Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023XX0607(03)

    Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-mandat ta’ negozjati biex jiġi konkluż ftehim internazzjonali dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Europol u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Brażil. 2023/C 199/06 (It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-EDPS https://edps.europa.eu)

    ĠU C 199, 7.6.2023, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.6.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 199/10


    Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-mandat ta’ negozjati biex jiġi konkluż ftehim internazzjonali dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Europol u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Brażil.

    (2023/C 199/06)

    (It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-EDPS https://edps.europa.eu)

    Fit-22 ta’ Frar 2023 il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Europol u l-awtoritajiet kompetenti tal-Brażil għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu.

    L-objettiv tar-Rakkomandazzjoni huwa li jinfetħu negozjati mal-Brażil bil-għan li jiġi ffirmat u konkluż ftehim internazzjonali li jippermetti l-iskambju ta’ data personali bejn l-Europol u l-awtoritajiet kompetenti tal-Brażil għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu. L-Anness għar-Rakkomandazzjoni jistabbilixxi d-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill lill-Kummissjoni, jiġifieri l-objettivi li din tal-aħħar għandha jkollha l-għan li tikseb f’isem l-UE matul dawn in-negozjati.

    It-trasferimenti ta’ data personali miġbura fil-kuntest tal-investigazzjonijiet kriminali u ulterjorment ipproċessata mill-Europol għall-ġenerazzjoni ta’ intelligence kriminali jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-ħajja tal-individwi kkonċernati. Għal dik ir-raġuni, il-ftehim internazzjonali jrid jiżgura li l-limitazzjonijiet għad-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu japplikaw biss sa fejn huwa strettament meħtieġ.

    L-EDPS jinnota b’mod pożittiv li l-Kummissjoni stabbiliet sa issa, abbażi wkoll ta’ numru ta’ rakkomandazzjonijiet mill-Opinjonijiet preċedenti tal-EDPS dwar din il-kwistjoni, sett strutturat sew ta’ objettivi (direttivi ta’ negozjar), li jinkorpora prinċipji fundamentali tal-protezzjoni tad-data, li l-Kummissjoni għandha l-għan li tikseb f’isem l-UE matul in-negozjati internazzjonali biex tikkonkludi ftehimiet dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Europol u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ pajjiżi terzi.

    F’dan ir-rigward, ir-rakkomandazzjonijiet f’din l-Opinjoni għandhom l-għan li jikkjarifikaw u, fejn meħtieġ, ikomplu jiżviluppaw is-salvagwardji u l-kontrolli fil-Ftehim futur bejn l-UE u l-Brażil fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali. F’dan il-kuntest, l-EDPS jirrakkomanda li l-Ftehim futur jistabbilixxi b’mod espliċitu l-lista tar-reati kriminali li fir-rigward tagħhom tista’ tiġi skambjata d-data personali; jipprevedi rieżami perjodiku tal-ħtieġa għall-ħżin tad-data personali trasferita kif ukoll miżuri xierqa oħra li jiżguraw li jiġu osservati l-limiti ta’ żmien; jipprovdi salvagwardji addizzjonali fir-rigward tat-trasferiment ta’ kategoriji speċjali ta’ data; jiżgura li l-ebda deċiżjoni awtomatizzata bbażata fuq id-data riċevuta skont il-Ftehim ma sseħħ mingħajr il-possibbiltà li bniedem jintervjeni b’mod effettiv u sinifikanti; jistabbilixxi regoli ċari u dettaljati rigward l-informazzjoni li għandha ssir disponibbli għas-suġġetti tad-data.

    L-EDPS ifakkar li, skont l-Artikolu 8(3) tal-Karta, il-kontroll minn awtorità indipendenti huwa element essenzjali tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. F’dan il-kuntest, l-EDPS jinnota b’mod pożittiv l-istabbiliment reċenti fil-Brażil ta’ awtorità indipendenti għall-protezzjoni tad-data, l-Awtorità Superviżorja Brażiljana għall-Protezzjoni tad-Data (Autoridade Nacional de Proteção de Dados – ANPD). Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim, l-EDPS jissuġġerixxi wkoll li l-Partijiet jiskambjaw fuq bażi regolari informazzjoni dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet mis-suġġetti tad-data kif ukoll informazzjoni rilevanti dwar l-użu tal-mekkaniżmi ta’ sorveljanza u ta’ rimedju relatati mal-applikazzjoni tal-Ftehim.

    1.   INTRODUZZJONI

    1.

    Fid-9 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti tal-Brażil fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu (1) (“ir-Rakkomandazzjoni”). Ir-Rakkomandazzjoni hija akkumpanjata mill-Anness rispettiv tagħha.

    2.

    L-objettiv tar-Rakkomandazzjoni huwa li jinfetħu negozjati mar-Repubblika Federattiva tal-Brażil (minn hawn ’il quddiem “il-Brażil”) bil-għan li jiġi ffirmat u konkluż ftehim internazzjonali li jippermetti l-iskambju ta’ data personali bejn l-Europol u l-awtoritajiet kompetenti tal-Brażil għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu. L-Anness għar-Rakkomandazzjoni jistabbilixxi d-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill lill-Kummissjoni, jiġifieri l-objettivi li din tal-aħħar għandha l-għan li tikseb f’isem l-UE matul dawn in-negozjati.

