EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R0785

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 785/2005 tat- 23 ta' Mejju 2005 li jagħlaq ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri kontra d-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' silikon li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

ĠU L 132, 26.5.2005, p. 1–5 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 51–55 (MT)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/03/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/785/oj

16.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

51


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 785/2005

tat-23 ta' Mejju 2005

li jagħlaq ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri kontra d-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' silikon li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 22(ċ) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

F’ Marzu 2004 wara reviżjoni ta’ skadenza, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 398/2004 (2), impona dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ metall tas-silikon (“silikon”) li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ”). Ir-rata tad-dazju definittiv applikabbli għall-prezz nett, u liberu fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, kienet ta’ 49 %.

2.   Ftuħ

(2)

Fl-20 ta’ Marzu 2004 il-Kummissjoni ħabbret permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż (3) fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, il-ftuħ ta’ reviżjoni interim parzjali tal-miżuri applikabbli għal, inter alia, importazzjonijiet ta’ silikon li joriġina mir-RPĊ skond l-Artikoli 11(3) u 22(ċ) tar-Regolament bażiku.

(3)

Ir-reviżjoni ngħatat bidu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex jiġi eżaminat jekk, bħala konsegwenza tat-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 (“Tkabbir”), b'kont meħud ta' l-interessi tal-Komunità, kienx hemm il-ħtieġa li jiġu adottati miżuri sabiex jiġi evitat xi effett għal għarrieda u eċċessivament negattiv fuq il-partijiet interessati, inklużi l-utenti, id-distributuri u l-konsumaturi.

3.   Il-prodott eżaminat

(4)

Il-prodott eżaminat huwa l-istess wieħed ta' l-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri eżistenti, jiġifieri metall tas-silikon li joriġina mir-RPĊ, klassifikabbli fil-kodiċi NM 2804 69 00 (kontenut ta’ silikon anqas minn 99,99 % bħala piż). Sempliċement minħabba l-klassifikazzjoni attwali stabbilita fin-nomenklatura tad-Dwana, dan għandu jinqara “silikon”. Is-silikon aktar pur, jiġifieri li jkun fih bħala piż mhux anqas minn 99,99 % ta’ silikon, użat l-aktar fl-industrija tas-semikondutturi elettroniċi, jikkorrispondi għall-kodiċi NM differenti u mhuwiex kopert minn dan il-proċediment.

4.   Investigazzjoni

(5)

Il-Kummissjoni għarrfet b’mod uffiċjali l-importaturi, l-utenti u l-esportaturi magħrufa bħala interessati u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, ir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur konċernat u l-produtturi Komunitarji dwar il-ftuħ ta’ l-investigazzjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jgħarrfu fehmiethom bil-miktub u li jitolbu li jinstemgħu fil-limitu ta' żmien stabbilit fl-avviż ta’ ftuħ.

(6)

Għarrfu fehmiethom bil-miktub il-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża ta’ l-Importaturi u Esportaturi ta’ Metalli, Minerali u Prodotti Kimiċi (CCCMC), l-assoċjazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja (Euroalliages), l-importaturi/kummerċjanti, l-awtoritajiet ta’ diversi Stati Membri ġodda li daħlu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 (“l-UE10”) u l-utenti tas-silikon fl-UE10. Il-partijiet kollha li talbu fil-limitu ta' żmien stabbilit li jinstemgħu, u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għala kellhom jinstemgħu, ingħataw din l-opportunità.

(7)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għall-fini tad-determinazzjoni kemm il-miżuri fis-seħħ kienu xierqa.

B.   KONKLUŻJONIJIET TA’ L-INVESTIGAZZJONI U GĦELUQ TAR-REVIŻJONI INTERIM PARZJALI

1.   Importazzjonijiet ta’ silikon mir-RPĊ lejn l-UE10

(8)

L-investigazzjoni żvelat li ż-żieda medja annwali fil-volum ta’ l-importazzjonijiet tas-silikon mir-RPĊ fl-UE10, kif imħabbar mill-Eurostat, kienet ta’ madwar 13 % fl-2001 u l-2002. Fl-2003 il-volum ta’ l-importazzjonijiet żdied b'madwar 54 % minħabba ż-żieda sinifikattiva fil-perjodu minn Ottubru sa Diċembru.

(9)

Barra minn hekk, eżatt qabel it-Tkabbir, jiġifieri bejn Jannar u April 2004, instabet żieda anormali fil-volum ta’ l-importazzjonijiet ta’ madwar 120 % imqabbel ma’ l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.

