This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022IP0334
European Parliament resolution of 4 October 2022 on striving for a sustainable and competitive EU aquaculture: the way forward (2021/2189(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2022 dwar l-impenn favur akkwakultura sostenibbli u kompetittiva fl-UE: it-triq 'il quddiem (2021/2189(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2022 dwar l-impenn favur akkwakultura sostenibbli u kompetittiva fl-UE: it-triq 'il quddiem (2021/2189(INI))
ĠU C 132, 14.4.2023, pp. 2–14
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
14.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 132/2 |
P9_TA(2022)0334
L-impenn favur akkwakultura sostenibbli u kompetittiva fl-UE: it-triq 'il quddiem
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2022 dwar l-impenn favur akkwakultura sostenibbli u kompetittiva fl-UE: it-triq 'il quddiem (2021/2189(INI))
(2023/C 132/01)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Mejju 2021 dwar linji gwida strateġiċi għal akkwakultura tal-UE li tkun aktar sostenibbli u kompetittiva għall-perjodu bejn l-2021 u l-2030 (COM(2021)0236), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Marzu 2021 dwar pjan ta' azzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika (COM(2021)0141), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu ''Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent" (COM(2020)0381), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta' Ottubru 2021 (1) dwarha, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu ''Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 (2) dwarha, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 (3) dwarha, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 (5), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu (6), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (7) (id-“Direttiva dwar l-Għasafar”), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta' Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (8), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta' Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati (9), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta' annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja (10), |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-22 ta' Settembru 2021 dwar linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura tal-UE, |
|
— |
wara li kkunsidra l-abbozz ta' opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-1 sat-3 ta' Diċembru 2021 dwar ekonomija blu u akkwakultura sostenibbli, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-ġejjieni tal-akkwakultura Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Istrateġija għall-2030 għas-sajd u l-akkwakultura sostenibbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU (FAO), |
|
— |
wara li kkunsidra l-evalwazzjoni interim tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni għall-akkwakultura tal-UE (11), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Speċjali 515 tal-2021 dwar id-drawwiet tal-konsumatur tal-UE fir-rigward tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, |
|
— |
wara li kkunsidra l-istudju mitlub mill-Kumitat għas-Sajd (PECH) tiegħu dwar l-impatti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-sajd u l-akkwakultura tal-UE, ippubblikat fis-7 ta' Lulju 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2018 bit-titolu “Lejn settur Ewropew tal-akkwakultura sostenibbli u kompetittiv: is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri” (12), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2008 dwar l-adozzjoni ta' “Pjan Ewropew ta' kontroll tal-istokkijiet tal-marguni” sabiex jitnaqqas l-effett dejjem jiżdied tal-marguni fuq l-istokkijiet tal-ħut, is-sajd u l-akwakultura (13), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 4, 38 u 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regola 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0215/2022), |
