Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IE1031

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Appoġġ għall-iżviluppi fis-suq tax-xogħol: kif inżommu l-impjegabbiltà, nagħtu spinta lill-produttività u niżviluppaw il-ħiliet, l-iżjed fl-SMEs” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    EESC 2022/01031

    ĠU C 146, 27.4.2023, p. 15–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.4.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 146/15


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Appoġġ għall-iżviluppi fis-suq tax-xogħol: kif inżommu l-impjegabbiltà, nagħtu spinta lill-produttività u niżviluppaw il-ħiliet, l-iżjed fl-SMEs”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2023/C 146/03)

    Relatur:

    Mariya MINCHEVA

    Konsultazzjoni

    Deċiżjoni tal-Bureau, 18.1.2022

    Bażi legali

    Artikolu 52(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    20.1.2022

    Bażi legali

    Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

    Adozzjoni fis-sezzjoni

    30.1.2023

    Adozzjoni fil-plenarja

    22.2.2023

    Sessjoni plenarja Nru

    576

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    153/2/2

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Is-suq tax-xogħol Ewropew qed jittrasforma u qed jiffaċċja sfidi ġodda kkawżati mill-aċċellerazzjoni tal-progress teknoloġiku u t-tkabbir intelliġenti sostenibbli, flimkien mat-tibdil fil-klima, it-tibdil demografiku, it-tixjiħ tal-popolazzjoni, il-migrazzjoni, u t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Din it-trasformazzjoni tirrikjedi li jkun hemm fehim tajjeb ta’ liema tip ta’ ħiliet huma meħtieġa għal trasformazzjonijiet futuri fis-suq tax-xogħol, inkluż fl-SMEs, sabiex tinżamm impjegabbiltà sostenibbli, ikun hemm livell għoli ta’ produttività u jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħaddiema.

    1.2.

    L-iżvilupp tal-ħiliet u l-implimentazzjoni effettiva tad-dritt u l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja jridu jkunu parti integrali ta’ strateġiji usa’ ta’ tkabbir ekonomiku u tal-pjani tagħall-irkupru u r-reżiljenza. Ir-rivoluzzjoni teknoloġika qed ikollha impatt qawwi fuq in-natura tax-xogħol u l-impjiegi, u qed taċċellera x-xejriet fir-ristrutturar tal-impjiegi. Għalhekk l-impjegabbiltà hija marbuta direttament mal-kapaċità ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema fil-livell tal-intrapriżi sabiex ikunu jistgħu jiġu ġestiti l-bidliet u l-attitudnijiet tan-nies fir-rigward ta’ ħiliet u opportunitajiet ġodda u l-motivazzjoni biex jiżviluppawhom.

    1.3.

    Fatturi differenti, bħas-soċjetà li qed tixjieħ u x-xejriet demografiċi, joħolqu għadd ta’ sfidi f’termini tal-ġestjoni tat-tranżizzjonijiet fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-impjiegi. Dawn huma relatati mat-trattament ġust u ugwali ta’ ġenerazzjonijiet differenti, il-motivazzjoni u l-aċċess ugwali għat-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet, u l-opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid sabiex jikkontribwixxu għaż-żieda fil-livelli ta’ produttività, it-titjib tal-kapaċitajiet professjonali individwali, il-ġestjoni tad-differenzi ġenerazzjonali, u l-kooperazzjoni u l-appoġġ reċiproku bejn il-ġenerazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol. It-tagħlim għall-adulti huwa essenzjali għat-titjib tal-ħiliet tal-adulti u jista’ jiġġenera firxa ta’ benefiċċji personali, soċjetali, ekonomiċi u soċjali.

    1.4.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jaqbel mal-fehma li l-“UE teħtieġ rivoluzzjoni tal-ħiliet biex tiżgura li n-nies ikunu jistgħu jirnexxu” (1) u jappella għall-mobilizzazzjoni tal-isforzi u għal azzjoni konġunta effettiva mill-istituzzjonijiet, in-negozji, l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati skont il-Patt għall-Ħiliet u l-ksib tal-għanijiet ambizzjużi stabbiliti fil-programm tiegħu. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex l-2023 issir is-Sena Ewropea tal-Ħiliet (2).

    1.5.

    L-imsieħba soċjali huma atturi ewlenin fl-iżvilupp tal-potenzjal uman biex jinkiseb żvilupp sostenibbli u jinżammu l-ħiliet tal-impjegabbiltà. Ir-rwol tagħhom fi proċess ta’ negozjar kollettiv sod u effettiv huwa essenzjali biex jitnaqqas id-distakk bejn l-aspirazzjonijiet tal-impjegati għall-karrieri professjonali tagħhom u l-ħtiġijiet tal-kumpaniji, kif ukoll biex jiġu rikonoxxuti l-ħiliet, iżda wkoll biex tittejjeb ir-rabta bejn is-sistemi edukattivi, is-sistemi tal-VET u s-servizzi tal-impjiegi ma’ politiki dwar l-iżvilupp tal-innovazzjoni, l-industrija, il-kummerċ u t-teknoloġija. Id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv huma għodod b’saħħithom biex jinkisbu dawn l-għanijiet. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jinsabu f’pożizzjoni tajba biex joffru ambjent ta’ tagħlim mhux formali u informali, kif ukoll involviment sinifikanti għall-voluntiera korporattivi biex jiżviluppaw kompetenzi ewlenin. L-organizzazzjonijiet rispettivi tas-soċjetà ċivili għandhom ukoll rwol importanti x’jaqdu, speċjalment dawk li joperaw fil-qasam tal-intraprenditorija soċjali jew ma’ diversi gruppi vulnerabbli fis-soċjetà.