(10)

L-investigazzjoni żvelat ukoll li l-importazzjonijiet tas-silikon mir-RPĊ lejn l-UE10 naqsu wara t-Tkabbir. Ir-raġuni ta’ dan it-tnaqqis tista’ tinsab fiż-żidiet anormali fil-volum ta’ l-importazzjonijiet qabel it-Tkabbir.

(11)

Barra minn hekk, l-istatistika dwar l-importazzjonijiet lejn l-UE10 fil-perjodu ta’ wara t-Tkabbir turi li t-tnaqqis fil-volum ta’ l-importazzjonijiet mir-RPĊ jaħbat ma’ żieda progressiva ta’ importazzjonijiet li joriġinaw min-Norveġja u l-Brażil kif ukoll ta' bejgħ mill-ħmistax-il Stat Membru li kienu jiffurmaw l-Unjoni Ewropea ta’ qabel it-Tkabbir (“l-UE15”).

2.   Domanda għas-silikon fl-UE10

(12)

Id-domanda għas-silikon fl-UE10 ġiet stabbilita abbażi tat-total ta’ l-importazzjonijiet wara t-tnaqqis tat-total ta’ l-esportazzjonijiet. Ta’ min jinnota li m’hemmx produzzjoni dikjarata ta’ silikon fl-UE10.

(13)

B'kont meħud taż-żidiet anormali fil-volumi ta’ l-importazzjonijiet mir-RPĊ qabel it-Tkabbir, inħasset il-ħtieġa li jsiru aġġustamenti fil-volumi ta’ l-importazzjonijiet matul l-2003 u l-2004 sabiex jiġi determinat x'ikunu normalment il-livelli ta’ importazzjoni matul dawn il-perjodi mingħajr it-Tkabbir.

(14)

F’dan ir-rigward, iż-żieda medja annwali fil-volumi ta’ l-importazzjonijiet mir-RPĊ fl-2001 u 2002 instabet li kienet waħda ta' 13 %. Abbażi ta' dan, il-livell ta’ importazzjonijiet normali mir-RPĊ fl-2003 u 2004 ġie stabbilit bl-applikazzjoni ta’ żieda annwali ta’ 13 % fil-volumi ta' importazzjonijiet fis-snin ta' qabel, li normalment setgħu kienu mistennija bħala l-livelli ta' importazzjoni matul dawn il-perjodi mingħajr it-Tkabbir.

(15)

Bl-istess metodoloġija, l-esportazzjonijiet mill-UE10 fl-2004 ġew stmati billi mat-total ta’ esportazzjonijiet fl-2003 ġiet miżjuda żieda normali ta’ 80 % li nstabet li kienet iż-żieda medja annwali fil-volumi ta’ esportazzjoni fl-2002 u l-2003.

Tabella 1

Domanda għas-silikon fl-UE10

(tunnellati)

Sena

2000

2001

2002

2003

2004 (stima)

Importazzjoni lejn l-UE10 f’tunnellati metriċi

18 815

19 802

22 661

23 855  (stima)

26 957

Esportazzjoni mill-UE10 f’tunnellati metriċi

37

6

84

153

275

Domanda totali fl-UE10 f’tunnellati metriċi

18 778

19 795

22 576

23 703

26 682

Sors: Eurostat u data valutata għall-2003 u 2004.

(16)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, instab li d-domanda fl-UE10 hija ta’ madwar 6 % tal-livell ta’ domanda fl-UE15 skond l-istima li saret fl-aħħar investigazzjoni, magħmula fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 398/2004, ta’ reviżjoni ta’ skadenza tal-miżuri antidumping kontra l-importazzjonijiet ta’ silikon li joriġinaw mir-RPĊ.

3.   Sorsi alternattivi ta’ forniment sabiex tintlaqa' d-domanda fl-UE10

(17)

L-investigazzjoni wriet li hemm biżżejjed sorsi potenzjali ta’ forniment, bħala alternattivi għall-forniment mir-RPĊ, disponibbli sabiex tintlaqa' d-domanda fl-UE10 anke jekk l-estensjoni tad-dazju kontra d-dumping mill-UE15 għall-10 Stati Membri ġodda telimina kompletament jew twassal għal tnaqqis ta' l-importazzjonijiet mir-RPĊ.

