Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004E0495

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/495/PESK tas- 17 ta' Mejju 2004 dwar l-appoġġ għall-attivitajiet ta' l-IAEA taħt il-Programm ta' Sigurtà Nukleari tagħha u fil-kwadru ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda tal-Massa

ĠU L 182, 19.5.2004, p. 46–50 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 142M, 30.5.2006, p. 35–39 (MT)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 17/06/2005

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2004/495/oj

30.5.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

35


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2004/495/PESK

tas-17 ta' Mejju 2004

dwar l-appoġġ għall-attivitajiet ta' l-IAEA taħt il-Programm ta' Sigurtà Nukleari tagħha u fil-kwadru ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda tal-Massa

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod speċjali, l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda tal-Massa, li fil-Kapitlu III tagħha fiha lista ta' miżuri biex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni u li hu meħtieġ li jittieħdu kemm fi ħdan l-UE u f'pajjiżi terzi.

(2)

L-UE qed timplimenta b'mod attiv din l-Istrateġija u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-kapitolu III tagħha, b'mod partikolari billi tirrilaxxa riżorsi finanzjarji biex tappoġġja proġetti speċifiċi magħmula minn istituzzjonijiet multilaterali, bħall-Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Atomika (IAEA).

(3)

Billi, sa fejn hi kkonċernata l-UE, il-Kunsill adotta fit-22 ta' Diċembru 2003 id- Direttiva 2003/122/EURATOM (1) dwar il-kontroll ta' sorsi radjuattivi ssiġillati ta' attività għolja u ta' sorsi orfni, fi ħdan l-UE, ġiet adottata mill-Kunsill it-tisħiħ tal-kontroll ta' sorsi radjuattivi ta' attività għolja fil-pajjiżi terzi kollha, skond id-dikjarazzjoni tal-G-8 u l-Pjan ta' Azzjoni dwar li sorsi radjuattiviti jsiru iżjed żguri, jibqa' skop importanti li għandu jibqa' jiġi segwit.

(4)

It-titjib tal-protezzjoni fiżika ta' materjal u faċilitajiet nukleari, u s-sejbien u r-risposta għat-traffikar illeċitu, jikkontribwixxu biex ma jħallux li ssir il-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda tal-Massa.

(5)

L-IAEA ssegwi l-istess skopijiet kif stabbiliti fi (3) u (4). Dan isir fil-kuntest tal-Kodiċi tal-Kondotta dwar is-Salvagward u Sigurtà ta' Sorsi Radjuattivi rivedut li kient approvat mill-Bord tal-Gvernaturi ta' l-IAEA f'Settembru 2003 u l-implimentazzjoni tal-Pjan għas-Sigurtà Nukleari tagħha li hu ffinanzjat permezz ta' kontribuzzjonijiet volontarji lill-Fond tas-Sigurtà Nukleari tagħha. L-IAEA hija wkoll mpenjata fi sforzi viex tissaħħaħ il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika ta' Materjal Nukleari.

(6)

Il-Kummissjoni aċċettat li tiġi fdata bis-superviżjoni ta' l-implimentazzjoni sewwa tal-kontribuzzjoni ta' l-UE.

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

1.   Għall-iskopijiet biex timplimenta b'mod immedjat u prattiku wħud mill-elementi ta' l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda tal-Massa, l-UE għandha tappoġġja l-attivitajiet ta' l-IAEA taħt il-Pjan għas-Sigurtà Nukleari, li l-iskopijiet tiegħu huma:

li jkabbar il-protezzjoni ta' materjali u tagħmir li huma sensittivi għall-proliferazzjoni u l-abbiltà rilevanti,

li jsaħħaħ is-sejbien u r-risposta għat-traffikar illeċitu ta' materjali nukleari u sustanzi radjuattivi.

2.   Il-proġetti ta' l-IAEA, li jikkorrispondu ma' miżuri ta' l-Istrateġija tal-UE, huma l-proġetti li l-iskop tagħhom hu li jsaħħu:

il-Protezzjoni Fiżika ta' Materjali Nukleari u Materjali Radjuattivi oħra fl-Użu, Ħażna u Trasport, u ta' Faċilitajiet Nukleari,

is-Sigurtà ta' Materjali Radjuattivi f'Applikazzjonijiet non-Nukleari,

il-kapaċitajiet ta' l-Istati għas-Sejbien u r-Risposta għat-Traffikar Illeċitu.

Dawn il-proġetti jitwettqu f'pajjiżi li jeħtieġu għajnuna fil-qasam tas-sigurtà nukleari.

Deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti msemmija hawn fuq tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarju għall-implimentazzjoni tat-tliet proġetti elenkati fl-Artikolu 1, paragrafu 2, għandu jkun stabbilit għal 3 329 000 EUR.

2.   L-amministrazzjoni ta' l-infieq iffinanzjat mill-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea speċifikat fil-paragrafu 1 għandu jkun suġġett għall-proċeduri u r-regoli tal-Komunità li japplikaw għall-kwistjonijiet dwar l-estimi bl-eċċezzjoni li kull finanzjament minnn qabel ma għandux jibqa' propjetà tal-Komunità.

3.   Għall-iskop ta' l-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament ma' l-IAEA dwar il-kondizzjonijiet għall-użu tal-kontribuzzjoni ta' l-UE, li ser tkun f'għamla ta' għotja. Il-ftehim ta' finanzjament li għandu jkun konkluż ser jistipula li l-IAEA għandha tassigura l-viżibilità tal-kontribuzzjoni ta' l-UE, b'mod xieraq għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tirraporta dwar l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni ta' l-UE lil Kunsill, f'assoċjazzjoni mal-Presidenza.

Artikolu 3

Il-Presidenza għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni sewwa tal-kontribuzzjoni ta' l-UE msemmija f'Artikolu 2.

Artikolu 4

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' meta tiġi adottata.

Għandha tintemm 15-il xahar wara li tiġi adottata.

Artikolu 5

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, nhar is-17 ta' Mejju 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

B. COWEN


(1)  ĠU L 346, tal-31.12.2003, p. 57.


ANNESS

Appoġġ ta' l-UE għall-attivitajiet ta' l-IAEA taħt il-Programm ta' Sigurtà Nukleari tagħha u fil-kwadru ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda tal-Massa

1.   Deskrizzjoni

Il-Bord tal-Gvernaturi ta' l-Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Atomika (IAEA) approva, f'Marzu 2002, pjan ta' attivitajiet għall-protezzjoni kontra t-terroriżmu nukleari. Il-pjan jipprovdi approċċ komprensiv għas-sigurtà nukleari, waqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa li jkunu protetti l-materjali nukleari u radjuattivi oħra “mill-benniena sal-qabar”. Il-protezzjoni u s-sigurtà ta' materjali fl-użu, ħażna u trasport huwa essenzjali biex jitjieb il-livell tas-sigurtà kif ukoll biex tiġi sostnuta s-sigurtà mtejba fit-tul. Madankollu, jekk il-protezzjoni tfalli, jew f'każ ta'materjal li għadu mhux soġġett għall-protezzjoni fis-sit fejn jinsab, għandhom jiġu stabbiliti miżuri biex jinqabdu s-serq jew attentati ta' kuntrabandu tal-materjal.

Hemm talba qawwija għall-appoġġ għal dawn l-isforzi fil-Pajjiżi Membri kollha ta' l-IAEA kif f'pajjiżi li għadhom m'humiex membri ta' l-IAEA. Madankollu, dawn il-proġetti huma kkonċentrati primarjament fuq pajjiżi fl-Ewropa tax-Xlokk: il-Bulgarija, it-Turkija; l-Albanija, il-Bosnja u Ħerzegovina, il-Kroazja, is-Serbja u l-Montenegro, u dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Moldova u r-Rumanija; u fir-reġjun ta' l-Asja Ċentrali: il-Kazakastan, il-Kirgiżstan, l-Uzbekistan, it-Taġikistan u t-Turkmenistan. Hu mistenni li jkun hemm attivitajiet ukoll fl-Armenja, Azerbaijan u Georgia.

Għall-ewwel, ser issir missjoni ta' valutazzjoni — Missjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà Nukleari — biex tidentifika l-prijoritajiet. Għal dak l-iskop, grupp ta' esperti rikonoxxuti ser jagħmlu valutazzjoni ta' l-istatus preżenti ta' miżuri ta' sigurtà nukleari li diġà qed jitħaddmu fil-pajjiżi msemmija hawn fuq u ser jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar titjib. Ir-rakkomandazzjonijiet ser jikkostitwixxu pjattaforma biex tiġi definita għajnuna sussegwenti, waqt li jkopru l-istatus preżenti u l-ħtieġa ta' titjib fir-rigward ta' prevenzjoni, sejbien, u risposta għal atti malizzjużi li jinvolvu materjali nukleari u radjuattivi oħra, iklużi dawk f'użu non-nukleari, u ta' faċilitajiet nukleari.

