EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1261

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1261/2007 tad- 9 ta’ Ottubru 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 320/2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar ta’ l-industrija taz-zokkor fil-Komunità

ĠU L 283, 27.10.2007, p. 8–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/12/2015; Impliċitament imħassar minn 32015R2284

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1261/oj

27.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 283/8


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1261/2007

tad-9 ta’ Ottubru 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 320/2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar ta’ l-industrija taz-zokkor fil-Komunità

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 (1) ġie adottat bil-għan li jippermetti lill-produtturi taz-zokkor l-inqas kompetittivi biex iċedu l-produzzjoni tagħhom tal-kwota. Madankollu, ir-rinunzja tal-kwoti taħt dak ir-Regolament ma laħqitx il-livell li kien mistenni fil-bidu.

(2)

Skond l-Artikolu 10(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 ta’ l-20 ta’ Frar 2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (2), għandu jsir tnaqqis lineari tal-kwoti nazzjonali u reġjonali sa mhux iktar tard mill-aħħar ta’ Frar 2010, bil-ħsieb li jiġu evitati żbilanċi fis-suq fil-kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni mill-2010/2011, b’kont meħud tar-riżultati ta’ l-iskema ta’ ristrutturar. Tali tnaqqis lineari jista’ jippenalizza lill-intrapriżi l-iktar kompetittivi u jdgħajjef lill-industrija kollha kemm hi. Sabiex dan jiġi evitat, huwa kkunsidrat meħtieġ li jitjieb l-funzjonament ta’ l-iskema ta’ ristrutturar, sabiex tiżdied ir-rinunzja tal-kwoti taħt dik l-iskema.

(3)

Jidher li l-intrapriżi taz-zokkor ġew skoraġġuti milli jressqu applikazzjonijiet għal għajnuna għar-ristrutturar bil-fatt li m’hemm l-ebda ċertezza rigward l-ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturar li huma ser jirċievu, peress li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jżidu l-perċentwali minimu ta’ l-għajnuna riservata għall-produtturi tal-pitravi, tal-kannamieli jew taċ-ċikwejra u għall-kuntratturi tal-makkinarju, skond l-Artikolu 3(6) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006. Sabiex titneħħa din l-inċertezza, l-ammont ta’ għajnuna li għandu jkun riservat għall-produtturi u l-kuntratturi tal-makkinarju għandu jkun stabbilit għal 10 % ta’ l-għajnuna li għandha tingħata lill-intrapriżi taz-zokkor, u l-produtturi kkonċernati għandhom jingħataw pagament addizzjonali għall-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009. F’ċerti każijiet hu meħtieġ perijodu preparatorju itwali għall-proċess ta’ ristrutturar. Fejn f’tali każijiet l-intrapriżi jiddeċiedu li japplikaw għal għajnuna għar-ristrutturar sa mill-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2009/2010, u sabiex ma jpoġġux il-produtturi fi żvantaġġ f’tali każ, il-pagament addizzjoni lill-produtturi għandu jingħata wkoll għall-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2009/2010 jekk l-applikazzjoni ta’ l-intrapriża tkun ippreżentata sal-31 ta’ Jannar 2008.

(4)

Sabiex l-intrapriżi u l-produtturi li ħadu sehem fl-iskema tar-ristrutturar fil-kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 u 2007/2008 ma jkunux ippenalizzati, id-differenza bejn l-ammont ta’ għajnuna mogħti għal dawk il-kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni u l-ammont ta’ għajnuna li kien jingħata għall-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 għandha titħallas lilhom b’mod retroattiv.

(5)

Sabiex jinħoloq inċentiv ulterjuri għall-parteċipazzjoni fl-iskema ta’ ristrutturar, huwa kkunsidrat xieraq li tkun prevista l-eżenzjoni ta’ parti mill-ammont temporanju għar-ristrutturar li għandu jitħallas skond l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 għall-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008 lil dawk l-intrapriżi li, għall-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009, jirrinunzjaw perċentwali mill-kwota tagħhom ta’ mill-inqas il-perċentwali ta’ rtirar applikat lill-intrapriża fl-2007/2008. L-ammont li għandu jiġi eżentat għandu jikkorrispondi għal dan il-perċentwali ta’ rtirar.

