Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0527

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 28 ta' Ġunju 2004 fuq it-talba tal-Burkina Faso sabiex taderixxi mal-Protokoll fuq iz-Zokkor mill-ACP

    ĠU L 232, 1.7.2004, p. 40–41 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 142M, 30.5.2006, p. 83–84 (MT)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/527/oj

    30.5.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    83


    ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-28 ta' Ġunju 2004

    fuq it-talba tal-Burkina Faso sabiex taderixxi mal-Protokoll fuq iz-Zokkor mill-ACP

    (2004/527/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 133, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Protokoll 3 dwar iz-Zokkor mill-ACP tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE (1) tipprovdi li kull talba minn Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni mill-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) li mhix imsemmija speċifikament f'dak il-Protokoll sabiex tieħu sehem fid-disposizzjonijiet tiegħu għandha tkun eżaminata.

    (2)

    Il-Burkina Faso hija Stat ACP li huwa Parti Kontraenti għall-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE u talbet f'Novembru 2000 sabiex tieħu sehem fid-disposizzjonijiet tal-Protokoll imsemmi.

    (3)

    F'ittra tat-30 ta' Settembru 2002, l-Istati ACP urew il-kunsens tagħhom għall-adeżjoni tal-Burkina Faso mal-Protokoll imsemmi.

    (4)

    Eżami tat-talba tal-Burkina Faso wera li l-pajjiż mhux pajjiż esportatur nett taz-zokkor u mhux kapaċi jesporta z-zokkor fuq bażi permanenti.

    (5)

    Huwa xieraq li din il-konklużjoni tintbagħat lill-Burkina Faso permezz ta' ittra,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    It-talba tal-Burkina Faso sabiex taderixxi mal-Protokoll 3 dwar iz-zokkor mill-ACP-KE tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE mhix aċċettata.

    L-ittra mehmuża għandha tinbagħat lill-Burkina Faso.

    Magħmula fil-Lussemburgu, nhar it-28 ta' Ġunju 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. CULLEN


    (1)  ĠU L 317, tal-15.12.2000, p. 267.


    ANNESS

    Brussell,

    Eċċellenza,

    Għandi l-unur li nirreferi għall-ittra tiegħek li ġġib id-data tat-8 ta' Novembru 2000 li titlob l-adeżjoni mal-Protokoll dwar iz-zokkor mill-ACP. F'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta annessa mal-Protokoll dwar iz-zokkor mill-ACP, il-Komunità Ewropea eżaminat it-talba tiegħek u waslet għall-konklużjoni li fil-preżent il-Burkina Faso mhix f'pożizzjoni li tissodisfa fuq bażi permanenti l-obbligi tal-Protokoll. F'każijiet preċedenti, il-kapaċità li dawn l-obbligi jiġu sodisfatti kienet definita mill-fatt li l-pajjiż in kwistjoni kien esportatur nett taz-zokkor.

    Għalhekk jisgħobbija li l-Komunità ma tistax taċċetta t-talba tal-Burkina Faso sabiex tingħaqad mal-Protokoll taz-Zokkor.

    Kopja ta' din l-ittra intbagħtet lis-Segretarju Ġenerali ta' l-Istati ACP.

    Jekk jogħġbok aċċetta, Eċċellenza, l-assigurazzjoni tal-kunsiderazzjoni mill-aktar għolja tiegħi.

    Għan-nom tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea


    Top