Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0138

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 138/2008 tal- 15 ta’ Frar 2008 li jtemm ir-reviżjoni parzjali interim tal-miżuri ta’ l-antidumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet ta’ plajwud okoumé li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    ĠU L 42, 16.2.2008, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/138/oj

    16.2.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 42/9


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 138/2008

    tal-15 ta’ Frar 2008

    li jtemm ir-reviżjoni parzjali interim tal-miżuri ta’ l-antidumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet ta’ plajwud okoumé li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA

    1.   Miżuri fis-seħħ

    (1)

    Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1942/2004 (2) il-Kunsill impona dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-plajwud okoumé li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Id-dazji fis-seħħ ivarjaw minn 6,5 % sa 23,5 % għal erba’ kumpaniji b’dazji individwali u d-dazju residwali huwa ta’ 66,7 %.

    2.   Talba għal reviżjoni

    (2)

    Fit-3 ta’ April 2006, il-Kummissjoni rċeviet talba skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku biex teżamina l-firxa tal-miżuri eżistenti bil-għan li tinkludi tipi ġodda tal-prodotti fid-definizzjoni tal-prodott.

    (3)

    It-talba tressqet mill-Federazzjoni Ewropea ta’ l-Industrija tal-Plajwud (FEIC) (“l-applikant”) f'isem il-produtturi Komunitarji tal-plajwud okoumé.

    (4)

    L-applikant allega li fis-suq dehru tipi ġodda tal-prodott bħall-plajwud magħmul biss minn folji ta’ l-injam, b’kull folja ma taqbiżx il-ħxuna ta’ 6 mm, li għandu mill-inqas waħda mill-folji ta’ barra tal-bintangor, tar-red canarium, tal-kedondong jew ta’ ċerti speċijiet oħra, mhux miksija b’saff permanenti ta’ materjali oħra. Dawn il-prodotti għandhom ikunu inklużi fl-ambitu tal-miżuri fuq il-bażi li dawn għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u kimiċi u l-istess użi aħħarija bħall-prodott kopert mill-miżuri eżistenti. B’hekk kemm il-prodott ikkonċernat kif ukoll it-tipi ġodda tal-prodott għandhom jitqiesu bħala prodott wieħed.

    3.   L-inizjazzjoni

    (5)

    Wara li ġie stabbilit, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed provi li jiġġustifikaw il-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni, b’avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (3), ħabbret il-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, b’ambitu limitat għad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

    B.   IRTIRAR TAR-RIKJESTA U TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT

    (6)

    B’ittra bid-data tal-5 ta’ Diċembru 2007 lill-Kummissjoni, l-applikant irtira r-rikjesta tiegħu għal reviżjoni interim parzjali tal-miżuri kontra d-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ plajwud okoumé li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    (7)

    Skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Bażiku, proċediment jista’ jiġi tterminat meta r-rikjesta għal reviżjoni tiġi rtirata, sakemm din it-terminazzjoni tkun fl-interess tal-Komunità.

    (8)

    Il-Kummissjoni qieset li l-proċediment attwali għandu jitwaqqaf peress li l-investigazzjoni ma sabet ebda fatt li juri li t-terminazzjoni ma tkunx fl-interess Komunitarju. Il-partijiet interessati ġew infurmati b’dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Madankollu, ma waslu kummenti minn ebda parti. Konsegwentement, ma hemmx indikazzjoni li t-terminazzjoni tal-proċediment ma jkunx fl-interess tal-Komunità.

    (9)

    Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li r-reviżjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ plajwud okoumé li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandha tiġi tterminata mingħajr l-emenda tal-miżuri fis-seħħ kontra d-dumping,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu Uniku

    Ir-reviżjoni parzjali interim tal-miżuri kontra d-dumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet ta’ plajwud okoumé li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina hija b'dan itterminata.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 15 ta’ Frar 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Peter MANDELSON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

    (2)  ĠU L 336, 12.11.2004, p. 4.

    (3)  ĠU C 291, 30.11.2006, p. 19.


    Top