Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0335

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2022 dwar l-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda fuq it-tassazzjoni: kriptoteknoloġiji u blockchain (2021/2201(INI))

ĠU C 132, 14.4.2023, pp. 15–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/15


P9_TA(2022)0335

L-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda fuq it-tassazzjoni: kriptoteknoloġiji u blockchain

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2022 dwar l-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda fuq it-tassazzjoni: kriptoteknoloġiji u blockchain (2021/2201(INI))

(2023/C 132/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2020 intitolata “Pjan ta' Azzjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-istrateġija ta' rkupru” (COM(2020)0312),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fil-kriptoassi tal-24 ta' Settembru 2020 (COM(2020)0593),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Settembru 2020 dwar strateġija għall-finanzi diġitali għall-UE (COM(2020)0591),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) tat-12 ta' Ottubru 2020 bit-titlu "Taxing Virtual Currencies: An Overview of Tax Treatments and Emerging Tax Policy Issues (L-Intaxxar ta' Miniti Virtwali: Ħarsa Ġenerali lejn it-Trattament Fiskali u Kwistjonijiet Emerġenti ta' Politika Fiskali),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2021 intitolata “It-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21” (COM(2021)0251),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-2021 taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni dwar it-tassazzjoni u r-riformi strutturali intitolat “Cryptocurrencies: an empirical view from a tax perspective” (Il-kriptovaluti: opinjoni empirika minn perspettiva tat-taxxa),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2021 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi u ta' ċerti kriptoassi (COM(2021)0422),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Bank Dinji intitolat “Crypto-Assets Activity around the World: Evolution and Macro-Financial Drivers” (L-Attività tal-Kriptoassi madwar id-Dinja: l-Evoluzzjoni u l-Fatturi Makrofinanzjarji) ippubblikat fit-8 ta' Marzu 2022,

wara li kkunsidra d-dokument tal-konsultazzjoni pubblika tal-OECD tat-22 ta' Marzu 2022 bit-titlu “Crypto-Asset Reporting Framework and Amendments to the Common Reporting Standard” (Qafas ta' Rapportar tal-Kriptoassi u Emendi għall-Istandard Komuni ta' Rapportar),

wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tal-15 ta' Ottubru 2018 intitolat “VAT fraud: economic impact, challenges and policy issues” (Il-frodi fil-VAT: l-impatt ekonomiku, l-isfidi u l-kwistjonijiet politiċi), l-istudju ta' Lulju 2018 intitolat “Cryptocurrencies and blockchain – Legal context and implications for financial crime, money laundering and tax evasion” (Kriptovaluti u blockchain – il-kuntest ġuridiku u l-implikazzjonijiet għall-kriminalità finanzjarja, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa) u l-istudju tal-15 ta' Frar 2018 intitolat “Impact of Digitalisation on International Tax Matters” (L-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq kwistjonijiet internazzjonali fil-qasam tat-taxxa),

wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2021 intitolat “Exploring the opportunities and challenges of new technologies for EU tax administration and policy” (L-analiżi tal-opportunitajiet u l-isfidi ta' teknoloġiji ġodda għall-amministrazzjoni u l-politika tat-tassazzjoni tal-UE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0204/2022),

A.

billi l-użu ta' teknoloġiji ġodda fis-suq uniku tal-UE u d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa madwar l-Ewropa qed jittrasformaw ir-relazzjoni bejn il-kontribwent, jiġifieri ċ-ċittadini u l-kumpaniji minn naħa, u l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa min-naħa l-oħra; billi l-UE jista' jkollha rwol ewlieni fl-iżgurar li l-aspetti proċedurali u tekniċi tad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa jiġu kkoordinati ħalli jiġu evitati ostakli għall-interoperabbiltà tal-pjattaformi tekniċi nazzjonali;

B.

billi l-karatteristiċi differenti ta' tipi differenti ta' kriptoassi u l-konfini bejn it-tipi differenti ta' kriptoassi jistgħu jkunu rilevanti biex jiġi ddeterminat it-trattament tat-taxxa tagħhom;

C.

billi id-dinamika tas-suq tal-kriptoassi turi li hemm bżonn li jinħoloq qafas legali ċar, stabbli u trasparenti;

D.

billi attwalment l-awtoritajiet tat-taxxa jiffaċċjaw ħafna sfidi fir-rigward tal-effettività tal-infurzar tat-taxxa u b'mod partikolari l-kooperazzjoni transfruntiera, fid-dawl tal-aċċellerazzjoni tat-tranżazzjonijiet diġitali, il-mobbiltà dejjem akbar tal-kontribwenti, in-numru ta' tranżazzjonijiet transfruntiera u l-internazzjonalizzazzjoni tal-operazzjonijiet ekonomiċi u tal-mudelli tan-negozju, kif ukoll ir-riskji tat-tassazzjoni doppja jew skemi ta' taxxi aggressivi kumplessi;

E.

billi l-awtoritajiet tat-taxxa jeħtieġ li jadattaw ruħhom għar-riskji potenzjali għas-sostenibbiltà tas-sistemi tat-taxxa u l-kapaċità tagħhom li jiżguraw ir-rispett tal-oqfsa legali nazzjonali u Ewropej fil-qasam tat-tassazzjoni;