    3.

    Fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tar-Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni tivvaluta li l-gruppi tal-kriminalità organizzata tal-Amerka Latina jippreżentaw theddida serja għas-sigurtà interna tal-UE peress li l-azzjonijiet tagħhom huma dejjem aktar marbuta ma’ sensiela ta’ reati fi ħdan l-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tat-traffikar tad-droga (2). Il-Valutazzjoni mill-Unjoni Ewropea tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (“SOCTA”) tal-2021 mill-Europol tenfasizza li kwantitajiet bla preċedent ta’ drogi illeċiti huma ttraffikati mill-Amerka Latina lejn l-UE, li jiġġeneraw profitti ta’ bosta biljuni ta’ euro, li jintużaw biex jiffinanzjaw firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet kriminali (internazzjonali u bbażati fl-UE) u biex idgħajfu l-istat tad-dritt fl-UE (3). L-organizzazzjonijiet tal-kriminalità organizzata bbażati fl-Amerka Latina huma attivi wkoll f’oqsma oħra ta’ kriminalità li jaqgħu taħt il-mandat tal-Europol, bħaċ-ċiberkriminalità, il-ħasil tal-flus, u r-reati ambjentali.

    4.

    Il-biċċa l-kbira tad-drogi maqbuda fl-UE jiġu ttrasportati bil-baħar, primarjament f’kontejners tat-trasport marittimu (4), u ttrasportati lejn l-UE direttament mill-pajjiżi tal-produzzjoni kif ukoll mill-pajjiżi ġirien tat-tluq fl-Amerka Latina, inkluż il-Brażil (5). L-organizzazzjonijiet tal-kriminalità organizzata tal-Brażil saru sħab ta’ networks kriminali tal-Kolombja u jixtru wkoll kokaina prodotta fil-Bolivja u fil-Perù. Minbarra l-attivitajiet ta’ traffikar tagħhom, dawn in-networks huma fornituri ta’ servizzi għal networks kriminali li joperaw globalment li jużaw portijiet Brażiljani għat-traffikar tal-kokaina (6). Abbażi ta’ kwantitajiet ta’ kokaina maqbuda f’portijiet Ewropej u f’portijiet oħrajn destinati għall-Ewropa, il-Brażil, bi qbid ta’ kokaina ta’ madwar 71 tunnellata, kien wieħed mill-punti tat-tluq ewlenin fl-2020, kif ilu għal xi snin (7).

    5.

    Fid-Dokument ta’ Programmazzjoni 2022-2024 tagħha, l-Europol indikat li, fost l-oħrajn, id-domanda dejjem tikber għad-drogi u r-rotot miżjuda tat-traffikar tad-drogi fl-UE jiġġustifikaw il-ħtieġa għal kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi tal-Amerka Latina (8). Bl-istess mod, il-Brażil ġie identifikat bħala sieħeb internazzjonali ewlieni biex inaqqas il-provvista globali tal-kokaina miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) (9). Bħalissa, il-kooperazzjoni bejn l-Europol u l-Brażil hija bbażata fuq Ftehim dwar il-Kooperazzjoni Strateġika ffirmat f’April 2017 (10), li ma jipprovdix bażi legali valida skont id-dritt tal-Unjoni għall-iskambju ta’ data personali.

    6.

    L-Opinjoni preżenti tal-EDPS hija maħruġa bi tweġiba għal konsultazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tad-9 ta’ Marzu 2023, skont l-Artikolu 42(1) tal-EUDPR. L-EDPS jilqa’ l-fatt li ġie kkonsultat dwar ir-Rakkomandazzjoni u jistenna li fil-preambolu tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tkun inkluża referenza għal din l-Opinjoni. Barra minn hekk, l-EDPS jilqa’ r-referenza, fil-Premessa 4 tar-Rakkomandazzjoni, għall-Premessa 35 tar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) (“ir-Regolament tal-Europol”), li tipprevedi li l-Kummissjoni għandha tkun tista’ tikkonsulta lill-EDPS anke matul in-negozjati tal-Ftehim u, fi kwalunkwe każ, qabel ma jiġi konkluż il-Ftehim.

    7.

    L-EDPS ifakkar li huwa diġà kellu l-opportunità li jikkummenta fl-2018 u fl-2020 dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Europol u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ pajjiżi terzi abbażi tar-Regolament tal-Europol (12).

    8.

    L-EDPS jinnota b’mod pożittiv li l-Kummissjoni stabbiliet sa issa, abbażi wkoll ta’ numru ta’ rakkomandazzjonijiet mill-Opinjonijiet preċedenti tal-EDPS dwar din il-kwistjoni, sett strutturat sew ta’ objettivi (direttivi ta’ negozjati), li jinkorpora prinċipji fundamentali tal-protezzjoni tad-data, li l-Kummissjoni għandha l-għan li tikseb f’isem l-UE matul in-negozjati internazzjonali biex tikkonkludi ftehimiet dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Europol u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ pajjiżi terzi.

