tal-prodotti tagħhom

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6348)

(It-test bil-Portugiż biss huwa awtentiku)

(2008/838/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza avjarja u li tirrevoka d-Direttiva 92/40/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2005/94/KE tistipula ċerti miżuri preventivi marbuta mas-sorveljanza u s-sejba bikrija tal-influwenza avjarja u li jżidu l-livell ta’ għarfien tal-awtoritajiet kompetenti u tal-komunità agrikola u l-preparazzjoni għar-riskji ta’ dik il-marda.

(2)

Sa minn Settembru 2007, seħħu tifqigħat tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa f’ċerti rziezet għat-tjur fil-punent ċentrali tal-Portugall, b’mod partikolari f’irziezet tat-tjur maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur tal-kaċċa.

(3)

Il-Portugall ħa miżuri skont id-Direttiva 2005/94/KE biex jikkontrolla t-tixrid ta’ din il-marda.

(4)

Stima ta’ riskju li twettqet mill-Portugall identifikat li l-irziezet li jżommu l-papri mallard (Anas platyrhynchos) maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur tal-kaċċa (“papri mallard”) jistgħu jkunu ta’ theddida sinifikanti u immedjata għat-tixrid tal-influwenza avjarja fil-Portugall jew fi Stati Membri oħra. Il-Portugall għalhekk iddeċieda li jintroduċi tilqim ta’ emerġenza biex irażżan it-tifqigħa.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/285/KE (2) approvat il-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza mressaq mill-Portugall. Din id-Deċiżjoni stipulat ukoll ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati f’razzett fejn jinżammu papri mallard imlaqqma u f’irziezet tat-tjur mhux imlaqqma, inklużi restrizzjonijiet ta’ moviment fuq papri mallard imlaqqma, il-bajd tagħhom tat-tfaqqis u papri mallard li jfaqqsu minn bajd bħal dan skont il-pjan ta’ tilqim approvat.

(6)

L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza applikat mill-Portugall tlestiet sal-31 ta’ Lulju 2008.

(7)

Skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2008/285/KE, il-Portugall ressaq rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza u rrapporta lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

(8)

Fuq il-bażi tat-tagħrif mogħti mill-Portugall, jidher li t-tifqigħa trażżnet b’suċċess.

(9)

Fuq bażi ta’ stima oħra ta’ riskju, il-Portugall iqis li fir-razzett il-papri mallard tat-trobbija ta’ valur għoli għadhom esposti għar-riskju potenzjali ta’ infezzjoni tal-influwenza avjarja, b’mod partikolari permezz ta’ kuntatt indirett possibbli mal-għasafar selvaġġi. Il-Portugall għalhekk iddeċieda li jkompli bit-tilqim kontra l-influwenza avjarja bħala miżura fit-tul permezz tal-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ tilqim preventiv fir-razzett li jinsab f’riskju fir-reġun ta’ Lisboa e Vale do Tejo, Ribatejo Norte, Vila Nova da Barquinha li fih jinsabu papri mallard bħal dawn.

(10)

Il-Portugall b’ittra bid-data tal-10 ta’ Settembru 2008, ressaq pjan ta’ tilqim preventiv lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.

(11)

Skont dan il-pjan ta’ tilqim preventiv, il-Portugall biħsiebu jintroduċi tilqim preventiv li għandu jiġi applikat sal-31 ta’ Lulju 2009.

(12)

Fl-opinjonijiet xjentifiċi tiegħu dwar l-użu tat-tilqim għall-kontroll tal-influwenza avjarja maħruġa mill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà Alimentari fl-2005 (3), l-2007 (4) u l-2008 (5), il-Bord tas-Saħħa u l-Benessri tal-Annimali stqarr li t-tilqim ta’ emerġenza u prevenzjoni kontra l-influwenza avjarja huwa għodda siewja biex tikkomplementa l-miżuri ta’ kontroll għal din il-marda.

(13)

Flimkien ma’ dan, il-Kummissjoni eżaminat il-pjan ta’ tilqim preventiv imressaq mill-Portugall, u hija sodisfatta li dan jikkonforma mal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti. Fid-dawl tal-qagħda epidemjoloġika fir-rigward tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fil-Portugall, it-tip ta’ razzett fejn għandha tingħata t-tilqima u l-ambitu limitat tal-pjan ta’ tilqim, huwa xieraq li l-pjan ta’ tilqim preventiv jiġi approvat. L-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan preventiv ta’ tilqim għandha tipprovdi aktar esperjenza prattika u għarfien dwar l-effikaċja tat-tilqim fil-papri mallard.