    1.6.

    Forom ġodda ta’ impjieg, protetti b’mod adatt u li jirriżultaw mill-bidliet fin-natura tax-xogħol, jistgħu joffru diversi opportunitajiet għan-nies biex jinvolvu ruħhom fl-intraprenditorija, jiddeversifikaw l-introjtu tagħhom, u jibdew professjonijiet u attivitajiet li qabel ma kinux disponibbli għalihom. Iż-żamma tal-impjegabbiltà f’dawn il-kundizzjonijiet teħtieġ regolamentazzjoni adatta, inkluż permezz ta’ negozjar kollettiv, sistema ta’ taħriġ vokazzjonali professjonali li tkun kapaċi tiżviluppa ħiliet intraprenditorjali u professjonali skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, tip ġdid ta’ mentalità motivazzjonali, u kultura legali u ekonomika tajba.

    1.7.

    It-trasformazzjoni diġitali tista’ tkun sfida għaż-żamma tal-impjegabbiltà u l-implimentazzjoni b’suċċess tas-suq tax-xogħol għal partijiet kbar tas-soċjetà tagħna. Tista’ twassal għal riskju ta’ żieda fl-inugwaljanzi minħabba differenzi fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, inklużi l-litteriżmu bażiku u funzjonali, l-ostakli tal-età, l-aċċess għal teknoloġiji moderni u kemm jintużaw skont il-ħiliet u l-introjtu. Il-kapaċità li l-ħiliet diġitali jiġu aġġornati b’mod kostanti skont il-bidliet fis-suq tax-xogħol u l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda bla dubju se jkunu fost l-aktar sfidi importanti fil-futur. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-investimenti fuq skala wiesgħa previsti fil-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza biex jappoġġjaw iż-żieda fil-ħiliet diġitali (3).

    1.8.

    Biex tirnexxi, it-tranżizzjoni ekoloġika se tirrikjedi nies bil-ħiliet it-tajba u postijiet tax-xogħol li jkollhom l-ambjent tax-xogħol it-tajjeb u s-sistemi ekoloġiċi ta’ produzzjoni. L-imsieħba soċjali għandhom rwol ewlieni biex jiżguraw tranżizzjoni ġusta f’għadd ta’ setturi ekonomiċi, fejn l-impjiegi eżistenti se jiġu ttrasformati b’mod radikali. Hemm erba’ gruppi ta’ ħiliet li huma meqjusa partikolarment importanti għall-okkupazzjonijiet ekoloġiċi: il-ħiliet tekniċi u tal-inġinerija; il-ħiliet xjentifiċi; il-ħiliet ta’ mmaniġġjar operazzjonali u l-ħiliet ta’ monitoraġġ. Il-KESE jappoġġja l-azzjonijiet li diġà ttieħdu fil-livell tal-UE biex jiġi promoss it-tagħlim dwar is-sostenibbiltà ambjentali u t-tranżizzjoni ekoloġika fl-UE (4), u jitlob li jiġu offruti soluzzjonijiet prattiċi liċ-ċittadini u lin-negozji tal-UE.

    1.9.

    Il-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol se jirrikjedu dejjem aktar ħiliet konjittivi avvanzati u ta’ ordni ogħla, li jagħmluha possibbli li wieħed jopera u jieħu deċiżjonijiet f’ambjent imprevedibbli, mhux ta’ rutina u li jinbidel b’mod dinamiku. Il-“metaħiliet”, li jżidu u jaċċelleraw l-akkwist ta’ ħiliet oħra u huma katalizzatur għal tagħlim aktar mgħaġġel u żvilupp ta’ suċċess tul il-ħajja, huma kruċjali biex in-nies jibqgħu impjegabbli fil-kundizzjonijiet tal-lum.

    1.10.

    Ir-rwol tas-sistemi fl-akkwist, it-tbassir u l-klassifikazzjoni tal-ħiliet qed isir kruċjali fl-isfond tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu b’mod dinamiku. Fl-istess ħin, it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ għodod biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet tal-ħiliet f’pajjiżi individwali jeħtieġ li jittejbu u l-partijiet interessati kollha għandhom jiġu involuti b’mod attiv u jagħmlu użu sħiħ mir-riżultati ta’ dan il-proċess.

    1.11.

    It-tqegħid tal-ħiliet u l-kwalifiki fil-qalba tad-dibattitu politiku Ewropew għandu jistimula:

    1.11.1.

    il-mobilizzazzjoni tal-gvernijiet, tan-negozji, tal-imsieħba soċjali u tal-partijiet interessati biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji ta’ ħiliet moderni u komprensivi fil-livell nazzjonali u settorjali; il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet imtejba ta’ tagħlim u żvilupp; li jinġibed u jinżamm it-talent biex jiġu żviluppati kapaċitajiet diġitali, ekoloġiċi u konjittivi ewlenin, ħiliet personali, il-kapaċità li wieħed jimmaniġġja l-bidliet; u d-disponibilità għal aktar investiment pubbliku u privat;

    1.11.2.

    l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fis-sistemi tat-tqabbil tal-ħiliet u s-sensibilizzazzjoni dwar il-prattiki tajba eżistenti f’dan il-qasam. Dawn jistgħu jkunu sistemi li jiffunzjonaw kemm fis-servizzi tal-impjieg pubbliku kif ukoll fis-settur privat;

    1.11.3.

    l-aċċellerazzjoni tal-proċessi fil-modernizzazzjoni u l-integrazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, iż-żieda fl-attraenza, il-kwalità, il-flessibbiltà u l-adattabbiltà tagħhom għall-ħtiġijiet ta’ etajiet u kategoriji differenti ta’ ħaddiema, il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-ħtieġa li jinbnew kompetenzi ewlenin biex jiġu żgurati ambjent kompetittiv, is-sostenibbiltà u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali;

    1.11.4.

    il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet u motivazzjoni għaż-żgħażagħ biex jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol permezz ta’ gwida għall-karriera, sabiex jingħataw aċċess għal kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u żvilupp ġenwin tal-karriera.