B'riżultat ta' din il-missjoni ta' valutazzjoni, jiġu stabbiliti prijoritajiet li jidentifikaw massimu ta' sitt pajjiżi għal kull proġett li għandhom jitħallsu mill-estimi magħmula disponibbli permezz ta' l-appoġġ ta' l-UE.

Sussegwentement, il-proġetti ser jiġu implimentati fil-pajjiżi magħżula fi tliet oqsma:

1.

It-tisħiħ tal-Protezzjoni Fiżika ta' Materjali Nukleari u Materjali Radjuattivi oħra fl-Użu, Ħażna u Trasport, u ta' Faċilitajiet Nukleari

Għandu jingħata kont adegwat tal-materjali wżati jew maħżuna f'faċiltajiet u siti nukleari u dawn għandhom jiġu protetti biex ma jitħalliex isir serq jew sabotaġġ. Sistema regolatorja effettiva għandha tidentifika dawk l-elementi li jeħtieġu implimentazzjoni fil-livell ta' l-Istat u ta' l-operatur.

2.

It-tisħiħ tas-Sigurtà ta' Materjali Radjuattivi f'Applikazzjonijiet non-Nukleari

Materjali radjuattivi, u f'xi każi materjal nukleari ta' bażi, jiġu spiss użati f'applikazzjonijiet “non-nukleari”, p.e. f'użu mediku jew industrijali. Xi wħud minn dawn is-sorsi huma radjuattivi ħafna, u jappartienu għall-kategoriji 1-3, kif definiti fil-Kategoriji TECDOC ta' l-IAEA dwar il-Kategorizzazzjoni ta' Sorsi Radjuattivi. Jekk dawn is-sorsi ma jkunux kontrollati u protetti b'mod adegwat, jistgħu jaqgħu f'idejn ħżiena u jiġu wżati f'attivitajiet malizzjużi. Is-sistemi regolatorji li jkopru l-użu, l-ħażna u t-trasport ta' materjal radjuattiv għandhom ikunu effettivi u jiffunzjonaw sew. Sorsi radjuattivi qawwija u vulnerabbli għandhom jiġu protetti kontra atti malizzjużi meta jiġu wżati jew maħżuna, u meta ma jkunux meħtieġa iżjed, għandhom jiġu żarmati u mormi bħala skart radjuattiv f'maħżen żgur u li ma jkunx ta' periklu.

3.

Tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta' l-Istat għas-Sejbien u Risposta għat-Traffikar Illeċitu

It-traffikar illeċitu hu sitwazzjoni li għandha x'taqsam ma' l-att ta' riċeviment, forniment, użu, trasferiment jew rimi ta' materjal nukleari u materjali radjuattivi oħra bla awtorizzazzjoni, kemm b'mod intenzjonat kif ukoll mhux intenzjonat u f'każ ta' qsim ta' fruntieri internazzjonali jew le.

Strument esplożiv nukleari mhux raffinat jew strument li jxerred ir-radjazzjoni, magħmula minn terroristi, ma jistgħux jiġu mibnija jekk il-materjal ma jkunx ġie akkwistat bħala riżultat ta' traffikar illeċitu. Barra minn dan, tagħmir u teknoloġija sensittivi biex jipproduċu materjal sensittiv għal, jew biex jinbena, strument esplożiv nukleari mhux raffinat jista' wkoll ikun ġie akkwistat permezz ta' traffikar illeċitu. Wieħed jista' jassumi li l-materjal jew teknoloġija jridu jaqsmu l-fruntieri biex jaslu fl-aħħar destinazzjoni tagħhom. Biex jiġġieldu kontra t-traffikar illeċitu, l-Istati għalhekk għandhom bżonn li s-sistemi regolatorji meħtieġa jkunu f'posthom, kif ukoll sistemi tekniċi (inklużi strumenti ta' użu faċli) u proċeduri u informazzjoni disponibbli fl-istazzjonijiet tal-fruntiera biex jinqabdu attentati ta' kuntrabandu ta' materjali radjuattivi (inklużi materjali fissili u radjuattivi), jew kummerċ mhux awtorizzat b'tagħmir u teknoloġija sensittivi.