(6)

Barra minn hekk hu xieraq li tinħoloq proċedura ta’ applikazzjoni fuq żewġ fażijiet li għandha tippermetti lill-intrapriżi li jiddeċiedu sal-31 ta’ Jannar 2008 li jirrinunzjaw parti mill-kwota tagħhom li tikkorrispondi għal mill-anqas dak il-perċentwali ta’ rtirar li jippreżentaw it-tieni applikazzjoni sal-31 ta’ Marzu 2008 li tippermettilhom jirrinunzjaw parti ulterjuri jew it-totalità tal-kwota tagħhom bil-ħsieb tas-sitwazzjoni tas-suq magħrufa sa dak l-istadju.

(7)

Huwa kkunsidrat li l-iskema ta’ ristrutturar kienet tagħti riżultat aħjar li kieku l-produtturi setgħu jċedu minn jeddhom il-produzzjoni tagħhom tal-pitravi jew tal-kannamieli maħsuba għall-ipproċessar f’zokkor tal-kwota. Għal dak il-għan, fil-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 l-produtturi għandhom jingħataw il-possibbiltà li japplikaw direttament għall-għajnuna prevista fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 dment li huma ma jkomplux jibagħtu kunsinni ta’ pitravi taz-zokkor jew kannamieli lill-intrapriżi li magħhom huma kienu marbuta b’kuntratti ta’ kunsinna fil-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti. B’konsegwenza, l-Istati Membri għandhom inaqqsu l-kwota ta’ l-intrapriżi taz-zokkor ikkonċernati. F’ċerti każijiet jista’ jkun aktar xieraq li din il-possibbiltà tiġi applikata fil-livell ta’ l-Istati Membri milli fil-livell ta’ l-intrapriżi.

(8)

Sabiex jiġi evitat li l-vijabilità ekonomika ta’ l-intrapriżi taz-zokkor ikkonċernati titpoġġa f’periklu minħabba l-applikazzjonijiet tal-produtturi għall-għajnuna, it-tnaqqis fil-kwota għandu jkun limitat għal 10 % tal-kwota allokata lil kull intrapriża, li jikkorrispondi għall-perċentwali tal-kwota li l-Istat Membru jista’ jerġa’ jalloka f’kull kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni skond l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006.

(9)

Fejn il-kwota ta’ intrapriża taz-zokkor titnaqqas bħala riżultat ta’ l-applikazzjonijiet tal-produtturi għall-għajnuna, dik l-intrapriża għandha tingħata għajnuna għar-ristrutturar kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006. Konsegwentement, l-ammonti ta’ għajnuna mogħtija għandhom ikunu dawk imsemmija fl-Artikolu 3(5)(ċ) ta’ dak ir-Regolament. Madankollu, għandu jsir aġġustament ‘l isfel f’dawk l-ammonti jekk l-intrapriża ma tieħux miżuri favur il-ħaddiema kkonċernati bit-tnaqqis tal-produzzjoni tal-kwota.

(10)

Intrapriża taz-zokkor interessata fl-applikazzjonijiet tal-produtturi għall-għajnuna għandha sal-31 ta’ Jannar ta’ qabel il-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata żżomm id-dritt li tippreżenta applikazzjoni għal għajnuna għar-ristrutturar kif previst fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, dment li tirrinunzja kwota li tikkorrispondi mill-inqas għall-istess livell ta’ tnaqqis fil-kwota li kien jirriżulta mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna ppreżentati mill-produtturi. F’dak il-każ, l-applikazzjoni għall-għajnuna ta’ l-intrapriża taz-zokkor għandha tissostitwixxi l-applikazzjonijiet tal-produtturi.

(11)

L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 jipprevedi għajnuna għad-diversifikazzjoni. Sar jidher biċ-ċar li hemm ħtieġa li tiġi ċċarata t-tifsira tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 4 ta’ dak l-Artikolu. Għandu jkun iċċarat li l-għajnuna pagabbli skond dak l-Artikolu fir-rigward tal-miżuri previsti taħt l-Assi 1 u 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FEAŻR) (3) hija limitata mill-ammonti u r-rati ta’ appoġġ kif stabbilit fl-Anness għal dak ir-Regolament.