    1.12.

    L-SMEs għandhom jitħeġġu jaħdmu f’networks li jinteraġixxu, jikkooperaw fil-kondiviżjoni tal-ispejjeż tar-riċerka dwar il-ħtiġijiet meħtieġa u jiġbru flimkien il-kapaċitajiet tagħhom biex jindirizzaw l-isfidi tat-tranżizzjoni doppja u l-iżvilupp tal-ħiliet. Il-kundizzjonijiet tal-komunità lokali li joperaw fiha, is-sistemi tal-impjieg reġjonali, l-appoġġ tal-amministrazzjonijiet lokali, u l-aċċess tagħhom għal teknoloġiji ġodda, l-innovazzjoni u s-servizzi taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali huma essenzjali għall-funzjonament sostenibbli tagħhom.

    1.13.

    L-antiċipazzjoni tal-ħiliet jeħtieġ li tiġi żviluppata b’mod wiesa’ mill-atturi ekonomiċi u mill-partijiet interessati tagħhom. L-appoġġ għall-SMEs huwa meħtieġ biex jiffaċilita l-iżvilupp tal-politika tagħhom dwar it-taħriġ u l-iżvilupp tal-kapital uman. B’mod partikolari, l-iskemi ta’ taħriġ doppju u t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol huma partikolarment adattati għall-ħtiġijiet tal-SMEs. L-imsieħba soċjali għandhom rwol fundamentali x’jaqdu f’dan ir-rigward fil-qafas tad-djalogu soċjali fis-setturi ta’ attività tagħhom.

    2.   Kummenti ġenerali u kuntest

    2.1.

    Il-pandemija tal-COVID-19 poġġietna f’kuntest ġdid li wassal għal bidliet fl-imġiba, fl-attitudnijiet u fil-kultura tas-soċjetà. L-aspettattivi u l-imġiba tal-konsumaturi nbidlu (aktar komunikazzjoni u interazzjoni online), kif inbidlu wkoll il-mudelli tan-negozju u l-organizzazzjoni tax-xogħol (modi ta’ ħidma aktar remoti u ibridi). It-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali twitti t-triq għall-adattament tas-sistemi u l-prattiki eżistenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex ikunu jistgħu jipprovdu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi t-tajba.

    2.2.

    Il-kwistjonijiet tal-ħiliet, il-kwalifiki u l-impjieg, in-natura tax-xogħol li qed tinbidel u l-iżvilupp ta’ suq tax-xogħol inklużiv kienu s-suġġett ta’ bosta Opinjonijiet tal-KESE (5), li għadhom rilevanti sal-lum. L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tanalizza x’ħiliet huma meħtieġa għal trasformazzjonijiet futuri tas-suq tax-xogħol, kif għandha tinżamm l-impjegabbiltà u jsir kontribut biex tingħata spinta lill-produttività, u li tesplora strateġiji effettivi biex jittejjeb l-iżvilupp tal-forza tax-xogħol u jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħaddiema, inkluż għall-SMEs.

    2.3.

    L-istrateġiji għall-iżvilupp tal-ħiliet iridu jsiru parti mill-politiki u l-pjani nazzjonali ta’ tkabbir f’sinerġija mar-riċerka industrijali u l-iżvilupp ekonomiku. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ setturi b’valur miżjud għoli, jgħinu lill-ħaddiema u lin-negozji jimmaniġġjaw il-bidla u jgħinuhom iżommu l-pass mal-innovazzjoni fl-oqsma teknoloġiku, diġitali u ekoloġiku. Dan se jeħtieġ aktar investiment fir-riżorsi u l-ippjanar f’termini ta’ sistema ta’ edukazzjoni u taħriġ li tkun kapaċi tilqa’ l-isfidi l-ġodda u li tista’ telimina d-diskrepanza fis-suq tax-xogħol.

    2.4.

    Il-KESE jemmen li ż-żamma ta’ impjegabbiltà sostenibbli hija kwistjoni multidimensjonali, fejn l-isfidi ewlenin huma relatati man-natura li qed tinbidel tax-xogħol, tal-impjiegi u tal-professjonijiet, il-ħtieġa tal-implimentazzjoni effettiva tad-dritt għat-tagħlim u l-iżvilupp tul il-ħajja, id-diġitalizzazzjoni, ir-rwol dejjem jikber tal-potenzjal tal-bniedem u l-produttività tax-xogħol, il-bidliet fl-organizzazzjoni tax-xogħol, it-tibdil demografiku u l-ħtieġa li jiġu żgurati tendenzi ġodda ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b’ħinijiet flessibbli tax-xogħol, u li jiġu promossi politiki dwar it-tixjiħ attiv (6). Hemm bżonn ta’ ambjent ta’ appoġġ, sabiex in-nies jifhmu u jkunu jaf bl-importanza tat-taħriġ għall-ħajja professjonali tagħhom, u jkunu kapaċi u motivati biex jużaw l-opportunitajiet kollha għat-tagħlim tul il-ħajja, irrispettivament mill-istadju li jinsabu fih f’ħajjithom. F’dan il-kuntest, il-kapaċità li jinżammu l-impjiegi hija marbuta direttament mal-attitudnijiet lejn ħiliet ġodda u l-kapaċità li dawn jiġu żviluppati f’konformità mad-dinamika tas-suq tax-xogħol.

