Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AE5403

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, id-Direttiva 2006/118/KE dwar il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament u d-Direttiva 2008/105/KE dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma” (COM(2022) 540 final — 2022/0344 (COD))

    EESC 2022/05403

    ĠU C 146, 27.4.2023, p. 41–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.4.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 146/41


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, id-Direttiva 2006/118/KE dwar il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament u d-Direttiva 2008/105/KE dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma”

    (COM(2022) 540 final — 2022/0344 (COD))

    (2023/C 146/07)

    Relatur:

    Arnaud SCHWARTZ

    Konsultazzjoni

    Parlament Ewropew, 19.1.2023

    Kunsill, 24.1.2023

    Bażi legali

    Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

    Adozzjoni fis-sezzjoni

    3.2.2023

    Data tal-adozzjoni fil-plenarja

    22.2.2023

    Sessjoni plenarja Nru

    576

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    156/01/06

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex għadd ta’ sustanzi niġġiesa tal-ilma li huma kruċjali jinżiedu mal-listi ta’ sustanzi prijoritarji għall-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art, li se jintużaw biex jiġi vvalutat l-istatus kimiku skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. L-Istati Membri se jkollhom jimmonitorjaw il-preżenza tagħhom fl-ilma u jiżguraw li l-istandards tal-kwalità ma jinqabżux. Il-Proposta kellha ssir diversi snin ilu u hija tentattiv pożittiv biex tiġi aġġornata l-valutazzjoni tal-istatus kimiku tal-ilma.

    1.2.

    Il-KESE jirrimarka li l-ilma nadif huwa fundamentali għas-soċjetà u l-ambjent tagħna, kif ukoll għall-attivitajiet soċjoekonomiċi. Qafas b’saħħtu għall-protezzjoni tal-ilma, li jiffoka fuq it-tnaqqis tat-tniġġis fis-sors, se jġib benefiċċji għall-ekosistemi, għall-utenti tal-ilma għal finijiet ta’ rikreazzjoni, u għall-industrija, u se jiżgura ilma tax-xorb nadif u affordabbli.

    1.3.

    Filwaqt li hemm spejjeż assoċjati mal-inizjattiva, pereżempju għat-trattament tal-ilma mormi, il-KESE jenfasizza li l-benefiċċji assoċjati mal-ilma mhux imniġġes huma akbar minnhom, pereżempju billi jiġi evitat l-esponiment għal sustanzi kimiċi dannużi u jonqos il-bżonn ta’ trattament biex jintlaħqu l-istandards tal-ilma tax-xorb. It-tibdil fix-xejriet tal-użu ta’ sustanzi perikolużi, bl-għan li titnaqqas il-preżenza tagħhom fl-ilma, jista’ jġib ukoll kobenefiċċji bħal tnaqqis fl-esponiment għal pestiċidi perikolużi għall-ħaddiema fis-settur agroalimentari.

    1.4.

    Għandu jsir aktar għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-KESE jitlob li jiġu żviluppati linji gwida speċifiċi għall-industriji li jużaw l-ilma b’sustanzi differenti fil-proċessi tal-produzzjoni.

    1.5.

    Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħmlu aktar biex jiġbru, jorganizzaw u jinterpretaw id-data dwar l-ilma u jpoġġu l-ħtiġijiet tad-data ambjentali fil-quċċata tal-prijoritajiet tagħhom. It-tnaqqis tad-dewmien fid-data u l-iżgurar ta’ indikaturi speċifiċi fl-Istati Membri kollha huma importanti.

    1.6.

    Aktar minn 60 % tal-ilmijiet Ewropej għad m’għandhomx status kimiku tajjeb skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (1), iżda dan ma jagħtix l-istampa sħiħa tal-kwistjoni peress li l-valutazzjoni attwali ma tqisx l-effetti ta’ taħlit kimiku li jista’ jseħħ anki meta s-sustanzi niġġiesa jkunu preżenti f’livelli “sikuri”. Għandu jsir aktar biex jiġi evalwat u mmonitorjat l-impatt tas-sustanzi kkombinati fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.

    1.7.

    Il-pestiċidi pprojbiti għadhom preżenti fl-ilmijiet Ewropej. Il-KESE jenfasizza li l-miżuri ta’ monitoraġġ, inkluż it-twaqqif tal-użu illegali u d-derogi, iridu jibqgħu fis-seħħ fl-Istati Membri fejn jiġu identifikati ammonti eċċessivi, anke jekk dawn is-sustanzi jkunu tneħħew mil-lista bħala sustanzi ta’ prijorità fil-livell tal-UE.