(18)

Il-forniment potenzjali ta’ silikon mill-UE15 huwa ta' madwar 18 000 tunnellata metrika. Dan il-kalkolu sar abbażi ta' l-aħħar investigazzjoni ta’ reviżjoni ta’ skadenza tal-miżuri kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta’ silikon li joriġinaw mir-RPĊ. Instab li l-produzzjoni fl-UE15 ta’ silikon ammontat għal madwar 148 000 tunnellata metrika fl-2001. Mill-istess investigazzjoni ta’ reviżjoni ta’ skadenza instab li l-kapaċità ta’ produzzjoni fl-UE15 kienet ta' madwar 166 000 tunnellata metrika, li wriet li hemm kapaċitajiet mhux utilizzati ta’ madwar 18 000 tunnellata metrika.

(19)

Barra minn hekk, sorsi potenzjali oħra ta’ forniment ta’ silikon (mhux soġġetti għal dazji antidumping) huma, fost l-oħrajn, in-Norveġja (b’kapaċità mhux utilizzata ta’ 18 000 tunnellata metrika), il-Brażil, il-Kanada u l-Istati Uniti.

(20)

Kif deskritt fil-premessa 11, instab ukoll li fil-perjodu ta’ wara t-Tkabbir, jiġifieri minn Mejju sa Novembru 2004, li għalih l-Eurostat diġa tħabbret data affidabbli, l-importazzjonijiet minn sorsi oħrajn, b’mod partikolari min-Norveġja u mill-Brażil, kif ukoll il-bejgħ mill-UE15 żdiedu gradwalment. Il-bejgħ mill-UE15 żdied erba’ darbiet, il-volumi ta’ importazzjoni min-Norveġja żdiedu ħames darbiet u mill-Brażil sitt darbiet, kif imqabbla ma’ l-istess perjodu fl-2003.

Tabella 2

Volumi ta’ importazzjoni lejn l-UE10 min-Norveġja, mill-Brażil u bejgħ mill-UE15

(tunnellati)

Perjodu tas-sena

Bejgħ mill-UE15 (f’tunnellati metriċi)

Volumi ta’ importazzjoni min-Norveġja (f’tunnellati metriċi)

Volumi ta’ importazzjoni mill-Brażil (f’tunnellati metriċi)

Mejju-Novembru 2003

2 070

238

152

Mejju-Novembru 2004

7 772

1 144

975

(21)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, m’hemmx raġuni konvinċenti sabiex wieħed jemmen li sejjer jkun hemm nuqqas ta’ silikon fis-suq ta’ l-UE10.

4.   Valutazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-ispiża

(22)

Kif dikjarat minn bosta partijiet interessati, is-silikon huwa prodott intermedju użat biss minn għadd żgħir ta’ industriji ta’ proċessar fl-Istati Membri l-ġodda, b’mod partikolari fil-produzzjoni ta’ ligi ta’ l-aluminju sekondarju.

(23)

Il-produtturi ta’ l-aluminju fl-UE10 jikkonfermaw li l-proporzjon medju ta’ silikon konsumat fil-proċess ta’ produzzjoni ta’ ligi ta’ l-aluminju sekondarju jvarja minn 3 % sa 13,5 %.

(24)

L-investigazzjoni wriet li ż-żieda fil-prezz tas-silikon fl-UE10 jew il-bdil għal sorsi alternattivi oħra ta’ forniment x’aktarx li jkollhom effett minuri fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni għall-utenti fl-UE10.

Żieda fil-prezz tas-silikon mir-RPĊ

(25)

Fid-dawl tal-perċentwali, hawn fuq imsemmija, ta’ konsum ta’ silikon fil-produzzjoni ta’ ligi ta’ l-aluminju sekondarju u billi d-dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet tas-silikon mir-RPĊ huwa ta’ 49 %, l-impatt ta’ l-ispiża fuq il-produtturi ta’ ligi ta’ l-aluminju sekondarju jvarja biss minn 1,47 % sa 6,6 % ta’ l-ispiża totali ta’ produzzjoni tal-ligi ta’ l-aluminju sekondarju.

Bdil għal sorsi alternattivi oħra ta’ forniment

(26)

Xi partijiet interessati indikaw li, bl-estensjoni tal-miżuri kontra d-dumping għall-importazzjonijiet fl-UE10, kienu ġew imfittxija sorsi alternattivi ta’ forniment ta’ silikon iżda dawn is-sorsi alternattivi wasslu għal żieda fil-prezzijiet tas-silikon ta’ madwar 34 %. F’dan ir-rigward, instab li l-impatt ta' l-ispiża għall-produtturi ta’ ligi ta’ l-aluminju sekondarju jkun anke inqas u jaqa’ fil-medda ta’ bejn 1 % sa 4,6 % ta’ l-ispiża totali tal-produzzjoni ta’ ligi ta’ l-aluminju sekondarju.