|
A. |
billi l-politika komuni tas-sajd tiddikjara li jenħtieġ li l-akkwakultura tikkontribwixxi għall-preservazzjoni tal-potenzjal tal-produzzjoni tal-ikel fuq bażi sostenibbli mal-Unjoni kollha biex tiggarantixxi s-sigurtà tal-ikel fit-tul, inklużi l-provvisti tal-ikel, it-tkabbir u l-impjiegi għaċ-ċittadini tal-Unjoni, u tikkontribwixxi biex tkun issodisfata d-domanda dinjija dejjem tikber għall-ikel akkwatiku; billi jenħtieġ li l-politika komuni tas-sajd tagħti attenzjoni sħiħa lis-saħħa tal-annimali, lit-trattament xieraq tal-annimali u lis-sikurezza tal-ikel u tal-għalf; billi huwa kruċjali li jitnaqqas il-piż amministrattiv u li d-dritt tal-Unjoni jiġi implimentat b'mod aktar effiċjenti li jirrispondi aktar għall-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati; |
|
B. |
billi s-setturi tal-frott tal-baħar bil-qoxra u tal-akkwakultura għandhom rwol importanti u ta' valur fl-UE minn perspettiva ekonomika, soċjali u ambjentali, u jgħinu biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja fir-reġjuni kostali, interni u ultraperiferiċi tal-UE; |
|
C. |
billi s-sigurtà tal-ikel u l-għajxien li dawn l-industriji jipprovdu huma kruċjali f'ħafna reġjuni kostali, tax-xmajjar, tal-gżejjer, interni u tal-laguni; |
|
D. |
billi l-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istrateġija għall-Bijodiversità u l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt għandhom l-għan li jiksbu Ewropa newtrali għall-karbonju sal-2050 u li jagħmlu s-sistemi tal-ikel ekwi, tajbin għas-saħħa u ekoloġiċi madwar l-Unjoni; billi l-akkwakultura tista' tipprovdi ikel tajjeb għas-saħħa b'impronta klimatika u ambjentali iżgħar minn dik tal-biedja mhux akkwatika bbażata fuq l-art; |
|
E. |
billi d-Dikjarazzjoni tal-FAO għas-Sajd u l-Akkwakultura Sostenibbli tirrikonoxxi li l-akkwakultura kienet l-industrija globali tal-produzzjoni tal-ikel li qed tikber l-aktar malajr matul l-aħħar ħames deċennji, u li hija responsabbli għall-irduppjar tal-konsum globali per capita tal-ħut mill-1960, u pprovdiet dejjem aktar ikel u għajxien lil popolazzjoni li qed tikber; |
|
F. |
billi l-linji gwida strateġiċi tal-UE għal akkwakultura tal-UE aktar sostenibbli u kompetittiva, id-Dikjarazzjoni ta' Shanghai tal-FAO ta' Settembru 2021 dwar l-akkwakultura għall-ikel u l-iżvilupp sostenibbli, u l-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Akkwatiċi tal-2021 tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali jistabbilixxu objettivi għat-trattament xieraq tal-annimali fl-akkwakultura biex jiġu appoġġjati l-produtturi u l-konsumaturi; |
|
G. |
billi l-produzzjoni tal-akkwakultura tal-UE tirrappreżenta biss 1,15 % tal-produzzjoni globali, skont l-aktar ċifri reċenti (2018) (14); |
|
H. |
billi l-istabbiliment jew l-espansjoni ta' farm tal-akkwakultura fl-UE jirrikjedu diversi liċenzji u awtorizzazzjonijiet u ġeneralment jinvolvu proċedura kumplessa u kajmana li xi drabi ma jkollhiex ċertezza tad-dritt u prevedibbiltà ekonomika; billi din is-sitwazzjoni xxekkel l-iżvilupp tas-settur, peress li tiskoraġġixxi l-investiment korporattiv u tiġġenera spejjeż eċċessivi għas-settur, filwaqt li tippromwovi l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi; |
|
I. |
