This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32007Q0904(01)
Instructions to the Registrar of the Court of First Instance of the European Communities of 5 July 2007
Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej 5 ta' Lulju 2007
Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej 5 ta' Lulju 2007
ĠU L 232, 4.9.2007, pp. 1–6
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 01/07/2015; Revokat u sostitwit bi 32015Q0618(01)
|
4.9.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 232/1 |
ISTRUZZJONIJIET LIR-REĠISTRATUR TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ
5 ta' Lulju 2007
IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
FUQ PROPOSTA TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA,
wara li rat ir-Regoli tal-Proċedura adottati fit-2 ta' Mejju 1991, kif sussegwentement emendati, u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tagħhom,
TADOTTA L-PREŻENTI
ISTRUZZJONIJIET LIR-REĠISTRATUR
Artikolu 1
Id-dmirijiet tar-Reġistratur
1. Ir-Reġistratur huwa responsabbli għaż-żamma tar-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza u ta' l-inkartamenti tal-kawżi pendenti, għall-aċċettazzjoni, għat-trażmissjoni, għan-notifika u għaż-żamma tad-dokumenti, tal-korrispondenza mal-partijiet u ma' terzi relatata mal-kawżi pendenti, kif ukoll għall-kustodja tas-siġilli tal-Qorti tal-Prim'Istanza; huwa jassigura li d-drittijiet lir-reġistru jinġabru u li l-ammonti dovuti lill-kaxxier tal-Qorti tal-Prim'Istanza jiġu rkuprati; huwa responsabbli għall-pubblikazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza.
2. Ir-Reġistratur huwa assistit minn Assistent Reġistratur fix-xogħlijiet indikati iktar 'il quddiem. Fil-każ ta' assenza jew ta' impediment tar-Reġistratur, l-Assistent Reġistratur jassumi r-responsabbiltà għat-twettiq ta' dan ix-xogħol u jieħu d-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tar-Reġistratur skond id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza u tal-preżenti Istruzzjonijiet lir-Reġistratur kif ukoll tad-delegi li huma mogħtija lilu b'applikazzjoni ta' dawn l-Istruzzjonijiet.
Artikolu 2
Il-ħinijiet tal-ftuħ tar-reġistru
1. Ir-Reġistru huwa miftuħ għall-pubbliku fil-ġranet kollha tax-xogħol.
Il-jiem kollha minbarra s-Sibtijiet, il-Ħdud kif ukoll il-jiem ta' vakanza legali indikati fil-lista msemmija fl-Artikolu 101(2) tar-Regoli tal-Proċedura huma kkunsidrati ġranet tax-xogħol.
Meta ġurnata ta' xogħol skond il-paragrafi preċedenti tkun vakanza għall-uffiċjali u għall-aġenti ta' l-istituzzjoni, il-possibbiltà li jsir kuntatt mar-reġistru waqt il-ħinijiet ta' ftuħ għall-pubbliku hija assigurata permezz ta' permanenza.
2. Il-ħinijiet tal-ftuħ tar-reġistru għall-pubbliku huma:
|
— |
filgħodu mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mid-09.30 sa 12.00; |
|
— |
wara nofsinhar, mit-Tnejn sal-Ħamis, mis-14.30 sal-17.30 u, ħlief matul il-ferjat previst fl-Artikolu 34(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Ġimgħa mis-14.30 sa l-16.30. |
Ir-registru huwa miftuħ għall-pubbliku nofs siegħa qabel il-bidu ta' kull seduta.
3. Meta r-reġistru jkun magħluq, l-atti ta' proċedura jistgħu, f'kull ħin tal-ġurnata u tal-lejl, jiġu validament ippreżentati lill-gwardjan li jkun qiegħed fis-servizz fl-intrati tal-binja tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Dan jieħu nota tad-data u tal-ħin tal-preżentata li jkunu awtentiċi u jagħti rċevuta jekk din tiġi mitluba.
Artikolu 3
Ir-Reġistru
1. Is-sentenzi u d-digrieti kif ukoll l-atti kollha mqegħda fl-inkartamenti tal-kawżi sottomessi lill-Qorti tal-Prim'Istanza għandhom jiġu rreġistrati fir-reġistru.
