EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1260

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2007 tad- 9 ta’ Ottubru 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 318/2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor

ĠU L 283, 27.10.2007, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2015

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1260/oj

27.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 283/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1260/2007

tad-9 ta’ Ottubru 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 318/2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Sabiex jinżamm il-bilanċ strutturali tas-suq, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirtira z-zokkor mis-suq. Fil-każ fejn jiġi deċiż irtirar preventiv, jeħtieġ li jiġi limitat l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-obbligu previst fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 (1), sabiex jiġi evitat li jkun impost fuq l-intrapriżi taz-zokkor obbligu ta’ ħlas tal-prezz minimu għal kwantitajiet ta’ pitravi li jikkorrispondu għall-kwota sħiħa tagħhom, inklużi dawk il-kwantitajiet li jistgħu jiġu prodotti ‘l fuq mil-limitu minimu.

(2)

Skond l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi sa l-aħħar ta’ Frar 2010 dwar hijiex ser twettaq tnaqqis lineari tal-kwoti nazzjonali u reġjonali, bil-ħsieb li dawn il-kwoti jiġu aġġustati għal livell sostenibbli wara l-iskadenza ta’ l-iskema ta’ ristrutturar stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 ta’ l-20 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar ta’ l-industrija taz-zokkor fil-Komunità (2).

Sabiex tiġi mħeġġa parteċipazzjoni ogħla f’dik l-iskema ta’ ristrutturar, huwa kkunsidrat xieraq li jitnaqqas il-perċentwali msemmi fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, b’kont meħud tar-rinunzja totali tal-kwota għal kull Stat Membru taħt l-iskema ta’ ristrutturar, kif ukoll li dan il-perċentwali jiġi modulat għal kull intrapriża skond l-isforz individwali tagħha għar-ristrutturar.

(3)

Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda msemmija fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 320/2006. Għaldaqstant dawk ir-reġjuni għandhom ikunu esklużi mill-qtugħ finali li bih il-Kummissjoni hi intitolata taġġusta l-kwoti wara l-iskadenza ta’ l-iskema ta’ ristrutturar.

(4)

L-Artikolu 4a tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 jipprevedi l-possibbiltà għall-produtturi tal-pitravi u l-kannamieli maħsuba għall-produzzjoni tal-kwota li jippreżentaw applikazzjoni diretta għal għajnuna għar-ristrutturar dment li huma ma jkomplux jibagħtu kunsinni lill-intrapriżi li magħhom huma kienu marbuta b’kuntratti ta’ kunsinna fil-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti. Bħala riżultat ta’ l-aċċettazzjoni ta’ tali applikazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom inaqqsu l-kwota ta’ l-intrapriżi kkonċernati fil-limitu ta’ l-10 % msemmi fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006. F’dan il-kuntest huwa meħtieġ li dak l-Artikolu jiġi emendat, sabiex jippermetti t-tnaqqis definittiv tal-kwoti allokati lill-intrapriżi.

(5)

Amministrazzjoni sana taz-zokkor fl-intervent pubbliku tfisser li z-zokkor għandu jkun mibjugħ mill-ġdid fis-suq hekk kif it-tendenzi tas-suq jippermettu dan sabiex jiġi evitat perijodu ta’ ħżin twil b’riskju ta’ deterjorazzjoni tal-kwalità. Il-possibbiltà li dan jinbiegħ mill-ġdid bħala zokkor industrijali hi meqjusa bħala adegwata.

(6)

L-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 jipprevedi l-possibbiltà li z-zokkor jiġi rtirat mis-suq fejn ikun meħtieġ sabiex jinżamm il-livell strutturali tas-swieq f’livell ta’ prezz qrib il-prezz ta’ referenza. Attwalment, l-applikazzjoni ta’ din il-miżura hija bbażata fuq perċentwali, li hu komuni għall-Istati Membri kollha u applikabbli għall-produzzjoni kollha taħt kwota. Esperjenza reċenti wriet li tali applikazzjoni lineari tista’ tkun kontraproduttiva, peress li l-produtturi jkunu mħeġġa jipproduċu iktar mill-ħtiġijiet kuntrattwali tagħhom bħala prekawzjoni kontra l-possibbiltà ta’ ħżin obbligatorju tal-kwantitajiet irtirati.