billi r-rapport tal-FAO tal-2020 dwar l-istat tas-sajd u l-akkwakultura fid-dinja jindika li, globalment, il-proporzjon ta' nisa fil-forza tax-xogħol totali tal-akkwakultura (19 %) huwa akbar minn dak fis-sajd (12 %) u li, b'mod ġenerali, in-nisa għandhom rwol kruċjali fil-katina tal-valur tal-ħut u tal-akkwakultura kollha kemm hi u jipprovdu xogħol relatat kemm mal-prattiki kummerċjali ġenerali kif ukoll mal-prattiki artiġjanali; billi s-settur tal-akkwakultura b'mod ġenerali jimpjega direttament aktar minn 74 000 persuna fl-UE f'aktar minn 12 000 kumpanija (15); |
|
J. |
billi wieħed minn kull erba' prodotti tal-frott tal-baħar ikkunsmat fl-Ewropa jiġi mill-akkwakultura; billi bejn l-2018 u l-2019, il-konsum apparenti per capita ta' prodotti mrobbija żdied bi 2 %; billi meta jitqies li fl-2019, l-UE kienet 41,2 % awtosuffiċjenti fil-ħut u l-frott tal-baħar, 10 % biss tal-konsum tal-frott tal-baħar tal-UE kien ġej mill-akkwakultura tal-UE, li jammontaw għal inqas minn 2 % tal-produzzjoni globali; |
|
K. |
billi kważi 70 % tal-produzzjoni tal-akkwakultura fl-UE hija kkonċentrata f'erba' Stati Membri (Spanja, Franza, l-Italja u l-Greċja) u l-maskli, it-troti, l-awrat, il-gajdri, l-ispnott, il-karpjuni u l-gandoffli jirrappreżentaw il-maġġoranza l-kbira tal-produzzjoni; billi għad hemm ħafna potenzjal li jsir aktar tkabbir u diversifikazzjoni f'dawk li huma pajjiżi produtturi u speċijiet imrobbija; |
|
L. |
billi għalkemm kważi żewġ terzi tal-Ewropej kielu prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura d-dar mill-inqas darba fix-xahar fl-2021, din hija xejra 'l isfel meta mqabbla mal-2018; billi l-konsumaturi fl-2021 kienu maqsuma bejniethom fir-rigward tal-preferenza tagħhom ta' prodotti selvaġġi jew imrobbija, fejn madwar terz jippreferu prodotti selvaġġi, terz jippreferu prodotti mrobbija u proporzjon simili ma għandhom l-ebda preferenza; |
|
M. |
billi xi stimi inizjali jindikaw tnaqqis ta' 17 % fil-volum tal-bejgħ u tnaqqis ta' 18 % fid-dħul totali, b'impatt partikolarment aħrax fuq is-settur tal-frott tal-baħar bil-qoxra; |
|
N. |
billi l-produzzjoni tal-frott tal-baħar bil-qoxra tal-UE tikkonsisti prinċipalment f'molluski, speċifikament maskli, gajdri u gandoffli, u ġeneralment hija attività tal-akkwakultura tradizzjonali u li tirrikjedi ħafna ħaddiema mwettqa minn negozji tal-familja, li hija integrata bis-sħiħ fl-ambjent lokali; |
|
O. |
billi l-istrateġija għall-2030 għas-sajd u l-akkwakultura sostenibbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran tispeċifika li l-produzzjoni tal-akkwakultura teħtieġ tissodisfa d-domanda, tikber b'mod sostenibbli, tikkapitalizza fuq l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien u ttejjeb l-attraenza tagħha għall-investiment; billi l-istrateġija tiddikjara wkoll li l-monitoraġġ u t-tnaqqis tal-impronta ambjentali tas-settur, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima u t-tniġġis u l-iżgurar tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali huma kruċjali biex tinkiseb is-sostenibbiltà; |
|
P. |
billi r-rapport ekonomiku tal-2020 dwar is-settur tal-akkwakultura tal-UE tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd jindika li kważi 80 % tal-intrapriżi kollha tal-akkwakultura fl-UE huma mikrointrapriżi b'inqas minn 10 impjegati; |
|
Q. |
billi l-evalwazzjoni interim tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni kkonkludiet li jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu sforzi akbar biex jespandu s-settur tal-akkwakultura tal-UE, isaħħu r-reżiljenza u l-kompetittività tiegħu, u jiggarantixxu, b'mod partikolari, l-aċċess għall-ispazju u l-ilma, u qafas regolatorju u amministrattiv trasparenti u effiċjenti; |
|
R. |
billi, minkejja l-potenzjal tas-settur, l-iżvilupp tal-akkwakultura fir-reġjuni ultraperiferiċi għadu lura wisq; |
|
S. |