Miżuri effettivi għandhom ikunu f'posthom ukoll biex jirreaġixxu għal atti bħal dawn u wkoll għall-qbid ta' materjali radjuattivi. Persunal għall-infurzar tal-liġi (tad-dwana, pulizija, eċċ.) ħafna drabi m'humiex imħarrġa fl-użu ta' tagħmir ta' sejbien, u għalhekk ma jkunux jafu sew it-tagħmir u t-teknoloġija sensittivi. It-taħriġ ta' dawn l-uffiċjali huwa għalhekk essenzjali għas-suċċess ta' kwalunkwe miżura li tiġi stabbilita biex jinqabad it-traffikar illeċitu. Taħriġ differenti għandu jiġi offrut lill-persunal ta' kategoriji differenti, kemm fl-użu ta' strumenti tas-sejbien, kif ukoll biex jifhmu l-qari ta' l-istrument, ħalli jkunu kapaċi jiddeċiedu x'għandu jsir wara.

2.   Skopijiet

Skop ġenerali: Biex tissaħħaħ is-sigurtà nukleari f'pajjiżi magħżula.

2.1.   Missjoni ta' valutazzjoni: Il-finanzjament ta' Missjonijiet Internazzjonali dwar is-Sigurtà Nukleari

Missjonijiet ta' l-INSServ ser isiru mill-IAEA biex jidentifikaw il-ħtiġiet sabiex tissaħħaħ is-sigurtà nukleari f'kull wieħed mis-17-il pajjiż imsemmi f'punt 1. Il-missjonijiet ikopru l-protezzjoni fiżika u s-sigurtà ta' applikazzjonijiet nukleari u non-nukleari, inklużi s-sistemi regolatorji meħtieġa, kif ukoll il-miżuri stabbiliti għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu.

Il-proġetti, bħala parti mill-missjoni wiesa' dwar is-sigurtà nukleari msemmija hawn fuq, ser:

jibdew billi jagħmlu valutazzjoni ta' l-istatus tal-protezzjoni fiżika ta' materjali nukleari u materjali radjuattivi oħra, u l-protezzjoni ta' kwalunkwe stallazzjoni nukleari jew ta' riċerka jew sit fejn huma wżati jew maħżuna dawn il-materjali. Fis-17-il-pajjiż msemmi, jeżisti total ta' 26 faċilità jew sit nukleari. Sottogrupp ta' faċilitajiet u siti li fihom dawn il-materjali ser jintgħażlu biex sussegwentement tittejjeb il-kwalità tagħhom u jingħataw appoġġ,

jidentifikaw ħtiġiet urġenti fir-rigward tat-titjib tal-kwalità ta' l-infrastruttura regolatorja fis-17-il pajjiż u ser jidentifikaw ukoll il-ħtieġa li tiġi provduta protezzjoni addizzjonali lil sorsi qawwija u vulnerabbli. It-tagħmir speċifiku meħtieġ biex jagħti protezzjoni jiġi wkoll determinat bħala riżultat tal-missjoni,

jinkludu l-assessjar ta' l-istatus kurrenti tal-kapacitajiet kif ukoll valutazzjoni tal-ħtiġiet biex jissaħħu l-miżuri ta' l-Istat għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu.

2.2.   Implimentazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi definiti bħala prijoritajiet bħala riżultat tal-missjoni ta' valutazzjoni

Proġett 1

Tisħiħ tal-Protezzjoni Fiżika ta' Materjali Nukleari u Materjali Radjuattivi oħra fl-Użu, Ħażna u Trasport, u f'Faċiltajiet Nukleari

Skop tal-proġett: biex isaħħaħ il-protezzjoni fiżika ta' materjali nukleari u radjuattivi oħra fil-pajjiżi magħżula.

Riżultati tal-proġett:

titjib tal-kwalità ta' protezzjoni fiżika ta' faċilitajiet magħżula u ta' siti li għandhom prijorità,

infrastruttura regolatorja nazzjonali għal protezzjoni fiżika imtejba permezz ta' għajnuna ta' esperti,

taħriġ tal-persunal provdut fil-pajjiżi magħżula.

Proġett 2

It-tisħiħ tas-Sigurtà ta' Materjali Radjuattivi f'Applikazzjonijiet non-Nukleari

Skop tal-proġett: biex isaħħaħ is-sigurtà ta' materjali radjuattivi f'applikazzjonijiet non-nukleari fil-pajjiżi magħżula.

Riżultati tal-proġett:

infrastruttura regolatorja nazzjonali għas-salvagward u sigurtà ta' materjali radjuattivi mtejba permezz ta' għajnuna ta' esperti,

sa 30 sors vulnerabbli protetti jew, kif ikun xieraq, żarmati u eliminati,

taħriġ tal-persunal provdut fil-pajjiżi magħżula.

