Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0513

2007/513/Euratom: Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l- 10 ta’ Lulju 2007 li tapprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika għall-Konvenzjoni emendata dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u tal-Faċilitajiet Nukleari - Dikjarazzjoni mill-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika skond l-Artikoli 18(4) u 17(3) tas-CPPNM

ĠU L 190, 21.7.2007, p. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/513/oj

Related international agreement

21.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 190/12


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-10 ta’ Lulju 2007

li tapprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika għall-Konvenzjoni emendata dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u tal-Faċilitajiet Nukleari

(2007/513/Euratom)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 101 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

L-Artikolu 2(e) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (Trattat Euratom) jiddikjara li l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (“il-Komunità”) għandha tiggarantixxi, b’miżuri xierqa ta’ kontroll, li l-materjali nukleari ma jkunux iddevjati għal skopijiet diversi minn dawk li għalihom ikunu intenzjonati.

(2)

Il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari (CPPNM) kienet adottata fl-1979 u daħlet fis-seħħ fl-1987. Mis-27 ta’ Ġunju 2006, 118-il stat u l-Komunità huma partijiet għas-CPPNM. L-Istati Membri kollha huma Partijiet għas-CPPNM.

(3)

Konferenza Emendatorja skond l-Artikolu 20 tas-CPPNM kienet imlaqqa’ fl-4 ta’ Lulju 2005 taħt l-awspiċju ta’ l-IAEA. L-att finali rigward l-emendi għas-CPPNM kien iffirmat mill-Kummissjoni Ewropea f’isem il-Komunità fit-8 ta’ Lulju 2005.

(4)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (Qorti tal-Ġustizzja) (1) iddeċidiet li l-parteċipazzjoni ta’ l-Istati Membri fis-CPPNM hi kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ l-Euratom soġġetta biss għall-kondizzjonijiet li, safejn huma kkonċernati s-setgħat u l-ġurisidizzjoni tagħha, il-Komunità bħala tali hija parti għas-CPPNM bl-istess mod bħall-Istati Membri u li ċerti impenji tas-CPPNM jistgħu jkunu implimentati biss, fejn il-Komunità hi kkonċernata, permezz ta’ assoċjazzjoni mill-qrib bejn il-Komunità u l-Istati Membri, kemm fil-proċess tan-negozjati u ta’ konklużjoni u kif ukoll fir-rispett ta’ l-impenji meħuda.

(5)

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ukoll li l-Artikolu 2(e) tat-Trattat ta’ l-Euratom jagħti lill-Komunità l-kompitu li tiggarantixxi, b’miżuri xierqa ta’ kontroll, li l-materjali nukleari ma jkunux iddevjati għal skopijiet diversi minn dawk li għalihom ikunu intenzjonati, mingħajr ma ssir ebda distinzjoni fir-rigward tan-natura ta’ tali devjazzjonijiet u ċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jsiru u finalment li l-espressjoni “kontrolli tas-sigurtà” li t-Trattat juża biex jikkaratterizza d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII għandha ambitu akbar mis-sempliċi sostituzzjoni ta’ destinazzjoni differenti minn dik iddikjarata minn utent ta’ materjali nukleari. Konsegwentement, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, hi tinkludi wkoll miżuri ta’ protezzjoni fiżika (2). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll fid-Deċiżjoni tagħha 1/78 li d-dispożizzjonijiet relatati mal-prosekuzzjoni kriminali u l-estradizzjoni jirrigwardaw materji li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri (3).

(6)

Skond l-Artikolu 18(4) tas-CPPNM, meta ssir parti għall-Konvenzjoni l-Komunità għandha tikkomunika lid-depożitarju dikjarazzjoni li tindika liema Artikoli tas-CPPNM ma japplikawx għaliha. Dik id-dikjarazzjoni hi mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

(7)

L-Artikolu 7 tas-CPPNM jirrikjedi li kull parti tagħmel ċerti reati punibbli b’pieni adegwati li jieħdu kont tan-natura gravi tagħhom. Hu mifhum li din id-dispożizzjoni tħalli l-għażla tan-natura, it-tip u l-livell tal-pieni li għandhom jiġu adottati f’idejn il-partijiet. B’mod partikolari, ma jirrikjedix li l-partijiet jagħmlu l-imġiba deskritta hemmhekk punibbli b’pieni kriminali. Konsegwentement, l-Artikolu 7 japplika għall-Komunità, għall-inqas sa ċertu punt.

(8)

Għalhekk, l-adeżjoni tal-Komunità għas-CPPNM emendata għandha tiġi approvata,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu

L-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u tal-Faċilitajiet Nukleari, kif emendata mill-Att Finali ffirmat fit-8 ta’ Lulju 2005, hi hawnhekk approvata.

It-testi tal-Konvenzjoni emendata u tad-dikjarazzjoni mill-Komunità skond l-Artikoli 18(4) u 17(3) tal-Konvenzjoni huma mehmużin ma’ din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. TEIXEIRA DOS SANTOS


(1)  Deċiżjoni 1/78 ta’ l-14 ta’ Novembru 1978, ECR 1978, p. 2151, partikolarment l-Ewwel parti operattiva tad-Deċiżjoni u l-paragrafu 34.

(2)  Paragrafu 21.

(3)  Paragrafu 31.


Dikjarazzjoni mill-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika skond l-Artikoli 18(4) u 17(3) tas-CPPNM

L-Istati li ġejjin huma attwalment membri tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika: ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta’ l-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Il-Komunità tiddikjara li l-Artikoli 8 sa 13 u l-Artikolu 14, il-paragrafi (2) u (3) tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u tal-Faċilitajiet Nukleari ma japplikawx għaliha.

Barra minn hekk, skond l-Artikolu 17(3) ta’ dik il-Konvenzjoni, il-Komunità tiddikjara wkoll li peress li l-Istati biss jistgħu jkunu partijiet f’każijiet quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, il-Komunità hi marbuta biss bil-proċedura ta’ arbitraġġ imsemmija fi 17(2).


Top