Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0377

    Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l- 10 ta' Mejju 2005 li temenda d-Deċiżjoni 1999/70/KE dwar l-awdituri esterni tal-banek ċentrali nazzjonali, fir-rigward ta' l-awdituri esterni tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique u tal-Bank tal-Greċja

    ĠU L 125, 18.5.2005, p. 8–9 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 23–24 (MT)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/377/oj

    16.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    23


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    ta' l-10 ta' Mejju 2005

    li temenda d-Deċiżjoni 1999/70/KE dwar l-awdituri esterni tal-banek ċentrali nazzjonali, fir-rigward ta' l-awdituri esterni tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique u tal-Bank tal-Greċja

    (2005/377/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 27(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet BĊE/2005/7 u BĊE/2005/8 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta' April 2005 lill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank tal-Greċja (1) u tan-Nationale Bank van België (2),

    Billi:

    (1)

    Il-kontijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Eurosystem għandhom jiġu verifikati minn awdituri esterni indipendenti rakkomandati mill-Kunsill Regolatorju tal-BĊE u approvati mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.

    (2)

    Il-mandat ta' l-awdituri esterni attwali tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique (minn issa 'l quddiem “NBB/BNB”) skada u mhux se jiġi mġedded. Għalhekk jeħtieġ li jinħatru awdituri esterni mis-sena finanzjarja 2005.

    (3)

    L-NBB/BNB għażel lil Ernst & Young Bedrijfsrevisoren/Réviseurs d'Entreprises bħala l-awdituri esterni l-ġodda tiegħu skond ir-regoli tiegħu dwar l-akkwist pubbliku, u l-BĊE jikkunsidra li l-awdituri magħżulin jissodisfaw il-ħtiġiet tal-ħatra.

    (4)

    Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE irrakkomanda li l-mandat ta' dawn l-awdituri esterni għandu jkun ta' tliet snin, jiġġedded darba.

    (5)

    Taħt il-liġi Griega, l-istess awditur estern ma jistax jiġi maħtur għal iktar minn erba' snin finanzjarji. Għaldaqstant, il-mandat ta' Charalambos Stathakis, li huwa wieħed miż-żewġ awdituri esterni attwali, ma jistax jiġi mġedded. Skond il-liġi tal-Greċja, il-Bank tal-Greċja jista' jżomm lil Ernst & Young (Hellas) Certified Auditors SA bħala l-awdituri esterni tiegħu, bil-kundizzjoni li s-soċju li jkun qiegħed imexxi jiġi rotat.

    (6)

    Il-Bank tal-Greċja ddecieda li Ernst & Young (Hellas) Certified Auditors SA għandu jkun l-uniku awditur estern tiegħu għas-sena finanzjarja 2005, u l-BĊE jikkunsidra li din il-kumpanija tissodisfa l-ħtiġiet meħtieġa għal tali ħatra.

    (7)

    Il-Kunsill Regolatorju tal-BĊE irrakkomanda li l-mandat eżistenti ta' dawn l-awdituri esterni għandu jkompli u jkun għal perijodu li jista' jiġġedded ta' sena.

    (8)

    Jixraq li jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE u li tiġi emendata d-Deċiżjoni 1999/70/KE (3) kif suppost,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 1999/70/KE għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “1.   Ernst & Young Bedrijfsrevisoren/Réviseurs d'Entreprises qegħdin hawnhekk jiġu approvati bħala l-awdituri esterni tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique mis-sena finanzjarja 2005 għal perijodu ta' tliet snin, dan il-perijodu jiġi mġedded għal darba waħda.”

    Artikolu 2

    L-Artikolu 1(12) tad-Deċiżjoni 1999/70/KE għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “12.   Ernst & Young (Hellas) Certified Auditors SA qegħdin hawnhekk jiġu approvati bħala l-awdituri esterni tal-Bank tal-Greċja għas-sena finanzjarja 2005 għal perijodu mġedded ta' sena.”

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi notifikata lill-BĊE.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussel, 10 ta' Mejju 2005.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. KRECKÉ


    (1)  ĠU C 91, 15.4.2005, p. 4.

    (2)  ĠU C 91, 15.4.2005, p. 5.

    (3)  ĠU L 22, 29.1.1999, p. 69. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2005/266/KE (ĠU L 82, 31.3.2005, p. 6).


    Top