billi r-rapport dwar il-frakass tal-fdal tal-ħut u ż-żejt tal-ħut minn Settembru 2021 tal-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura jindika li l-biċċa l-kbira tal-frakass tal-fdal tal-ħut fl-għalf tal-akkwakultura jiġi kkunsmat fl-Asja, u li fl-2019, 34 % tal-frakass tal-fdal tal-ħut intuża fiċ-Ċina, 35 % f'pajjiżi Asjatiċi oħra u 9 % tal-frakass tal-fdal tal-ħut intuża fl-Ewropa; billi kull sena jinqabdu 20 miljun tunnellata ħut selvaġġ għal skopijiet ta' għalf mhux uman; billi hemm kompetizzjoni dejjem akbar għall-frakass tal-fdal tal-ħut fis-swieq globali tal-għalf tal-annimali bejn il-produtturi tal-akkwakultura u dawk tal-bhejjem; billi l-prezzijiet ogħla tal-għalf iżidu l-ħtieġa ta' aktar żvilupp ta' prodotti tal-għalf alternattivi kif ukoll ta' effiċjenza tal-għalf biex tiġi żgurata l-profittabbiltà għall-prodotti tal-akkwakultura ta' valur għoli; |
|
T. |
billi d-dokument tekniku tal-FAO dwar is-sajd u l-akkwakultura tad-19 ta' Frar 2019 intitolat “A third assessment of global marine fisheries discards” juri li l-qbid skartat jammonta għal total ta' 9,1 miljun tunnellata, li jirrappreżenta 10,8 % tal-qabda medja annwali bejn l-2010 u l-2014; |
|
U. |
billi r-rapport dwar l-akkwakultura organika tal-UE tal-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura minn Mejju 2017 jindika li l-produzzjoni organika tal-akkwakultura qed tiżdied b'mod sinifikanti f'xi Stati Membri, filwaqt li oħrajn għadhom fl-istadji bikrija tal-iżvilupp ta' dan il-metodu ta' produzzjoni; |
|
V. |
billi l-akkwakultura hija partikolarment sensittiva għal avvenimenti estremi tat-temp fis-sodod tax-xmajjar u fiż-żoni kostali li kulma jmur qed iseħħu aktar spiss minħabba t-tisħin globali, inklużi n-nixfiet, l-għargħar, il-maltempati u l-mewġ, li jikkawżaw ħsara serja lill-infrastrutturi tal-akkwakultura u lill-ispeċijiet ikkultivati; |
|
W. |
billi d-Direttiva 2014/89/UE dwar l-ippjanar tal-ispazju marittimu titlob li l-Istati Membri kostali kollha jippreżentaw pjanijiet tal-ispazju marittimu nazzjonali lill-Kummissjoni “malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2021”; |
|
X. |
billi r-reġjuni ultraperiferiċi huma partikolarment esposti għal klimi instabbli u avvenimenti severi tat-temp, li jistgħu jipperikolaw il-potenzjal tas-settur f'dawk ir-reġjuni; |
|
Y. |
billi l-popolazzjoni tal-marguni rat żieda enormi; billi din iż-żieda qed tikkawża ħsara serja lil ħafna setturi tal-baħar, inkluża l-akkwakultura; |
|
Z. |
billi fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-adozzjoni ta' pjan Ewropew ta' kontroll tal-istokkijiet tal-marguni sabiex jitnaqqas l-effett dejjem jiżdied tal-marguni fuq l-istokkijiet tal-ħut, is-sajd u l-akwakultura, adottata 13-il sena ilu, il-Parlament ippropona diversi azzjonijiet possibbli biex jiġu solvuti l-problemi li l-marguni qed ikomplu joħolqu; |
|
AA. |
billi r-rapport fuq inizjattiva proprja intitolat “Lejn settur Ewropew tal-akkwakultura sostenibbli u kompetittiv: status attwali u sfidi futuri” jenfasizza l-importanza, fost ħafna azzjonijiet oħra, li jiġi minimizzat l-impatt dejjem akbar tal-marguni fuq l-akkwakultura; |
|
AB. |
billi huwa disponibbli kumpens finanzjarju għall-operaturi tal-akkwakultura u tas-sajd għat-telf li jirriżulta mill-interazzjoni tal-marguni mas-sajd; |
|
AC. |
billi s-settur kollu tal-akkwakultura fl-Ewropa se jkollu jġorr il-piż taż-żieda fl-ispejjeż tal-elettriku u tal-gass, b'perspettiva saħansitra agħar minħabba ż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni u l-inċertezza tal-kummerċjalizzazzjoni kkawżata wkoll mill-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19; |
|
AD. |