    2.5.

    L-imsieħba soċjali huma atturi ewlenin f’dak li jikkonċerna l-iżvilupp u ż-żamma tal-ħiliet tal-impjegabbiltà. Huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jappoġġjaw il-konverġenza bejn l-aspirazzjoni tal-impjegati fil-karriera professjonali tagħhom u l-ħtiġijiet tal-kumpaniji fir-rigward tal-ħiliet. Ir-rwol tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ struttura soda u effettiva ta’ negozjar kollettiv, huwa essenzjali fil-proċess tar-rikonoxximent tal-ħiliet. Il-KESE jqis li, sabiex jittejjeb ir-riżultat ġenerali fis-swieq tax-xogħol, trid tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn is-sistemi tal-edukazzjoni, is-sistemi tal-VET u s-servizzi tal-impjiegi mal-politiki dwar l-iżvilupp tal-innovazzjoni, l-industrija, il-kummerċ u t-teknoloġija, kif ukoll il-politiki makroekonomiċi. Dan jista’ jkun partikolarment effettiv fil-livelli lokali.

    2.6.

    Il-bidliet fin-natura tax-xogħol qed iwasslu wkoll għall-iżvilupp ta’ forom ġodda u flessibbli ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg u mudelli mhux standard ta’ impjieg li jibdlu l-mod kif inhu strutturat is-suq tax-xogħol Ewropew. Forom ġodda ta’ xogħol, protetti b’mod adatt, jistgħu jiftħu opportunitajiet ġodda għan-nies biex jinvolvu ruħhom fl-intraprenditorija, biex jiddiversifikaw l-introjtu, u biex jibdew professjonijiet u attivitajiet li qabel ma kinux disponibbli għalihom. Min-naħa l-oħra, forom ġodda ta’ xogħol għandhom jipprovdu garanzija ta’ aċċess għall-protezzjoni soċjali, peress li dan huwa marbut direttament mas-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Iż-żamma tal-impjegabbiltà f’dawn il-kundizzjonijiet teħtieġ regolamentazzjoni adatta (inkluż permezz ta’ negozjar kollettiv), tip ġdid ta’ mentalità motivazzjonali, il-kultura legali u ekonomika adatta, u r-rieda li jiġu żviluppati ħiliet intraprenditorjali u professjonali li jirreaġixxu għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu.

    2.7.

    L-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali u l-impatt tagħhom fuq in-natura u l-organizzazzjoni tax-xogħol jistgħu jkunu ta’ sfida serja għaż-żamma tal-impjegabbiltà u s-suċċess tas-suq tax-xogħol. Id-diġitalizzazzjoni tista’ twassal għal riskju ta’ żieda fl-inugwaljanzi eżistenti minħabba differenzi kbar fl-edukazzjoni, inkluż il-litteriżmu bażiku u funzjonali, l-ostakli tal-età, u l-aċċess għal teknoloġiji moderni u kemm jintużaw skont il-ħiliet u l-introjtu. Peress li l-ġenerazzjoni emerġenti hija fil-biċċa l-kbira diġitali u l-anzjani ġeneralment jippreferu metodi ta’ ħidma analogi, il-ġenerazzjonijiet differenti jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għal xulxin. Il-KESE jilqa’ l-investimenti massivi fil-ħiliet diġitali permezz tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza.

    2.8.

    Il-ħiliet ekoloġiċi huma l-għarfien, il-kapaċitajiet, il-valuri u l-attitudnijiet meħtieġa biex wieħed jgħix, jiżviluppa u jappoġġja soċjetà sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi (7). It-tranżizzjoni ekoloġika se tirrikjedi bidliet fil-proċessi tal-produzzjoni u fil-mudelli tan-negozju u, inevitabbilment, se tbiddel il-ħiliet meħtieġa u l-kompiti involuti f’ħafna okkupazzjonijiet eżistenti. Se tirrikjedi wkoll programmi ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema. Biex tirnexxi, it-tranżizzjoni ekoloġika se teħtieġ persuni bil-ħiliet it-tajba. Il-KESE jirrikonoxxi r-rispons politiku għal dan l-għan u jitlob li jiġu offruti soluzzjonijiet prattiċi liċ-ċittadini u lin-negozji tal-UE.

    2.9.

    Xejriet demografiċi irriversibbli, forza tax-xogħol li qed tonqos u lonġevità akbar jirrikjedu li jiġu promossi politiki ġodda dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol, programmi ta’ skambju interġenerazzjonali, tendenzi ġodda ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b’ħinijiet flessibbli tax-xogħol negozjati, u miżuri li jistgħu jikkontribwixxu għal produttività aħjar tax-xogħol u jippromovu t-tixjiħ attiv. Fil-kuntest tal-impjegabbiltà, jinqalgħu ħafna problemi u sfidi fil-ġestjoni tat-tranżizzjonijiet fiċ-ċikli tal-ħajja relatati max-xogħol. Dawn jikkonċernaw it-trattament ġust u ugwali tal-ġenerazzjonijiet fis-suq tax-xogħol, il-kultura relatata mal-fehim tal-età, il-ġestjoni tad-differenzi ġenerazzjonali, il-ġestjoni tal-kapital soċjali. L-aċċess għal opportunitajiet indaqs għal kulħadd għat-tagħlim tul il-ħajja jgħin biex tinżamm l-impjegabbiltà u jikkontribwixxi għal żieda fil-produttività fl-istadji kollha tal-ħajja, kooperazzjoni msaħħa u appoġġ bejn il-ġenerazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol.

