EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0693

2007/693/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 26 ta’ Ottubru 2007 li tirrigwarda ċerti miżuri ta’ ħarsien marbuta ma’ l-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja fil-Kanada (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5202) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 283, 27.10.2007, p. 72–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/11/2007

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/693/oj

27.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 283/72


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-26 ta’ Ottubru 2007

li tirrigwarda ċerti miżuri ta’ ħarsien marbuta ma’ l-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja fil-Kanada

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5202)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/693/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 18(1) u (6) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistipula l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 22(1) u (5) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/696/KE tat-28 ta’ Awwissu 2006 li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom it-tjur, il-bajd tat-tfaqqis, flieles ta’ ġurnata, laħam tat-tjur, għasafar ma jtirux u tal-kaċċa, bajd u prodotti tal-bajd u bajd speċifikat mingħajr patoġeni jistgħu jiġu importati fil-Komunità, jew jgħaddu bi tranżitu mill-Komunità u l-kondizzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni veterinarja applikabbli, u temenda id-Deċiżjonijiet 93/342/KEE, 2000/585/KE u 2003/812/KE (3) tistipula lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom dawn il-prodotti jistgħu jiġu importati fil-Komunità jew jgħaddu bi tranżitu mill-Komunità u tistabbilixxi l-kondizzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni veterinarja.

(2)

Skond din id-Deċiżjoni, l-importazzjonijiet fil-Komunità mill-Kanada, tat-tjur, tal-bajd tat-tfaqqis, ta’ flieles ta’ ġurnata, tal-laħam tat-tjur, u ta’ għasafar ma jtirux u tal-kaċċa, huma awtorizzati.

(3)

Fis-27 ta’ Settembru 2007, il-Kanada irrappurtat lill-Kummissoni dwar tifqigħa ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sotto tip H7n3 fi stabbiliment tat-tjur fil-provinċja ta’ Saskatchewan. Hija għarrfet ukoll li ċ-ċertifikazzjoni ġiet sospiża minnufih għat-tjur, għal-laħam tat-tjur u għal prodotti oħra li jistgħu jferrxu dak il-vajrus, għall-importazzjonijiet fil-Komunità mit-territorju kollu tal-Kanada.

(4)

Il-Kanada ħadet miżuri ta’ ħarsien immedjati u xierqa, inklużi restrizzjonijiet dwar il-moviment tal-tjur u l-prodotti tagħhom ġewwa u barra ż-żona affettwata mill-marda u pprovdiet lill-Kummissjoni b’tagħrif dwar il-qagħda epidemjoloġika. Skond it-tagħrif disponibbli ma hemm l-ebda indikazzjoni ta’ aktar firxa tal-vajrus miż-żona affettwata. Fid-dawl ta’ dan it-tagħrif u minħabba fil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada dwar miżuri sanitarji għall-ħarsien tas-saħħa pubblika u ta’ saħħet l-annimali fir-rigward tal-kummerċ fl-annimali ħajjin u l-prodotti ta’ l-annimali kif approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/201/KE (4), huwa xieraq li s-sospensjoni ta’ l-importazzjonijiet mill-Kanada lejn iż-żona affettwata mill-marda fil-provinċja ta’ Saskatchewan tiġi ristretta.

(5)

Id-Deċizjoni tal-Kummissjoni 2005/432/KE tat-3 ta’ Ġunju 2005 li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa pubblika u ta’ saħħet l-annimali u ċ-ċertifikati mudelli għall-importazzjonijiet tal-prodotti tal-laħam għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tneħħi d-Deċiżjonijiet 97/41/KE, 97/221/KE u 97/222/KE (5) tistipula l-lista tal-pajjiżi terzi li minnha l-Istati Membri, skond l-istatus ta’ saħħet l-annimali tal-pajjiż terz, għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ dawk il-prodotti suġġetti għal ċerti reġimi ta’ trattament.