F.

billi soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda, bħall-blockchain, jistgħu jintużaw mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa biex jaqdu aħjar il-ħtiġijiet tal-kontribwenti, biex jiskambjaw informazzjoni bejn ġurisdizzjonijiet, għal tipi varji ta' reġistrazzjonijiet, u biex tiġi skoraġġuta u/jew miġġielda l-korruzzjoni, iżda jista' jsir ukoll abbuż minn tali teknoloġiji u dawn jistgħu jservu bħala mezz għal attivitajiet illeċiti, bl-intenzjoni kriminali li jiġi evitat il-ħlas tat-taxxi; billi, iż-żieda fil-viżabbiltà tat-tranżizzjonijiet blockchain, b'mod partikolari, tista' tiffaċilita l-isforzi tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa biex jiġġieldu l-frodi tat-taxxa;

G.

billi diversi amministrazzjonijiet tat-taxxa madwar l-Ewropa diġà qed jieħdu passi importanti lejn id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi, għalkemm dan qed isir fi gradi differenti, u b'hekk qed irendu l-konformità fiskali aktar faċli, aktar rapida u aktar effettiva; billi l-użu ta' teknoloġiji ġodda għadu jvarja b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri; billi l-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa, b'mod ġenerali, jeħtieġu aktar inċentivi u miżuri ta' sensibilizzazzjoni biex jisfruttaw il-potenzjal fil-qasam tat-trasformazzjoni teknoloġika u diġitali; billi t-teknoloġija tista' tgħin biex tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn korpi differenti tal-gvern, jiġifieir fuq kwistjonijiet relatati mat-taxxa;

H.

billi ż-żieda fl-użu tal-kriptoassi qed iġġiegħel lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa jadattaw il-prattiki attwali fil-qasam tat-taxxa fi ħdan is-suq uniku; billi fi ħdan is-suq tal-kriptoassi, l-identifikazzjoni ta' attivitajiet rilevanti għat-taxxa hija kumplessa, peress li tiddependi anqas fuq l-intermedjarjri finanzjarji tradizzjonali, li tipikament jipprovdu informazzjoni għal skopijiet ta' taxxa;

I.

billi 5 minn 27 Stat Membru għandhom dispożizzjonijiet legali speċifiċi dwar it-tassazzjoni tal-kriptoassi; billi 19-il Stat Membru għandhom gwida amministrattiva dwar it-tassazzjoni tal-kriptoassi;

J.

billi l-Istandard Komuni ta' Rapportar (CRS) tal-OECD tejjeb it-trasparenza internazzjonali tat-taxxa billi jirrikjedi li l-ġuriżdizzjonijiet jiksbu informazzjoni dwar l-assi offshore miżmuma mill-istituzzjonijiet finanzjarji u jiskambjaw dik l-informazzjoni awtomatikament mal-ġuriżdizzjonijiet ta' residenza tal-kontribwenti fuq bażi annwali; billi fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, madankollu, il-kriptoassi ma jidħlux fl-ambitu tas-CRS, li japplika għal assi finanzjarji tradizzjonali u muniti ta' kors legali;

K.

billi hemm sforz u impenn internazzjonali biex tiġi rregolata aħjar it-tassazzjoni ġusta tal-ekonomija diġitali; billi l-kriptoassi jistgħu jiġu sfruttati biex jimminaw l-inizjattivi internazzjonali eżistenti fis-settur tat-trasparenza tat-taxxa, kif rikonoxxut mill-OECD; billi, f'dan il-kuntest, huwa kruċjali li l-UE tassumi rwol ewlieni, b'mod partikolari billi tippromwovi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri biex il-kriptoassi jiġu ntaxxati b'mod ġust u trasparenti;

L.

billi l-ekonomija globali qed tinbidel u qed issir progressivament diġitalizzata u l-prinċipji li jirfdu l-qafas internazzjonali attwali tat-taxxa qed isiru dejjem anqas validi, u ma jistgħux jiżguraw aktar li l-profitti jiġu ntaxxati fejn jitwettqu l-attivitajiet ekonomiċi li jiġġeneraw dawk il-profitti u fejn jinħoloq il-valur;

M.

billi ma hemm l-ebda strument internazzjonali fir-rigward tat-tassazzjoni tal-kriptoassi u hemm spettru wiesa' ta' approċċi għal din il-kwistjoni, meħuda minn pajjiżi differenti; billi l-UE jeħtiġilha twitti t-triq għal aktar libertà finanzjarja aktar inklussiva għaċ-ċittadini, kemm ġewwa l-fruntieri tagħha kif ukoll barra minnhom, fil-pjattaformi internazzjonali rilevanti;

N.

billi, fir-rapport tagħha tal-2020 dwar it-tassazzjoni ta' muniti virtwali, l-OECD tidentifika għadd ta' punti materjali li għandhom jiġu indirizzati, speċifikament id-definizzjoni ta' avvenimenti taxxabbli, il-forom ta' introjtu li huma assoċjati mal-muniti virtwali, u kif it-tassazzjoni tista' tiġi aġġustata għan-natura u għad-dinamika tal-kriptoassi sabiex jiġu identifikati l-profitti b'mod ġust u effiċjenti, fost aspetti oħra;