(12)

L-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 jipprevedi d-dati għall-pagamenti ta’ l-għajnuna taħt il-fond ta’ ristrutturar. L-esperjenza turi li taħt ċerti kondizzjonijiet jista’ jiġi stabbilit inċentiv ulterjuri għall-użu tal-fond billi jiġu avvanzati l-pagamenti. B’hekk il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tiddeċiedi dwar tali miżura billi tieħu kont tad-disponibbiltà tal-mezzi finanzjarji fil-fond.

(13)

Ir-Regolament (KE) Nru 320/2006 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(14)

F’dan ir-Regolament għandu jittieħed kont tal-fatt li l-kwota totali għall-produzzjoni tal-ġulepp ta’ l-inulina kienet diġà ġiet rinunzjata taħt l-iskema ta’ ristrutturar fil-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007. Għalhekk, m’għadx hemm il-ħtieġa li ssir referenza għal dak il-prodott jew għall-materja prima li minnha jsir il-prodott, jiġifieri ċ-ċikwejra,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 320/2006 huwa permezz ta’ dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1(ċ) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(ċ)

tirrinunzja għal parti mill-kwota jew il-kwota sħiħa assenjata minnha lil fabbrika waħda jew aktar minn tagħha u ma tużax il-faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati għall-irfinar taz-zokkor tal-kannamieli.

Din l-aħħar kondizzjoni m’għandiex tapplika għal:

l-uniku impjant ta’ proċessar fis-Slovenja,

l-uniku impjant ta’ proċessar tal-pitravi fil-Portugall,

dawk eżistenti fl-1 ta’ Jannar 2006 u raffinaturi full-time kif definiti fl-Artikolu 2(13) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006.”;

(b)

fil-paragrafu 6, l-ewwel u t-tieni subparagrafi għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“Ammont ta’ 10 % ta’ l-għajnuna għar-ristrutturar rilevanti stabbilita fil-paragrafu 5 għandu jkun riservat għal:

(a)

produtturi tal-pitravi taz-zokkor u tal-kannamieli li jkunu kkonkludew kuntratt ta’ kunsinna ma’ l-intrapriża kkonċernata matul perijodu qabel il-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għall-produzzjoni taz-zokkor taħt il-kwota rinunzjata rilevanti;

(b)

kuntratturi tal-makkinarju, li huma persuni privati jew intrapriżi li jkunu ħadmu taħt kuntratt bil-makkinarju agrikolu tagħhom għall-produtturi, għall-prodotti u fil-perijodu msemmi fil-punt (a).

Wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-perijodu msemmi fl-ewwel subparagrafu.”;

(ċ)

għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“7.   Għall-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009, il-produtturi msemmija fil-paragrafu 6(a) għandhom jirċievu pagament addizzjonali ta’ EUR 237,5 għal kull tunnellata tal-kwota taz-zokkor rinunzjata.

Dan il-pagament addizzjonali għandu jsir ukoll għall-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2009/2010 fejn l-intrapriża kkonċernata tirrinunzja parti jew it-totalità tal-kwota taz-zokkor allokata lilha sa minn dik il-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni jekk l-applikazzjoni tkun ippreżentata sal-31 ta’ Jannar 2008.

8.   Dan il-paragrafu għandu japplika għal

(a)

intrapriżi li jkunu rrinunzjaw taħt l-iskema ta’ ristrutturar fil-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 jew 2007/2008 parti mill-kwota jew il-kwota kollha allokata lilhom, u

(b)

produtturi u kuntratturi tal-makkinarju interessati fir-rinunzja tal-kwota msemmija fil-punt (a).

Fejn l-ammonti mogħtija lil intrapriżi u produtturi fil-kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 u 2007/2008 kienu inqas mill-ammonti li huma kienu jirċievu li kieku kienu rristrutturaw taħt il-kondizzjonijiet applikabbli fil-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009, id-differenza għandha tingħatalhom retroattivament.

