Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0483

    2008/483/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 18 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għan-nefqa mġarrba fil-kuntest tal-miżuri ta’ emerġenza meħuda għall-ġlieda kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer fil-Ġermanja fl-2006 (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2722)

    ĠU L 164, 25.6.2008, p. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/483/oj

    25.6.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 164/41


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-18 ta' Ġunju 2008

    li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għan-nefqa mġarrba fil-kuntest tal-miżuri ta’ emerġenza meħuda għall-ġlieda kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer fil-Ġermanja fl-2006

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2722)

    (It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

    (2008/483/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 3(3) u 3(5) l-ewwel inċiż tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Bil-ħsieb li teqred id-deni klassiku tal-ħnieżer malajr kemm jista’ jkun, il-Komunità għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għal nefqa eliġibbli mġarrba mill-Istati Membri. L-Artikolu 3(5) l-ewwel inċiż ta’ dik id-Deċiżjoni jistipula regoli dwar il-perċentwal li jrid jiġi applikat għall-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 (2) li jistabbilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard ta’ l-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE. L-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament jistipula regoli dwar in-nefqa eliġibbli għal appoġġ finanzjarju Komunitarju.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/777/KE ta’ l-14 ta’ Novembru 2006 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lejn il-qerda tad-deni klassiku tal-ħnieżer fil-Ġermanja fl-2006 (3) tat kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lill-Ġermanja għan-nefqa mġarrba fit-teħid ta’ miżuri ta’ emerġenza għall-ġlieda kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer fl-2006. B’konformità ma’ dik id-Deċiżjoni, ingħata l-ewwel pagament ta’ EUR 5 000 000.

    (4)

    Fis-6 ta’ Diċembru 2006, il-Ġermanja bagħtet talba uffiċjali għal ħlas lura kif stipulat fl-Artikoli 7(1) u 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

    (5)

    Mit-23 ta’ April sas-27 ta’ April 2007, il-Kummissjoni wettqet verifika in situ kif stipulat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005. Il-kummenti tal-Kummissjoni, il-metodu għall-kalkolu tan-nefqa eliġibbli u l-konklużjonijiet aħħarija ġew ikkomunikati lill-Ġermanja f’ittra ddatata 6 ta’ Frar 2008.

    (6)

    Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għandu jiġi soġġett għall-kundizzjoni li l-attivitajiet ippjanati kienu fil-fatt implimentati u li l-awtoritajiet ipprovdew it-tagħrif kollu meħtieġ fiż-żmien stipulat.

    (7)

    L-awtoritajiet Ġermaniżi ssodisfaw bis-sħiħ l-obbligi tekniċi u amministrattivi tagħhom kif stipulati fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE u l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

    (8)

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fuq, l-ammont totali ta’ l-appoġġ finanzjarju Komunitarju għan-nefqa eliġibbli mġarrba fil-kuntest tal-qerda tad-deni klassiku tal-ħnieżer fil-Ġermanja fl-2006 issa għandha tiġi ffissata.

    (9)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lill-Ġermanja

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali tal-Komunità għan-nefqa marbuta mal-qerda tad-deni klassiku tal-ħnieżer fil-Ġermanja fl-2006 hija ffissata għal EUR 8 315 827,65.

    Artikolu 2

    Arranġamenti għall-ħlas

    Il-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità huwa ffissat għal EUR 3 315 827,65.

    Artikolu 3

    Destinatarju

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Ġunju 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

    (2)  ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.

    (3)  ĠU L 314, 15.11.2006, p. 37.


    Top