billi l-produtturi l-kbar tal-ħut u tal-prodotti tal-ħut fiż-żona tal-viċinat tal-UE qed jippjanaw li sal-2030 jirduppjaw il-produzzjoni tal-akkwakultura tagħhom meta mqabbla mal-livelli tal-2020, ħaġa li tista' żżid il-pressjoni fuq il-produzzjoni tal-UE; |
|
AE. |
billi mhux l-Istati Membri kollha qed jagħtu kunsiderazzjoni biżżejjed lill-potenzjal tal-iżvilupp tal-akkwakultura jew l-effetti soċjoekonomiċi u ambjentali potenzjali tiegħu; |
|
AF. |
billi l-konsum annwali tal-prodotti tal-ħut per capita fl-UE jvarja ħafna, minn madwar 6 kg għal madwar 60 kg; billi d-domanda għall-prodotti tal-akkwakultura fl-UE tista' għalhekk tiżdied fil-futur prevedibbli; |
|
AG. |
billi ħafna intrapriżi qed isibuha diffiċli li jżommu s-sehem mis-suq tagħhom, kemm domestikament kif ukoll barra mill-pajjiż; |
|
AH. |
billi, skont l-aktar data reċenti mill-Eurostat u l-FAO, fl-2019 madwar 76 % tal-ħut ikkunsmat fl-UE kien selvaġġ u 24 % kien imrobbi; |
|
AI. |
billi hemm biss 62 prodott b'indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) irreġistrati fil-klassi 1.7.— Ħut frisk, molluski u krustaċji u prodotti derivati minnhom, minn total ta' 1 382 prodott b'IĠP; billi bħalissa għaddejjin proċeduri ta' protezzjoni għal 14-il prodott ieħor; billi r-reġistru tal-ikel tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti (STG) fih biss erba' prodotti f'dik il-klassi; billi xi wħud mir-reġistrazzjonijiet li rnexxew kienu għall-prodotti tal-akkwakultura; |
|
AJ. |
billi l-fondi tal-UE għas-sajd (il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES), il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA)) ipprovdew appoġġ finanzjarju lis-settur tal-akkwakultura tal-UE; |
|
AK. |
billi l-individwi li jaħarbu mill-farms tal-akkwakultura jistgħu jikkawżaw alterazzjonijiet ġenetiċi fil-popolazzjonijiet selvaġġi; |
Il-kontribut tal-akkwakultura għall-Patt Ekoloġiku Ewropew
|
1. |
Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida strateġiċi għal akkwakultura tal-UE aktar sostenibbli u kompetittiva għall-perjodu mill-2021 sal-2030; iqis li dawn il-linji gwida huma komprensivi, sodi u xierqa għall-iskop tal-promozzjoni ta' akkwakultura tal-UE sostenibbli u kompetittiva b'enfasi fit-tul fuq is-sostenibbiltà tas-settur tal-akkwakultura u fuq il-kontribut tiegħu għall-Patt Ekoloġiku Ewropew; jiddispjaċih, madankollu, għall-fatt li dawn huma ffukati ħafna fuq aspetti ambjentali u li jeħtieġu aktar ambizzjoni biex jagħtu spinta lill-produzzjoni sostenibbli u l-iżvilupp ta' settur tal-akkwakultura tal-UE ġenwinament b'saħħtu u kompetittiv; iqis li huwa importanti li jiġu stabbiliti objettivi kwantitattivi għat-tkabbir ta' dan is-settur fil-qafas tal-linji gwida, l-istess bħalma l-istrateġija għall-bijodiversità, l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u strateġiji oħra tal-Patt Ekoloġiku jistabbilixxu miri ambjentali; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kunsill Konsultattiv għall-Akkwakultura jimplimentaw l-azzjonijiet rakkomandati fil-linji gwida; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja regolarment il-konformità ma' dawn ir-rakkomandazzjonijiet u żżomm lill-Parlament infurmat; |
|
2. |
Jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jimplimentaw il-linji gwida b'mod xieraq u kkoordinat sabiex jilħqu l-objettivi tagħhom; jirrimarka l-importanza tar-rwol tal-Kummissjoni fl-assistenza u l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni fost l-Istati Membri biex tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-akkwakulturist tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi kontinwament l-implimentazzjoni ta' dawn il-linji gwida u atti legali oħra li jaffettwaw l-akkwakultura bħar-Regolament dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi (16) u jekk ikun xieraq tippreżenta emendi għal dan ir-regolament, u potenzjalment oħrajn, bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-ostakli li jxekklu t-twettiq tal-objettivi tal-UE dwar il-produzzjoni organika, bħal dawk stabbiliti fl-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”; |