L-istess għandu japplika fir-rigward tal-produtturi tal-ġulepp ta’ l-inulina u l-produtturi taċ-ċikwejra. Dawn ta’ l-aħħar għandhom, għal dak l-iskop, jitqiesu bħala eliġibbli għall-pagament addizzjonali msemmi fil-paragrafu 7.”;

(2)

Wara l-Artikolu 4(1), għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-intrapriżi jistgħu jippreżentaw applikazzjoni addizzjonali għall-għajnuna tar-ristrutturar biex jirrinunzjaw, sa mill-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009, parti ulterjuri jew it-totalità tal-kwota allokata lilhom, sal-31 ta’ Marzu 2008 fil-każ fejn:

ikunu ingħataw applikazzjonijiet fuq inizjattiva tal-produtturi skond l-Artikolu 4a jew ta’ intrapriża skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu biex jirrinunzjaw kwota sa mill-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009, u

il-kwota rinunzjata tikkorrispondi kif suppost għal mill-anqas il-perċentwali ta’ rtirar stabbilit fis-16 ta’ Marzu 2007 mill-Artikolu 1(1) jew l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 290/2007 tas-16 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi, għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008, il-perċentwali pprovduta fl-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 (*).

Madankollu, intrapriżi li jinsabu fi Stati Membri fejn il-perċentwali ta’ rtirar stabbilit fid-data speċifikata fit-tieni inċiża ta’ l-ewwel subparagrafu ikun 0 jistgħu jużaw il-possibbiltà stipulata f’dak is-subparagrafu indipendentement minn jekk applikazzjonijiet fuq inizjattiva tal-produtturi jew minnhom ikunu ġew ippreżentati preċedentement.

(*)  ĠU L 78, 17.3.2007, p. 20.”;"

(3)

L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

“Artikolu 4a

Applikazzjoni mill-produtturi għal għajnuna għar-ristrutturar

1.   Għall-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009, kwalunkwe produttur tal-pitravi taz-zokkor jew tal-kannamieli maħsuba li jiġu pproċessati fiz-zokkor tal-kwota jista’ jippreżenta applikazzjoni diretta lill-Istat Membru kkonċernat għall-għajnuna prevista fl-Artikolu 3(6) u 3(7), akkumpanjata minn impenn li jwaqqaf il-kunsinna ta’ ċertu ammont ta’ pitravi jew kannamieli tal-kwota lill-intrapriża li magħha huwa jkun ikkonkluda kuntratt ta’ kunsinna fil-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, fil-qafas ta’ ftehim fil-kummerċ jista’ jkun deċiż li biss produtturi li jkunu kkonkludew kuntratti ta’ kunsinna fil-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti ma’ l-unika u l-istess intrapriża għandhom ikunu intitolati li jippreżentaw applikazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagafu jekk:

il-kwota allokata lil dik l-intrapriża tikkorrispondi għal mill-anqas 10 % tal-kumplament tal-kwota taz-zokkor stabbilita għall-Istat Membru kkonċernat fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, u

l-ammont tal-kwota taz-zokkor li għandu jkun rinunzjat minn dik l-intrapriża flimkien ma’ l-ammont tal-kwota taz-zokkor diġà rinunzjat mill-intrapriżi kollha fl-Istat Membru kkonċernat bħala konsegwenza ta’ applikazzjonijiet preċedenti skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 jikkorrispondi għal mill-anqas 60 % tal-kwota taz-zokkor stabbilita għal dak l-Istat Membru fl-imsemmi Anness III għar-Regolament (KE) Nru 318/2006 fl-20 ta’ Frar 2006. Għal dawk l-Istati Membri li ma kinux membri tal-Komunità fl-1 ta’ Lulju 2006, ir-referenza għall-Anness III għandha tikkonċerna l-verżjoni applikabbli fid-data ta’ l-adeżjoni tagħhom għall-Komunità.

2.   L-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppreżentati sat-30 ta’ Novembru 2007. L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati mit-30 ta’ Ottubru 2007.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jistabbilixxi lista ta’ applikazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 fl-ordni kronoloġika ta’ kif dawn ġew ippreżentati u għandu jikkomunika l-ammont totali tal-kwota milquta mill-applikazzjonijiet riċevuti fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol wara l-iskadenza għall-preżentazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 2 lill-Kummissjoni u lill-intrapriżi kkonċernati.

