Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AE5829

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2023” (COM(2022) 780 final)

    EESC 2022/05829

    ĠU C 146, 27.4.2023, p. 59–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.4.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 146/59


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2023”

    (COM(2022) 780 final)

    (2023/C 146/10)

    Relatur ġenerali:

    Gonçalo LOBO XAVIER

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 19.12.2022

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adozzjoni fil-plenarja

    23.2.2023

    Sessjoni plenarja Nru

    576

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    196/2/4

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumtat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jilqa’ l-prijoritajiet ta’ politika ewlenin tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2023 biex jitwettqu l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Huwa ċar li, meta wieħed iqis is-sitwazzjoni u x-xenarji attwali, fuq perjodu qasir ta’ żmien, l-unitajiet domestiċi vulnerabbli għandhom jiġu appoġġjati sabiex jiġu protetti mill-agħar effetti tal-kriżi tal-enerġija, filwaqt li l-effiċjenza enerġetika xorta għandha tiġi promossa b’mod ġenerali fl-Unjoni Ewropea. Il-KESE jemmen li l-politiki fuq terminu medju u twil għandhom jaċċelleraw it-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika. Huwa jaħseb ukoll li jeħtieġ li l-Unjoni tibbilanċja d-domanda għall-provvista tal-enerġija, filwaqt li tippreserva l-enerġija għax-xitwa u tevita spejjeż ogħla. Huwa kruċjali li jiġu appoġġjati miżuri li jagħtu spinta lill-effiċjenza fl-oqsma kollha. Dan għandu jsir filwaqt li tiġi ppreservata l-integrità tas-suq uniku u jiġu żgurati stabbiltà finanzjarja makroekonomika u politiki fiskali u monetarji koerenti.

    1.2.

    Il-KESE huwa konxju li fl-2023 iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew se jkun iddominat mill-implimentazzjoni effiċjenti tal-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRPs). Dawn il-pjani se jagħmlu enfasi qawwija fuq l-aġendi ta’ politika tal-Istati Membri, li jridu jipprovdu opportunità biex tingħata spinta lill-ekonomiji tagħhom. Il-KESE jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex torganizza djalogi mal-Istati Membri fil-bidu tal-2023. Dawn id-djalogi jistgħu jikkonsistu f’diskussjoni fil-fond bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jinfluwenzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs). F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li dawn id-djalogi se jippromovu implimentazzjoni aħjar tal-RRPs u jgħinu biex jiġi żgurat li kwalunkwe tħassib jiġi indirizzat u identifikat aħjar permezz tas-CSRs.

    1.3.

    Il-KESE jħeġġeġ favur kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, kompetizzjoni effettiva u kunsiderazzjoni aħjar tat-tħassib tas-soċjetà ċivili sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku. Dan huwa saħansitra aktar importanti fid-dawl tal-gwerra u l-kriżi tal-enerġija. Il-KESE jappoġġja s-sejħa għal azzjoni li għandha tittieħed biex jissaħħaħ is-suq uniku. Il-KESE jemmen li x-xokkijiet reċenti jenfasizzaw l-importanza ta’ koordinazzjoni b’saħħitha ta’ politiki fiskali sodi u tal-bini ta’ buffers fiskali fi żminijiet tajbin li għandhom jintużaw matul it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, u fl-istess ħin jindirizzaw id-defiċit soċjali peress li dawn jistgħu jipperikolaw it-tkabbir fil-perjodu medju ta’ żmien. Il-politiki fiskali għandu jkollhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u jiżguraw is-sostenibbiltà fiskali permezz ta’ konsolidazzjoni gradwali u investiment u riformi li jsaħħu t-tkabbir sostenibbli.

    1.4.

    Il-KESE jappella għal koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri u deċiżjonijiet kuraġġużi li joħolqu inċentivi biex tiġi evitata d-dipendenza enerġetika tal-UE, speċjalment mir-Russja. Tali dipendenza tista’ tikkomprometti l-interessi tal-Unjoni u għandha tiġi indirizzata b’kuraġġ.

    1.5.