O.

billi l-Unjoni diġà ħadet passi importanti lejn definizzjoni ċara ta' ċerti kriptoassi u fornituri ta' servizzi tal-kriptoassi u, b'mod aktar ġenerali, lejn l-istabbiliment ta' qafas regolatorju xieraq għall-kriptoassi, ir-Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi (MiCA); billi dan il-qafas u dawn id-definizzjonijiet se jiffaċilitaw it-tassazzjoni ġusta u sempliċi ta' dawn l-assi; billi d-definizzjonijiet ta' tali kriptoassi jeħtieġu jkunu allinjati mal-istandards internazzjonali, jiġifieri dawk żviluppati mill-OECD u t-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja;

P.

billi d-definizzjonijiet tal-kriptoassi jeħtieġ li jkunu uniformi madwar l-UE u allinjati mal-istandards internazzjonali; billi l-istess kriptoassi jista' jiġi kategorizzat bħala “oġġett tat-taxxa” f'għadd ta' modi differenti madwar l-UE, li jirriżulta fi trattament tat-taxxa differenti;

Q.

billi ċerti oqsma ta' politika tat-taxxa huma knazzjonali u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tibqa' essenzjali u meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi għall-integrità tas-suq uniku u s-sostenibbiltà tas-sistema tat-taxxa, fost l-oħrajn, l-użu dejjem akbar tal-kriptoassi; billi qafas ta' 27 approċċ sinifikament differenti għat-tassazzjoni fuq il-kriptoassi jista' jwassal għal ostakli sinifikanti għall-ilħuq tal-objettivi tas-suq uniku diġitali; billi għalhekk hemm każ ċar għal koordinazzjoni u kooperazzjoni fil-livell tal-UE;

R.

billi l-UE u s-suq uniku tagħha jeħtiġilhom jiżguraw ambjent favorevoli għall-innovazzjoni għall-kumpaniji (b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u n-negozji ġodda) fir-rigward tat-teknoloġiji l-ġodda fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u tal-kriptoassi; billi dan l-għan ewlieni jirrikjedi impenn qawwi mill-Istati Membri b'politiki, jiġifieri fil-qasam tat-tassazzjoni, biex jiżguraw qafas regolatorju stabbli, ċar u sigur biex in-negozji jirnexxu u jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku; billi, fl-aħħar nett, dan l-isforz jirrikjedi impenn qawwi li jiġu protetti d-drittijiet taċ-ċittadini, bħala kontribwenti u konsumaturi ta' servizzi finanzjarji;

S.

billi linji gwida internazzjonali ċari huma essenzjali għal sistema ta' tassazzjoni ġusta u effiċjent li, jekk jiġu implimentati b'mod effiċjenti mill-Istati Membri jistgħu jiksbu riformi ta' benefiċċju billi jnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi u l-ħin, inaqqsu l-ostakli għad-dħul u jiżguraw iċ-ċertezza u l-istabilità, li huma prerekwiżiti għall-kompetittività, kif ukoll biex jingħalqu l-lakuni bejn il-kumpaniji, speċjalment għall-SMEs;

T.

billi l-kriptoassi huma ambjent li jimxi malajr u dawk li jfasslu l-politika jeħtieġ li jagħtu riżultati fuq termini ugwali; billi l-implikazzjonijiet tal-politika tat-taxxa u tal-evażjoni tat-taxxa għad iridu jiġu eżaminati mill-qrib, peress li jiffurmaw aspett importanti tal-qafas regolatorju ġenerali;

U.

billi dan il-Parlament diġà ssottolinja li “r-regoli internazzjonali attwali dwar it-taxxa korporattiva ma għadhomx adatti fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni u tal-globalizzazzjoni tal-ekonomija” u li “l-iżviluppi fid-diġitalizzazzjoni u dipendenza aktar qawwija fuq assi intanġibbli u ż-żieda tagħhom fil-ktajjen tal-valur, joħolqu prospetti u sfidi f'termini ta' traċċabbiltà ta' operazzjonijiet ekonomiċi u eventi taxxabbli, inkluż l-iffaċilitar ta' prattiki ta' evitar tat-taxxa, speċjalment meta dawn l-operazzjonijiet ikunu transfruntiera jew iseħħu barra mill-Unjoni” (1);

V.

billi, għad-differenza tal-finanzi tradizzjonali, id-dinja tal-kripto xi drabi tkun organizzata b'mod deċentralizzat, li jagħmilha aktar diffiċli biex l-intermedjarji jintalbu jassistu lill-awtoritajiet tat-taxxa; billi tali intermedjarji ħafna drabi jservu bħala fornituri ta' informazzjoni rilevanti f'sistemi ta' rapportar tat-taxxa tradizzjonali ta' partijiet terzi; billi fuq l-intersezzjoni bejn l-ekosistema tal-kripto u s-sistema finanzjarja tradizzjonali, intermedjarju bħal pereżempji skambju jkun ġeneralmemt involut;

Il-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda – bħall-blockchain – biex jinqdew aħjar il-kontribwenti, jiġu skoraġġuti l-prattiki ta' korruzzjoni, tingħata s-setgħa lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa u jiġu indirizzati l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa

1.