    1.8.

    L-ilma huwa riżorsa vitali iżda qed issir dejjem aktar skarsa. Żewġ terzi taċ-ċittadini Ewropej iqisu l-kwalità u/jew il-kwantità tal-ilma f’pajjiżhom bħala problema serja (2). Dan it-tħassib jeħtieġ li jiġi ttrattat bl-urġenza dovuta biex b’hekk jiġi implimentat b’suċċess l-SDG 6 dwar “L-iżgurar tal-aċċess għall-ilma u s-sanità għal kulħadd” u biex tiġi evitata kriżi futura. L-iffaċilitar tal-aċċess għal riżorsi, tagħmir u riżorsi umani adegwati għandu jkun prijorità għall-Istati Membri flimkien mal-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kontroll u ż-żieda fl-għadd ta’ spetturi ta’ kontroll.

    1.9.

    Il-KESE jistieden ukoll lill-istituzzjonijiet Ewropej jibdew jindirizzaw l-ilma bħala prijorità u jiżviluppaw “Patt Blu tal-UE”: sforz radikali biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet u biex jiġu ppreservati u ġestiti b’mod adegwat l-isfidi relatati mal-ilma permezz ta’ pjan direzzjonali komprensiv u kkoordinat, li jistabbilixxi miri u azzjonijiet ambizzjużi marbuta ma’ stadji importanti miftiehma. Il-KESE ser jagħmel proposti konkreti għal Patt Blu tal-UE matul l-2023.

    2.   Kuntest

    2.1.

    Ir-reviżjoni tal-listi tas-sustanzi niġġiesa tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art, ippreżentata fil-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva li temenda d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar l-Istandards tal-Kwalità Ambjentali u d-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art, għandha l-għan li tindirizza żewġ problemi ewlenin:

    Il-listi ta’ sustanzi prijoritarji mhumiex kompleti u huma skaduti u ma joffrux protezzjoni adegwata tal-ekosistemi u tas-saħħa tal-bniedem kontra r-riskji kkawżati mit-tniġġis tal-ilma.

    Il-varjazzjoni kbira fis-sustanzi niġġiesa u fl-istandards tal-kwalità stabbiliti fil-livell nazzjonali hija kbira wisq. Ir-rappurtar tad-data huwa ta’ piż peress li mhuwiex adattat għat-teknoloġija tal-lum. Il-proċedura għar-reviżjoni tal-listi ta’ sustanzi prijoritarji hija twila żżejjed.

    2.2.

    Għall-ilma tal-wiċċ, ir-reviżjoni tipproponi li jinżiedu 24 sustanza individwali (pestiċidi, farmaċewtiċi u sustanzi kimiċi industrijali) u grupp ta’ 24 sustanza ta’ perfluworoalkilati u polifluworoalkilati) (PFAS) mal-lista ta’ sustanzi prijoritarji għall-ilma tal-wiċċ, kif ukoll li jiġi emendat l-istandard tal-kwalità ambjentali għal 16-il sustanza diġà elenkati u jitneħħew erba’ sustanzi meqjusa li m’għadhomx ta’ theddida għall-UE kollha. Barra minn hekk, ġie introdott valur ta’ limitu għall-pestiċidi b’konformità mad-dispożizzjonijiet għall-ilma ta’ taħt l-art.

    2.3.

    Għall-ilma ta’ taħt l-art, huwa ssuġġerit li grupp ta’ 24 PFAS, żewġ antibijotiċi u firxa ta’ metaboliti tal-pestiċidi jinżiedu mal-Anness I tad-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art b’valuri ta’ limitu għall-UE kollha. Barra minn hekk, qed jiġi introdott valur ta’ limitu għall-prodotti farmaċewtiċi. Tinżied sustanza farmaċewtika waħda fl-Anness II tad-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art, li jfisser li l-Istati Membri jeħtieġu jikkunsidraw li jistabbilixxu valur ta’ limitu nazzjonali.

    2.4.

    Il-Kummissjoni se tiżviluppa metodoloġija biex timmonitorja l-mikroplastiċi u l-ġeni ta’ reżistenza antimikrobika bl-għan li telenkahom bħala sustanzi niġġiesa fil-futur.

    2.5.