    Il-KESE jappella għal approċċ moderat, realistiku u bbilanċjat filwaqt li tiġi indirizzata l-inflazzjoni sabiex kulħadd jiġi involut fit-tfittxija għal soluzzjoni li tkun ta’ benefiċċju għall-Unjoni kollha. L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom ikunu attivi b’mod rigoruż fl-iżgurar tat-trasparenza tal-prezzijiet u jkunu attenti għal kwalunkwe falliment possibbli tas-suq. Il-gvernijiet għandhom joqogħdu attenti biex jiżguraw li d-dikjarazzjonijiet tagħhom ikunu bbażati fuq l-aħjar analiżi empirika, filwaqt li jevitaw kritika mhux sostanzjata tal-atturi kummerċjali peress li tista’ twassal għal kunflitt bejn iċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-imsieħba soċjali. Il-KESE jemmen ukoll li l-problema tista’ tissolva biss jekk il-gvernijiet, in-negozji u s-soċjetà ċivili organizzata jaħdmu flimkien.

    Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom jiffukaw bla heda fuq l-effiċjenza u l-ġustizzja fl-użu tar-riżorsi finanzjarji u riżorsi pubbliċi oħra disponibbli. Dan huwa kruċjali biex jiġu żgurati investimenti ġodda u ta’ kwalità.

    1.6.

    Il-KESE ser ikompli jargumenta li l-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata (imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili), il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandu jkollha rwol akbar matul iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew sabiex tissaħħaħ is-sjieda nazzjonali. Il-KESE jemmen li kemm il-proċess tas-Semestru kif ukoll l-implimentazzjoni tal-RRPs jibbenefikaw minn parteċipazzjoni aħjar u aktar organizzata mill-organizzazzjonijiet involuti fil-KESE. Hemm bżonn ta’ “sens ta’ realiżmu” meta wieħed jitkellem dwar l-implimentazzjoni tal-politika.

    1.7.

    Il-KESE huwa konxju wkoll tal-ħtieġa li jsir investiment fil-ħiliet u fl-aġenda industrijali sabiex tassew isir l-aħjar użu mill-assi Ewropej eżistenti, jiġifieri l-investiment fl-innovazzjoni u x-xjenza, li jridu jiġu sfruttati għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

    1.8.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkomunika aħjar maċ-ċittadini. Diskors b’saħħtu, affidabbli u komuni dwar l-isfidi u kif l-Unjoni hija mmobilizzata biex taħdem biex tegħleb dawn l-isfidi huwa fundamentali għaċ-ċittadini u se jevita nuqqas ta’ fehim dwar il-proġett Ewropew. L-investiment f’komunikazzjoni aħjar (u l-KESE mhux qed jitkellem dwar ir-reklamar) jista’ jkun bidla interessanti fir-retorika kontra l-proġett Ewropew u għandu jkun prijorità. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni, li tippreżenta Komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-UE u proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-rwol tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali. Il-komunikazzjoni aħjar mas-soċjetà ċivili organizzata u l-konsultazzjoni magħha huma essenzjali u jimxu id f’id.

    2.   Kuntest

    2.1.

    Mhuwiex sigriet li l-Ewropa għaddejja mill-aktar perjodu diffiċli f’dawn l-aħħar 70 sena. Qed tiffaċċja diversi sfidi ekonomiċi u soċjali kumplessi bil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li qed tkompli tifni l-ekonomija Ewropea, b’kontijiet tal-enerġija li qed jogħlew, rati għoljin ta’ inflazzjoni, nuqqas ta’ provvisti, livelli ogħla ta’ dejn u spejjeż tat-teħid b’self li qed jogħlew. Għalhekk wasal iż-żmien li jittieħdu deċiżjonijiet biex jiġi ddeterminat il-futur ta’ wieħed mill-aktar proġetti globali ta’ suċċess għall-progress soċjali, ekonomiku u kulturali.

    2.2.

    Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat il-Pakkett tal-Ħarifa tas-Semestru Ewropew 2023 biex tipproponi modi biex flimkien jingħelbu dawn l-isfidi u jissaħħu l-ekonomiji tagħna fit-tul, permezz tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, fiskali, tax-xogħol u soċjali. L-għan huwa li jiġu żgurati provvisti tal-enerġija adegwati u affordabbli, tiġi ppreservata l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja u jiġu protetti l-unitajiet domestiċi u n-negozji vulnerabbli, jiġu stimulati t-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, u titlesta t-tranżizzjoni doppja.

    2.3.