Għalhekk huwa kkunsidrat xieraq li l-istrument ta’ rtirar jiġi adattat billi l-perċentwali lineari jinbidel b’limitu minimu, li għandu jiġi determinat bl-applikazzjoni ta’ koeffiċjent għall-kwota allokata lil kull intrapriża, u l-kwantitajiet prodotti taħt kwota ‘l fuq minn dan il-limitu għandhom jiġu rtirati. B’dan il-mod, l-intrapriżi għandhom ikunu kapaċi jevitaw il-konsegwenzi ta’ rtirar billi jaġġustaw il-produzzjoni tagħhom biex ma taqbiżx il-livell tal-limitu minimu.

(7)

Huwa kkunsidrat li l-objettiv ta’ l-irtirar jista’ jinkiseb aħjar jekk il-koeffiċjent ta’ rtirar jista’ jiġi stabbilit b’mod preventiv sa nofs Marzu tal-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti, peress li dan jippermetti lill-produtturi tal-pitravi biex jadattaw iż-żriegħ tagħhom għall-karta tal-bilanċ prevista. Ir-Regolament (KE) Nru 320/2006 jiftaħ il-possibbiltà ta’ rinunzja ta’ kwoti kontra l-pagament ta’ għajnuna għar-ristruttar f’żewġ stadji. L-ammonti li jistgħu jkunu rrinunzjati fit-tieni stadju ma jittieħdux f’kont biex jiġi stabbilit il-koeffiċjent għall-irtirar preventiv fir-rigward tal-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 peress li l-figuri rispettivi ser ikunu magħrufa biss wara s-16 ta’ Marzu 2008, li hu t-terminu perentorju biex jiġi stabbilit il-koeffiċjent. Għalhekk għandu jkun iċċarat li l-koeffiċjent jeħtieġ li jkun applikat għall-kwoti li jkunu għadhom disponibbli f’dak il-mument.

(8)

Sabiex jittieħed kont ta’ data tas-suq aġġornata dwar il-produzzjoni, għandha ssir dispożizzjoni biex il-koeffiċjent ta’ rtirar preventiv stabbilit f’Marzu jkun aġġustat jekk meħtieġ għall-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata.

(9)

L-Artikolu 19(3) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 jipprevedi li l-kwantitajiet irtirati li ma jkunux kummerċjalizzati bħala zokkor jew isoglukożju industrijali għandhom jiġu trattati bħala l-ewwel kwantitajiet prodotti taħt kwota għall-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni li jkun imiss. Din ir-regola tista’ tfisser li l-intrapriżi li jkunu jixtiequ jipparteċipaw fl-iskema ta’ ristrutturar fil-kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 u 2009/2010 ma jkunux jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minn dik l-iskema. Sabiex jiġi evitat it-tfixkil fir-ristrutturar tas-settur taz-zokkor, huwa kkunsidrat meħtieġ li tiġi prevista eżenzjoni, fuq it-talba ta’ l-intrapriża, mill-irtirar fil-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008 jew minn irtirar possibbli fil-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 għal dawk l-intrapriżi li fil-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ l-irtirar ikkonċernata jkunu applikaw b’suċċess għal għajnuna għar-ristrutturar taħt ir-Regolament (KE) Nru 320/2006 u li bħala riżultat ikunu ser jirrinunzjaw il-kwota totali tagħhom fil-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni li jkun imiss.

(10)

Sabiex tiġi mħeġġa parteċipazzjoni ogħla fl-iskema ta’ ristrutturar, huwa kkunsidrat xieraq li tkun prevista żieda tal-koeffiċjent fir-rigward tar-rinunzja totali tal-kwota għal kull Stat Membru taħt l-iskema ta’ ristrutturar.

(11)

Liċenzji ta’ l-importazzjoni taħt ċerti arranġamenti preferenzjali għandhom jinħarġu biss lir-raffinaturi full-time fil-limitu tal-ħtieġa tal-provvista tradizzjonali previst fl-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006. Din il-prerogattiva m’għandhiex titnaqqas fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ rtirar, ladarba r-raffinaturi m’għandhomx l-istess possibbiltà bħall-produtturi taz-zokkor li jadattaw il-produzzjoni tagħhom għal-limiti minimi ta’ l-irtirar.

(12)

L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-ftehim interprofessjonali. Skond il-paragrafu 6 ta’ dak l-Artikolu, il-ftehim fi ħdan il-kummerċ jistgħu jidderogaw minn xi wħud minn dawn ir-regoli. Għandha tkun prevista l-possibbiltà ta’ deroga mill-obbligu ta’ l-intrapriżi taz-zokkor li ma jkunux iffirmaw kuntratti ta’ qabel iż-żriegħ għal kwantità ekwivalenti għaz-zokkor tal-kwota tagħhom li jħallsu l-prezz minimu għall-pitravi kollha pproċessati f’zokkor, kif kien il-każ sa l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 318/2006.