    2.10.

    L-attirar ta’ migranti b’ħiliet partikolari huwa wkoll parti importanti minn kwalunkwe katina tal-provvista tal-ħiliet futura. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Nattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-UE” hija pass pożittiv f’din id-direzzjoni.

    3.   Ħiliet meħtieġa għat-trasformazzjonijiet futuri fis-suq tax-xogħol

    3.1.

    Il-ħiliet huma ċentrali għall-kapaċità tas-soċjetajiet, il-kumpaniji u l-individwi biex jirnexxu f’dinja dejjem aktar interkonnessa u li qed tinbidel b’rata mgħaġġla. Il-futur tax-xogħol se jkun differenti għal persuni b’livelli differenti ta’ edukazzjoni u kwalifiki. Id-domanda għal impjiegi b’livell baxx ta’ ħiliet se tonqos gradwalment, għalkemm se jiġi ppreservat għadd partikolari ta’ tali impjiegi Xi kompiti tax-xogħol li huma relatati ma’ ħiliet fiżiċi jew manwali, numeriċi u ta’ servizz għall-klijenti huma l-aktar f’riskju ta’ trasformazzjoni jew għajbien, minħabba l-adozzjoni ta’ sistemi intelliġenti u ta’ awtomatizzazzjoni. Madankollu, il-ħaddiema tas-sengħa jew il-professjonijiet artistiċi se jibqgħu, u t-titjib tal-ħiliet tagħhom huwa essenzjali għall-parteċipazzjoni fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Minħabba t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, id-domanda għal livelli għoljin ta’ edukazzjoni u kwalifiki se tikber b’mod sinifikanti, filwaqt li l-impjiegi b’livell medju ta’ ħiliet se jibqgħu temporanjament stabbli, iżda ħafna minnhom se jinbidlu skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

    3.2.

    Ir-rwol tas-sistemi fl-akkwist, it-tbassir u l-klassifikazzjoni tal-ħiliet qed isir kruċjali fl-isfond tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu b’mod dinamiku. Il-KESE jilqa’ t-tendenza lejn il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ tassonomiji u dizzjunarji Ewropej ta’ ħiliet u kompetenzi bħall-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi, il-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali (DigComp 2.2), DigCompEdu, il-Qafas għall-Kompetenza fl-Elettronika, id-Dizzjunarju tal-Ħiliet u l-Kompetenzi, l-Impjiegi tal-UE, GreenComp, eċċ. Dawn jagħtu kontribut kbir għat-trasparenza tal-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol, għall-portabbiltà tal-kwalifiki u għall-introduzzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq il-kompetenzi għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp tar-riżorsi umani. Fl-istess ħin, aħna nappoġġjaw il-fehma (8) li t-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ għodod biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet f’pajjiżi individwali mhumiex fil-livell meħtieġ u mhux il-partijiet interessati kollha huma involuti b’mod attiv jew jagħmlu użu sħiħ mir-riżultati ta’ dan il-proċess.

    3.3.

    L-imsieħba soċjali għandhom rwol essenzjali fid-definizzjoni ta’ strateġiji għall-iżvilupp tal-ħiliet fid-dawl tad-data miksuba minn osservatorji professjonali u territorjali. Għalhekk huwa essenzjali li l-imsieħba soċjali jiġu involuti sa mill-bidu tal-proċess biex tiġi evitata diskrepanza bejn il-ħtiġijiet reali ta’ min iħaddem u tal-impjegati fl-Ewropa.

    3.4.

    Il-ħiliet diġitali bla dubju se jkunu fost l-aktar ħiliet importanti fil-futur. Fis-setturi kollha tal-ekonomija Ewropea, hemm żieda sinifikanti fil-ħtieġa għal ħiliet diġitali speċjalizzati u żviluppati ħafna.

    3.5.

    Hemm ukoll żieda sinifikanti fil-ħtieġa għall-ħiliet STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija, matematika) u kombinazzjonijiet ta’ ħiliet interdixxiplinari – “ħiliet ibridi”, “ħiliet trasversali” u “ħiliet interfunzjonali”. L-għarfien espert professjonali, ir-riċerka u l-ħiliet ta’ prospettiva, il-ħiliet għall-analiżi u l-interpretazzjoni sofistikati ta’ informazzjoni kumplessa u l-ħiliet teknoloġiċi se jkunu dejjem aktar apprezzati. L-indiċi tal-Ħiliet Ekoloġiċi Ġenerali (Green General Skills index) (9) jidentifika erba’ gruppi ta’ ħiliet li huma meqjusa partikolarment importanti għall-okkupazzjonijiet ekoloġiċi: il-ħiliet tekniċi u tal-inġinerija; il-ħiliet xjentifiċi; il-ħiliet ta’ mmaniġġjar operazzjonali u l-ħiliet ta’ monitoraġġ.

    3.6.

    L-ekonomiji u l-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol se jirrikjedu dejjem aktar ħiliet konjittivi avvanzati u ta’ ordni ogħla, li jagħmluha possibbli li wieħed jopera u jieħu deċiżjonijiet f’ambjent imprevedibbli, mhux ta’ rutina u li jinbidel b’mod dinamiku. Ħafna drabi, dawn ikunu ħiliet analitiċi, kreattivi, innovattivi, mhux standard, sistemiċi, kunċettwali, strateġiċi, astratti, awtonomi u ta’ ħsieb kritiku. Il-“metaħiliet”, li jżidu u jaċċelleraw l-akkwist ta’ ħiliet oħra u huma katalizzatur għal tagħlim aktar mgħaġġel u żvilupp ta’ suċċess tul il-ħajja, huma kruċjali biex in-nies jibqgħu impjegabbli fil-kundizzjonijiet moderni.