2. Ir-reġistrazzjonijiet għandhom jiġu nnumerati f'ordni li tikber u konsekuttiva; dawn isiru fil-lingwa tal-kawża u jinkludu l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex l-att ikun jista' jiġi identifikat, b'mod partikolari, id-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tal-kawża u n-natura ta' l-att.
3. Issir nota fir-reġistru ta' kull korrezzjoni.
Ir-reġistru f'forma elettronika jsir b'mod li ebda reġistrazzjoni ma tkun tista' tiġi mħassra u li kull korrezzjoni jew emenda sussegwenti ta' reġistrazzjoni tkun tingħaraf.
4. In-numru ta' l-ordni tar-reġistrazzjoni fir-reġistru jiġi indikat fuq l-ewwel paġna ta' kull att li joħroġ mill-Qorti tal-Prim'Istanza.
Għandu jsir notament tar-reġistrazzjoni fir-reġistru, b'indikazzjoni tan-numru ta' l-ordni u tad-data tar-reġistrazzjoni fir-reġistru fuq l-oriġinal ta' kull att ta' proċedura ppreżentat mill-partijiet u fuq kull kopja li tiġi nnotifikata lilhom. Dan in-notament isir fil-lingwa tal-kawża. In-notament fuq l-orġinal ta' l-att ta' proċedura għandu jiġi ffirmat mir-Reġistratur.
5. Meta r-reġistrazzjoni ta' att fir-reġistru ma ssirx fid-data stess li dan jiġi ppreżentat, din l-aħħar data tissemma fir-reġistru u fuq l-oriġinal, kif ukoll fuq il-kopji ta' l-att ta' proċedura.
6. Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tal-paragrafu preċedenti, jittieħdu in kunsiderazzjoni, skond il-każ, id-data li fiha l-att ta' proċedura jkun ġie rċevut mir-Reġistratur jew minn uffiċjal jew aġent tar-reġistru, id-data msemmija fl-Artikolu 2(3) iktar 'il fuq jew, fil-każijiet previsti fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 54 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 8(1) ta' l-Anness ta' dan l-Istatut, id-data tal-preżentata ta' l-att ta' proċedura fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jew fir-reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.
Artikolu 4
In-numru tal-kawża
1. Fil-mument tar-reġistrazzjoni ta' rikors fir-reġistru, il-kawża tingħata numru ta' ordni konsekuttiv b'“T-” qabel u bl-indikazzjoni tas-sena wara.
It-talbiet għal proċeduri sommarji, it-talbiet għal intervent, it-talbiet għal korrezzjoni jew għal interpretazzjoni ta' kawżi, it-talbiet għal reviżjoni jew ta' oppożizzjoni minn terzi, it-talbiet għal tassazzjoni ta' l-ispejjeż u t-talbiet għal għajnuna legali li jikkonċernaw rikorsi pendenti jingħataw l-isess numru ta' ordni konsekuttiv bħall-kawża prinċipali, segwit b'notament li jindika li jkunu proċeduri partikolari. Rikors li ġie ppreżentat wara talba għal għajnuna legali li tikkonċernah jingħata l-istess numru ta' kawża bħal din it-talba. Meta, wara appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrinvija l-kawża lura lill-Qorti tal-Prim'Istanza, din il-kawża żżomm l-istess numru li ngħatalha preċedentement quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.
2. In-numru ta' ordni konsekuttiv tal-kawża, flimkien ma' l-ismijiet tal-partijiet, huma indikati fl-atti ta' proċedura, fil-korrispondenza relatata mal-kawża kif ukoll, bla ħsara għall-Artikolu 18(4) ta' dawn l-Istruzzjonijiet, fil-pubblikazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza.
Artikolu 5
L-inkartament u l-aċċess għall-inkartament
1. L-inkartament tal-kawża jinkludi l-oriġinali, flimkien ma' l-annessi tagħhom, ta' atti u atti ta' proċedura mressqa mill-partijiet, ħlief dawk li ġew miċħuda bis-saħħa ta' l-Artikolu 7 ta' dawn l-Istruzzjonijiet, id-deċiżjonijiet meħuda f'din il-kawża, inklużi dawk li jikkonċernaw ir-rifjut ta' aċċettazzjoni ta' atti, ir-rapporti tas-seduta, il-proċessi verbali tas-seduta, in-notifiki magħmula mir-Reġistratur kif ukoll, jekk ikun il-każ, kull att jew korrispondenza li tkun ser tittieħed in kunsiderazzjoni għad-deċiżjoni tal-kawża.