(13)

L-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 jipprevedi aġġustament annwali tal-kwoti nazzjonali u reġjonali stipulati fl-Anness III għal dak ir-Regolament, bħala riżultat ta’ l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi differenti li permezz tagħhom il-kwoti allokati lil intrapriżi individwali jiżdiedu jew jitnaqqsu. L-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 jirreferi wkoll għall-Artikoli 14 u 19 ta’ dak ir-Regolament, li jikkonċernaw rispettivament iz-zokkor żejjed li jitmexxa ‘l quddiem u l-irtirar taz-zokkor mis-suq. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dawk l-Artikoli ma tirriżultax la f’żieda u lanqas fi tnaqqis tal-kwota. Għalhekk ir-referenza kkonċernata għandha titħassar.

(14)

Ir-Regolament (KE) Nru 318/2006 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(15)

F’dan ir-Regolament għandu jittieħed kont tal-fatt li l-kwota totali għall-produzzjoni tal-ġulepp ta’ l-inulina kienet ġiet rinunzjata fil-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 taħt l-iskema ta’ ristrutturar stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 320/2006,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 318/2006 huwa permezz ta’ dan emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 6, il-paragrafi 5 u 6 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“5.   Intrapriżi taz-zokkor li ma jkunux iffirmaw kuntratti ta’ kunsinna ta’ qabel iż-żriegħ bl-prezz minimu għall-kwota tal-pitravi għal kwantità ta’ pitravi ekwivalenti għaz-zokkor li għalih għandhom kwota, aġġustata, skond il-każ, permezz tal-koeffiċjent għal irtirar preventiv stabbilit skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 19(2), għandhom ikunu mitluba jħallsu mill-anqas il-prezz minimu għall-kwota tal-pitravi għall-pitravi taz-zokkor kollha li huma jipproċessaw f’zokkor.

6.   Soġġett għall-approvazzjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat, il-ftehim fi ħdan il-kummerċ jistgħu jidderogaw mill-paragrafi 3, 4 u 5.”;

(2)

L-Artikolu 10 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Amministazzjoni tal-kwota

1.   Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2), il-kwoti stipulati fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu aġġustati sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2008 għall-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 u sa tmiem Frar 2009 u 2010 rispettivament għall-kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni 2009/2010 u 2010/2011. L-aġġustamenti għandhom jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 8 u 9 ta’ dan ir-Regolament, tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u ta’ l-Artikoli 3 u 4a(4) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006.

2.   Il-Kummissjoni, filwaqt li tieħu kont tar-riżultati ta’ l-iskema ta’ ristutturar prevista fir-Regolament (KE) Nru 320/2006, għandha tiddeċiedi sa mhux iktar tard minn l-aħħar ta’ Frar 2010, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2) ta’ dan ir-Regolament, il-perċentwali komuni meħtieġ sabiex jitnaqqsu l-kwoti eżistenti għaz-zokkor u l-isoglukożju għal kull Stat Membru jew reġjun bil-ħsieb li jiġu evitati l-iżbilanċi fis-suq fil-kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni li jibdew mill-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2010/2011. L-Istati Membri għandhom jaġġustaw il-kwota ta’ kull intrapriza kif meħtieġ.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, għall-Istati Membri li tnaqqsitilhom il-kwota nazzjonali bħala riżultat tar-rinunzji tal-kwota skond l-Artikoli 3 u 4a(4) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, il-perċentwali għandu jkun stabbilit skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2) ta’ dan ir-Regolament, permezz ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Anness VIII għal dan ir-Regolament. Tali Stati Membri għandhom jaġġustaw, għal kull intrapriża fit-territorju tagħhom li għandha kwota, il-perċentwali skond l-Anness IX ta’ dan ir-Regolament.