    3.7.

    Il-magni u l-algoritmi mhux se jissostitwixxu l-ħtieġa ta’ ħiliet personali fis-suq tax-xogħol. Il-futur tax-xogħol u t-tibdil fil-profili tal-impjiegi se jeħtieġu għadd kbir ta’ ħiliet soċjokomunikattivi u komportamentali, li l-aktar imfittxija minnhom se jkunu l-intelliġenza emozzjonali, l-empatija, il-bini ta’ relazzjonijiet, in-networking, il-komunikazzjoni effettiva, l-assertività, il-ħidma f’tim, l-istil, l-etikett tan-negozju, it-tolleranza interkulturali, in-negozjar, il-ġestjoni tal-kunflitti, eċċ.

    3.8.

    Ħafna ħiliet interfunzjonalikomportamentali relatati mal-effettività personali huma wkoll fost l-aktar mitluba fis-suq tax-xogħol. Il-ħiliet l-aktar mitluba f’dan il-kuntest huma l-intraprenditorija, il-ħidma f’tim, il-ħiliet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ soluzzjoni tal-problemi, l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati, it-twettiq ta’ diversi kompiti fl-istess ħin, il-flessibbiltà u l-adattabbiltà, is-sens ta’ inizjattiva, l-inġenjożità, ir-responsabbiltà, l-awtomonitoraġġ, il-previżjoni, l-attenzjoni għad-dettall, l-indirizzar tal-inċertezza, it-tensjoni u l-istress, il-ġestjoni tal-ħin, eċċ.

    4.   L-iżvilupp tal-forza tax-xogħol għal suq tax-xogħol inklużiv u produttività għolja

    4.1.

    Sabiex is-suq tax-xogħol Ewropew jiffaċċja l-isfidi li ġejjin, l-ewwel u qabel kollox irid ikun inklużiv, jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u joħloq kundizzjonijiet għall-investiment f’sistemi tal-impjiegi li jiffunzjonaw tajjeb li jistgħu jikkontribwixxu għal żieda fil-produttività u jiggwidaw politiki effiċjenti ta’ taħriġ u ħiliet, flimkien ma’ politiki attivi u robusti tas-suq tax-xogħol. Minkejja t-tradizzjonijiet u l-prattiki differenti fl-Istati Membri kollha, il-KESE jemmen li huwa meħtieġ li:

    4.1.1.

    jiġu ottimizzati s-sistemi għall-monitoraġġ, l-analiżi u t-tbassir tal-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol;

    4.1.2.

    jiżdied l-involviment tal-imsieħba soċjali u tal-partijiet interessati kollha, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-kapaċità tal-intrapriżi li jiżviluppaw proċeduri interni biex jidentifikaw id-diskrepanzi fil-ħiliet u l-ħtiġijiet ta’ taħriġ, u li japplikaw miżuri għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol tagħhom stess;

    4.1.3.

    jiġu applikati approċċi u teknoloġiji tal-informazzjoni moderni biex isaħħu, jissistematizzaw bejn is-setturi u r-reġjuni u jagħmlu aċċessibbli data analitika dwar il-ħiliet sabiex jipprovdu taħriġ u kwalifiki rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; pereżempju, il-pjattaformi tal-għarfien dwar it-talenti jistgħu jintegraw informazzjoni differenti dwar il-ħaddiema minn naħa waħda (il-ħiliet, il-kapaċitajiet, l-esperjenza, ix-xewqa għall-iżvilupp professjonali, id-demografija, il-ħtiġijiet ta’ taħriġ, l-opportunitajiet ta’ żvilupp), u l-ħtiġijiet ta’ min iħaddem min-naħa l-oħra;

    4.1.4.

    flimkien mal-imsieħba soċjali, titwettaq valutazzjoni strateġika tal-isfidi u l-implikazzjonijiet għall-impjiegi, il-professjonijiet, il-kwalifiki, l-attivitajiet u l-ħiliet relatati mat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali, u jiġu żviluppati kemm forom adatti ta’ kwalifiki u taħriġ mill-ġdid, kif ukoll isir investiment fl-iżvilupp tal-ħiliet u appoġġ għall-persuni milquta mill-bidla jew it-tranżizzjoni lejn impjiegi ekoloġiċi;

    4.1.5.

    jiġu analizzati l-ostakli li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ biex jiksbu kwalifiki u ħiliet STEM, u jitwettqu azzjonijiet immirati biex iżidu l-attraenza tal-edukazzjoni u l-karrieri STEM fost il-bniet u n-nisa;

    4.1.6.

    jittieħdu miżuri biex jinħolqu sistemi tal-VET li jkunu aġli, reżiljenti u validi għall-futur u li jistgħu jattiraw liż-żgħażagħ u jappoġġjaw id-dħul tagħhom f’suq tax-xogħol li qed jinbidel, u jiżguraw li l-adulti jkollhom aċċess għal programmi vokazzjonali mfassla għall-ħtiġijiet tagħhom u adattati għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali;

    4.1.7.