Proġett 3

Tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta' l-Istati għal Sejbien u Risposta għat-Traffikar Illeċitu

Skop tal-proġett: biex isaħħaħ il-kapaċitajiet ta' l-Istati għas-sejbien u r-risposta għat-traffikar illeċitu fil-pajjiżi magħżula.

Riżultati tal-proġett:

informazzjoni aħjar miġbura u valutata dwar it-traffikar nukleari lleċitu, minn sorsi miftuħa u minn Punti ta' Kuntatt ta' l-Istati, biex jitjieb it-tagħrif dwar u ċ-ċirkustanzi tat-traffikar nukleari lleċitu. Din l-informazzjoni għandha wkoll tgħin biex l-attivitajiet differenti fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu jiġu prijorizzati,

strutturi nazzjonali stabbiliti permezz ta' għajnuna esperta, biex jiġġieldu t-traffikar illeċitu u biex jtejjbu l-koordinazzjoni nazzjonali ta' kontroll ta' ċaqliq transkonfini ta' materjali radjuattivi, tagħmir u teknoloġija nukleari sensittivi fil-pajjiżi magħżula,

titjib tal-kwalità ta' tagħmir ta' sorveljanza f'punti magħżula ta' qsim fuq il-fruntieri,

taħriġ għall-persunal għall-infurzar tal-liġi.

3.   It-Tul ta' Żmien

Il-missjoni ta' valutazzjoni ssir fi żmien tliet xhur wara li jiġi ffirmat il-Ftehim ta' Finanzjament bejn il-Kummissjoni u l-IAEA. It-tliet proġetti jsiru fl-istess żmien matul it-tnax-il xahar sussegwenti.

It-tul ta' żmien totali stmat għall-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta hu ta' 15-il xahar.

4.   Benefiċjarji

Il-Benefiċjarji huma l-pajjiżi fejn ikunu mplimentati l-assessjar u l-proġetti sussegwenti. L-awtoritajiet jiġu mgħejjuna biex jifhmu fejn hemm punti dgħajfa u jirċievu appoġġ biex jinstabu soluzzjonijiet u tiżdied is-sigurtà.

5.   Entità ta' implimentazzjoni

L-IAEA ser tiġi fdata bl-implimentazzjoni tal-proġetti. Il-missjonijiet ta' l-INSServ jitwettqu skond il-mod standard ta' operazzjoni għal missjonijiet ta' l-IAEA, li ser isiru minn esperti tal-Pajjiżi Membri ta' l-IAEA. L-implimentazzjoni tat-tliet proġetti ser issir direttament minn persunal ta' l-IAEA, esperti u kuntratturi magħżula tal-Pajjiżi Membri ta' l-IAEA. Fil-każ ta' kuntratturi, l-akkwist ta' kwalunkwe merkanzija, xogħolijiet jew servizzi mill-IAEA fil-kuntest ta' din l-Azzjoni Konġunta għandu jsir skond ir-regoli u l-proċeduri applikabbli ta' l-IAEA, kif spjegat fil-Ftehim dwar il Kontribuzzjoni tal-Komunità Ewropea ma' Organizzazzjoni Internazzjonali.

6.   Parteċipanti Terzi

Il-proġetti ser jiġu ffinanzjati 100 % minn din l-Azzjoni Konġunta. L-esperti tal-Pajjiżi Membri ta' l-IAEA jistgħu jiġu kkunsidrati bħala parteċipanti terzi. Huma ser jaħdmu skond ir-regoli standard ta' operazzjoni għall-esperti ta' l-IAEA.

7.   Stima ta' mezzi meħtieġa

Il-kontribuzzjoni ta' l-UE tkopri l-missjoni ta' valutazzjoni u l-implimentazzjoni tat-tliet proġetti kif deskritt fil-punt 2.2. L-ispejjeż stmati huma kif ġej:

Missjonijiet dwar sigurtà nukleari (17-il pajjiż):

EUR 303 000

Proġett 1 (6 pajjiżi)

EUR 854 200

Proġett 2 (6 pajjiżi):

EUR 1 136 700

Proġett 3 (6 pajjiżi):

EUR 946 600

Barra minn dan, riserva ta' kontinġenza ta' madwar 3 % ta' l-ispejjeż eliġibbli (għal ammont totali ta' EUR 88 500) hi nkluża għal spejjeż mhux mistennija.

8.   Ammont ta' referenza finanzjarju biex ikopri l-ispiża tal-proġett

L-ispiża totali tal-proġetti hi ta' EUR 3 329 000.


Top