Fil-każ ta' dubju, ir-Reġistratur jitlob lill-President sabiex jiġi deċiż jekk dokument għandux jitqiegħed fl-inkartament.
2. L-atti ta' l-inkartament jingħataw numru kurrenti.
3. L-avukati jew l-aġenti tal-partijiet f'kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza jew il-persuni awtorizzati minnhom jistgħu jikkonsultaw, fir-reġistru, l-inkartament oriġinali tal-kawża, inklużi l-inkartamenti amministrattivi mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, u jitolbu kopji jew estratti ta' l-atti ta' proċedura u tar-reġistru.
L-avukati jew l-aġenti tal-partijiet li tħallew jintervjenu, kif ukoll il-partijiet kollha f'diversi kawżi magħquda, għandhom l-istess dritt għall-aċċess għall-inkartamenti, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(2) u (3) iktar 'il quddiem, dwar it-trattament kunfidenzjali ta' ċerti elementi jew dokumenti ta' l-inkartament.
4. Il-verżjonijiet kunfidenzjali u l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta' l-atti ta' proċedura jiġu kklassifikati f'sezzjonijiet separati ta' l-inkartament. L-aċċess għal sezzjoni kunfidenzjali ta' l-inkartament huwa limitat għall-partijiet li fir-rigward tagħhom ebda trattament kunfidenzjali ma jkun ġie ordnat.
5. L-atti ta' proċedura f'kawża, imqegħda fl-inkartament ta' din ta' l-aħħar, ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex titħejja kawża oħra.
6. Wara li tintemm il-proċedura, l-inkartament tal-kawża jiġi magħluq u llegat. L-inkartament magħluq jinkludi lista ta' l-atti mqegħda fl-inkartament, b'indikazzjoni tan-numru tagħhom, kif ukoll ta' qoxra li tindika n-numru ta' l-ordni konsekuttiv tal-kawża, il-partijiet u d-data ta' għeluq.
7. Ebda terza persuna, privata jew pubblika, ma jista' jkollha aċċess għall-inkartament tal-kawża jew għall-atti ta' proċedura mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza jew, fil-każ ta' kawża li għadha pendenti, tal-President tal-Kulleġġ ġudikanti li quddiemu tkun tressqet il-kawża, wara li jinstemgħu l-partijiet. Din l-awtorizzazzjoni tista' tingħata biss fuq talba bil-miktub flimkien ma' ġustifikazzjoni ddettaljata ta' l-interess leġittimu għall-konsultazzjoni ta' l-inkartament.
Artikolu 6
It-trattament kunfidenzjali
1. Bla ħsara għall-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, talba għal trattament kunfidenzjali ta' ċerti elementi jew atti ta' l-inkartament ippreżentati mir-rikorrenti fir-rigward tal-konvenut ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni. Bl-istess mod, il-konvenut ma jistax jagħmel talba bħal din fir-rigward tar-rikorrenti.
2. Parti fil-kawża tista' titlob, skond l-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li t-trattament kunfidenzjali ta' ċerti elementi jew atti ta' l-inkartament tingħata fir-rigward ta' parti intervenjenti. Din it-talba trid tiġi ppreżentata skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi għall-Partijiet (punti 74 sa 77).
Talba għal trattament kunfidenzjali li ma tirrispettax l-Istruzzjonijiet Prattiċi għall-Partijiet tkun suġġetta għal talba ta' regolarizzazzjoni indirizzata lill-parti kkonċernata mir-Reġistratur. Jekk, minkejja t-talba sabiex din tiġi rregolarizzata, it-talba għat-trattament kunfidenzjali tibqa' mhux konformi ma' l-Istruzzjonijiet Prattiċi għall-Partijiet, din ma tkunx tista' tiġi kkunsidrata; għaldaqstant, l-atti kollha tal-proċedura, skond l-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jiġu kkomunikati fit-totalità tagħhom.
3. Fil-każ ta' kawżi magħquda, parti f'kawża tista' titlob, skond l-Artikolu 50(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li tikseb li t-trattament kunfidenzjali ta' ċerti elementi jew atti ta' l-inkartament jingħata fir-rigward ta' parti fil-kawża li magħha hija magħquda. Din it-talba għandha tiġi ppreżentata skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi għall-Partijiet (punti 78 u 79).