L-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu m’għandhomx japplikaw għar-reġjuni l-aktar imbiegħda msemmija fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat.”;

(3)

L-Artikolu 11 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

it-titolu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Allokazzjoni mill-ġdid tal-kwota nazzjonali u t-tnaqqis tal-kwoti”

(b)

Il-paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Stat Membru jista’ jnaqqas il-kwota taz-zokkor jew ta’ l-isoglukożju allokata għal intrapriża stabbilita fit-territorju tiegħu b’mhux aktar minn 10 % għall-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 u li jsegwu, filwaqt li jirrispetta l-libertà ta’ l-intrapriżi li jieħdu sehem fil-mekkaniżmi stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 320/2006. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom japplikaw kriterji oġġettivi u non-diskriminatorji.”;

(ċ)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   B’deroga mill-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, fejn jiġi applikat l-Artikolu 4a tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, l-Istati Membri għandhom jaġġustaw il-kwota taz-zokkor allokata lill-intrapriża kkonċernata billi japplikaw it-tnaqqis definit taħt il-paragrafu 4 ta’ dak l-Artikolu, fil-limitu tal-perċentwali stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”;

(4)

Fl-Artikolu 15(1), il-punt (ċ) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(ċ)

iz-zokkor, u l-isoglukożju rtirati mis-suq skond l-Artikoli 19 u 19a u li għalihom l-obbligi previsti fl-Artikolu 19(3) ma ġewx issodisfatti.”;

(5)

Fil-punt a ta’ l-Artikolu 18(3), għandu jiżdied l-inċiż li ġej:

“jew

għall-użu industrijali msemmi fl-Artikolu 13.”;

(6)

L-Artikolu 19 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 19

Rtirar taz-zokkor

1.   Sabiex il-bilanċ strutturali tas-suq jinżamm f’livell ta’ prezz li huwa qrib tal-prezz ta’ referenza, il-Kummissjoni, b’kont meħud ta’ l-impenji tal-Komunità li jirriżultaw mill-ftehim konklużi skond l-Artikolu 300 tat-Trattat, tista’ tiddeċiedi li tirtira mis-suq, għal kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni partikolari, dawk il-kwantitajiet ta’ zokkor jew isoglukożju prodotti taħt kwoti li jaqbżu l-limitu minimu kkalkulat skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-limitu minimu ta’ rtirar imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi kkalkulat, għal kull intrapriża li għandha kwota, billi l-kwota tagħha tiġi mmultiplikata b’koeffiċjent, li għandu jiġi stabbilit skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2) sa mhux aktar tard mis-16 ta’ Marzu tal-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti, abbażi tat-tendenzi mistennija fis-suq. Għall-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009, dak il-koeffiċjent għandu jkun applikat għall-kwota wara r-rinunzji skond ir-Regolament (KE) Nru 320/2006 mogħtija mhux aktar tard mill-15 ta’ Marzu 2008.

Abbażi tat-tendenzi aġġornati tas-suq, il-Kummissjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2), tista’ tiddeċiedi sal-31 ta’ Ottubru tal-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata jew li taġġusta inkella li, fil-każ li ma tkun ittieħdet ebda tali deċiżjoni skond l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, li tistabbilixxi koeffiċjent.

3.   Kull intrapriża pprovduta bi kwota għandha taħżen bl-ispejjeż għaliha sal-bidu tal-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni segwenti z-zokkor prodott taħt kwota lil hinn mil-limitu minimu kkalkulat skond il-paragrafu 2. Il-kwantitajiet ta’ zokkor jew isoglukożju rtirati matul kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni għandhom jiġu trattati bħala l-ewwel kwantitajiet prodotti taħt kwota għall-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni li jkun imiss.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, b’kont meħud tax-xejriet mistennija fis-suq taz-zokkor, jista’ jiġi deċiż, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2), li jiġi kkunsidrat, għall-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni attwali u/jew għal dik li jkun imiss, iz-zokkor jew l-isoglukożju rtirat kollu jew parti minnu bħala:

(a)

zokkor żejjed jew isoglukożju żejjed disponibbli biex isir zokkor industrijali jew isoglukożju industrijali, jew

(b)

produzzjoni temporanja tal-kwota li parti minnha tista’ tiġi riservata għall-esportazzjoni li tirrispetta l-impenji tal-Komunità li jirriżultaw mill-ftehim konklużi skond l-Artikolu 300 tat-Trattat.

4.   Jekk il-provvista taz-zokkor fil-Komunità ma tkunx adegwata, jista’ jiġi deċiż, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2), li ċertu kwantità ta’ zokkor irtirat tista’ tinbiegħ fis-suq Komunitarju qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ rtirar.

