Acest document este un extras de pe site-ul EUR-Lex
Document 52022IP0352
European Parliament resolution of 6 October 2022 on the death of Mahsa Jina Amini and the repression of women’s rights protesters in Iran (2022/2849(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2022 dwar il-mewt ta' Mahsa Jina Amini u r-repressjoni tad-dimostranti favur id-drittijiet tan-nisa fl-Iran (2022/2849(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2022 dwar il-mewt ta' Mahsa Jina Amini u r-repressjoni tad-dimostranti favur id-drittijiet tan-nisa fl-Iran (2022/2849(RSP))
ĠU C 132, 14.4.2023, pp. 89-93
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 132, 14.4.2023, p. 46-46
(GA)
|
14.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 132/89 |
P9_TA(2022)0352
Il-mewt ta' Mahsa Amini u r-repressjoni tad-dimostranti favur id-drittijiet tan-nisa fl-Iran
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2022 dwar il-mewt ta' Mahsa Jina Amini u r-repressjoni tad-dimostranti favur id-drittijiet tan-nisa fl-Iran (2022/2849(RSP))
(2023/C 132/11)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli – f'isem l-Unjoni Ewropea – tal-25 ta' Settembru 2022, u l-istqarrija tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, tad-19 ta' Settembru 2022, dwar il-mewt ta' Mahsa Amini, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU tat-22 ta' Settembru 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, li fiha esiġa li tittieħed responsabbiltà għall-mewt ta' Mahsa Amini u li tintemm il-vjolenza fuq in-nisa, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU tat-18 ta' Ġunju 2022, tat-13 ta' Jannar 2022 u tal-11 ta' Jannar 2021, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-16 ta' Ġunju 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Settembru 2022 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, António Guterres, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 (ICCPR), u -ratifika tiegħu mill-Iran f'Ġunju 1975, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, |
|
— |
wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni kontrihom, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi fit-13 ta' Settembru 2022, Mahsa Jina Amini, mara Kurda-Iranjana ta' 22 sena, ġiet arrestata f'Tehran mill-pulizija “tal-moralità” tal-Iran talli allegatament naqset milli tosserva l-liġi li tobbliga x-xedd tal-velu; billi skont xhieda li raw b'għajnejhom, il-pulizija “tal-moralità” xeħtu lil Mahsa Jina Amini f'vann tal-pulizija u sawtuha waqt li kienet qed tiġi ttrasferita lejn iċ-ċentru tad-detenzjoni ta' Vozara f'Tehran, fejn ftit ħin wara daħlet f'koma u mietet fis-16 ta' Settembru 2022, fi sptar fil-qrib waqt li kienet qed tinżamm f'detenzjoni mill-pulizija; billi l-awtoritajiet Iranjani sostnew li mietet b'kawżi naturali; billi ma saritx investigazzjoni xierqa, u billi l-awtoritajiet irrifjutaw li jipprovdu lill-familja tal-vittma r-rekords mediċi u r-rapport tal-awtopsja tagħha; |
|
B. |
billi, wara l-qtil ta' Mahsa Jina Amini, faqqgħu protesti fil-pajjiż kollu f'aktar minn 120 belt fi kważi l-31 provinċja kollha tal-Iran, li fihom ħadu sehem mijiet ta' eluf ta' ċittadini Iranjani li rrappreżentaw il-faxex kollha tas-soċjetà; billi l-protesti nbdew minn nisa li esiġew li tittieħed responsabbiltà għall-mewt ta' Mahsa Jina Amini u li appellaw għat-tmiem tal-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa fl-Iran, partikolarment fil-forma tax-xedd obbligatorju tal-velu; billi l-protesti tan-nisa ispiraw is-solidarjetà mill-irġiel, u dan qanqal moviment ta' riforma u ta' protesta pan-Iranjan; billi l-istudenti qed jipprotestaw f'diversi universitajiet madwar il-pajjiż, b'mod partikolari fl-università tat-Teknoloġija ta' Sharif f'Tehran, u qed jibbojkottjaw il-klassijiet tagħhom u jipprotestaw kontra r-repressjoni; |