Talba għal trattament kunfidenzjali li ma tirrispettax l-Istruzzjonijiet Prattiċi għall-Partijiet tkun suġġetta għal talba ta' regolarizzazzjoni indirizzata lill-parti kkonċernata mir-Reġistratur. Jekk, minkejja t-talba sabiex din tiġi rregolarizzata, it-talba għat-trattament kunfidenzjali tibqa' mhux konformi ma' l-Istruzzjonijiet għall-Partijiet, din ma tkunx tista' tiġi kkunsidrata; għaldaqstant, il-parti l-oħra fil-kawża magħquda jkollha aċċess għat-totalità ta' l-inkartament.
Artikolu 7
Iċ-ċaħda ta' atti u r-regolarizzazzjoni
1. Ir-Reġistratur jassigura li l-atti mqegħda fl-inkartament ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tar-Regoli tal-Proċedura, ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi lill-Partijiet, kif ukoll ta' dawn l-Istruzzjonijiet.
Jekk ikun neċessarju, huwa jistabbilixxi terminu ta' żmien sabiex ikunu jistgħu jirrimedjaw l-irregolaritajiet formali ta' l-atti ppreżentati.
In-notifika ta' sottomissjoni tingħata tard fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura previsti fil-punti 55 u 56 ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi għall-Partijiet.
Il-ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 57 u 59 ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi għall-Partijiet idewmu jew jistgħu jdewmu, skond il-każ, in-notifika ta' sottomissjoni.
2. Ir-Reġistratur għandu jirrifjuta li jirreġistra sottomissjonijiet jew atti ta' proċedura mhux previsti fir-Regoli tal-Proċedura. Fil-każ ta' dubju, ir-Reġistratur jitlob lill-President sabiex tittieħed deċiżjoni.
3. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura dwar il-preżentata ta' atti permezz ta' faks jew kull mezz tekniku ieħor ta' komunikazzjoni, ir-Reġistratur għandu jaċċetta biss l-atti li jkollhom il-firma oriġinali ta' l-avukat jew ta' l-aġenti tal-parti.
Ir-Reġistratur jista' jitlob li jiġi ppreżentat kampjun, jekk ikun neċessarju awtentikat, tal-firma ta' avukat jew ta' aġent sabiex ikun jista' jivverifika li l-kundizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tkun ġiet irrispettata.
4. Il-preżentata ta' atti jew dokumenti annessi ma' sottomissjoni jew ma' att ta' proċedura għandha titwettaq skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi lill-Partijiet dwar il-preżentata ta' annessi mas-sottomissjonijiet. Fin-nuqqas ta' regolarizzazzjoni mill-parti kkonċernata, ir-Reġistratur għandu jirreferi lill-Imħallef Relatur sabiex dan ta' l-aħħar jiddeċiedi, bi qbil mal-President, jekk għandux jirrifjuta l-annessi li ma jkunux ippreżentati b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi lill-Partijiet.
5. Ħlief fil-każijiet espressament previsti mir-Regoli tal-Proċedura, ir-Reġistratur għandu jirrifjuta sottomissjonijiet jew atti ta' proċedura mħejjija f'lingwa li ma tkunx il-lingwa tal-kawża.
Meta xi atti jew dokumenti annessi mas-sottomissjonijiet jew ma' att ta' proċedura ma jkollhomx magħhom traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża, ir-Reġistratur għandu jordna lill-parti kkonċernata r-regolarizzazzjoni, jekk din it-traduzzjoni tkun neċessarja għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura.
Meta talba għal intervent, li toriġina minn terz li mhuwiex minn Stat Membru, ma tkunx imħejjija fil-lingwa tal-kawża, ir-Reġistratur għandu jitlob ir-regolarizzazzjoni tagħha qabel ma jinnotifikaha lill-partijiet. Jekk verżjoni ta' din it-talba mħejjija fil-lingwa tal-kawża tiġi ppreżentata fit-terminu stabbilit għal dan il-għan mir-Reġistratur, id-data tal-preżentata ta' l-ewwel verżjoni f'lingwa oħra titqies li hija d-data tal-preżentata ta' l-att.
6. Meta parti tikkontesta r-rifjut ta' aċċettazzjoni ta' att mir-Reġistratur, huwa għandu jissottometti l-att lill-President sabiex jiġi deċiż jekk dan l-att għandux jiġi aċċettat.