Iqis li l-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa għandhom ikunu mgħammra aħjar bir-riżorsi adegwati biex jiffaċilitaw il-ġbir effiċjenti tat-taxxa, jinforzaw ir-regoli, jaqdu aħjar lill-kontribwenti u jiżguraw il-konformità mar-regoli; jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom, fid-dawl tal-isfidi dejjem akbar tat-tranżizzjoni diġitali, li jagħmlu biżżejjed investimenti fir-riżorsi umani, inklużi t-taħriġ, l-infrastrutturi diġitali u l-persunal u t-tagħmir speċjalizzat;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-proposti leġiżlattivi futuri tesplora kif tiżgura li t-teknoloġija li tirfed l-leġiżlazzjoni li tkun għadha kif ġiet adottata tkun marbuta b' intrinsiku mal-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni;

3.

Jindika li l-adattament tal-kapaċitajiet tal-IT tal-awtoritajiet tat-taxxa permezz ta' teknoloġiji emerġenti ġodda, bħat-teknoloġiji ta' reġistru distribwit bħall-blockchain jew l-intelliġenza artifiċjali, għandu jippermetti t-trawwim ta' proċeduri fiskali u amministrattivi intelliġenti, effettivi u effiċjenti, l-evitar u l-limitazzjoni tal-korruzzjoni, il-faċilitazzjoni tal-konformità fiskali miċ-ċittadini u min-negozji, aktar traċċabbiltà u identifikazzjoni ta' tranżazzjonijiet taxxabbli u s-sjieda ta' assi tanġibbli u intanġibbli f'ambjent globalizzat fejn it-tranżazzjonijiet transfruntiera jkunu żdiedu, u b'hekk jinħolqu opportunitajiet għal sistemi tat-taxxa mfassla aħjar u aktar ġusti biex jiġu ntaxxati kemm il-kontribwenti kif ukoll l-assi mobbli; jitlob lill-Kummissjoni tanalizza u tevalwa l-effetti fuq il-protezzjoni tad-data u d-dħul tal-implimentazzjoni ta' taxxa possibbli fuq il-ħżin ta' data personali;

4.

Jenfasizza li t-teknoloġiji emerġenti bħat-teknoloġija tar-reġistru distribwit u l-blockchain, permezz tal-karatteristiċi uniċi tagħhom bħat-traċċabbiltà u l-kapaċità tagħhom li jaħżnu data immutabbli u affidabbli, li jipproteġu l-integrità ta' dik id-data, jistgħu joffru mod ġdid kif jiġi awtomatizzat il-ġbir tat-taxxa; jemmen li dan jiżgura li n-nies iħallsu dak dovut minnhom, jiżgura konformità fiskali effiċjenti u jiffaċilita l-ġbir tad-dħul mit-taxxa fis-sors tal-istadji differenti taċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodott jew servizz fi żmien utli, filwaqt li jipproteġi d-data personali taċ-ċittadini u jiggarantixxi standard għoli ta' protezzjoni tad-data;

5.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati l-aħjar modi kif tintuża t-teknoloġija biex tissaħħaħ il-kapaċità analitika tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa (permezz ta' analiżi aħjar tad-data), tiġi standardizzata d-data biex tiġi ffaċilitata l-konformità fiskali għall-SMEs u l-kontribwenti (anki permezz ta' standards ta' rapportar komuni), u jiġi żgurat ukoll li t-tassazzjoni tirrifletti aħjar l-ambjent tan-negozju fl-era diġitali u fl-istess ħin tiggarantixxi livelli għoljin ta' protezzjoni tad-data;

6.

Jieħu nota tat-tnedija tal-Komunità ta' Kooperazzjoni Amministrattiva Internazzjonali Avvanzata tal-UE (Komunità AIAC tal-UE) u l-kontribut siewi tas-Summit tal-UE tal-Amministrazzjonijiet tat-Taxxa (TADEUS) għad-dibattitu dwar l-impatt ta' teknoloġiji ġodda fuq il-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tinvolvi dawn il-fora fit-tfassil ta' programm ta' taħriġ speċjali għall-persunal tal-amministrazzjoni tat-taxxa dwar l-użu ta' teknoloġiji ġodda fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa kif ukoll tibni fuq ir-rwol tagħhom fit-titjib tal-interoperabbiltà tas-sistemi tat-taxxa fir-rigward tal-istandardizzazzjoni tad-data u l-kondiviżjoni awtomatika tad-data f'ħin reali f'kuntest transfruntier; ifakkar fil-fatt li tali programm irid jiġi integrat fl-attività tal-programm Fiscalis;

7.

Jenfasizza, madankollu, li l-użu tal-blockchain, l-IA u għodod diġitali oħra mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa għandu l-vantaġġi tiegħi iżda jinvolvi wkoll riskji, li jridu jiġu mmitigati kif xieraq, l-aktar billi jiġu evitati l-ksur tal-privatezza u t-trattament preġudikat u diskriminatorju tal-kontribwenti;

8.

Jenfasizza b'mod partikolari r-riskji assoċjati mal-kwalità tad-data; jinnota f'dan ir-rigward li blockchain awtorizzata, b'awtorizzazzjonijiet ristretti kkontrollat mill-intermedjarji, hija kruċjali fil-kuntest tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa u tista' tgħin biex ittejjeb l-integrità tas-sistema peress li tippermetti li l-informazzjoni tat-taxxa, fost data oħra, tiġi kondiviża f'ambjent sigur;

9.