5.   Fil-każ fejn iz-zokkor irtirat jiġi trattat bħala l-ewwel produzzjoni taz-zokkor tal-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni li jkun imiss, għandu jitħallas il-prezz minimu ta’ dik il-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni lill-produtturi tal-pitravi.

Fil-każ fejn iz-zokkor irtirat isir zokkor industrijali jew jiġi esportat skond il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 5 dwar il-prezz minimu m’għandhomx japplikaw.

Fil-każ fejn iz-zokkor irtirat jinbiegħ fis-suq Komunitarju qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ rtirar skond il-paragrafu 4, għandu jitħallas il-prezz minimu tal-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni li tkun għaddejja lill-produtturi tal-pitravi.”;

(7)

L-Artikolu 19a li ġej għandu jiddaħħal:

“Artikolu 19a

Rtirar taz-zokkor fil-kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008, 2008/2009 u 2009/2010

1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-Regolament, għall-Istati Membri li tnaqqsitilhom il-kwota nazzjonali taz-zokkor bħala riżultat tar-rinunzji tal-kwota skond l-Artikoli 3 u 4a(4) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, il-koeffiċjent għandu jkun stabbilit skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2) ta’ dan ir-Regolament, għall-kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008, 2008/2009 u 2009/2010 permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Anness X għal dan ir-Regolament.

2.   Intrapriża li, skond il-punti (a) jew (b) ta’ l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 tirrinunzja, b’effett mill-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni li jkun imiss, il-kwota totali allokata lilha m’għandhiex, fuq talba tagħha, tkun sottomessa għall-applikazzjoni tal-koeffiċjenti msemmija fl-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-Regolament. Dik it-talba għandha tiġi ppreżentata qabel it-tmiem tal-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni li għaliha japplika l-irtirar.”;

(8)

Fl-Artikolu 29(1), l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Il-ħtieġa tal-provvista tradizzjonali taz-zokkor għar-raffinar hija stabbilita għall-Kommunità għal 2 324 735 tunnellata għal kull kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni, espressa f’zokkor abjad.”

(9)

Fl-Anness V il-punt VI, ir-referenza għall-Artikolu 10(3) għandha tinbidel b’referenza għall-Artikolu 10(2);

(10)

It-test li jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament għandu jiżdied bħala l-Annessi VIII, IX u X.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 9 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. TEIXEIRA DOS SANTOS


(1)  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 247/2007 (ĠU L 69, 9.3.2007, p. 3).

(2)  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 42. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1261/2007 (Ara paġna 8 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

ANNESS VIII

KALKOLU TAL-PERĊENTWALI LI GĦANDU JKUN STABBILIT SKOND IT-TIENI SUBPARAGRAFU TA’ L-ARTIKOLU 10(2)

1.

Għall-iskop tal-kalkolu stipulat fil-punt 2, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“perċentwali fil-livell ta’ Stat Membru” tfisser il-perċentwali li għandu jkun stabbilit skond il-punt 2 bl-iskop li tiġi determinata l-kwantità totali li għandha titnaqqas fil-livell ta’ l-Istat Membru kkonċernat;

(b)

“perċentwali komuni” tfisser il-perċentwali komuni stabbilit mill-Kummissjoni skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 10(2);

(ċ)

“tnaqqis” tfisser iċ-ċifra miksuba bid-diviżjoni tar-rinunzja totali tal-kwoti fl-Istat Membru bil-kwoti nazzjonali kif stabbiliti fl-Anness III għal dan ir-Regolament fil-verżjoni applikabbli fl-1 ta’ Lulju 2006. Għal dawk l-Istati Membri li ma kinux membri tal-Komunità fl-1 ta’ Lulju 2006, ir-referenza għall-Anness III tikkonċerna l-verżjoni applikabbli fid-data ta’ l-adeżjoni tagħhom għall-Komunità.

2.

Il-perċentwali fil-livell ta’ Stat Membru huwa daqs il-perċentwali komuni mmultiplikat b’1 – [(1/0,6) × it-tnaqqis].

Fejn ir-riżultat ikun taħt iż-żero, il-perċentwali applikabbli jkun ta’ żero.

ANNESS IX

KALKOLU TAL-PERĊENTWALI APPLIKABBLI GĦALL-INTRAPRIŻI SKOND IT-TIELET SUBPARAGRAFU TA’ L-ARTIKOLU 10(2)

1.