|
C. |
billi r-rispons tal-forzi tas-sigurtà u tal-pulizija Iranjani għall-protesti kien vjolenti, indiskriminat u mingħajr rażan, u wassal sabiex għadd sostanzjali ta' persuni tilfu ħajjithom u ħafna oħrajn sfaw midruba; billi n-NU kkonfermat li l-forzi Iranjani qed jużaw munizzjon attiv, ċomb tal-għasafar, gass tad-dmugħ u pellets tal-metall kontra d-dimostranti; billi, sat-2 ta' Ottubru 2022, kien irrappurtat li l-forzi tas-sigurtà Iranjani qatlu mijiet ta' dimostranti paċifiċi li kienu qed iwettqu dimostrazzjonijiet kontra l-qtil ta' Mahsa Jina Amini, u darbu u arrestaw mijiet oħrajn, fosthom difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, studenti, avukati, attivisti tas-soċjetà ċivili u aktar minn 20 ġurnalist, b'mod partikolari lil Niloofar Hamedi, il-ġurnalist li kien l-ewwel li rrapporta dwar l-arrest u l-ospitalizzazzjoni ta' Mahsa Jina Amini; |
|
D. |
billi Amnesty International iddokumentat il-komplott tal-awtoritajiet biex jirreprimu l-protesti attwali billi jiskjeraw il-Korp tal-Gwardji tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC), il-forza paramilitari Basij, il-Kmand tal-Infurzar tal-Liġi tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, il-pulizija kontra l-irvellijiet, u aġenti tas-sigurtà pajżana; billi l-evidenza turi kif il-Kwartieri Ġenerali tal-Forzi Armati ħarġu ordni lill-kmandanti fil-provinċji kollha fejn tawhom istruzzjonijiet biex jikkonfrontaw lid-dimostranti paċifiċi bl-użu mifrux ta' forza letali u armi tan-nar mill-forzi tas-sigurtà; |
|
E. |
billi skont rapporti, bosta barranin inklużi ċittadini tal-UE ġew arrestati f'dawn l-aħħar jiem minħabba li allegatament ħadu sehem fil-protesti; |
|
F. |
billi l-awtoritajiet Iranjani qed ifixklu deliberatament il-konnessjonijiet tal-internet u tal-mobile u jirrestrinġu severament il-pjattaformi tal-media soċjali biex jikkompromettu l-kapaċità taċ-ċittadini Iranjani li jaċċedu għat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni b'mod sigur u privat u li jorganizzaw assemblej paċifiċi; billi kien hemm rapporti li messaġġi SMS bil-kliem “Mahsa Amini” bil-Farsi ġew imblukkati; billi bit-tfixkil u l-iskonnettjar tal-internet f'partijiet kbar tal-Iran, ir-reġim qed jipprova jipprevjeni t-trażmissjoni u t-tixrid ta' aħbarijiet dwar il-protesti u ta' immaġni tagħhom kif ukoll li jipprevjeni lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lokali milli jiddokumentaw episodji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
G. |
billi l-Gvern Iranjan introduċa l-obbligu tax-xedd tal-velu fl-1983; billi l-ħiġab obbligatorju sar għodda għar-repressjoni tan-nisa u ċċaħħadhom mil-libertà u d-drittijiet tagħhom fl-Iran; billi n-nisa li jidhru fil-pubbliku mingħajr velu ta' sikwit jiġu ffastidjati, miżmuma l-ħabs, ittorturati, imsawta bil-frosta u saħansitra maqtula talli jmorru kontra dawn ir-regoli ripressivi; |
|
H. |
billi l-fastidju tan-nisa u l-bniet u l-vjolenza kontrihom mill-forzi tal-pulizija tal-“moralità” żdied mill-bidu tal-mandat tal-President Ebrahim Raisi fl-2021; billi l-Gvern tal-Iran insista favur leġiżlazzjoni u abbozz ta' leġiżlazzjoni li jinkoraġġixxu r-repressjoni tan-nisa; billi l-qtil ta' Mahsa Jina Amini huwa parti minn tendenza akbar ta' trażżin u treġġigħ lura tad-drittijiet tan-nisa fl-Iran li diġà huma ristretti wisq, inkluż permezz ta' liġi ġdida adottata fl-2021 li tirrestrinġi severament l-aċċess tan-nisa għad-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva, bi ksur dirett tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa fl-ambitu tad-dritt internazzjonali; billi l-introduzzjoni tal-Proġett “Ħiġab u Kastità” jkun jinvolvi l-użu ta' kameras ta' sorveljanza biex jiġu mmonitorjati u mmultati nisa li ma jilbsux il-velu; |