    jiġi żgurat rwol strateġiku aktar attiv għall-imsieħba soċjali fl-aċċellerazzjoni taċ-ċiklu tal-ħolqien u l-provvista ta’ kwalifiki ġodda, fl-aġġornament tal-kurrikuli, u fil-mekkaniżmi ta’ finanzjament u l-awditjar tal-kwalità. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-mikrokredenzjali, l-istandards tal-kwalità tagħhom u l-possibbiltajiet għar-rikonoxximent u l-inklużjoni tagħhom f’networks ta’ kwalifiki usa’. Għandha tiġi estiża l-prattika li jiġu stabbiliti kumitati settorjali, anke fil-livell territorjali, bl-involviment tal-imsieħba soċjali u l-istituzzjonijiet edukattivi, biex jiġi indirizzat l-ispariġġ fil-ħiliet u biex jinħolqu b’mod flessibbli mikrokredenzjali li jaqblu mill-qrib mal-ħtiġijiet ta’ taħriġ tal-kumpaniji;

    4.1.8.

    jitħeġġeġ l-użu tan-negozjar kollettiv biex jiġi żgurat aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja u tiġi ffaċilitata l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta’: kontijiet individwali tal-apprendiment, il-kunsiderazzjoni ta’ possibbiltajiet ta’ liv imħallas għal finijiet ta’ taħriġ, skont il-prattiki nazzjonali, u għadd minimu ta’ sigħat ta’ taħriġ fis-sena; l-għoti ta’ inċentivi għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid; ir-rikonoxximent tal-kwalifiki fost l-Istati Membri tal-UE; l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ ġestjoni tal-għarfien korporattiv; il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ mentoraġġ ma’ impjegati rtirati b’esperjenza, eċċ.;

    4.1.9.

    jiġu żviluppati politiki li jiżguraw aċċess ugwali għall-opportunitajiet ta’ tagħlim u żvilupp. Dan jimplika:

    4.1.9.1.

    l-implimentazzjoni tat-tliet passi stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-UE tal-2016 dwar “Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti” – valutazzjoni tal-ħiliet, offerta ta’ tagħlim imfassla apposta għall-individwu, u validazzjoni u rikonoxximent tal-ħiliet miksuba;

    4.1.10.

    li tingħata attenzjoni partikolari lil dawk il-kategoriji ta’ ħaddiema li ħafna drabi jkunu esklużi mit-taħriġ iżda li, proprju għal din ir-raġuni, jeħtiġuh l-aktar: il-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet; il-persuni li għandhom aktar minn 45 sena; il-persuni b’diżabbiltà; in-nisa li jirritornaw għax-xogħol wara assenzi twal minħabba responsabbiltajiet tal-familja u ta’ kura; il-migranti u r-refuġjati. Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-intrapriżi soċjali huwa kruċjali biex jgħinu lil dawn il-gruppi vulnerabbli fil-bżonnijiet ta’ taħriġ tagħhom.

    5.   L-isfidi għall-SMEs biex jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa għat-trasformazzjonijiet futuri fis-suq tax-xogħol

    5.1.

    L-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju jikkostitwixxu 99 % tan-negozji kollha fl-UE. Madwar 24 miljun SME jiġġeneraw aktar minn EUR 4 triljun f’valur miżjud, jimpjegaw aktar minn 90 miljun persuna, u jirrappreżentaw sors kruċjali ta’ spirtu intraprenditorjali u innovazzjoni, li huma kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli u l-kompetittività tal-industrija Ewropea (10). L-importanza tal-SMEs minn dejjem kienet rikonoxxuta, iżda l-COVID-19 ħarġet fid-dieher kemm huma vulnerabbli għall-impatti esterni, speċjalment fil-kuntest ta’ kriżi li poġġiet għadd kbir ta’ SMEs f’sitwazzjoni finanzjarja prekarja u miljuni ta’ impjiegi f’riskju.

    5.2.

    L-SMEs jiffaċċjaw l-istess sfidi bħal kulħadd, iżda għandhom problemi speċifiċi relatati mal-aċċess għas-suq u finanzjament aħjar, l-adozzjoni tal-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, it-tranżizzjoni lejn mudelli ta’ negozju newtrali għall-klima u l-bidla minn produzzjoni lineari għal produzzjoni ċirkolari.

    5.3.

    Minħabba r-riżorsi limitati, l-għarfien espert insuffiċjenti u l-pożizzjoni reġjonali tagħhom, il-maġġoranza l-kbira tal-SMEs għandhom diffikultajiet serji biex jattiraw it-talent, u biex jagħżlu, iħarrġu, jiżviluppaw, jimmotivaw u jżommu lill-persunal. Madwar 40 % biss tal-SMEs għandhom strateġiji u politiki bil-miktub għall-ġestjoni tar-riżorsi umani. Minħabba d-diffikultajiet tagħhom biex jikkumpensaw għall-assenzi ta’ persunal fuq taħriġ estern, kif ukoll il-kapaċità finanzjarja limitata tagħhom, l-SMEs għandhom perċentwal aktar baxx mill-medja tal-UE fl-użu ta’ forom ta’ taħriġ vokazzjonali li jsir wiċċ imb wiċċ.

    5.4.

    Il-maġġoranza l-kbira tal-SMEs joperaw f’niċeċ speċifiċi tas-suq u/jew f’setturi ekonomiċi mhux tradizzjonali, fejn in-natura tax-xogħol tirrikjedi ħiliet professjonali speċifiċi li jeħtieġ li jinkisbu u jiġu żviluppati f’ambjenti prattiċi reali. Ir-riżorsi umani limitati ħafna drabi jfissru li l-impjiegi jeħtieġu speċjalizzazzjoni usa’ u ħiliet ibridi trasferibbli marbuta mal-ħtieġa li tiġi kkombinata firxa usa’ ta’ dmirijiet funzjonali.

    5.5.

