Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CN0154

    Kawża C-154/23: Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Marzu 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Estonja

    ĠU C 155, 2.5.2023, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.5.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 155/45


    Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Marzu 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Estonja

    (Kawża C-154/23)

    (2023/C 155/58)

    Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

    Partijiet

    Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Baquero Cruz u L. Maran, aġenti)

    Konvenut: Ir-Repubblika tal-Estonja

    Talbiet

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiddikjara li billi naqset milli tadotta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (1), u billi naqset milli tikkomunika l-imsemmija dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Estonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 26(1) u (3);

    tikkundanna lir-Repubblika tal-Estonja tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tikkorrispondi għall-ogħla ammont mit-tnejn li ġejjin: i) ammont ta’ kuljum ta’ EUR 600 immultiplikat bin-numru ta’ jiem li ddekorrew bejn id-data ta’ wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni stabbilit fl-imsemmija direttiva u d-data li fih intemm il-ksur, jew, fil-każ fejn is-sitwazzjoni ma tkunx ġiet ir-regolarizzata, id-data tal-għoti tas-sentenza fil-kawża inkwistjoni, jew ii) somma f’daqqa minima ta’ EUR 168 000;

    fil-każ fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fl-ewwel inċiż ikompli sad-data tal-għoti tas-sentenza fil-kawża inkwistjoni, tikkundanna lir-Repubblika tal-Estonja tħallas lill-Kummissjoni pagament ta’ penalità ta’ EUR 2 340 għal kull jum ta’ dewmien ikkalkolat mid-data ta’ għoti tas-sentenza fil-kawża inkwistjoni sad-data li fiha tikkonforma ruħha mal-obbligi imposti fuqha skont l-imsemmija direttiva; u

    tikkundanna lir-Repubblika tal-Estonja għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni tistabbilixxi sistema effikaċi għall-protezzjoni tal-persuni li jaħdmu f’organizzazzjoni privata jew pubblika jew li huma f’kuntatt ma’ tali organizzazzjonijiet fil-każ li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni f’oqsma speċifiċi.

    Skont l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ dak stabbilit fl-imsemmija direttiva sa mhux iktar tard mis-17 ta’ Diċembru 2021. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 26(3) tad-Direttiva, l-Istati Membri kellhom ukoll l-obbligu li jikkomunikaw lill-Kummissjoni bil-leġiżlazzjoni adottata mingħajr dewmien.

    Peress li l-Kummissjoni ma kienet irċeviet l-ebda komunikazzjoni mill-Estonja dwar l-adozzjoni tar-regoli meħtieġa sabiex tikkonforma mad-Direttiva, hija bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Estonja fis-27 ta’ Jannar 2022. Peress li l-Estonja ma kinitx ikkomunikat it-traspożizzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Estonja permezz ta’ ittra datata 15 ta’ Lulju 2022, li fiha talbitha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma mad-Direttiva fi żmien xahrejn minn meta bagħtet l-opinjoni motivata.

    Ir-Repubblika tal-Estonja għadha ma adottatx jew ma kkomunikatx lill-Kummissjoni l-miżuri meħtieġa għat-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva.


    (1)  ĠU 2019, L 305, p. 17.


    Top