    9.

    F’dan ir-rigward, ir-rakkomandazzjonijiet f’din l-Opinjoni għandhom l-għan li jikkjarifikaw u, fejn meħtieġ, ikomplu jiżviluppaw is-salvagwardji u l-kontrolli fil-Ftehim futur bejn l-UE u l-Brażil fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali. Dawn huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rakkomandazzjoni addizzjonali li l-EDPS jista’ jagħmel abbażi ta’ aktar informazzjoni u d-dispożizzjonijiet tal-abbozz tal-ftehim disponibbli matul in-negozjati.

    11.   KONKLUŻJONIJIET

    37.

    Fid-dawl ta’ dan imsemmi hawn fuq, l-EDPS jirrakkomanda:

    (1)

    li l-Ftehim futur jeskludi b’mod espliċitu t-trasferimenti ta’ data personali miksuba bi ksur manifest tad-drittijiet tal-bniedem,

    (2)

    li l-Ftehim futur jistabbilixxi b’mod espliċitu l-lista tar-reati kriminali li fir-rigward tagħhom tista’ tiġi skambjata data personali u li d-data personali trasferita trid tkun relatata ma’ każijiet individwali,

    (3)

    li l-Ftehim futur jipprevedi rieżami perjodiku tal-ħtieġa għall-ħżin tad-data personali trasferita kif ukoll miżuri xierqa oħra li jiżguraw li l-limiti ta’ żmien jiġu osservati,

    (4)

    li jiġi żgurat li l-Ftehim futur jipprovdi s-salvagwardji previsti fl-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Europol,

    (5)

    li jiġi żgurat li l-miżuri ta’ sigurtà jkopru data pproċessata fil-post tad-destinazzjoni, kif ukoll fi tranżitu,

    (6)

    li jiġi żgurat li l-ebda deċiżjoni awtomatizzata bbażata fuq id-data riċevuta skont il-Ftehim ma sseħħ mingħajr il-possibbiltà li bniedem jintervjeni b’mod effettiv u sinifikanti,

    (7)

    li l-Ftehim futur jistabbilixxi regoli ċari u dettaljati rigward l-informazzjoni li għandha tkun disponibbli għas-suġġetti tad-data,

    (8)

    għall-finijiet ta’ dan ir-rieżami tal-Ftehim, li l-Partijiet jiskambjaw fuq bażi regolari informazzjoni dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet mis-suġġetti tad-data u informazzjoni rilevanti dwar l-użu tal-mekkaniżmi ta’ sorveljanza u ta’ rimedju relatati mal-applikazzjoni tal-Ftehim.

    Brussell, 3 ta’ Mejju 2023.

    Wojciech Rafał WIEWIÓROWSKI


    (1)  COM(2023) 132 final.

    (2)  Ara l-paġna 2 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għar-Rakkomandazzjoni.

    (3)  Valutazzjoni mill-Unjoni Ewropea tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata : Influwenza korrotta: L-infiltrazzjoni u l-imminar tal-ekonomija u s-soċjetà tal-Ewropa mill-kriminalità organizzata, paġna 12.

    (4)  L-Europol u l-kummerċ globali tal-kokaina, disponibbli fuq https://www.emcdda.europa.eu/publications/eu-drug-markets/cocaine/europe-and-global-cocaine-trade_en

    (5)  L-Europol u l-kummerċ globali tal-kokaina, disponibbli fuq https://www.emcdda.europa.eu/publications/eu-drug-markets/cocaine/europe-and-global-cocaine-trade_en

    (6)  Is-Suq tad-Drogi fl-UE: Kokaina p. 47, disponibbli fuq is-Suq tad-Drogi fl-UE: Kokaina | www.emcdda.europa.eu

    (7)  Is-Suq tad-Drogi fl-UE: Kokaina p. 24, disponibbli fuq is-Suq tad-Drogi fl-UE: Kokaina. | www.emcdda.europa.eu

    (8)  Dokument ta’ Programmazzjoni tal-Europol 2022-2024, p. 150.

    (9)  Is-Suq tad-Drogi fl-UE: Kokaina, disponibbli fis-Suq tad-Drogi fl-UE: Kokaina, www.emcdda.europa.eu

    (10)  https://www.europol.europa.eu/partners-agreements/strategic-agreements

    (11)  Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI, ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.

    (12)  Ara l-Opinjoni 2/2018 tal-EDPS dwar tmien mandati ta’ negozjar biex jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali li jippermettu l-iskambju ta’ data bejn l-Europol u pajjiżi terzi, adottata fl-14 ta’ Marzu 2018, https://edps.europa.eu/sites/edp/files/publication/18-03-19_opinion_international_agreements_europol_en.pdf u l-Opinjoni 1/2020 tal-EDPS dwar il-mandat ta’ negozjar biex jiġi konkluż ftehim internazzjonali dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Europol u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ New Zealand, maħruġa fl-31 ta’ Jannar 2020. https://edps.europa.eu/sites/default/files/publication/20-01-31_opinion_recommendation_europol_en.docx.pdf


    Top