    L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2023 jiddeskrivi l-prijoritajiet ta’ politika fis-sena li ġejja u jistabbilixxi aġenda għat-tisħiħ ta’ din il-koordinazzjoni sabiex jittaffa l-impatt negattiv, jiġu indirizzati l-isfidi attwali u tiżdied ir-reżiljenza soċjali u ekonomika filwaqt li jitrawwem tkabbir sostenibbli u inklużiv, f’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Bil-għan li titrawwem is-sostenibbiltà kompetittiva, l-erba’ prijoritajiet huma l-promozzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà makroekonomika.

    2.4.

    L-aġenda tal-politika ekonomika u tal-impjiegi għandha tiffoka fuq l-appoġġ liċ-ċittadini u lill-kumpaniji biex jiffaċċjaw l-isfidi maħluqa miż-żieda fl-ispejjeż u fil-provvista tal-enerġija, u, fl-istess ħin, biex tkompli bl-isforzi biex trawwem it-tkabbir sostenibbli u fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, kif ukoll biex iżżid il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza ekonomika.

    2.5.

    Skont dan il-prinċipju, il-proposti għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) huma mistennija fir-rebbiegħa tal-2023, bir-rapporti tal-pajjiżi jiffukaw fuq:

    ħarsa ġenerali konċiża, iżda olistika tal-iżviluppi ekonomiċi u soċjali u tal-isfidi li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri;

    ħarsa ġenerali lejn l-istat ta’ implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza;

    inkomplu nieħdu approċċ modest għas-CSRs.

    2.6.

    Fir-rigward taż-żona tal-euro, il-Kummissjoni identifikat ħames rakkomandazzjonijiet għall-2023:

    (a)

    il-koordinazzjoni tal-politika fiskali;

    (b)

    iż-żamma tal-investiment pubbliku;

    (c)

    is-sorveljanza tal-politiki soċjali u tal-pagi;

    (d)

    it-titjib tal-ambjent tan-negozju;

    (e)

    il-preżervazzjoni tal-istabbiltà makrofinanzjarja.

    3.   Kummenti speċifiċi

    3.1.   Is-Semestru Ewropew u l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata

    3.1.1.

    Is-Semestru Ewropew għadu l-qafas prinċipali u stabbilit sew għal politiki ta’ koordinazzjoni aktar effettivi bejn l-Istati Membri. Koordinazzjoni bħal din tat il-frott tagħha, peress li l-irkupru tal-UE wara l-COVID kien l-aktar rapidu mill-boom ta’ wara l-gwerra u s-swieq tax-xogħol tagħna wrew li huma reżiljenti, b’livell rekord ta’ impjiegi. Bħala parti mis-Semestru Ewropew u l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (inkluża l-fergħa REPowerEU addizzjonali tagħha), il-KESE se jkompli jkun fil-qalba tal-proċess ta’ trasformazzjoni biex tinkiseb sostenibbiltà kompetittiva. F’konformità ma’ dan, il-KESE ser ikompli jippromovi konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li taqdi rwol akbar matul iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew sabiex jitqiesu d-diversi interessi fis-soċjetà u tissaħħaħ is-sjieda nazzjonali.

    3.1.2.

    Il-KESE bħalissa qed iwettaq eżerċizzju ta’ konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri sabiex jikseb ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward (1). Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni, imħabbra f’Lulju 2022 (2), li din is-sena tippreżenta Komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-UE u proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-rwol tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali.

    3.1.3.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tespandi u tipprovdi qafas ċar għall-forums eżistenti taħt is-Semestru Ewropew biex tinforma u tinvolvi lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili matul iċ-ċiklu tas-Semestru, sabiex ġenwinament isiru atturi rilevanti fil-koordinazzjoni tal-politiki fiskali, ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg fil-livell tal-UE.

    3.2.   Kriżi ġeopolitika — gwerra fl-Ukrajna

    3.2.1.

    Il-konsegwenzi tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja jippreżentaw lill-ekonomija u lis-soċjetà tal-UE b’diversi diffikultajiet ekonomiċi ġodda, li jaffettwaw l-istabbiltà ekonomika u soċjali ġenerali u l-provvisti tal-enerġija tagħha. L-UE trid tkompli ssegwi kemm is-sostenibbiltà kompetittiva kif ukoll ir-reżiljenza soċjali u ekonomika. Fil-futur immedjat, huma meħtieġa miżuri ta’ appoġġ biex itaffu l-impatt tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-Ewropej u d-ditti tal-UE, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u dawk li jiggwadanjaw dħul baxx jew medju.