Artikolu 8
Il-preżentata tar-rikors
1. Meta r-Reġistratur jikkonstata li rikors mhuwiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa jissospendi n-notifika tar-rikors sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi fuq l-ammisibbiltà tar-rikors.
2. Għall-finijiet tal-preżentata ta' dokument, previst mill-Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li jiċċertifika li l-avukat li jirrippreżenta parti jew li jassisti lill-aġent tagħha huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta' Stat Membru jew ta' Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, huwa jista' jirreferi għal att diġà ppreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza.
3. Jekk ir-rikorrenti tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, l-atti li għandhom jiġu ppreżentati skond l-Artikolu 44(5)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura, għandhom jinkludu:
|
— |
l-eżistenza ta' mandat, |
|
— |
l-eżistenza legali tal-persuna ġuridika, |
|
— |
is-setgħa u l-kwalità tal-firmatarju tal-mandat, |
|
— |
li l-mandat ġie mogħti regolarment. |
Artikolu 9
It-traduzzjonijiet
1. Ir-Reġistratur għandu jassigura li, skond l-Artikolu 36(1) tar-Regoli tal-Proċedura, issir traduzzjoni ta' kull ma jintqal jew jiġi miktub matul il-proċeduri fuq talba ta' Mħallef, Avukat Ġenerali jew ta' parti, fil-lingwa tal-kawża jew, jekk ikun meħtieġ, f'lingwa oħra msemmija fl-Artikolu 35(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Safejn, għall-finijiet ta' l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura, traduzzjoni f'lingwa oħra msemmija fl-Artikolu 35(1) tar-Regoli tal-Proċedura hija neċessarja, ir-Reġistratur jassigura li din it-traduzzjoni ssir.
2. Jekk, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 131(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Reġistratur ikun stabbilixxa lill-parti kkonċernata terminu sabiex tiġi ppreżentata traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża, li tagħha għandha tiċċertifika l-eżattezza ma l-oriġinali, u jekk it-traduzzjoni ma tkunx ġiet ippreżentata fit-terminu stabbilit, ir-Reġistratur ineħħi mill-inkartament is-sottomissjoni jew l-att proċedurali in kwistjoni.
3. Ir-Reġistratur jistabbilixxi t-termini li fihom l-istituzzjonijiet li huma partijiet fl-istanza għandhom jippreżentaw it-traduzzjonijiet previsti fl-Artikolu 43(2) tar-Regoli tal-Proċedura.
Artikolu 10
Notifiki
1. In-notifiki jsiru, skond l-Artikolu 100(1) tar-Regoli tal-Proċedura, billi tintbagħat, jew bil-posta rreġistrata b'dikjarazzjoni ta' rċevuta, jew billi tittieħed personalment b'għotja ta' rċevuta, kopja awtentikata ta' l-oriġinali ta' l-att li għandu jiġi nnotifikat. Il-kopja awtentikata tiġi, jekk ikun meħtieġ, ippreparata mir-Reġistratur.
Il-kopja ta' l-att ikollha magħha ittra li tispeċifika n-numru tal-kawża, in-numru tar-reġistru u l-indikazzjoni fil-qosor tan-natura ta' l-att. L-oriġinal iffirmat ta' din l-ittra tinżamm fl-inkartament tal-kawża.
2. Fil-każ li n-notifika tar-rikors lill-konvenuta ma ssirx, ir-Reġistratur jistabbilixxi terminu lir-rikorrenti sabiex tipprovdi indirizz ġdid għan-notifika.
3. Sakemm id-destinatarju għandu indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, in-notifiki jiġu indirizzati lill-persuna f'dak l-indirizz.
Meta, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura, parti tkun naqset milli tagħti indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, mingħajr ma tkun aċċettat li notifiki jiġu indirizzati lilha b'faks jew kull mezz tekniku ieħor ta' komunikazzjoni, in-notifiki jsiru permezz ta' l-impustar, fil-Lussemburgu, ta' ittra rreġistrata indirizzata lill-aġenti jew lill-avukat tal-parti kkonċernata.
4. Meta, skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura, parti tkun aċċettat li n-notifiki jiġu indirizzati lilha pemezz ta' faks jew kull mezz tekniku ieħor ta' komunikazzjoni, in-notifiki jsiru, skond l-Artikolu 100(2) tar-Regoli tal-Proċedura, billi tintbagħat kopja ta' l-att li għandu jiġi nnotifikat b'dan il-mezz.