    Sabiex jitjieb il-monitoraġġ tas-sustanzi niġġiesa tal-ilma ta’ taħt l-art, il-proċedura tal-“lista ta’ sorveljanza” saret obbligatorja għall-monitoraġġ tal-ilma ta’ taħt l-art.

    2.6.

    L-istandards għas-sustanzi niġġiesa rregolati fil-livell tal-baċin tax-xmara ġew armonizzati u se jiġu inklużi fil-valutazzjoni tal-istatus kimiku.

    2.7.

    L-Istati Membri huma meħtieġa jimmonitorjaw is-sustanzi estroġeniċi bl-użu ta’ metodi bbażati fuq l-effetti fuq perjodu ta’ sentejn b’mod parallel mal-monitoraġġ kimiku konvenzjonali ta’ tliet sustanzi estroġeniċi. Id-definizzjoni ta’ standard tal-kwalità ambjentali fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma hija emendata biex tinkludi valuri skattaturi bbażati fuq l-effetti użati għal monitoraġġ ibbażat fuq l-effetti.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Aktar minn 20 sena wara l-adozzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, it-tniġġis tal-ilma għadu kwistjoni mifruxa ħafna fl-Ewropa, b’influwenza negattiva fuq l-organiżmi akwatiċi, l-użu tal-ilma għar-rikreazzjoni u l-provvista tal-ilma tax-xorb. Dan jikkostitwixxi wkoll tħassib għall-agrikoltura u l-industrija. Żewġ terzi tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ u kwart tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art fl-Ewropa għad m’għandhomx status kimiku tajjeb (3), iżda dan jiġi vvalutat biss abbażi ta’ subsett żgħir ta’ sustanzi niġġiesa u ma jirriflettix il-firxa sħiħa tat-tniġġis tal-ilma.

    3.2.

    It-tniġġis tal-ilma jġib miegħu spiża kbira għas-soċjetà, stmata għal EUR 22 biljun fis-sena, meta jitqies biss it-tniġġis minn nutrijenti (4). Anke jekk il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” huwa minqux fit-Trattati tal-UE, għadu mhux implimentat sew, li jfisser li l-ispiża tat-tniġġis hija fil-biċċa l-kbira mġarrba mill-kontribwenti (5). L-esponiment tal-bnedmin u tal-ambjent għal sustanzi ta’ ħsara jsir bi spiża kbira, u r-rimedju u t-trattament tal-ilma kkontaminat jiswew ħafna flus. Għalhekk, l-isforzi kollha għandhom ikunu diretti lejn il-prevenzjoni tat-tniġġis fis-sors.

    3.3.

    It-theddida ta’ effetti ta’ taħlit kimiku (cocktail effect) fuq l-organiżmi akwatiċi u s-saħħa tal-bniedem hija kwistjoni magħrufa sew, u n-nuqqasijiet tal-qafas attwali ta’ monitoraġġ u rappurtar kienu wieħed mill-punti ewlenin li r-reviżjoni li għaddejja trid issolvi. Għandhom jitqiesu s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet mill-komunità xjentifika, pereżempju fil-qafas tal-proġetti SOLUTIONS u NORMAN tal-UE.

    3.4.

    Ir-rieżami tal-listi tas-sustanzi niġġiesa tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art għandu jsir kull erba’ u sitt snin rispettivament. Ir-reviżjoni attwali jmissha ilha li saret peress li l-aħħar reviżjonijiet saru fl-2013 u fl-2014 għas-sustanzi niġġiesa tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art rispettivament. Dan ifisser li s-sustanzi prijoritarji l-ġodda se jiffurmaw biss parti mill-valutazzjoni tal-istatus kimiku tar-4 ċiklu tal-pjani ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara, bl-2033 bħala data ta’ konformità proposta. Minħabba l-istat gravi tal-kwalità tal-ilma Ewropew, u l-fatt li s-sustanzi proposti diġà ntwera li huma ta’ tħassib għall-ilma fl-UE kollha, il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa li jittieħdu miżuri mingħajr dewmien biex titnaqqas il-konċentrazzjoni ta’ dawn is-sustanzi niġġiesa u ta’ sustanzi niġġiesa oħra fl-ilmijiet kollha tal-UE. L-UE trid tirreaġixxi aktar malajr għall-għarfien xjentifiku dwar it-tniġġis tal-ilma u trid tittraduċih f’azzjoni legali u soluzzjonijiet. L-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali huwa essenzjali wkoll, l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea għandhom jiżguraw proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi effiċjenti u aktar rapidi (6).