5.   Kummenti riċevuti mill-partijiet interessati

(27)

Bosta importaturi u utenti saħqu li sejjer ikun hemm defiċjenza fil-forniment ta’ silikon fis-suq ta’ l-UE10. Iżda, kif deskritt fil-premessi 11, 19 u 20, wara t-Tkabbir il-volumi ta’ importazzjoni mir-RPĊ lejn l-UE10 qegħdin jiġu sostitwiti progressivament b’silikon li joriġina mill-UE15, min-Norveġja u mill-Brażil. Għaldaqstant m’hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jemmen li sejjer ikun hemm nuqqas ta’ silikon fis-suq ta’ l-UE10.

(28)

Wieħed mill-utenti ta’ l-UE10 kif ukoll l-awtoritajiet Slovakki u Sloveni stqarrew li s-silikon minn sorsi oħra huwa differenti f’termini ta' kwalità minn dak tar-RPĊ. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li ġie dikjarat fir-Regolament (KE) Nru 398/2004 fil-konklużjoni tar-reviżjoni ta’ skadenza tal-miżuri kontra d-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ silikon li joriġina mir-RPĊ li s-silikon prodott fir-RPĊ u esportat lejn il-Komunità, kif ukoll is-silikon prodott fin-Norveġja u dak manifatturat fil-Komunità mill-produtturi Komunitarji kellhom l-istess karatteristiċi bażiċi sew fiżiċi kemm kimiċi, u l-istess użu bażiku. Għaldaqstant huma jitqiesu bħala prodotti simili fis-sens ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. Ġie notat li ebda aġġustament f'termini ta' kwalità tal-prodott ma kien meħtieġ. Għalhekk, m’hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jemmen li l-importazzjonijiet Ċiniżi lejn l-UE10 sostitwiti mill-pajjiżi imsemmija hawn fuq ikunu differenti f’termini ta’ kwalità. Barra minn hekk, iż-żieda fl-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra, kif deskritt fil-premessi 11, 19 u 20 ta' dan ir-Regolament, turi li l-prodotti huma sostitwibbli.

(29)

L-istess utent saħaq ukoll li l-impatt ta’ l-ispiża għall-produtturi ta’ ligi ta’ l-aluminju sekondarju mhuwiex negliġibbli minħabba l-marġini baxxi ta’ profitt ta’ l-istess industrija. F’dan ir-rigward wieħed jiftakar fil-konklużjoni tal-premessi 25 u 26 li sejjer ikun hemm impatt limitat ta’ l-estensjoni tal-miżuri kontra d-dumping fuq l-utenti tal-metall tas-silikon fl-UE10 b’żieda massima ta’ 6.6 % fl-ispiża totali tal-produzzjoni ta’ ligi ta’ l-aluminju sekondarju. Iżda, din ma kinetx raġuni biżżejjed konvinċenti għall-modifika tal-miżuri eżistenti bl-introduzzjoni ta' arranġamenti transizzjonali. Tabilħaqq, dan l-impatt ma kienx materjalment differenti mill-impatt stmat għall-UE15 matul l-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri definittivi fl-2004, fejn ġie konkluż li l-miżuri fis-seħħ ma kienux sejrin ikollhom effett sinifikattiv fuq l-utenti.

6.   Konklużjoni

(30)

Minħabba l-impatt limitat tad-dazju fuq l-ispiża ta’ manifattura ta’ ligi ta’ l-aluminju fl-UE10 u l-eżistenza ta’ sorsi alternattivi ta’ forniment lill-UE10, il-konklużjoni hija li l-estensjoni tal-miżuri eżistenti mill-UE15 għall-UE10 probabbilment ma tikkawża l-ebda effett għal għarrieda u eċċessivament negattiv fuq il-partijiet interessati, inklużi l-utenti, id-distributuri u l-konsumaturi. Għalhekk, jidher li m’hemmx ġustifikazzjoni għal arranġamenti transizzjonali,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

Tiġi b’dan magħluqa r-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri kontra d-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ silikon li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mibdija konformement ma' l-Artikoli 11(3) u 22(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 384/96.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 23 ta' Mejju 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-L. SCHILTZ


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

(2)  ĠU L 66, 4.3.2004, p. 15.

(3)  ĠU C 70, 20.3.2004, p. 15.


Top