Madankollu, is-sentenzi u d-digrieti tal-Qorti tal-Prim'Istanza, kif ukoll l-atti, li, minħabba raġunijiet tekniċi jew minħabba n-natura jew il-volum tagħhom, ma tistax tintbagħat kopja tagħhom b'dan il-mezz, jiġu nnotifikati skond il-paragrafu 1 iktar 'il fuq.
Meta d-destinatarju ma jkollux indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, huwa jiġi infurmat b'din in-notifika billi tintbagħatlu, b'faks jew b'kull mezz ieħor ta' komunikazzjoni, kopja ta' l-ittra li tmur man-notifika u tinġibidlu l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 100(2) tar-Regoli tal-Proċedura.
5. Id-dikjarazzjoni ta' rċevuta, l-irċevuta, il-prova ta' l-impustar b'mod irreġistrat fil-Lussemburgu jew dokument li juri li n-notifika ntbagħtet permezz ta' faks jew ta' kull mezz tekniku ieħor ta' komunikazzjoni jinżammu fl-inkartament flimkien mal-kopja ta' l-ittra indirizzata lid-destinatarju fil-mument tan-notifika.
6. Jekk, minħabba l-volum ta' att jew ta' dokument, kopja waħda biss tiġi annessa ma' att ta' proċedura ppreżentat minn parti jew, minħabba raġunijiet oħra, kopji ta' att jew ta' oġġett ippreżentat fir-reġistru ma jistgħux jiġu nnotifikati lill-partijiet, ir-Reġistratur jinforma lill-partijiet b'dan u jindikalhom li l-att, id-dokument jew l-oġġett in kwistjoni huwa mqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom fir-reġistru għall-konsultazzjoni.
Artikolu 11
L-iffissar u l-proroga tat-termini
1. Ir-Reġistratur għandu jiffissa t-termini previsti fir-Regoli tal-Proċedura skond id-delegi li ġew mogħtija lilu mill-President.
2. L-atti li jaslu fir-reġistru wara li jkun skada t-terminu ffissat għall-preżentata tagħhom jistgħu jiġu aċċettati biss bl-awtorizzazzjoni tal-President.
3. Ir-Reġistratur jista' jipproroga t-termini ffissati, skond id-delegi li ġew mogħtija lilu mill-President; jekk ikun il-każ, huwa jissottometti lill-President proposti dwar il-proroga tat-termini.
It-talbiet għall-proroga tat-termini għandhom jiġu debitament motivati u ppreżentati fiż-żmien stipulat qabel l-iskadenza tat-terminu ffissat. Terminu ma jistax jiġi mġedded iktar minn darba ħlief għal raġunijiet eċċezzjonali.
Artikolu 12
Il-proċeduri sommarji
Fil-proċeduri msemmija fl-Artikoli 104 sa 110 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Reġistratur jista' jittrażmetti l-atti ta' proċedura permezz ta' kull mezz adatt li teżiġi l-urġenza, u b'mod partikolari permezz ta' faks; ir-Reġistratur, f'kull każ, wara jibgħat din it-trażmissjoni wkoll fil-forom previsti fl-Artikolu 100 tar-Regoli tal-Proċedura.
Artikolu 13
Is-seduti u l-proċessi verbali
1. Qabel kull seduta pubblika, ir-Reġistratur jistabbilixxi, fil-lingwa tal-kawża, lista tal-kawżi li tinkludi d-data, il-ħin u l-lok tas-seduta, il-Kulleġġ ġudikanti kompetenti, l-indikazzjoni tal-kawżi li ser jissejħu u l-ismijiet tal-partijiet.
Il-lista tal-kawżi titwaħħal fl-intrata ta' l-awla.
2. Ir-Reġistratur jistabbilixxi, fil-lingwa tal-kawża, proċess verbali ta' kull seduta li jkun jinkludi l-indikazzjoni tal-kawża, id-data, il-ħin u l-lok tas-seduta, l-indikazzjoni dwar jekk hijiex seduta pubblika jew bil-bibien magħluqa, l-ismijiet ta' l-Imħallfin, ta' l-Avukat Ġenerali u tar-Reġistratur preżenti, l-ismijiet u l-kapaċitajiet ta' l-aġenti, ta' l-avukati jew konsultenti tal-partijiet preżenti, il-kunjomijiet, l-ismijiet, il-kapaċitajiet u d-domiċilju tax-xhieda jew ta' l-esperti li jinstemgħu, l-indikazzjoni tal-provi jew ta' l-atti ppreżentati fis-seduta, u, jekk ikun neċessarju, id-dikjarazzjonijiet magħmula fis-seduta, kif ukoll id-deċiżjonijiet mogħtija fis-seduta mill-Qorti tal-Prim'Istanza jew mill-President.