|
I. |
billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran qed tmur dejjem aktar għall-agħar; billi l-qtil ta' Mahsa Jina Amini huwa eżempju tal-kriżi attwali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, ipperpetwata mill-impunità sistemika tal-Gvern Iranjan u l-apparat tas-sigurtà tiegħu, li ppermettiet li jkun hemm tortura estensiva, kif ukoll eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji u qtil illegali ieħor; billi aktar minn 40 difensur tad-drittijiet tal-bniedem ġew arrestati mit-18 ta' Settembru 2022, u d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem ġew attakkati b'mod partikolari u b'mod vjolenti fil-kuntest ta' dawn l-arresti, attakki u raids mill-forzi Iranjani; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-persuni LGBTQI Iranjani, Zahra Sedighi Hamedani, ta' 31 sena, u Elham Chubdar, ta' 24 sena, ġew ikkundannati għall-mewt mill-Qorti Rivoluzzjonarja ta' Urmia fuq akkużi ta' “korruzzjoni fid-dinja permezz tal-promozzjoni tal-omosesswalità”; |
|
J. |
billi l-UE adottat miżuri restrittivi relatati mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet fuq il-viża għal individwi u entitajiet responsabbli ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll projbizzjoni fuq l-esportazzjoni lejn l-Iran ta' tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna u ta' tagħmir għas-sorveljanza tat-telekomunikazzjonijiet; billi dawn il-miżuri, li daħħlu fis-seħħ għall-ewwel darba fit-12 ta' April 2011, jiġu aġġornati regolarment u għadhom fis-seħħ; |
|
K. |
billi l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Josep Borrell, fid-dikjarazzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2022, ikkundanna l-qtil ta' Mahsa Jina Amini u l-użu eċċessiv tal-forza mill-forzi tas-sigurtà Iranjani u ħabbar li l-UE se tikkunsidra l-għażliet kollha għad-dispożizzjoni tagħha qabel il-Kunsill Affarijiet Barranin li jmiss biex tindirizza l-qtil ta' Mahsa Jina Amini u l-mod kif il-forzi tas-sigurtà Iranjani rrispondew għad-dimostrazzjonijiet sussegwenti; |
|
1. |
Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-mewt ta' Mahsa Jina Amini wara l-arrest vjolenti, l-abbuż u t-trattament ħażin tagħha mill-pulizija tal-“moralità” tal-Iran; jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familja u lill-ħbieb tagħha u lill-familji ta' dawk kollha li nqatlu matul il-protesti reċenti fl-Iran; |
|
2. |
Jistieden lill-Gvern Iranjan jippermetti investigazzjoni imparzjali u effettiva minn awtorità kompetenti indipendenti tal-mewt traġika ta' Mahsa Jina Amini u tal-allegazzjonijiet ta' tortura u ta' trattament ħażin; |
|
3. |
Jesprimi s-solidarjetà tiegħu man-nisa Iranjani żgħażagħ li qed imexxu l-protesti u jipparteċipaw fihom minkejja d-diffikultajiet u r-riperkussjonijiet personali li qed jiffaċċjaw; jappoġġja l-moviment paċifiku ta' protesta madwar il-pajjiż kollu, li qed jipprotesta kontra l-qtil ta' Mahsa Jina Amini, l-oppressjoni sistemika u dejjem tiżdied tan-nisa, u l-ksur serju u tal-massa tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; |
|
4. |