(14)

Għall-għanijiet tal-pjan ta’ tilqim preventiv li jrid jitwettaq mill-Portugall vaċċini awtorizzati biss skont id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità relatat mal-prodotti mediċinali veterinarji (6) jew ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u dak veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (7) għandhom jintużaw.

(15)

Barra minn hekk, għandu jkun hemm sorveljanza u ttestjar tal-laboratorju fir-razzett li jżomm il-papri mallard imlaqqma u fl-irziezet tat-tjur mhux imlaqqma, kif stabbilit fil-pjan ta’ tilqim preventiv.

(16)

Huwa xieraq ukoll li jiġu introdotti ċerti restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-papri mallard imlaqqma, il-bajd għat-tfaqqis tagħhom u l-papri mallard li joħorġu minn tjur imlaqqam skont il-pjan preventiv ta’ tilqim. Minħabba numru żgħir ta’ papri mallard preżenti fir-razzett fejn se jseħħ it-tilqim preventiv, kif ukoll minħabba raġunijiet ta’ traċċabbiltà u loġistika, għasafar imlaqqma ma għandhomx jitneħħew minn dan ir-razzett.

(17)

Fir-rigward tal-kummerċ fit-tjur maħsub għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur tal-kaċċa, il-Portugall ħa miżuri addizzjonali skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/605/KE tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar ċerti miżuri ta’ ħarsien fir-rigward ta’ kummerċ intra-Komunitarju tat-tjur maħsub għall-popolament mill-ġdid tal-provvista ta’ annimali tal-kaċċa (8).

(18)

Sabiex jitnaqqas l-impatt ekonomiku fuq ir-razzett ikkonċernat għandhom jiġu stipulati ċerti derogi minn restrizzjonijiet ta’ moviment għal papri mallard li joħorġu minn papri mallard imlaqqma, minħabba li movimenti bħal dawn ma huma ta’ ebda riskju speċifiku għat-tixrid tal-marda, sakemm titwettaq sorveljanza uffiċjali u b’konformità mar-rekwiżiti speċifiċi għas-saħħa tal-annimali għal kummerċ intra-Komunitarju.

(19)

Il-pjan ta’ tilqim preventiv għandu jiġi approvat biex ikun jista’ jiġi implimentat sal-31 ta’ Lulju 2009.

(20)

Id-Deċiżjoni 2008/285/KE għandha titħassar billi mhijiex se tibqa’ tintuża wara l-31 ta’ Lulju 2008.

(21)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-ambitu

1.   Din id-Deċiżjoni tistipula ċerti miżuri li se jiġu applikati fil-Portugall fejn jitwettaq tilqim preventiv ta’ papri mallard (Anas platyrhynchos) maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur tal-kaċċa (“papri mallard”) f’razzett, li jinsab espost għar-riskju tal-influwenza avjarja. Dawn il-miżuri jinkludu ċerti restrizzjonijiet dwar il-moviment ġewwa l-Portugall u l-bgħit mill-Portugall tal-papri mallard imlaqqma, il-bajd għat-tfaqqis tagħhom u papri mallard li joħorġu minnhom.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika bla ħsara għall-miżuri ta’ ħarsien li se jittieħdu mill-Portugall skont id-Direttiva 2005/94/KE u d-Deċiżjoni 2006/605/KE.

Artikolu 2

Approvazzjoni tal-pjan ta’ tilqim preventiv

1.   Il-pjan għal tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fil-Portugall, kif imressaq mill-Portugall lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Settembru 2008, li se jiġi implimentat f’razzett fir-reġjun ta’ Lisboa e Vale do Tejo, Ribatejo Norte, Vila Nova da Barquinha sal-31 ta’ Lulju 2009 (“il-pjan ta’ tilqim preventiv”) huwa approvat.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-pjan għat-tilqim preventiv.

Artikolu 3

Kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-pjan tat-tilqim preventiv

1.   Il-Portugall għandu jiżgura li l-papri mallard huma mlaqqma skont il-pjan ta’ tilqim preventiv b’vaċċin eterologu bivalenti inattivat li fih kemm is-sottotip H5 kif ukoll is-sottotip H7 tal-influwenza avjarja awtorizzati minn dan l-Istat Membru skont id-Direttiva 2001/82/KE jew ir-Regolament (KE) Nru 726/2004.