Jappella lill-Kummissjoni tevalwa l-modi li bihom Stati Membri differenti jintaxxaw il-kriptoassi tat-taxxa u l-politiki nazzjonali differenti fl-ambitu tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fil-qasam tal-kriptoassi, filwaqt li tissottolinja l-aħjar prattiki u lakuni potenzjali, u tieħu vantaġġ mill-pjattaformi ta' kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni, jiġifieri l-programm Fiscalis; jistieden lill-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi, tindirizza prattiki tat-taxxa dannużi fil-qasam tal-kriptoassi fl-UE;

10.

Jirrikonoxxi li l-impatt ta' teknoloġiji ġodda bħall-blockchain fuq kwistjonijiet ta' taxxa jistgħu jiġu kkunsidrati b'mod differenti skont jekk l-enfasi jkunx fuq it-tassazzjoni diretta (pereżempju, taxxa minn ras il-għajn), it-tassazzjoni indiretta (VAT jew dazji doganali) jew il-konformità; jissottolinja l-potenzjal tat-teknoloġija ta' reġistru distribwit biex is-sistema tat-taxxa minn ras il-għajn issir aktar effiċjenti f'kull pajjiż, iżda wkoll biex jiġu ffaċilitati proċeduri transfruntieri bla xkiel u tiġi evitata attività frodulenti; jagħti parir lill-Kummissjoni biex tqis il-karatteristiċi speċifiċi ta' kull dimensjoni; jistieden lill-Kummissjoni tqis is-soluzzjonijiet diġitali eżistenti fl-Istati Membri u tevalwa l-opportunità li tintegra soluzzjonijiet ibbażati fuq il-blockchain fuq pjattaformi ta' skambju ta' informazzjoni sabiex tippromwovi l-awditjar u l-iskambju ta' informazzjoni f'ħin reali filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-ħolqien ta' pjattaforma ġdida għat-taħriġ u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fl-ekonomija diġitali, b'mod partikolari bl-użu tal-kriptoassi; jifhem li din il-pjattaforma l-ġdida tista' tiġi integrata fl-inizjattivi attwali, bħall-programm Fiscalis;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tevalwa l-aspetti tal-impatt operazzjonali u tal-governanza tat-taxxa tat-teknoloġija blockchain u ta' teknoloġiji oħra ta' reġistru distribwit, b'mod partikolari permezz tal-programm Fiscalis;

13.

Ifakkar fil-proposta tiegħu għal inizjattiva tal-Kummissjoni dwar "standard għar-rapportar online ta' data (fl-ewwel stadju) għall-kummerċ transfruntier tal-Unjoni, preferibbilment bl-użu ta' data minn fatturazzjoni elettronika (jew minn alternattiva, iżda dejjem jinżamm il-prinċipju li d-data trid tiġi pprovduta darba biss), inkluż ipproċessar ta' data ċentralizzat/deċentralizzat effiċjenti u sigur ħafna għad-detezzjoni ta' frodi (2);

14.

Jisħaq fuq l-istedina tiegħu lill-Istati Membri biex “[i]komplu jirriformaw l-awtoritajiet tat-taxxa, iħaffu d-diġitalizzazzjoni u jibdew jimplimentaw approċċi strateġiċi biex jappoġġjaw lill-SMEs bil-konformità mat-taxxa kif ukoll jidentifikaw opportunitajiet għat-tnaqqis tal-piż” (3);

15.

Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-opportunitajiet kollha maħluqa mill-Infrastruttura Ewropea tal-Blockchain għas-Servizzi (EBSI) – network bejn pari ta' nodi interkonnessi li joperaw infrastruttura ta' servizzi ta' blockchain – għall-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa, l-aktar fil-qasam tal-konformità tal-VAT, b'rispett sħiħ għall-ogħla standards ta' protezzjoni tad-data u privatezza, bil-għan li jsiru disponibbli lilhom protokolli tal-blockchain multipli u innovattivi u bil-missjoni li l-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa jiġu megħjuna fl-adattament tagħhom għall-użu ta' tali teknoloġiji;

16.

Ifakkar fl-importanza tan-Numru ta' Identifikazzjoni tat-Kontribwent (TIN) Ewropew u jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-valur miżjud tat-teknoloġiji bbażati fuq il-blockchain biex tassigura identità fiskali transfruntiera xierqa, bi standards għoljin ta' protezzjoni tad-data u salvagwardji tal-privatezza;

L-isfidi tat-tassazzjoni fir-rigward tal-kriptoassi

17.