    3.5.

    Il-KESE jappoġġja ż-żieda ta’ sustanzi niġġiesa ġodda mal-lista ta’ sustanzi prijoritarji għall-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art. Il-listi mhux biss jirrikjedu li l-Istati Membri jnaqqsu r-rilaxx ta’ dawn is-sustanzi fl-ambjent iżda wkoll jiskattaw miżuri taħt Direttivi oħra (7). Madankollu, jekk il-listi ma jkunux aġġornati jew ikunu limitati wisq, l-azzjoni ambjentali tista’ tkun limitata. Bl-istess mod, is-sustanzi niġġiesa ġew miżjuda fil-biċċa l-kbira bħala sustanzi individwali, mingħajr kunsiderazzjoni tal-effetti tat-taħlit kimiku.

    3.6.

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-PFAS ġew miżjuda bħala grupp ta’ 24 sustanza b’valur ta’ limitu għall-grupp, u jilqa’ wkoll l-introduzzjoni ta’ valur ta’ limitu għall-pestiċidi fl-ilma tal-wiċċ u valur ta’ limitu għall-prodotti farmaċewtiċi fl-ilma ta’ taħt l-art. Filwaqt li xi wħud minn dawn il-valuri ta’ limitu jistgħu jkunu għoljin wisq biex ikunu protettivi, dan huwa konformi mal-ambizzjoni tal-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà li tirregola s-sustanzi bħala grupp. Madankollu, dawn il-valuri ta’ limitu għandhom jiġu żviluppati wkoll għal gruppi oħra ta’ sustanzi, inklużi l-bisfenoli, il-piretrojdi u n-neonikotinojdi.

    3.7.

    Għalkemm il-pestiċidi huma pprojbiti, dawn qed jippersistu fl-ambjent, fejn huma ta’ theddida għall-ħajja akwatika u għas-saħħa tal-bniedem, minħabba eċċezzjonijiet legali, minħabba użu illegali jew minħabba li sustanza tkun diffiċli biex tiġi degradata. Il-maġġoranza l-kbira tal-pestiċidi misjuba fl-ilma f’ċerti Stati Membri mhumiex awtorizzati, inklużi d-DDT, il-lindane, l-atrażina u l-endosulfan (8). Huwa kruċjali li jissoktaw il-monitoraġġ u l-isforzi biex titnaqqas il-preżenza tagħhom.

    3.8.

    Qed jiġi propost ukoll li jitħassar l-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma minħabba li m’għadux rilevanti. Dan, madankollu, huwa biss parzjalment korrett minħabba li t-tħassir jirriżulta fl-eliminazzjoni tal-iskadenza ta’ 20 sena għat-tneħħija gradwali ta’ sustanzi perikolużi prijoritarji. L-obbligu ta’ eliminazzjoni gradwali, wieħed mill-objettivi ewlenin tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, huwa infurzabbli biss jekk ikun marbut ma’ skadenza ċara. Diġà skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma eżistenti l-obbligu ta’ eliminazzjoni gradwali ġie injorat f’ħafna każi; inqas ma jkun konkret, aktar l-awtoritajiet jippruvaw jinjorawh. Dan jikkostitwixxi dgħufija serja.

    3.9.

    Filwaqt li tikkwota l-approċċ ta’ “sustanza waħda, valutazzjoni waħda” skont l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà, il-Proposta tassenja rwol ċentrali lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) biex tieħu f’idejha sett ta’ responsabbiltajiet mingħand id-DĠ ENVI u l-JRC fl-identifikazzjoni tas-sustanzi niġġiesa tal-ilma u l-istandards ta’ kwalità assoċjati magħhom. Peress li l-ECHA tittratta primarjament is-sustanzi kimiċi regolati skont ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li ma jinkludix il-pestiċidi u l-farmaċewtiċi, il-KESE jħeġġeġ lill-ECHA ssaħħaħ il-kapaċità (legali u teknika) tagħha rigward il-farmaċewtiċi u l-pestiċidi sabiex tkun mgħammra biex tindirizza l-kompiti l-ġodda tagħha. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-ECHA f’dan il-kuntest tikkoopera ma’ msieħba bil-ħiliet adatti, inkluż fil-livell reġjonali, pereżempju l-universitajiet u l-laboratorji tagħhom.

    3.10.