    3.2.2.

    Il-kriżi tal-enerġija, b’mod partikolari, hija l-aktar fattur rilevanti: flimkien ma’ livell għoli ħafna ta’ inflazzjoni, dan se jkollu impatt kbir fit-tul. F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni immedjata biex jiġi evitat li s-sitwazzjoni tkompli tmur għall-agħar fuq terminu qasir u medju, filwaqt li tiġi ġestita wkoll it-tranżizzjoni ekoloġika b’mod ġust. F’ħafna pajjiżi, il-produzzjoni tal-enerġija mhijiex fl-istess livell bħall-konsum tal-enerġija.

    3.2.3.

    Il-KESE jemmen li l-possibbiltà li tiżdied il-produzzjoni u li jittieħed vantaġġ mill-kundizzjonijiet u r-riżorsi partikolari disponibbli f’xi pajjiżi, bħall-enerġija mix-xemx, mill-mewġ u mir-riħ, għad trid tiġi esplorata minn xi gvernijiet, li għadhom ma stabbilixxewx pjani biex jipproduċu l-enerġija mir-riżorsi tagħhom stess. Waħda mir-raġunijiet għal dan hija l-leġiżlazzjoni kumplessa żżejjed jew maħsuba ħażin u l-burokrazija eċċessiva li għadha teżisti f’ħafna Stati Membri. Dan ma jiffaċilitax il-produzzjoni tal-enerġija ekoloġika, minkejja l-potenzjal enormi. Irridu nkunu kuraġġużi u nagħmlu l-isforzi kollettivi meħtieġa. Dan jeħtieġ investiment, speċjalment mis-settur privat. Madankollu, l-investiment pubbliku se jkompli jkollu rwol ewlieni fl-ilħuq tal-miri tal-Patt Ekoloġiku kif ukoll fis-salvagwardja tal-prosperità u l-kompetittività futura tagħna u fit-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tal-UE. Dan għandu jiġi rifless ukoll fil-politika ta’ koeżjoni.

    3.3.   Inflazzjoni

    3.3.1.

    Il-livell għoli ta’ inflazzjoni, ikkawżat b’mod partikolari miż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija, qed ikollu impatt negattiv ħafna fuq il-ħaddiema u n-negozji, l-istabbiltà finanzjarja, il-parità tal-kapaċità tal-akkwist u l-istabbiltà ekonomika u soċjali. L-inflazzjoni fid-dinja u fl-UE hija fenomenu kumpless, kemm f’termini tal-oriġini kif ukoll tas-soluzzjonijiet għaliha. L-aktar fatturi immedjati u importanti tagħha huma l-ostakli fil-provvista fil-proċess ta’ rkupru rapidu mir-reċessjoni pandemika, f’kuntest ta’ politika monetarja espansjonarja, ikkombinata mal-kriżi tal-enerġija kkawżata mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna. L-inflazzjoni taffettwa l-atturi ekonomiċi u l-gruppi soċjali kollha, speċjalment dawk l-aktar dgħajfa u l-aktar żvantaġġati. Il-ħaddiema u l-konsumaturi qed jaraw tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist tagħhom u ħafna kumpaniji qed jaraw tnaqqis fil-marġnijiet ta’ profitt tagħhom. L-ispekulaturi u ċerti setturi ekonomiċi biss, bħas-settur tal-enerġija, qed jaraw il-profitti tagħhom jiżdiedu drastikament. Sabiex ilaħħqu mal-inflazzjoni, l-Istati Membri adottaw approċċi differenti biex jikkontrollawha, bħall-appoġġ biex jiġu evitati żidiet fil-prezzijiet fis-setturi tal-ikel, sforzi biex il-pagi jinżammu f’bilanċ, flimkien ma’ politiki ekonomiċi. Għadna ’l bogħod milli nilħqu l-għanijiet tagħna u minn soluzzjoni li tissalvagwardja l-benesseri ekonomiku u soċjali.

    3.3.2.