Għall-iskop tal-kalkolu stipulat fil-punt 2, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“perċentwali applikabbli” tfisser il-perċentwali li għandu jkun stabbilit skond il-punt 2 u applikabbli għall-kwota allokata lill-intrapriża kkonċernata;

(b)

“perċentwali komuni fil-livell ta’ Stat Membru” tfisser il-perċentwali kkalkulat fl-Istat Membru kkonċernat bħala:

Qty / Σ [(1 – R/K) × Q]

fejn

Qty

=

il-kwantità li għandha titnaqqas fil-livell ta’ l-Istat Membru msemmi fl-Anness VIII, punt 1 (a),

R

=

ir-rinunzja msemmija f’(c) għal intrapriża partikolari,

Q

=

il-kwota ta’ l-istess intrapriża partikolari disponibbli fit-tmiem ta’ Frar 2010,

K

=

il-figura kkalkulata taħt (d),

Σ tirreferi għas-somma tal-prodott ta’ (1 – R/K) × Q kkalkulata għal kull intrapriża li jkollha kwota fit-territorju ta’ l-Istat Membru; fejn ir-riżultat ikun inqas minn żero, hu għandu jkun daqs żero;

(ċ)

“rinunzja” tfisser il-figura miksuba bid-diviżjoni tal-kwantità ta’ kwoti rrinunzjati mill-intrapriża kkonċernata mill-kwota tagħha kif allokata skond l-Artikolu 7 u l-paragrafi 1 sa 3 ta’ l-Artikolu 11.

(d)

“K” hi kkalkulata f’kull Stat Membru bid-diviżjoni tat-tnaqqis totali tal-kwota f’dak l-Istat Membru (rinunzji volontarji flimkien mal-kwantità li għandha titnaqqas fil-livell ta’ Stat Membru msemmija fl-Anness VIII, punt 1 (a)) bil-kwota inizjali tiegħu kif stipulat fl-Anness III għal dan ir-Regolament fil-verżjoni applikabbli fl-1 ta’ Lulju 2006. Għal dawk l-Istati Membri li ma kinux membri tal-Komunità fl-1 ta’ Lulju 2006, ir-referenza għall-Anness III tikkonċerna l-verżjoni applikabbli fid-data ta’ l-adeżjoni tagħhom għall-Komunità.

2.

Il-perċentwali applikabbli huwa daqs il-perċentwali komuni mmultiplikat b’1 – [(1/K) × it-tnaqqis].

Fejn ir-riżultat ikun taħt iż-żero, il-perċentwali applikabbli jkun ugwali għal żero.

ANNESS X

KALKOLU TAL-KOEFFIĊJENT LI GĦANDU JKUN STABBILIT SKOND TA’ L-ARTIKOLU 19a (1)

1.

Għall-iskop tal-kalkoli stipulati fil-punti 2 u 3, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“koeffiċjent fil-livell ta’ Stat Membru” tfisser il-koeffiċjent li għandu jkun stabbilit skond il-punt 2;

(b)

“tnaqqis” tfisser iċ-ċifra miksuba bid-diviżjoni tar-rinunzja totali tal-kwoti taz-zokkor fl-Istat Membru, inklużi r-rinunzji fil-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni li għaliha japplika l-irtirar, bil-kwoti nazzjonali taz-zokkor kif stabbiliti fl-Anness III għal dan ir-Regolament fil-verżjoni applikabbli fl-1 ta’ Lulju 2006; għal dawk l-Istati Membri li ma kinux membri tal-Komunità fl-1 ta’ Lulju 2006, il-kalkolu għandu jieħu kont tal-verżjoni ta’ l-Anness III applikabbli fid-data ta’ l-adeżjoni tagħhom għall-Komunità;

(ċ)

“koeffiċjent” tfisser il-koeffiċjent stabbilit mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 19 (2).

2.

Għall-kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008, il-koeffiċjent fil-livell ta’ Stat Membru għandu jkun daqs il-koeffiċjent miżjud b’[(1/0,5) x it-tnaqqis] x (1 – il-koeffiċjent).

Fejn ir-riżultat ikun ogħla minn 1, il-koeffiċjent applikabbli jkun ta’ 1.

3.

Għall-kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 u 2009/2010, il-koeffiċjent fil-livell ta’ Stat Membru għandu jkun daqs il-koeffiċjent miżjud b’[(1/0,6) × it-tnaqqis] × (1 – il-koeffiċjent).

Fejn ir-riżultat ikun ogħla minn 1, il-koeffiċjent applikabbli jkun ta’ 1.


Top