|
3. |
Jenfasizza l-potenzjal tal-kontributi tas-settur tal-akkwakultura biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati s-sostenibbiltà u r-reżiljenza fit-tul tas-settur, b'mod partikolari fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19; iqis li t-tranżizzjoni għal sistema tal-ikel sostenibbli fl-Ewropa jeħtieġ li tieħu vantaġġ mill-potenzjal mhux sfruttat li hemm fis-settur tal-akkwakultura peress li jista' jaqdi parti importanti u saħansitra akbar fl-ekonomija ċirkolari u bħala kontributur nett għat-trasformazzjoni tan-nutrijenti eċċessivi fi proteini ta' kwalità għolja; |
|
4. |
Jissottolinja li l-akkwakultura tal-UE tissodisfa standards għolja f'dawk li huma kwalità tal-prodotti u saħħa tal-annimali, iżda li għad hemm marġni għal titjib f'dawk li huma diversifikazzjoni, kompetittività u prestazzjoni ambjentali; jinnota li l-akkwakultura b'impatt baxx (bħall-akkwakultura b'livelli trofiċi baxxi, multitrofika u organika), u s-servizzi ambjentali mill-akkwakultura jistgħu, jekk jiġu żviluppati aktar, jikkontribwixxu ħafna għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, għall-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u għal ekonomija blu sostenibbli (17); |
|
5. |
Jindika li l-akkwakultura mistennija tikkontribwixxi għall-provvista tal-ikel u għas-sigurtà tal-ikel billi tibbilanċja mill-ġdid il-lakuna li hemm fejn jidħol il-ħut, peress li l-UE timporta 70 % tal-ikel akkwatiku kollu li tikkonsma u dan jikkawża defiċit kummerċjali annwali ta' EUR 21 biljun (fl-2019); iqis li l-akkwakultura għandha potenzjal ta' żvillupp u tkabbir imdaqqas li jeħtieġ li jissaħħaħ filwaqt li ma jinqabżux il-limiti ekoloġiċi, sabiex tkun tista' tipprovdi prodotti tal-ikel sostenibbli u ta' kwalità, tnaqqas id-dipendenza tagħna fuq l-importazzjonijiet tal-ikel akkwatiku u toħloq aktar impjiegi, u opportunitajiet soċjoekonomiċi oħra, speċjalment fir-reġjuni kostali iżda wkoll fiż-żoni rurali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu qafas legali robust, affidabbli, prevedibbli, simplifikat u favorevoli għan-negozju, u jagħmlu użu sħiħ mir-riżorsi ta' finanzjament disponibbli tal-FEMSA, peress li dan huwa l-istrument ta' finanzjament speċifikament iddedikat għall-objettivi tal-ġestjoni tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw biżżejjed finanzjament taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jappoġġjaw l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tas-settur tal-akkwakultura tal-UE; |
|
6. |
Jissottolinja li l-akkwakultura ġiet żviluppata bħala ħtieġa soċjali biex tipprovdi provvista kostanti ta' ikel akkwatiku frisk fi staġuni u reġjuni fejn is-sajd għall-ħut selvaġġ naqas milli jwettaqha, u b'hekk tissodisfa wieħed mill-aktar rwoli importanti għas-soċjetà: il-forniment ta' ikel frisk tajjeb għas-saħħa prinċipalment għas-suq lokali jew reġjonali; jenfasizza għalhekk li l-espansjoni tal-akkwakultura fl-Ewropa hija marbuta b'mod qawwi mal-prattiki kulturali tradizzjonali, li ftit jew wisq huma speċifiċi għall-parti partikolari tagħhom tal-kontinent; |
|
7. |
Jirrimarka l-importanza ta' data u statistika preċiżi għall-prodotti tal-akkwakultura, speċjalment fir-rigward tal-konsum, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, sabiex jiġi żgurat li qed nilħqu l-miri u l-objettivi li qed nistabbilixxu għas-settur; jitlob li aktar data ssir disponibbli u aċċessibbli f'dan ir-rigward; |