4.   Sal-15 ta’ Marzu 2008, l-Istat Membru kkonċernat għandu, abbażi ta’ l-ordni kronoloġika msemmija fil-paragrafu 3, u wara l-verifika prevista fir-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 5(2), jagħti l-applikazzjonijiet tal-produtturi li jikkorrispondu għal mhux iktar minn 10 % tal-kwota taz-zokkor allokata lil kull intrapriża u għandu jnaqqas bi proporzjon il-kwota ta’ l-intrapriża kkonċernata skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006. Madankollu, fil-każ imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri kkonċernati għandhom, taħt l-istess kondizzjonijiet, jagħtu applikazzjonijiet tal-produtturi li jikkorrispondu għal mhux aktar minn 10 % tal-kumplament tal-kwota taz-zokkor stabbilita għal dan l-Istat Membru fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 318/2006.

Fil-każ fejn jintlaħaq kwalunkwe mil-limiti ta’ 10 % msemmi fl-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrifjuta l-applikazzjonijiet ’il fuq minn dan il-limitu skond l-ordni kronoloġika tal-preżentazzjoni.

L-intrapriża kkonċernata għandha tistabbilixxi u timplimenta pjan soċjali kif imsemmi fl-Artikolu 4(3)(f).

5.   Bħala riżultat ta’ l-aċċettazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet mill-Istat Membru skond il-paragrafu 4, l-ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturar li għandu jingħata għandu jkun kif ġej:

(a)

għall-produtturi u l-kuntratturi, 10 % ta’ l-ammont ta’ għajnuna rilevanti stabbilit fl-Artikolu 3(5)(ċ) u għall-produtturi l-pagament addizzjonali msemmi fl-Artikolu 3(7);

(b)

għall-intrapriżi, l-ammont ta’ għajnuna rilevanti stabbilit fl-Artikolu 3(5)(ċ), imnaqqas b’10 % jew b’60 % jekk l-intrapriża kkonċernata ma tirrispettax il-ħtieġa stipulata fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

6.   Il-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw fejn applikazzjoni ta’ intrapriża skond l-Artikolu 4 tkun ingħatat sa mill-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 fejn tirrinunzja ammont ta’ kwota għola mill-kwota milquta mill-applikazzjoni tal-produtturi. L-istess għandu japplika fi kwalunkw każ, fejn applikazzjoni ta’ intrapriża tkun ingħatat sa mill-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 li tirrinunzja aktar minn 10 % tal-kwota tagħha.”;

(4)

Fl-Artikolu 5(1), għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fil-każ tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni addizzjonali għall-għajnuna ta’ ristrutturar skond l-Artikolu 4(1a), l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu, wara l-verifika prevista fir-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 5(2) dwar l-għoti ta’ dik l-għajnuna relatata ma’ dawn l-applikazzjonijiet sa tmiem April 2008.”;

(5)

Fl-Artikolu 6(4), it-tielet subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“L-għajnuna prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu m’għandhiex tkun ogħla mill-ammonti u r-rati ta’ appoġġ stabbiliti fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.”;

(6)

L-Artikolu 10(5) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“5.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tipposponi l-pagament ta’ l-għajnuna msemmija fl-Artikoli 6, 7, 8 u 9 sakemm ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa jkunu tħallsu lill-fond ta’ ristrutturar jew, fil-każ fejn ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa jkunu disponibbli f’dak il-fond, li tavvanza d-dati għall-pagamenti ta’ l-għajnuna.”;

(7)

Fl-Artikolu 11, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   Fil-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009, l-intrapriżi li kienu soġġetti għall-applikazzjoni tal-perċentwali ta’ rtirar stipulat fis-16 ta’ Marzu 2007 bl-Artikolu 1(1) jew l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 290/2007 u li jirrinunzjaw perċentwali tal-kwota tagħhom ta’ mill-inqas dan il-perċentwali ta’ rtirar, għandhom jiġu eżentati minn parti mill-ammont temporanju għar-ristrutturar li għandu jitħallas għall-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008.

Fil-każ fejn il-kondizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu ssodisfati, it-tnaqqis ta’ l-ammont temporanju għar-ristrutturar għandu jiġi kkalkulat billi dak l-ammont jiġi mmultiplikat bil-perċentwali ta’ rtirar stipulat skond l-Artikolu 1(1) jew 1(2)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 290/2007.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 9 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. TEIXEIRA DOS SANTOS


(1)  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 42.

(2)  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 247/2007 (ĠU L 69, 9.3.2007, p. 3).

(3)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2012/2006 (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 8).


Top