    Għandu jsir aktar għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, eż. fis-settur agroalimentari. F’dan ir-rigward, il-KESE qed jitlob li jiġu żviluppati linji gwida speċifiċi għall-industriji li jużaw l-ilma b’sustanzi differenti fil-proċessi tal-produzzjoni.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li d-data ta’ monitoraġġ u l-istatus li jirriżulta għandhom ikunu disponibbli għall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u għall-pubbliku mill-inqas darba fis-sena, minflok kull sitt snin, kif kien il-każ qabel. Dan se jipprovdi stampa aktar aġġornata tal-istat tal-ilmijiet tal-Ewropa u l-progress lejn il-kisba tal-għan tad-WFD.

    4.2.

    Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjoni li jintużaw metodi bbażati fuq l-effetti għall-monitoraġġ ta’ sustanzi estroġeniċi. Dan se jaqbad l-effett mis-sustanzi estroġeniċi kollha b’effetti simili u mhux biss mit-tliet sustanzi estroġeniċi mmonitorjati bl-użu ta’ tekniki kimiċi konvenzjonali. Filwaqt li l-inklużjoni ta’ valuri skattaturi fid-definizzjoni ta’ standard ta’ kwalità ambjentali tiftaħ il-possibbiltà għall-introduzzjoni ta’ monitoraġġ ibbażat fuq l-effett tal-impatt tat-taħlit fil-valutazzjoni futura tal-istatus kimiku, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tressaq atti delegati li jobbligaw użu ulterjuri ta’ monitoraġġ ibbażat fuq l-effetti.

    4.3.

    L-istandards tal-kwalità għall-glifosat ġew stabbiliti qabel ma nħarġet l-opinjoni finali tal-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Sanitarji, Ambjentali u Emerġenti (SCHEER), mingħajr ebda indikazzjoni li se jiġu riveduti wara l-opinjoni xjentifika finali, li jfisser li l-kontribut mis-soċjetà ċivili fil-konsultazzjoni SCHEER mhux qed jitqies. Il-Kumitat SCHEER għandu jqis ukoll il-fehmiet tas-soċjetà ċivili (9) dwar din l-opinjoni finali. Mhuwiex tard wisq għal dan peress li l-proċess tar-reviżjoni tal-istandards tal-kwalità ambjentali għall-glifosat għadu għaddej, kif meħtieġ mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Dan għandu jifforma l-bażi tal-proposta tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta’ valuri ta’ limitu fl-ilmijiet tal-wiċċ.

    4.4.

    Il-KESE jqis li l-ebda standard tal-kwalità ambjentali individwali għall-pestiċidi ma għandu jkun ogħla mill-parametru propost tal-“pestiċidi totali” (0,5 μg/L) (10). Għalhekk, l-istandard tal-kwalità ambjentali propost għall-ilmijiet tal-wiċċ interni li ma jintużawx għall-astrazzjoni tal-ilma tax-xorb (86,7 μg/L) m’għandux jintuża. Minflok, abbażi ta’ approċċ prekawzjonarju, il-KESE jirrakkomanda li l-istandard tal-kwalità ambjentali propost għall-ilma tal-wiċċ użat għall-astrazzjoni tal-ilma tax-xorb (0,1 μg/L) għandu jkopri l-ilma tal-wiċċ intern kollu. L-istandard tal-kwalità ambjentali għal “ilmijiet tal-wiċċ oħrajn” għandu konsegwentement jiġi emendat għal 0,01 μg/L skont il-prattika li jintużaw limiti li huma għaxar darbiet aktar baxxi għal “ilmijiet tal-wiċċ oħrajn” meta mqabbel ma’ “ilmijiet tal-wiċċ interni”.

    4.5.

    Il-valur ta’ limitu individwali għall-pestiċidi fl-ilma ta’ taħt l-art huwa bbażat fuq dak li kien possibbli li jiġi analizzat b’tekniki analitiċi fis-snin 90 (11). Minn dak iż-żmien ’l hawn sar progress tekniku u issa hija possibbli d-detezzjoni ta’ konċentrazzjonijiet aktar baxxi. Fl-ilma tal-wiċċ, diġà huma stabbiliti valuri ta’ limitu aktar baxxi għal diversi pestiċidi. Il-KESE jinnota b’dispjaċir il-fatt li l-Kummissjoni ma rrieżaminatx il-valur ta’ limitu individwali għall-pestiċidi fir-reviżjoni tas-sustanzi niġġiesa tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art. Fl-ilma ta’ taħt l-art, jiġi applikat limitu arbitrarju ta’ 0,1 μg/L għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, ibbażat fuq tekniki analitiċi, u issa jeżistu tekniki mtejba li jippermettu li tkun disponibbli informazzjoni xjentifika biex jiġu stabbiliti limiti bbażati fuq ir-riskju attwali assoċjat mas-sustanzi differenti.