Jappoġġja bis-saħħa l-aspirazzjonijiet tal-poplu Iranjan li jixtieq jgħix f'pajjiż liberu, stabbli, inklużiv u demokratiku li jirrispetta l-impenji nazzjonali u internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti li fit-2 ta' Ottubru 2022, il-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC), il-Forzi ta' Basij, u l-pulizija assedjaw, arrestaw u sparaw fuq għadd kbir ta' studenti msakkra ġewwa l-Università tat-Teknoloġija ta' Sharif f'Tehran; |
|
5. |
Jirrikonoxxi li l-moviment tan-nisa Iranjani imur lil hinn mid-difiża tad-drittijiet tan-nisa u jippromwovi stat sekulari fl-Iran minflok teokrazija vjolenti u reazzjonarja; |
|
6. |
Jikkundanna bil-qawwa l-użu mifrux, intenzjonat u sproporzjonat tal-forza mill-forzi tas-sigurtà Iranjani kontra dimostranti paċifiċi u jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jwaqqfu l-vjolenza kontinwa, sistematika u inaċċettabbli tagħhom kontra ċ-ċittadini tagħhom stess; jitlob b'insistenza li l-awtoritajiet Iranjani jippermettu investigazzjoni bbażata fuq l-evidenza, rapida, imparzjali u effettiva tal-qtil tad-dimostranti kollha, inkluż li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; |
|
7. |
Jitlob b'insistenza li l-awtoritajiet Iranjani minnufih u mingħajr kundizzjonijiet jeħilsu lil dawk kollha li qegħdin il-ħabs sempliċement għax eżerċitaw paċifikament id-drittijiet tagħhom għal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika b'rabta mal-protesti u jwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom; jisħaq li d-drittijiet fundamentali bħal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda jridu dejjem jiġu rrispettati u jitlob lill-awtoritajiet Iranjani jonoraw l-obbligi internazzjonali tagħhom, inkluż fl-ambitu tal-ICCPR; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jeħilsu minnufih liċ-ċittadini kollha tal-UE arrestati u jwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom; jesprimi tħassib serju dwar l-arrest ta' aktar minn 20 ġurnalist, b'mod partikolari Niloofar Hamedi, l-ewwel ġurnalista li ħarġet l-aħbar dwar l-arrest ta' Mahsa Jina Amini u dwar il-fatt li kienet iddaħħlet l-isptar, u jitlob lill-awtoritajiet Iranjani jeħilsuhom bla dewmien; jistieden lill-Iran jirrispetta l-libertà ta' espressjoni u ta' twemmin tal-persuni kollha li jgħixu fl-Iran, speċjalment in-nisa u l-bniet, li huma partikolarment repressi; |
|
8. |
Jikkundanna d-diskriminazzjoni sistemika tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran kontra n-nisa u gruppi vulnerabbli oħra permezz ta' liġijiet u regolamenti li jirrestrinġu b'mod sever il-libertajiet u d-drittijiet tagħhom, inkluż il-liġi degradanti tal-ilbis obbligatorju tal-velu u l-infurzar abbużiv tagħha, ir-restrizzjonijiet severi fuq id-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa, u l-ksur tad-drittijiet politiċi, soċjali, ekonomiċi, kulturali u personali tan-nisa; jitlob b'insistenza li l-awtoritajiet Iranjani jħassru malajr il-liġijiet li jimponu l-ilbis obbligatorju tal-velu min-nisa u mill-bniet, jabolixxu l-pulizija tal-“moralità” u jtemmu d-diskriminazzjoni sistemika kontra n-nisa fl-oqsma kollha tal-ħajja; |
|
9. |
Jikkundanna bil-qawwa l-prattika tal-Iran li jissoprimi l-internet u n-networks mobbli fil-kuntest tal-protesti fil-pajjiż, liema prattika timpedixxi l-komunikazzjoni u l-fluss liberu tal-informazzjoni għaċ-ċittadini Iranjani; jenfasizza li tali azzjonijiet huma ksur ċar tad-dritt internazzjonali; jilqa' d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li tippermetti lill-kumpaniji privati jagħmlu s-servizzi diġitali tagħhom disponibbli għall-poplu Iranjan fil-kuntest tal-protesti attwali; |
|
10. |