3. Il-proċess verbali tas-smigħ ta' xhud li jirriproduċi d-dikjarazzjoni tiegħu jitħejja mir-Reġistratur, fil-lingwa li fiha x-xhud ikun għamel id-dikjarazzjoni tiegħu.
Qabel ma jiffirma l-proċess verbali u qabel ma jgħaddih lill-President għall-firma, ir-Reġistratur jgħaddi l-abbozz tiegħu lix-xhud, jekk ikun il-każ permezz ta' posta rreġistrata, u jistiednu jivverifika l-kontenut tiegħu, jippreżenta l-osservazzjonijiet eventwali tiegħu u jiffirmah.
Artikolu 14
Ix-xhieda u l-esperti
1. Ir-Reġistratur jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta' digrieti ta' perizja u ta' smigħ ta' xhieda.
2. Ir-Reġistratur jikseb mingħand ix-xhieda d-dokumenti li jiġġustifikaw l-ispejjeż u t-telf ta' qligħ tagħhom u, mill-periti, kont li jiġġustifika x-xogħol u l-ispejjeż tagħhom.
3. Ir-reġistratur iħallas permezz tal-kaxxier tal-Qorti tal-Prim'Istanza l-ammonti dovuti lix-xhieda u lill-periti, b'applikazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-każ ta' kontestazzjoni dwar dawn l-ammonti, ir-Reġistratur jitlob lill-President sabiex tingħata deċiżjoni.
4. L-ispejjeż għas-smigħ ta' periti jew ta' xhieda mħallsa minn quddiem mill-Qorti tal-Prim'Istanza f'kawża jintalbu mill-partijiet ikkundannati li jbatu l-ispejjeż mingħand ir-Reġistratur. Huwa japplika, jekk ikun meħtieġ, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 16(2).
Artikolu 15
L-oriġinali tas-sentenzi u tad-digrieti
1. L-oriġinali tas-sentenzi u tad-digrieti tal-Qorti tal-Prim'Istanza għandhom jinżammu, f'ordni kronoloġika, fl-arkivji tar-registru. Kopja awtentikata titqiegħed fl-inkartament tal-kawża.
Fuq talba tal-partijiet, ir-Reġistratur jagħtihom kopja awtentikata ta' l-oriġinal ta' sentenza jew ta' digriet.
Ir-Reġistratur jista' jagħti kopja mhux awtentikata ta' sentenzi u digrieti lill-persuni terzi li jitolbuhomlu.
2. Is-sentenzi jew digrieti li jikkorreġu jew jinterpretaw sentenza jew digriet, is-sentenzi mogħtija fuq oppożizzjoni fir-rigward ta' sentenza fil-każ ta' kontumaċja, is-sentenzi u d-digrieti mogħtija fuq oppożizzjoni minn terzi jew fuq talba għal reviżjoni, kif ukoll is-sentenzi jew diġrieti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq appell jissemmu fil-marġini tas-sentenza jew tad-digriet ikkonċernat; nota jew kopja awtentikata tiġi annessa ma' l-oriġinali tas-sentenza jew tad-digriet.
Artikolu 16
L-irkupru ta' ammonti
1. Jekk ikun hemm lok li jiġu rkuprati, favur il-kaxxier tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ammonti mħallsa bħala għajnuna legali jew ammonti mħallsa minn quddiem lix-xhieda jew lill-periti, ir-Reġistratur għandu jitlob dawn l-ammonti, permezz ta' ittra rreġistrata, mingħand il-parti li tkun ġiet ikkundannata tbati l-ispejjeż, skond ir-Regoli tal-Proċedura.
2. Fin-nuqqas ta' ħlas fit-terminu stabbilit mir-Reġistratur, huwa jista' jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tagħti digriet taħt titolu eżekuttiv li jawtorizza, jekk ikun neċessarju, l-infurzar ta' l-eżekuzzjoni.