    L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom ikunu attivi b’mod rigoruż fl-iżgurar tat-trasparenza tal-prezzijiet u jkunu attenti għal kwalunkwe falliment possibbli tas-suq. Il-gvernijiet għandhom joqogħdu attenti biex jiżguraw li d-dikjarazzjonijiet tagħhom ikunu bbażati fuq l-aħjar analiżi empirika, filwaqt li jevitaw kritika mhux sostanzjata tal-atturi kummerċjali peress li tista’ twassal għal kunflitt bejn iċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-imsieħba soċjali.

    3.3.3.

    Il-ġlieda kontra l-inflazzjoni għandha tkun il-prijorità ewlenija ta’ politika ekonomika Ewropea kkoordinata bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet nazzjonali. Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali, meta japplikaw politiki monetarji stretti, għandhom iqisu li l-proċess inflazzjonarju mhuwiex ikkawżat minn domanda eċċessiva u għandhom jipprevjenu li d-deċiżjonijiet tagħhom iwasslu għal reċessjoni ġdida. Il-KESE jħeġġeġ lill-BĊE biex inaqqas l-inflazzjoni bażi mingħajr ma jikkomprometti l-irkupru ekonomiku tal-UE. Minħabba r-riskji msemmija hawn fuq, il-BĊE għandu jipproċedi b’kawtela biex jinnormalizza l-politika monetarja (3). L-UE u l-gvernijiet nazzjonali għandhom jistabbilixxu miżuri biex jgħinu lis-setturi l-aktar żvantaġġati tal-popolazzjoni u lill-kumpaniji l-aktar milquta. Il-konsultazzjoni tripartitika, id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv għandhom isiru strumenti ewlenin biex tiġi indirizzata l-kriżi inflazzjonarja permezz ta’ kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet u biex jitfasslu miżuri biex din tingħeleb fid-diversi setturi tal-ekonomija. Għalhekk, il-KESE huwa favur miżuri bħal tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija sabiex jiġu moderati t-tendenzi inflazzjonarji.

    3.4.   L-objettivi ambjentali tal-UE/Il-kriżi tal-enerġija

    3.4.1.

    Il-KESE jkompli jippromovi dak li kien qed jippromovi f’dawn l-aħħar xhur: minkejja l-kriżijiet il-ġodda, ma nistgħux nabbandunaw l-objettivi stabbiliti fil-livell tal-UE: id-dekarbonizzazzjoni u s-sostenibbiltà ambjentali. Irridu nsaħħu n-negozji u l-ħaddiema u nawtonomizzaw liċ-ċittadini kollha biex jiffaċċjaw id-diffikultajiet sabiex insegwu l-objettivi ambjentali fit-tul tagħna.

    3.4.2.

    Għalhekk, il-KESE huwa favur miżuri li jikkoordinaw il-prezzijiet tal-enerġija sabiex jimmoderaw it-tendenzi inflazzjonarji. Il-prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi għandhom ikunu waħda mill-prijoritajiet tal-politika ekonomika tal-UE. Il-KESE jappoġġja l-iffissar ta’ limitu massimu tal-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass, u jirrimarka li f’Opinjonijiet u Riżoluzzjonijiet preċedenti talab riforma urġenti tas-sistema tal-irkant tal-prezzijiet marġinali fis-suq tal-elettriku bl-ingrossa, minħabba n-natura intrinsikament inflazzjonarja tiegħu. L-investiment fl-enerġija ekoloġika huwa fundamentali biex jintlaħaq dan l-għan.

    3.4.3.

    Il-Kummissjoni ppreżentat il-Pjan REPowerEU biex tagħmel l-UE indipendenti mill-provvista Russa tal-gass u taż-żejt, u l-KESE laqa’ dan il-pjan u jaqbel mal-approċċ b’erba’ pilastri li jiffoka fuq l-iffrankar tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-importazzjonijiet tal-gass, u s-sostituzzjoni tal-fjuwils fossili billi jiġu aċċellerati s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u s-soluzzjonijiet ta’ finanzjament (4). Fl-istess ħin, il-KESE jitlob li s-sigurtà tal-provvista tkun garantita bi spiża “kemm jista’ jkun affordabbli” kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-industrija. Il-KESE jirrimarka li l-modifika mill-Istati Membri tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom sabiex jissottomettu kapitolu ddedikat dwar REPowerEU hija opportunità addizzjonali għalihom biex jikkonsultaw mas-soċjetà ċivili organizzata u biex iqisu l-fehmiet tagħha.