Jirrifjuta kategorikament l-akkużi minn uffiċjali Iranjani u mill-media Iranjana kkontrollata mill-Istat li jippuntaw lejn ir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Ġermanja u ta' pajjiżi Ewropej oħra biex jgħadduhom bħala l-instigaturi tal-protesti; |
|
11. |
Itenni l-kundanna qawwija tiegħu għad-deterjorament kostanti tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, inkluż u speċjalment għall-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi etniċi u reliġjużi, inklużi l-Kurdi, il-Baluchis, l-Għarab u minoranzi reliġjużi li mhumiex Xiiti u li mhumiex Musulmani, inklużi l-Baha'i u l-Insara; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-minoranzi etniċi u reliġjużi; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jeliminaw kull forma ta' diskriminazzjoni; |
|
12. |
Iħeġġeġ lill-Gvern Iranjan jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem li ntbagħtu l-ħabs talli eżerċitaw paċifikament id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni u ta' twemmin; jistieden lill-Qorti Suprema Iranjana tirrevoka s-sentenzi mogħtija kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTI Zahra Sedighi-Hamadani u Elham Choubdar, abbażi ta' ksur tad-dritt għal proċessi ġust; jitlob lill-Gvern Iranjan itemm l-attakki tiegħu fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u jiggarantixxi li f'kull ċirkustanza jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem mingħajr biża' ta' rappreżalja u ħielsa minn kull restrizzjoni, inkluż mill-vessazzjoni ġudizzjarja; |
|
13. |
Jiddeplora l-użu sistematiku tat-tortura fil-ħabsijiet Iranjani u jappella għall-waqfien immedjat ta' kull forma ta' tortura u trattament ħażin tad-detenuti kollha; jikkundanna l-prattika li ċċaħħad lid-detenuti l-aċċess għat-telefonati u għal żjarat ta' membri tal-familja; jesprimi tħassib serju dwar l-inabbiltà tad-detenuti li jkollhom aċċess għal rappreżentanza legali matul l-interrogazzjonijiet; jistieden lill-Gvern Iranjan jittratta lill-priġunieri bir-rispett dovut għad-dinjità u l-valur inerenti tagħhom bħala bnedmin; |
|
14. |
Jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' progress li sar fil-każijiet ta' persuni b'ċittadinanza doppja tal-UE u tal-Iran li ġew detenuti fl-Iran, inkluż Ahmadreza Djalali, li ġie kkundannat għall-mewt fuq akkużi foloz ta' spjunaġġ; |
|
15. |
Jikkundanna bil-qawwa l-użu dejjem akbar tal-piena tal-mewt mill-awtoritajiet Iranjani f'dawn l-aħħar snin u jiddeplora l-eskalazzjoni allarmanti fl-użu tal-piena tal-mewt kontra dimostranti, dissidenti u membri ta' gruppi ta' minoranza; itenni l-appell tiegħu lill-Gvern tal-Iran biex jintroduċi moratorju immedjat fuq l-użu tal-piena tal-mewt bħala pass lejn l-abolizzjoni tagħha, u biex jikkommuta l-pieni tal-mewt kollha; |
|
16. |
Jitlob lill-awtoritajiet Iranjani jippermettu żjarat tal-Proċeduri Speċjali kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u b'mod partikolari jiżguraw li r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran jitħalla jidħol fil-pajjiż; |
|
17. |
Jistieden lin-NU, b'mod partikolari lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu, biex mingħajr dewmien iniedu investigazzjoni komprensiva dwar l-eventi li seħħew f'dawn l-aħħar ġimgħat, immexxija mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran; jitlob lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jistabbilixxi mekkaniżmu internazzjonali ta' investigazzjoni u ta' akkontabbiltà għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-Gvern Iranjan; |
|
18. |
Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jużaw l-impenji kollha mal-awtoritajiet Iranjani biex jitolbu b'insistenza t-tmiem immedjat tar-repressjoni vjolenti kontra l-protesti u l-ħelsien mingħajr kundizzjonijiet ta' dawk kollha arrestati talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, jappella għal investigazzjoni indipendenti dwar l-imwiet ta' Mahsa Jina Amini u ta' tużżani ta' dimostranti, iħeġġeġ li jiġi stabbilit mill-ġdid l-aċċess għall-internet u għall-kanali tal-komunikazzjoni u jinkoraġġixxi l-abolizzjoni tal-ilbis obbligatorju tal-velu għan-nisa; jistieden lill-Istati Membri jaħżnu, jippreservaw u jikkondividu l-evidenza disponibbli, f'konformità mar-regoli l-ġodda tal-Eurojust, li tista' tikkontribwixxi għall-investigazzjonijiet, inklużi l-kooperazzjoni mal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-appoġġ għall-ħidma tagħha; |
|
19. |
Jistieden lill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin iżid lill-uffiċjali Iranjani, inklużi dawk kollha assoċjati mal-pulizija tal-“moralità”, li jinstabu kompliċi fil-mewt ta' Mahsa Jina Amini u fil-vjolenza kontra d-dimostranti kif ukoll responsabbli għalihom, mal-lista tal-UE tal-individwi li kontrihom ikunu ġew imposti miżuri restrittivi b'rabta ma' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran; itenni li s-sanzjonijiet kontra t-tmexxija tal-IRGC ma għandhomx jitneħħew; jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem bħala strument importanti għall-UE biex tissanzjona lil dawk li jiksru d-drittijiet tal-bniedem; |
|
20. |
Jitlob lill-UE, inkluż lill-VP/HR, biex tkompli tqajjem tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Iranjani f'fora bilaterali u multilaterali u tuża l-impenji kollha ppjanati mal-awtoritajiet Iranjani għal dak il-għan, b'mod partikolari fil-kuntest tad-Djalogu Politiku ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Iran; jafferma mill-ġdid li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa komponent ċentrali fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iran; |
|
21. |
Jinkoraġġixxi koordinazzjoni qawwija fost l-ambaxxati tal-UE akkreditati f'Tehran; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha bi preżenza diplomatika f'Tehran biex jużaw il-mekkaniżmi previsti fil-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jappoġġjaw u jipproteġu lil dawn l-individwi, b'mod partikolari d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u ta' persuni b'ċittadinanza doppja tal-UE u tal-Iran, inkluż permezz ta' għotjiet ta' emerġenza fl-ambitu tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, u l-Fond Ewropew għad-Demokrazija, kif ukoll viżi ta' emerġenza, dikjarazzjonijiet pubbliċi, il-monitoraġġ tal-proċessi u ż-żjarat fil-ħabsijiet; |
|
22. |
Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, f'konformità stretta mal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità, li tippermetti lill-fornituri tas-servizzi ta' komunikazzjoni bbażati fl-UE joffru għodod, inklużi sistemi tal-vidjokonferenzi, pjattaformi tal-apprendiment elettroniku, mapep tal-web u servizzi tal-cloud, lin-nies fl-Iran, sabiex jiġi żgurat li jkollhom aċċess għall-għodod u għall-pjattaformi online li għandhom bżonn biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom; |
|
23. |
Jesprimi tħassib dwar il-lobbying kontinwu tal-istituzzjonijiet Ewropej minn assoċjazzjonijiet Iżlamisti reazzjonarji, li jista' jammonta għal interferenza barranija fid-demokraziji tagħna; |
|
24. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Assemblea Konsultattiva Iżlamika, lill-Gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, lill-Uffiċċju tal-Mexxej Suprem tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u lill-familja ta' Mahsa Jina Amini. |