    4.6.

    Għad hemm nuqqas ta’ indikaturi għall-monitoraġġ tas-saħħa tas-sistemi tal-ilma ta’ taħt l-art, bħat-temperatura, minkejja l-fatt li x-xjenza diġà tipprovdi finanzjament robust biex jiġu stabbiliti kriterji rilevanti. Il-KESE jistaqsi għaliex il-Kummissjoni ma inkludietx tali kriterji rilevanti fil-Proposta tagħha. Tali kriterji għandhom jinżiedu fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art f’konformità mal-premessa 20 u l-Artikolu 4(5) tal-istess Direttiva, u għandhom jikkonformaw mat-talbiet relatati mal-ilma ta’ taħt l-art fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma (17.12.2020).

    Brussell, it-22 ta’ Frar 2023.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  EEA, Rapport Nru 7/2018, European waters: Assessment of status and pressures 2018 (L-ilmijiet Ewropej: Valutazzjoni tal-istatus u tal-pressjonijiet 2018 (mhux disponibbli bil-Malti)).

    (2)  Assoċjazzjoni Ewropea tal-Ilma (EWA), Water Manifesto (Manifest dwar l-Ilma (mhux disponibbli bil-Malt))).

    (3)  EEA, Rapport Nru 9/2021, Drivers of and pressures arising from selected key water management challenges: A European overview (Fatturi li joħolqu sfidi ewlenin partikolari għall-ġestjoni tal-ilma, u pressjonijiet li jirriżultaw minnhom: Ħarsa ġenerali Ewropea, (mhux disponibbli bil-Malti))

    (4)  Kummissjoni Ewropea, Green taxation and other economic instruments — Internalising environmental costs to make the polluter pay (It-tassazzjoni ekoloġika u strumenti ekonomiċi oħra — L-internalizzazzjoni tal-ispejjeż ambjentali biex min iniġġes iħallas, (mhux disponibbli bil-Malti)).

    (5)  QEA, Rapport Speċjali 12/2021, The Polluter Pays Principle: Inconsistent application across EU environmental policies and actions (Il-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas: Applikazzjoni inkonsistenti fil-politiki u fl-azzjonijiet ambjentali tal-UE, (mhux disponibbli bil-Malti)).

    (6)  Opinjoni tal-KESE dwar L-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus — L-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU C 123, 9.4.2021, p. 66).

    (7)  Pereżempju, l-awtorizzazzjonijiet tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti (PPPR) iridu jiġu rieżaminati jekk l-istatus kimiku tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jkun f’riskju.

    (8)  PAN Europe and Ecologistas en Acción, Ríos hormonados: Contamination of Spanish Rivers with Pesticides, (Xmajjar ta’ ormoni: Kontaminazzjoni tax-Xmajjar Spanjoli bil-Pestiċidi, (mhux disponiibbli bil-Malti)).

    (9)  Joint NGO analysis of the Commission’s proposal for a revised list of priority substances for surface and groundwater (Analiżi konġunta tas-soċjetà ċivili tal-Proposta tal-Kummissjoni għal lista riveduta ta’ sustanzi prijoritarji għall-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art, (mhux disponibbli bil-Malti)).

    (10)  COM(2022)540, ANNESS I.

    (11)  Ara l-kummenti mill-EMA fil-Guideline on assessing the environmental and human health risks of veterinary medicinal products in groundwater (Linja gwida dwar il-valutazzjoni tar-riskji ambjentali u għas-saħħa tal-bniedem ta’ prodotti mediċinali veterinarji fl-ilma ta’ taħt l-art, (mhux disponibbli bil-Malti)) u mill-EEA fl-ETC/ICM Report 1/2020: Pesticides in European rivers, lakes and groundwater — Data assessment (Rapport Nru 1/2020 tal-ETC/ICM: Il-pestiċidi fix-xmajjar, fil-lagi u fl-ilma ta’ taħt l-art tal-Ewropa — Valutazzjoni tad-data, (mhux disponibbli bil-Malti)).


    Top