Iqis li l-kriptoassi jridu jkunu soġġetti għal tassazzjoni ġusta, trasparenti u effettiva, sabiex jiġu ggarantiti kompetizzjoni ekwa, kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn it-trattament tat-taxxa tal-assi u l-prodotti finanzjarji u bejn il-fornituri tas-servizzi finanzjarji; jifhem li d-deċiżjonijiet dwar it-tassazzjoni tal-kriptoassi jiddependu mill-Istati Membri, b'mod konformi mat-Trattati; jistieden lill-awtoritajiet jikkunsidraw trattament tat-taxxa simplifikat għall-operaturi okkażjonali jew żgħar u għat-tranżazzjonijiet żgħar; huwa favur il-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-innovazzjoni fis-suq uniku diġitali, li fih l-intraprendituri, l-SMEs u n-negozji ġodda jistgħu jirnexxu, jiġġeneraw it-tkabbir, joħolqu l-impjiegi u jikkontribwixxu għall-irkupru ekonomiku permezz tad-dħul mit-taxxa fl-ambitu ta' qafas regolatorju effettiv;

18.

Jinnota li l-operaturi tal-ekonomija diġitali jistgħu jinvolvu ruħhom f'attivitajiet kummerċjali sinifikanti fi Stat Membru mingħajr ma jistabbilixxu preżenza fiżika hemmhekk, u għalhekk it-taxxi mħallsa f'ġuriżdizzjoni waħda ma jibqgħux jirriflettu l-valur u l-profitti maħluqa hemmhekk; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa li jiġi adattat il-kunċett ta' stabbiliment permanenti, jiġifieri b'definizzjoni ċara tal-istabbiliment permanenti virtwali, f'konformità mal-istandards internazzjonali; ifakkar, għalhekk, fl-importanza ta' traspożizzjoni effettiva ta' pilastru wieħed tal-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti;

19.

Jirrikonoxxi li d-definizzjoni tal-bażi għat-taxxa għall-kriptoassi hija waħda mill-kwistjonijiet ewlenin għall-politika tat-tassazzjoni; jinnota li bħalissa ma hemm l-ebda definizzjoni standard miftiehma fuq livell internazzjonali ta' kriptoassi u tipi ta' assi li għandhom jiġu inklużi f'dan it-terminu; huwa konxju tal-fatt li definizzjoni bħal din tikkostitwixxi prijorità ewlenija fil-qafas leġiżlattiv Ewropew, sabiex tiġi ggarantita pożizzjoni ewlenija għall-Unjoni fil-livell internazzjonali; jifhem li l-OECD, awtorizzata mill-G20, qed taħdem fuq qafas globali ġdid tat-trasparenza tat-taxxa biex jipprevedi r-rapportar u l-iskambju ta' informazzjoni fir-rigward tal-kriptoassi;

20.

Iqis li huwa meħtieġ li jkun hemm definizzjoni tal-kriptoassi ċara u ġeneralment aċċettata għal skopijiet ta' taxxa; jissottolinja li din id-definizzjoni għandha tkun allinjata ma' dik tar-regolament MiCA; jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi garantita koerenza sistematika bejn id-diversi strumenti legali li jirregolaw jew li se jirregolaw il-kriptoassi (pereżempju r-Regolament MiCA, ir-Regolament dwar it-Trasferiment ta' Fondi (4), id-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (5) u inizjattivi oħra relatati mal-ħasil tal-flus) u, l-aktar importanti, li jiġu ssalvagwardjati ċ-ċertezza u l-istabbiltà tad-dritt;

21.

Jirrimarka li bil-kriptoassi, jista' jkun hemm għażliet differenti biex jiġi ddefinit avveniment taxxabbli rilevanti bħall-ħolqien ta' muniti permezz tal-estrazzjoni, l-iskambju tal-kriptoassi f'munita ta' kors legali jew kriptoassi oħra, bidla radikali jew l-istaking tal-kriptoassi; jinnota li jeħtieġ li tinstab definizzjoni koerenti ta' avveniment taxxabbli sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta' tassazzjoni, filwaqt li jiġu evitati l-każijiet ta' tassazzjoni doppja;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta valutazzjoni dwar il-bdil ta' tip wieħed ta' kritpoassi f'tip differenti ta' kriptoassi u tippreżenta possibbiltajiet dwar id-definizzjoni tal-avveniment taxxabbli, u tqis ir-riskju li dan se jżid l-għadd ta' avvenimenti taxxabbli b'mod konsiderevoli filwaqt li joħloq problemi ta' valwazzjoni sinifikanti; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbilità li l-bdil ta' kriptoassi f'munita ta' kors legali jista' jkun għażla aktar xierqa għal avveniment taxxabbli, jekk ikun sar il-qligħ;

23.

Jinnota li kull pajjiż għandu t-tendenza li juża t-terminoloġija tiegħu stess meta jkun qed ifassal is-soluzzjonijiet regolatorji nazzjonali tiegħu għall-kriptoassi, u dan jista' jikkawża inċertezza legali għaċ-ċittadini u għall-kumpaniji, ikun theddida għall-integrità tas-suq uniku tal-UE peress li l-kooperazzjoni transfruntiera tkun ostakolata b'mod sinifikanti, joħloq involontarjament lakuni li jipprovdu opportunitajiet ta' abbuż u evitar tat-taxxa u jiġi sfruttat biex jimmina t-trasparenza tat-taxxa internazzjonali eżistenti bħas-CRS;

24.

Jenfasizza li d-dimanika tas-swieq tal-kriptoassi (6) jagħmluha urġenti li jiġu stabbiliti regoli li jiddefinixxu t-tip ta' tassazzjoni li għandha tiġi applikata, id-definizzjoni tal-“avveniment taxxabbli”, iż-żmien ta' meta u fejn jseħħ avveniment taxxabbli u l-valwazzjoni tiegħu;

25.