    Il-ħtiġijiet speċifiċi b’rabta mal-ħiliet tal-SMEs huma relatati prinċipalment mal-intraprenditorija teknoloġika, l-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ negozju, il-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju, is-sorsi ta’ finanzjament, l-iżvilupp ta’ strateġiji tal-kumpaniji, proġetti u pjani ta’ negozju, l-implimentazzjoni ta’ mudelli innovattivi ta’ negozju, l-użu ta’ teknoloġiji diġitali, l-immarkar diġitali u l-kummerċjalizzazzjoni diġitali, li jaġixxu f’konformità mal-qafas regolatorju stabbilit, l-amministrazzjoni tal-persunal, l-ekonomija ekoloġika u l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u l-ekonomija ċirkolari.

    5.6.

    Minħabba n-natura teknika tal-professjonijiet f’għadd kbir ta’ SMEs li għandhom għarfien uniku, speċjalment fi swieq niċċa, it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol jipprovdi rispons xieraq għall-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet tagħhom. Bl-istess mod, huwa meħtieġ taħriġ fuq il-post tax-xogħol biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika. Dan it-tip ta’ taħriġ jiffaċilita l-iżvilupp tal-ħiliet fl-SMEs bis-saħħa tal-possibbiltà semplifikata li joffri biex jiġi organizzat it-taħriġ intern u jiġi ttrasferit l-għarfien fi ħdan il-kumpanija. Sabiex tiġi indirizzata l-problema taż-żamma tal-livelli tal-produzzjoni meta l-ħaddiema jkunu assenti mix-xogħol biex jattendu korsijiet ta’ taħriġ, min iħaddem għandu jirrikorri għal forom adatti ta’ taħriġ u strumenti ad hoc, bħall-kondiviżjoni ta’ programmi ta’ taħriġ fil-livell settorjali jew territorjali li jrawmu sinerġiji bejn l-SMEs, u għandu jkollu aċċess għal miżuri mmirati ta’ appoġġ finanzjarju.

    5.7.

    L-antiċipazzjoni tal-ħiliet jeħtieġ li tiġi żviluppata b’mod wiesa’ mill-atturi ekonomiċi u mill-partijiet interessati tagħhom. L-imsieħba soċjali, permezz tad-djalogu soċjali fil-fergħat u s-setturi tax-xogħol, għandhom rwol ewlieni f’dan ir-rigward.

    Brussell, it-22 ta’ Frar 2023.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza, COM(2020) 274 final.

    (2)  Ara d-Diskors tal-2022 dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President Ursula von der Leyen https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/SPEECH_22_5493

    (3)  https://ec.europa.eu/economy_finance/recovery-and-resilience-scoreboard/assets/thematic_analysis/scoreboard_thematic_analysis_digital_skills.pdf

    (4)  GreenComp: Il-qafas Ewropew ta’ Kompetenza dwar is-sostenibbiltà.

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (2022/C 243/04).

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli (2022/C 243/01).

    (5)  Studju tal-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol (LMO), “The work of the future, ensuring lifelong learning and training of employees” (Il-futur tax-xogħol, l-iżgurar tat-tagħlim u t-taħriġ tal-impjegati tul il-ħajja) (2022) (mhux disponibbli bil-Malti); Il-futur tax-xogħol – il-ksib ta’ għarfien u ħiliet adegwati sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-impjiegi futuri (2017); Il-finanzjament sostenibbli għat-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet, fil-kuntest tal-għadd insuffiċjenti ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati (2019); Id-dinja tax-xogħol li qed tinbidel u l-lonġevità/il-popolazzjoni li qed tixjieħ – Il-prekundizzjonijiet biex il-ħaddiema li qed jixjieħu jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol il-ġdida (2019); Id-diġitalizzazzjoni, l-IA u l-ekwità – Kif għandha tissaħħaħ l-UE fit-tellieqa globali tal-ħiliet u l-edukazzjoni tal-ġejjieni, filwaqt li tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali (2019); Taħriġ vokazzjonali: l-effettività tas-sistemi biex jiġu antiċipati u mqabbla l-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u r-rwol tal-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati differenti (2020); Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (2020); Kif, abbażi tal-edukazzjoni u t-taħriġ minn perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja, jistgħu jiġu promossi l-ħiliet meħtieġa biex l-Ewropa tistabbilixxi soċjetà aktar ġusta, aktar koeżiva, aktar sostenibbli, aktar diġitali u aktar reżiljenti (2020); Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali (2020); Ekosistemi industrijali, awtonomija strateġika u l-benesseri (2021); Tagħlim imħallat (2021), Pakkett dwar l-edukazzjoni għolja (2022), eċċ.

    (6)  https://www.eurofound.europa.eu/mt/node/91839

    http://erc-online.eu/wp-content/uploads/2017/03/With-signatures_Framework-agreement-on-active-ageing.pdf

    (7)  Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Industrijali.

    (8)  Ara “Skill needs anticipation: systems and approaches. Analysis of stakeholder survey on skill needs assessment and anticipation.” (L-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet: sistemi u approċċi. Analiżi tal-istħarriġ tal-partijiet ikkonċernati dwar il-valutazzjoni u l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ ħiliet.) ILO – Ġinevra, 2017, ISBN: 978-92-2-130248-3 (https://www.cedefop.europa.eu/files/2223_en.pdf), (mhux disponibbli bil-Malti).

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti 2021-2030 (2021/C 504/02).

    (9)  http://www.nber.org/papers/w21116

    (10)  https://www.europarl.europa.eu/factsheets/mt/sheet/63/small-and-medium-sized-enterprises


    Top