    3.4.4.

    Il-KESE jenfasizza li jistgħu jkunu meħtieġa aktar inizjattivi biex jiġi żgurat li jiġi mobilizzat biżżejjed kapital privat u pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li koordinazzjoni aħjar tal-użu tal-fondi finanzjarji eżistenti għandha tkun prijorità. Il-proċess ta’ komunikazzjoni dwar din il-kwistjoni jkun utli ħafna fil-mobilizzazzjoni taċ-ċittadini lejn għan komuni.

    3.5.   Il-kriżi soċjali u ekonomika/Nuqqas ta’ ħiliet u persuni kwalifikati

    3.5.1.

    Għalkemm ir-rata tal-qgħad fl-UE hija biss ta’ 6 %, għadna qed niffaċċjaw id-diffikultà li nsibu n-nies bil-ħiliet meħtieġa biex inwettqu r-rikostruzzjoni u r-reżiljenza tal-ekonomija tagħna u biex nilħqu l-objettivi tat-tranżizzjoni doppja tagħna. Hemm nuqqas sinifikanti ta’ persuni tas-sengħa għal ħafna impjiegi ewlenin f’xi pajjiżi, mhux l-inqas minħabba li ħafna żgħażagħ qed jitilqu minn pajjiżhom biex jaħdmu x’imkien ieħor. Minbarra t-taħriġ ewlieni li għandu jiġi promoss, nitilfu proporzjon sinifikanti ta’ impjegati tas-sengħa ladarba jitħarrġu. Sabiex insaħħu l-istrateġija awtonoma tal-UE rridu nreġġgħu lura xi wħud mil-linji ta’ produzzjoni fl-Ewropa, iżda m’għandniex in-nies tas-sengħa biex jaħdmu f’dawn il-fabbriki fl-Ewropa. Din is-sitwazzjoni trid tiġi indirizzata fuq bażi kontinwa.

    3.5.2.

    Il-KESE jenfasizza li l-provvista ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja hija waħda mill-aħjar modi biex jiġu attirati persuni bi kwalifiki għoljin. Barra minn hekk, li jitħallsu pagi ġusti għall-għajxien, l-iżgurar ta’ relazzjonijiet tax-xogħol formali biex jiġu evitati kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, l-offerta ta’ programmi estensivi ta’ titjib tal-ħiliet, l-għoti ta’ kundizzjonijiet eċċellenti ta’ saħħa u sikurezza u l-ħidma għal bilanċ bejn il-ġeneri, flimkien ma’ protezzjoni soċjali adegwata fil-livell nazzjonali, mhumiex biss għanijiet fihom infushom, iżda huma wkoll il-bażi għal żvilupp ekonomiku u politiku favorevoli. Barra minn hekk, il-KESE jappella għall-użu responsabbli ta’ politiki bbilanċjati u kkombinati (bejn sistemi ta’ taħriġ pubbliċi u privati biex isir użu aħjar mir-riżorsi finanzjarji disponibbli) fil-kuntest tat-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet.

    3.6.   Id-dejn u l-investimenti pubbliċi u privati

    3.6.1.

    L-UE qed tiffaċċja ħtieġa urġenti u dejjem tikber għal investiment pubbliku u privat biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u t-trasformazzjoni diġitali, biex tiġi aċċelerata t-tranżizzjoni tal-enerġija u biex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda tal-awtonomija strateġika. Minn naħa waħda, l-Unjoni trid tegħleb id-defiċit tal-investiment ta’ dawn l-aħħar għaxar snin, u min-naħa l-oħra, il-maġġoranza tal-Istati Membri jridu jnaqqsu d-defiċit u d-dejn pubbliku tagħhom. Dan għandu jsir b’mod ibbilanċjat ħafna iżda deċiżiv.

    3.6.2.