Jindika li t-tassazzjoni tal-kriptoassi f'sitwazzjonijiet transfruntiera hija marbuta ma' diversi dimensjonijiet tal-politika tat-tassazzjoni bħat-taxxi fuq l-introjtu jew il-VAT u li attwalment tali dimensjonijiet huma distribwiti bejn il-kompetenzi nazzjonali u Ewropej, iżda li l-benefiċċji ta' approċċ komuni Ewropew jistgħu jkunu sinifikanti f'oqsma marbuta, fost oħrajn, mal-kooperazzjoni amministrattiva, l-iskambju ta' informazzjoni u t-tassazzjoni korporattiva

26.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra d-dimensjoni tal-kriptoassi, id-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji ġodda fil-proposti leġiżlattivi pjanati u futuri kollha tagħha fil-qasam tat-taxxa, b'mod partikolari l-proposta futura intitolata Business in Europe: Framework for Income Taxation (In-Negozju fl-Ewropa:; Qafas għat-Tassazzjoni fuq l-Introjtu) (BEFIT); jistieden lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, biex ikunu ambizzjużi u jassumu rwol mexxej fid-dibattitu internazzjonali;

27.

Jappella lill-Istati Membri jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet tal-użu tal-kriptoassi fir-riformi tat-taxxa nazzjonali tagħhom, u jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta' sistemi aktar effettivi li jiżguraw tnaqqis fil-kostijiet ta' konformità u fil-piżijiet amministrattivi, iżda li jiggarantixxu, fl-istess ħin, it-tassazzjoni ġusta, trasparenti u effettiva tal-kriptoassi; Jissottolinja li inċentivi temporanji u ġustifikati jistgħu jkunu xierqa għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku, b'mod partikolari tas-settur tat-teknoloġija blockchain; jenfasizza l-importanza ewlenija ta' standards ta' rapportar komuni għall-fornituri tas-servizzi tal-kriptoassi kif ukoll għall-individwi u l-entitajiet;

28.

Jistieden lill-Istati Membri jittrattaw tipi differenti ta' kriptoassi b'mod li huwa konsistenti mat-trattament tat-taxxa ta' assi mhux kripto simili;

29.

Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-objettivi tal-politika tal-UE kif minquxa fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, speċjalment ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna u livell għoli ta' protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent, fil-qafas tal-għażliet leġiżlattivi tagħhom rigward it-trattament tat-taxxa tal-kriptoassi;

30.

Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa jekk it-trattament tat-taxxa tal-kriptoassi, meta mqabbel mat-trattament tat-taxxa ta' assi oħra, huwiex konsistenti u ġust, speċjalment fir-rigward tat-trattament tal-VAT ta' dawk l-assi;

Nimxu 'l quddiem bl-iżvilupp ta' qafas regolatorju/legali effettiv

31.

Jindika li x-xenarju tal-kriptoassi huwa globali u li t-trattament tat-taxxa tal-kriptoasssi jirrikjedi approċċ internazzjonali kkoordinat; huwa konxju, f'dan ir-rigward, mill-ħtieġa li jiġu nnegozjati aktar strumenti internazzjonali dwar il-kwistjoni; iqis li l-OECD, li diġà għamlet xogħol sostanzjali kemm fuq it-tassazzjoni kif ukoll fuq it-trattament tal-kriptoassi, tista' tkun forum xieraq f'dan ir-rigward, b'mod partikolari għar-reviżjoni tas-CRS;

32.

Jinnota li l-OECD diġà bdiet xogħol fuq qafas ġdid ta' rapportar tal-kriptoassi;

33.

Iqis li n-nuqqas ta' ftehim internazzjonali dwar it-tassazzjoni tal-kriptoassi jħalli lill-UE u lill-Istati Membri tagħha mingħajr pedament li fuqu jibnu approċċ intelliġenti u validu għall-futur;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta valutazzjoni tal-avvenimenti taxxabbli ewlenin u forom ta' introjtu assoċjati mal-kriptoassi, li tiffoka fuq il-konsegwenzi tat-taxxa ta' għadd ta' operazzjonijiet ewlenin bħall-ħruġ ta' kriptoassi, l-iskambju ta' kriptoassi għal muniti ta' kors legali, oġġetti jew servizzi, u l-għoti permezz ta' donazzjoni jew wirt, kif ukoll it-telf jew is-serq, eċċ.;

35.

Jitlob lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar l-aħjar prattiki identifikati biex tintaxxa b'mod ġust u effettiv il-kriptoassi, filwaqt li tirrispetta s-sett ta' kompetenzi tal-UE fi kwistjonijiet tat-taxxa, teżamina r-rwol tal-fornituri ta' servizzi tal-kriptoassi u tiddetermina sa liema punt il-kriptoassi jidħlu fi ħdan il-qafas tat-taxxa eżistenti; huwa tal-fehma li l-politika tat-tassazzjoni għandha tiġi integrata f'qafas regolatorju sod għall-kriptoassi, u li għandha tkun koerenti ma' aspetti oħra tal-politika inkluż it-trasparenza tat-taxxa u rekwiżiti legali, finanzjarji u tal-protezzjoni tal-konsumatur;

36.