Artikolu 17
Id-drittijiet tar-reġistru
1. Meta tingħata kopja jew att ta' proċedura jew estratt mill-inkartament jew mir-reġistru fil-forma stampata lil parti li tkun talbitha, ir-Reġistratur għandu jiġbor dritt tar-reġistru ta' Eur 3,50 (1) kull paġna għal kopja awtentikata u ta' Eur 2,50 kull paġna għal kopja mhux awtentikata.
2. Meta r-Reġistratur jordna, fuq talba ta' parti, traduzzjoni ta' att ta' proċedura jew ta' estratt mill-inkartament, għandu jinġabar dritt tar-reġistru ta' Eur 1,25 għal kull linja.
3. It-tariffi msemmija f'dan l-Artikolu jiżdiedu, mill-1 ta' Jannar 2007, b'għaxra fil-mija kull darba li l-indiċi għall-għoli tal-ħajja, ippubblikat mill-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, żdied b'għaxra fil-mija.
Artikolu 18
Il-pubblikazzjonijiet
1. Ir-Reġistratur jippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea l-kompożizzjoni ta' l-Awli u l-kriterji li fuqhom il-kawżi jiġu attribwiti lil dawn l-Awli, l-elezzjoni tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza u tal-Presidenti ta' Awla, l-għażla ta' l-imħallef li jieħu post il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza bħala mħallef għall-proċeduri sommarji, il-ħatra tar-Reġistratur u, jekk ikun neċessarju, ta' Assistent Reġistratur.
2. Ir-Reġistratur jippubblika, fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, il-komunikazzjonijiet dwar ir-rikorsi mressqa u d-deċiżjonijiet li jtemmu l-istanza.
3. Ir-Reġistratur jassigura li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ssir pubblika u jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-Ġabra tal-ġurisprudenza, fil-lingwi msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 ta' Kunsill (2), kif emendat, u skond il-metodi deċiżi mill-Qorti tal-Prim'Istanza.
4. Fuq talba ta' parti jew ex officio, l-ismijiet ta' partijiet jew ta' terzi persuni jew ċerta informazzjoni jistgħu jitneħħew mill-pubblikazzjonijiet dwar il-kawża, jekk ikun hemm interess leġittimu li l-identità ta' persuna jew li din l-informazzjoni tinżamm kunfidenzjali.
Artikolu 19
Pariri għall-avukati u l-aġenti
1. Ir-Reġistratur għandu jgħarraf lill-avukati u lill-aġenti l-Istruzzjonijiet Prattiċi għall-Partijiet, kif ukoll il-preżenti Istruzzjonijiet Prattiċi lir-Reġistratur.
2. Ir-Reġistratur għandu jipprovdi lill-avukati u l-aġenti, fuq talba tagħhom, informazzjoni fuq il-prassi segwita b'applikazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura, ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi għall-Partijiet u l-preżenti Istruzzjonijiet lir-Reġistratur, sabiex jiġi assigurat l-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri.
Artikolu 20
Derogi minn dawn l-Istruzzjonijiet
Jekk iċ-ċirkustanzi partikolari ta' każ u ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja hekk jeħtieġu, il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-President jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta' dawn l-Istruzzjonijiet.
Artikolu 21
Dħul fis-seħħ ta' dawn l-Istruzzjonijiet
1. Il-preżenti Istruzzjonijiet lir-Reġistratur iħassru u jissostitwixxu l-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tat-3 ta' Marzu 1994 (ĠU L 78, 22.3.1994, p. 32), kif emendati fid-29 ta' Marzu 2001 (ĠU L 119, 27.4.2001, p. 2) u fil-5 ta' Ġunju 2002 (ĠU L 160, 18.6.2002, p. 1).
2. Il-preżenti Istruzzjonijiet lir-Reġistratur, li huma awtentiċi fil-lingwi msemmija fl-Artikolu 36(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Huma jidħlu fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom.
Magħmula fil-Lussemburgu, fil-5 ta' Lulju 2007.
Ir-Reġistratur
E. COULON
Il-President
B. VESTERDORF
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97 tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni ta' l-Euro (ĠU L 162, 19.6.1997, p. 1).
(2) Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385) u Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta' April 1958, li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunitá Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (ĠU Nru 17, 6.10.1958, p. 401).