    Fl-istess ħin, il-Kumitat jemmen li huwa essenzjali, qabel kwalunkwe żieda straordinarja fir-riżorsi tal-UE għall-investiment pubbliku u l-promozzjoni tal-investiment privat, li jintużaw bis-sħiħ ir-riżorsi kollha eżistenti fid-diversi programmi — Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, InvestEU, eċċ. Għal dan l-għan, għandu jiġi previst l-ogħla livell possibbli ta’ flessibbiltà fl-użu tagħhom — kemm f’termini ta’ objettivi kif ukoll ta’ skadenzi għall-implimentazzjoni — dejjem b’mod kompatibbli mal-monitoraġġ rigoruż tal-implimentazzjoni adegwata tagħhom. Il-KESE jemmen li l-idea ta’ proġetti komuni bejn l-Istati Membri tista’ tkun idea interessanti biex jiġu stimulati l-investiment u r-riformi strutturali.

    3.6.3.

    Il-KESE jenfasizza li huwa meħtieġ progress fit-tlestija tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni Bankarja biex jiġu ggarantiti settur u swieq finanzjarji li jiffunzjonaw tajjeb, li huma kruċjali biex jiġu ffinanzjati l-investimenti kbar ħafna meħtieġa għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. L-approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u tal-Unjoni Bankarja filwaqt li tiġi stabbilita wkoll l-aġenda għall-finanzi sostenibbli għandu jikkonsolida l-mezzi ta’ finanzjament, jippromovi l-isforzi ta’ investiment u jżid ir-reżiljenza.

    3.6.4.

    Kemm il-kriżi tal-COVID-19 kif ukoll l-invażjoni Russa kellhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-bilanċ estern. Il-KESE jappella għal żieda fl-investiment bħala l-mutur ewlieni tal-kompetittività tal-UE.

    3.6.5.

    Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom ikunu aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi diġà disponibbli qabel ma jitolbu oħrajn ġodda. Barra minn hekk, il-KESE jappella għal aktar flessibbiltà fl-użu tal-fondi finanzjarji tal-UE sabiex dawn jiġu orjentati mill-ġdid jekk ma jkunux jistgħu jintużaw għall-finijiet li għalihom kienu maħsuba oriġinarjament jew jekk l-isfidi soċjali, ekonomiċi, ambjentali jew tad-difiża jirrikjedu adattament. Fejn meħtieġ, l-UE għandha toħloq ukoll il-kundizzjonijiet u l-istrumenti adegwati sabiex jiżdied l-investiment pubbliku u tiġi ffaċilitata mobilizzazzjoni akbar tal-investiment privat. Dan għandu jsir biex jintlaħqu objettivi strateġiċi u ta’ awtonomija komuni, u mingħajr ma jiġi pperikolat jew żbilanċjat il-funzjonament tas-suq uniku tal-UE. Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal aktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi finanzjarji allokati: l-Istati Membri jeħtieġ jimpenjaw ruħhom li jispjegaw fejn u kif jintefqu dawn ir-riżorsi finanzjarji. Barra minn hekk, il-KESE jindika wkoll il-ġbir effiċjenti tad-dħul fil-kuntest tas-sostenibbiltà fiskali. Pereżempju, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa jikkawżaw ukoll ħsara kbira lill-baġits pubbliċi. Kollox ma’ kollox, it-tkabbir sostenibbli u inklużiv huwa l-aħjar bażi għall-istabbiltà fiskali. Minkejja dan ta’ hawn fuq, it-tlestija tal-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku u l-objettiv li tinkiseb awtonomija strateġika tal-enerġija u industrijali, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji fundamentali tas-suq uniku, se jirrikjedu finanzjament Ewropew addizzjonali, kif propost f’Riżoluzzjoni tal-KESE adottata f’Mejju 2022 (5).

    Brussell, it-23 ta’ Frar 2023.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Ir-riżultati se jinġabru fil-qosor u se jitfasslu rakkomandazzjonijiet ċari f’Opinjoni fuq inizjattiva proprja li għandha tiġi ppreżentata lill-plenarja f’April 2023.

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE — The EESC’s recommendations for a solid reform of the European Semester (ECO/600) (għad mhux disponibbli bil-Malti), li għandha tiġi ppreżentata għall-adozzjoni f’April 2023

    (2)  Rapport ta’ rieżami dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza — 29.7.2022

    (3)  Opinjoni tal-KESE — Kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2022 (ĠU C 75, 28.2.2023, p. 43).

    (4)  Opinjoni tal-KESE — Pjan REPowerEU — adottata fil-21 ta’ Settembru 2022 (ĠU C 486, 21.12.2022, p. 185).

    (5)  ĠU C 323, 26.8.2022, p. 1.


    Top