Ifakkar li suq uniku tal-UE kompletament integrat jirrikjedi approċċ komuni dwar it-tassazzjoni tal-kriptoassi, li jirrispetta l-kompetenzi ddefiniti mit-Trattati; jappella lill-Kunsill, fil-formazzjoni tiegħu tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, biex jibda djalogu strutturat mal-Parlament dwar din il-kwistjoni; jappella wkoll lill-president tal-Grupp tal-Euro jagħti bidu għal dibattitu dwar it-tassazzjoni tal-kriptoassi mal-ministri tal-finanzi taż-żona tal-Euro;

37.

Jemmen li l-emenda tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva hija meħtieġa sabiex l-iskambju tal-qafas ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni jinkludi l-kriptoassi u l-flus elettroniċi; jistieden lill-OECD tadotta mingħajr aktar dewmien definizzjoni ġdida ta' standard ta' rapportar għall-iskambju ta' informazzjoni; iqis li r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva hija prijorità fil-qasam tat-tassazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fir-reviżjoni futura tagħha tad-Direttiva, mingħajr ebda dewmien, ir-rakkomandazzjonijiet futuri tal-OECD dwar ir-rappurtar tal-kriptoassi u r-reviżjonijiet tas-CRS kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament kif stabbiliti fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-UE għall-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa (7); jistieden lill-Kunsill jadotta malajr dawn il-bidliet proposti;

38.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġi garantit li reviżjoni futura tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva se tikkomplementa l-obbligi ta' rapportar fl-ambitu ta' strumenti legali oħra, billi tgħin lill-awtoritajiet biex awtomatikament jiskambjaw id-data dwar il-kriptoassi u l-flus elettroniċi, sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw l-introjtu u d-dħul minn investimenti u pagamenti bl-użu tal-kriptoassi u fil-flus elettroniċi; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi ssalvagwardjata koerenza sistematika li tipprovdi ċertezza legali lill-operaturi u gwida teknika lill-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa;

39.

Jappella lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali jiżguraw li t-teknoloġija blockchain użata biex tinforza r-regoli jew tipprovdi servizzi pubbliċi tikkonforma mad-drittijiet fundamentali, kif ukoll l-istandards relatati maċ-ċibersigurtà u mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

40.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis is-soluzzjonijiet diġitali eżistenti, id-dispożizzjonijiet legali u l-gwida amministrattiva użata fl-Istati Membri, biex tivvaluta kif għandhom jiġu ingranati t-teknoloġiji blockchain u teknoloġiji oħra ta' reġistru distribwit biex jiġu evitati l-frodi u l-evitar tat-taxxa u tiġi miġġielda l-korruzzjoni; jappoġġa l-iżvilupp ta' infrastruttura Ewropea tas-servizzi tal-blockchain;

41.

Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa kif għandu jiġi appoġġat it-titjib fil-konformità mar-regoli tat-taxxa, filwaqt li tqis il-valuri tal-kriptoassi li qed jimxu b'pass mgħaġġel u n-nuqqas ta' tisrif attwali f'munita ta' kors legali f'xi każijiet, iżda wkoll l-isfida għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa biex jiksbu informazzjoni affidabbli u f'waqtha dwar dawn it-tranżazzjonijiet;

42.

Iqis li, sakemm is-settur tal-kriptoassi jkun attwalment f'transizzjoni u ma jkunx mistenni jistabbilizza fil-futur qrib, il-ħtieġa ta' valutazzjoni tas-sitwazzjoni ma għandhiex tipprevjeni lill-istituzzjonijiet tal-UE milli jilleġiżlaw dwar superviżjoni aħjar u tassazzjoni aħjar tal-kriptoassi;

43.

Jirrimarka l-ħtieġa ta' rieżami u adattament frekwenti tal-politika tat-tassazzjoni sabiex tkun tista' twieġeb għall-evoluzzjonijiet tas-settur u biex jiġi żgurat li tibqa' rilevanti quddiem l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq relatati mal-muniti virtwali u tipi ta' assi oħra emerġenti;

o

o o

44.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2022 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġja l-istrateġija ta' rkupru (segwitu tal-PE għall-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni ta' Lulju u l-25 inizjattiva tiegħu fil-qasam tal-VAT, it-tassazzjoni tal-intrapriżi u tal-individwi) (ĠU C 347, 9.9.2022, p. 211).

(2)  ĠU C 347, 9.9.2022, p. 211.

(3)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2022 dwar l-impatt tar-riformi fiskali nazzjonali fuq l-ekonomija tal-UE, (ĠU C 342, 6.9.2022, p. 14).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).

(6)  Id-daqs ekonomiku tas-suq tal-kriptovaluti kien stmat għal EUR 2,2 triljun f'Mejju 2021, b'massimu ta' EUR 2,5 triljun f'Ottubru 2021 (Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, 2021).

(7)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2021 dwar l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-UE għall-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa: il-progress, it-tagħlimiet miksuba u l-ostakli li jridu jingħelbu (ĠU C 117, 11.3.2022, p. 120).


Top