(6)

L-importazzjonijiet fil-Komunità mill-Kanada ta’ prodotti tal-laħam tat-tjur li għaddew minn trattament mhux speċifiku, huma attwalment awtorizzati. Madankollu, fil-każ tat-tifqigħ ta’ l-influwenza tat-tjur, dan it-trattament mhuwiex biżżejjed biex jiddiżattiva l-vajrus ta’ l-influwenza tat-tjur. Huwa għalhekk xieraq, f’din id-Deċiżjoni, li miż-żona affettwata jiġu biss awtorizzati importazzjonijiet ta’ prodotti tal-laħam tat-tjur li kienu suġġetti għat-trattament B, Ċ jew D, skond il-Parti 4 ta’ l-Anness II tad-Deċiżjoni 2005/432/KE.

(7)

Fid-dawl tal-qagħda epidemjoloġika attwali fil-Kanada din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ Novembru 2007 u l-miżuri għandhom jiġu rreveduti.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati membri għandhom jissospendu l-importazzjonijiet tal-prodotti li ġejjin, mit-territorju tal-Kanada msemmi fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni:

(a)

tjur ta’ l-irziezet, bajd għat-tifqis u flieles ta’ ġurnata kif iddefiniti fl-Artikolu 2(a), (b) u (ċ) tad-Deċiżjoni 2006/696/KE;

(b)

laħam, kif definit fl-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2006/696/KE;

(c)

preparazzjonijiet ta’ laħam u prodotti tal-laħam kif definiti fil-punti 1.15 u 7.1 fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u li huma magħmula minn, jew li fihom laħam imsemmi fil-punt (b);

(d)

ikel mhux imsajjar għall-annimali tad-dar u materjal mhux ipproċessat għall-għalf li fih kwalunkwe parti minn dawn l-ispeċi imsemmija fil-punt (a);

(e)

laħam mhux ttrattat minn tjur tal-priża minn kwalunkwe għasfur.

Artikolu 2

L-importazzjonijiet ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu awtorizzati mit-territorju msemmi fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni sakemm fiċ-ċertifikati ta’ l-importazzjoni mehmużin mal-kunsinni ta’ dawn il-prodotti, huwa indikat biċ-ċar li:

(a)

ġejjin mit-territorju tal-kodiċi “CA-1” fejn irid jiġi ċċertifikat il-ħelsien mill-influwenza tat-tjur.

(b)

“Din il-kunsinna hija konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/693/KE.”

Artikolu 3

B’deroga mill-Artikolu I, il-prodotti tal-laħam imsemmija fl-Artikolu 1(ċ), għandhom jiġu awtorizzati għall-importazzjoni fil-Komunità, sakemm dawn ġew suġġetti għat-trattament B, Ċ jew D, skond il-Parti 4 ta’ l-Anness II tad-Deċiżjoni 2005/432/KE.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ Novembru 2007.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 26 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 352).

(2)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE.

(3)  ĠU L 295, 25.10.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 71, 18.3.1999, p. 3.

(5)  ĠU L 151, 14.6.2005, p. 3. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1792/2006 (ĠU L 362, 20.12.2006, p. 1).

(6)  ĠU L 139, 30.4.2004.


ANNESS I

Iż-żona ristretta (10 km) fil-provinċja ta’ Saskatchewan inkluża parti mill-Muniċipalità Rurali ta’ Lumsden #189 li tmiss:

Fil-parti ta’ nofs in-nħar ma’ l-Awtostrada 11

Fil-parti tax-xlokk ma’ l-Awtostrada 20 sa Last Mountain Creek

Fil-parti tal-lvant u tat-tramuntana ma’ Last Mountain Creek u Last Mountain Lake

Fil-parti tal-punent mal-parti li tinsab fil-lvant ta’ Range 23 (3 mili) minn Township 21 u 20 mill-intersezzjoni ta’ l-Awtostrada 11 fil-Muniċipalità Rurali ta’ Dufferin #190.


ANNESS II

CA-1

:

It-territorju tal-Kanada, għajr iż-żona ristretta stipulata fl-Anness I.


Top