2.   Il-Portugall għandu jiżgura li jkun hemm sorveljanza u ttestjar tal-laboratorju fir-razzett li jżomm il-papri mallard imlaqqma u fl-irziezet tat-tjur mhux imlaqqma, kif stabbilit fil-pjan ta’ tilqim preventiv.

3.   Il-Portugall għandu jiżgura li l-pjan ta’ tilqim preventiv jiġi implimentat b’mod effiċjenti.

Artikolu 4

Immarkar u restrizzjonijiet fuq il-moviment, it-tqassim u r-rimi ta’ papri mallard imlaqqma

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li papri mallard imlaqqma miżmuma fir-razzett imsemmi fl-Artikolu 2(1):

(a)

huma mmarkati individwalment;

(b)

ma jitmexxewx f’irziezet oħra tat-tjur fil-Portugall jew jintbagħtu fi Stati Membri oħrajn.

Wara l-perjodu ta’ riproduzzjoni tagħhom, dawn il-papri għandhom jinqatlu b’mod uman fir-razzett imsemmi fl-Artikolu 2(1) u l-karkassa tagħhom għandha tintrema b’mod sikur.

Artikolu 5

Restrizzjonijiet fuq il-moviment u t-tqassim ta’ bajd ta’ tfaqqis li joriġinaw mir-razzett imsemmi fl-Artikolu 2(1)

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li bajd tat-tfaqqis li joriġina minn papri mallard fir-razzett imsemmi fl-Artikolu 2(1) jista’ jittieħed biss f’mafqas fil-Portugall u mhux jintbagħat fi Stati Membri oħrajn.

Artikolu 6

Restrizzjonijiet fuq il-moviment u t-tqassim ta’ papri mallard li joħorġu minn papri mallard imlaqqma

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li papri mallard li joħorġu minn papri mallard imlaqqma jistgħu jitmexxew biss wara t-tfaqqis għal razzett li jinsab fiż-żona tal-madwar stabbilita fil-Portugall fir-rigward tar-razzett imsemmi fl-Artikolu 2(1), kif stipulat fil-pjan ta’ tilqim preventiv.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1 u sakemm il-papri mallard maħruġa minn papri mallard imlaqqma għandhom aktar minn erba’ xhur, dawn jistgħu:

(a)

jinħelsu f’ambjent selvaġġ fil-Portugall, jew

(b)

jintbagħtu fi Stati Membri oħrajn sakemm:

(i)

ir-riżultati tat-testijiet ta’ sorveljanza u tal-laboratorju kif stipulat fil-pjan ta’ tilqim preventiv, huma favorevoli; kif ukoll

(ii)

il-kundizzjonijiet għat-tqassim tat-tjur għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur tal-kaċċa stipulati fid-Deċiżjoni 2006/605/KE huma sodisfatti.

Artikolu 7

Ċertifikazzjoni tas-saħħa għal kummerċ intra-Komunitarju ta’ papri mallard ġejjin minn papri mallard imlaqqma

Il-Portugall għandu jiżgura li ċ-ċertifikati tas-saħħa għal kummerċ intra-Komunitarju ta’ tjur maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur tal-kaċċa msemmija fl-Artikolu 6(2)(b) jinkludu s-sentenza li ġejja:

“Il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimal ta’ din il-kunsinna huma konformi mad-Deċiżjoni 2008/838/KE (*).

Artikolu 8

Rapporti

Il-Portugall għandu jibgħat rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ tilqim preventiv fi żmien xahar mid-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u jressaq rapport kull tliet xhur lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali minn hemm ‘il quddiem.

Artikolu 9

Revoki

Id-Deċiżjoni 2008/285/KE għandha titħassar.

Artikolu 10

Applikabilità

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Lulju 2009.

Artikolu 11

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmula fi Brussell, 3 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(2)  ĠU L 92, 3.4.2008, p. 37.

(3)  Il-Ġurnal tal-EFSA (2005) 266, 1-21; Scientific Opinion on Animal health and welfare aspects of avian influenza.

(4)  Il-Ġurnal tal-EFSA (2007) 489, Scientific Opinion on Vaccination against avian influenza of H5 and H7 subtypes in domestic poultry and captive birds.

(5)  Il-Ġurnal tal-EFSA (2008) 715, 1-161, Scientific Opinion on Animal health and welfare aspects of avian influenza and the risks of its introduction into the EU poultry holdings.

(6)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1.

(7)  ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.

(8)  ĠU L 246, 8.9.2006, p. 12.


Top