Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CN0124

    Kawża C-124/23 P: Appell ippreżentat fit-2 ta’ Marzu 2023 minn E. Breuninger GmbH & Co. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fil-21 ta’ Diċembru 2022 fil-Kawża T-260/21, E. Breuninger GmbH & Co vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 155, 2.5.2023, p. 40–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.5.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 155/40


    Appell ippreżentat fit-2 ta’ Marzu 2023 minn E. Breuninger GmbH & Co. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fil-21 ta’ Diċembru 2022 fil-Kawża T-260/21, E. Breuninger GmbH & Co vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-124/23 P)

    (2023/C 155/52)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellant: E. Breuninger GmbH & Co. (rappreżentant: R. Velte, Rechtsanwalt)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    Talbiet

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Diċembru 2022 fil-Kawża T-260/21, Breuninger vs Il-Kummissjoni, sa fejn ir-rikors ġie miċħud u fejn E. Breuninger GmbH & Co. KG ġiet ikkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk inkorsi mill-Kummissjoni,

    tiddeċiedi l-kawża u tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża; sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix it-tilwima, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi t-tilwima konformement mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appell huwa bbażat fuq erba’ aggravji.

    L-ewwel, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. Konformement mal-formulazzjoni u mal-iskop ta’ din id-dispożizzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija għandha tibbaża ruħha fuq il-kompetizzjoni bejn is-setturi ta’ produzzjoni ta’ kummerċ fiżiku bl-imnut ikkonċernati mil-lockdown u mhux fuq approċċ fil-livell tal-impriża li jinkludi setturi ta’ produzzjoni mhux ikkonċernati. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, billi tat preferenza lid-distributuri li jwettqu biss kummerċ fiżiku bl-imnut għad-dannu tad-distributuri b’“diversi mezzi” bħall-appellanti, l-iskema ta’ għajnuna kkonċernata tipproduċi distorsjoni serja tal-kompetizzjoni kemm fil-kummerċ fiżiku bl-imnut kif ukoll fil-kummerċ online.

    It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 107(3)(b) TFUE huwa dispożizzjoni derogatorja marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE. Minħabba dan l-iżball ta’ evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, waqt l-eżami tagħha, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni tal-iskema ta’ għajnuna. Is-selettività tal-għajnuna minħabba l-kriterju ta’ eliġibbiltà “telf tad-dħul mill-bejgħ fil-livell tal-impriża” adottat barra minn hekk tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li l-appellanti ġarrbet inugwaljanza fit-trattament, minkejja li hija affettwata mill-għeluq li jikkonċerna s-settur ta’ produzzjoni “kummerċ fiżiku bl-imnut” bl-istess mod bħal ma huma l-kompetituri benefiċjarji.

    It-tielet, il-Qorti Ġenerali, interpretat u kklassifikat b’mod żbaljat il-qafas temporanju tal-Kummissjoni li fuqu l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kienet ibbażata. Il-qafas temporanju ma jippreżupponix il-perikolu għall-vijabbiltà tal-impriżi kkonċernati mil-lockdown. L-għan tal-għajnuna ma huwiex li jiġu sostnuti l-impriżi f’diffikultà, iżda pjuttost li l-impriżi kkonċernati jingħataw sostenn temporanju sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom fis-setturi ta’ produzzjoni kkonċernati u li jiġu evitati ristrutturazzjonijiet li jiswew ħafna flus u li huma irreversibbli. Il-qafas temporanju għalhekk ma jipprevedix preċiżament approċċ fil-livell tal-impriża, iżda approċċ fis-setturi ta’ produzzjoni kkonċernati mill-għeluq.

    Ir-raba’, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità msemmi fl-Artikolu 5(4) TFUE. Il-kriterju ta’ eliġibbiltà bbażat fuq approċċ fil-livell tal-impriża la huwa xieraq u lanqas neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-iskema ta’ għajnuna, li huwa li s-setturi ta’ produzzjoni kkonċernati mill-għeluq dovut għall-pandemija tal-COVID-19 jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom billi jikkumpensaw l-ispejjeż fissi mhux koperti. Id-distorsjoni serja tal-kompetizzjoni kkawżata bil-kriterju ta’ eliġibbiltà adottat lanqas ma hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan – żbaljat – tal-iskema ta’ għajnuna. In-natura proporzjonali tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma tistax tiġi ġġustifikata unikament bir-rekwiżit ta’ użu meqjus tar-riżorsi baġitarji, iktar u iktar peress li l-għajnuna għall-ispejjeż fissi tingħata lid-distributuri li jeżerċitaw kummerċ fiżiku bl-imnut li huma benefiċjarji indipendentement mill-profittabbiltà tagħhom u mill-fondi proprji tagħhom.


    Top