|
8. |
Jirrimarka li l-iżbilanċ fil-kummerċ estern tal-prodotti akkwatiċi prodotti fl-Unjoni Ewropea mhuwiex aċċettabbli, la mil-lat ekonomiku, minħabba d-defiċit kummerċjali li jimplika, u lanqas mil-lat soċjali, minħabba li qed jintilfu l-opportunitajiet ta' impjieg. |
|
9. |
Jenfasizza li l-progress lejn l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew irid ikun allinjat mal-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel ta' pajjiżi terzi; |
|
10. |
Jappoġġja l-istabbiliment tal-mekkaniżmu l-ġdid tal-UE għall-assistenza fl-akkwakultura bħala għodda innovattiva biex tgħin lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali, lill-industrija u lil partijiet ikkonċernati oħra jiżviluppaw gwida ulterjuri u jikkonsolidaw l-aħjar prattiki f'oqsma rilevanti differenti; iqis li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż il-Parlament, għandhom ikunu involuti fil-ħolqien ta' dan il-mekkaniżmu, b'mod partikolari l-membri kollha tal-Kunsill Konsultattiv għall-Akkwakultura, f'konformità mal-Artikolu 11 tat-TUE li jirrikonoxxi d-demokrazija parteċipattiva bħala prinċipju demokratiku fundamentali; jappella għall-ħolqien ta' djalogu sinifikattiv mas-soċjetà ċivili; |
|
11. |
Jisħaq li l-potenzjal tat-tkabbir tas-settur tal-akkwakultura tal-UE jeħtieġ li jiġi żviluppat b'mod sostenibbli, filwaqt li jitqiesu t-tliet pilastri kollha tas-sostenibbiltà – ekonomika, soċjali u ambjentali; jirrimarka l-ħtieġa li jkun hemm settur attraenti u orjentat lejn is-suq, anke għall-pixxikulturi ġodda, b'qafas legali biex jattira l-investimenti kummerċjali, joħloq u jżomm kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, u jipproteġi l-ambjent billi juża sorsi tal-għalf sostenibbli u jtejjeb is-saħħa akkwatika, it-trattament xieraq tal-annimali u l-bijosigurtà, kif ukoll inaqqas l-użu tal-antimikrobiċi skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, jinkoraġġixxi prattiki responsabbli u prudenti, f'konformità mal-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”; |
|
12. |
Iqis li s-settur tal-akkwakultura kapaċi jipprovdi kontribut konsistenti għas-servizzi tal-ekosistema għas-soċjetà, u li l-akkwakultura tal-għadajjar, il-kultivazzjoni tal-algi u t-trobbija tal-frott tal-baħar bil-qoxra jistgħu jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; jenfasizza, madankollu, li s-sekwestru tal-karbonju permezz tal-kultivazzjoni tal-algi u t-trobbija tal-frott tal-baħar bil-qoxra huwa limitat skont il-metodu ta' produzzjoni u l-użu meta l-prodott jinħasad; jappoġġja l-azzjonijiet proposti dwar it-tibdil fil-klima iżda jenfasizza l-ħtieġa ta' metodoloġija komuni biex titkejjel l-impronta tal-karbonju tal-farms tal-akkwakultura individwali u jitlob li ssir valutazzjoni tal-impatt għall-miżuri proposti kollha inkluż l-impatt tagħhom fuq is-setturi tal-akkwakultura individwali; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu ktajjen tal-provvista qosra effiċjenti, fejn xieraq, bil-ħsieb li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; |
|
13. |
Jemmen li huwa meħtieġ investiment fuq skala kbira permezz ta' miżuri ta' mitigazzjoni u ta' adattament biex jiġi prevenut u jitnaqqas l-impatt tal-katastrofi u tal-avvenimenti estremi tat-temp minn fuq is-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, bil-ħsieb li jissaħħu l-ekosistemi akkwatiċi produttivi u reżiljenti u jinżammu l-benefiċċji għall-konsumaturi u għat-trattament xieraq tal-annimali; |
|
14. |
Jindika li l-implimentazzjoni tal-linji gwida strateġiċi għandha tagħti aktar attenzjoni lill-intrapriżi mikro u żgħar tal-akkwakultura u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom; |
|
15. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja l-istabbiliment ta' korsijiet ta' taħriġ vokazzjonali għas-settur tal-akkwakultura billi tipprovdi riżorsi tekniċi u finanzjarji, sabiex tattira liż-żgħażagħ u tippermetti lis-sajjieda jitħarrġu mill-ġdid, u dan se jgħin biex jinħolqu l-impjiegi fir-reġjuni kostali u tal-gżejjer li tradizzjonalment huma aktar dipendenti mill-attivitajiet tas-sajd; |
|
16. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw, jinkoraġġixxu u jipprovdu appoġġ adegwat għal akkwakultura ekoloġika, bħall-akkwakultura organika, l-akkwakultura b'sistema magħluqa, il-kultivazzjoni tal-algi, it-trobbija tal-frott tal-baħar bil-qoxra, it-trobbija tal-ħut tal-għadajjar u sistemi integrati ta' akkwakultura multitrofika u akkwaponika; |
|
17. |
Huwa tal-fehma li għandu jingħata appoġġ għall-iżvilupp ta' sistemi akkwaponiċi, li huma sistemi ta' produzzjoni magħluqa fuq l-art li jikkombinaw il-produzzjoni tal-akkwakultura mal-produzzjoni tal-għelejjel, fejn dawn tal-aħħar jużaw il-materja organika fl-ilma, u b'hekk jitnaqqsu l-effetti tat-tniġġis ikkawżat mill-materja organika żejda; |
|
18. |
Iqis li l-akkwakultura tal-ilma ħelu hija importanti ħafna f'ħafna reġjuni rurali tal-Ewropa, u tipprovdi mhux biss ikel u impjiegi ta' kwalità għolja iżda wkoll servizzi tal-ekosistema interessanti; jistieden lill-Kummissjoni biex tiġġeneralizza l-użu tat-terminu “ikel akkwatiku” li huwa espressjoni aktar komprensiva u inklużiva u biex ma tinsiex lill-bdiewa tal-ilma ħelu; |
|
19. |
Jirrimarka li għall-akkwakultura tal-ilma ħelu b'mod partikolari, il-predaturi u n-nixfa wkoll joħolqu sfida, riflessa fil-kwantità, id-daqs u l-kwalità tal-ħut imrobbi, u fl-aħħar mill-aħħar għandhom impatt negattiv fuq il-profittabbiltà tas-settur; |
|
20. |
Jerġa' jsostni l-ħtieġa ta' sistema ta' traċċabbiltà tal-ikel fl-UE li ttejjeb is-sostenibbiltà tas-settur tal-akkwakultura u twieġeb għad-domandi tal-konsumatur billi tipprovdi informazzjoni dwar fejn, meta, kif u liema ħut jew ikel akkwatiku jkun ġie mrobbi, primarjament biex tittejjeb is-sikurezza alimentari iżda wkoll biex ikunu jistgħu jsiru kontrolli tul il-katina kemm tal-prodotti tal-UE kif ukoll tal-importazzjonijiet minn barra l-UE u biex tiġi miġġielda l-frodi; jemmen li din is-sistema għandha tinvolvi lill-atturi kollha fil-katina tal-valur, sabiex ikunu jistgħu jikkollaboraw ma' xulxin bl-użu ta' sistemi diġitali, intelliġenza artifiċjali u innovazzjonijiet teknoloġiċi oħra; |
|
21. |
Jenfasizza l-valur li l-konsumaturi Ewropej jagħtu lid-denominazzjonijiet ta' kwalità, inklużi kemm id-denominazzjonijiet ta' oriġini kif ukoll l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-użu tagħhom fil-prodotti tal-akkwakultura li joffru l-kwalitajiet meħtieġa u jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Ewropew dwar il-kwalità, pereżempju d-DOP Mexillón de Galicia; |
|
22. |
Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġja mudelli ta' negozju ekoloġiku, bħal dawk ibbażati fuq is-sekwestru tal-karbonju, sabiex il-ktajjen tal-provvista jsiru aktar sostenibbli; jisħaq, f'dan ir-rigward, li ċerti prattiki tal-akkwakultura, bħat-trobbija tal-maskli jew tal-gajdri u l-polikultura tal-għadajjar, jistgħu jkunu mudelli ta' suċċess għas-sistemi futuri tal-krediti tat-tnaqqis ta' emissjonijiet tal-karbonju, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-klima; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw dan it-tip ta' negozju ekoloġiku fid-dawl tal-objettivi tal-istrateġija; |
|
23. |
Jenfasizza l-importanza li jiġu applikati standards u interventi bbażati fuq l-evidenza biex jittejjeb it-trattament xieraq tal-ħut waqt it-trobbija, it-trasport u t-tbiċċir, inkluża iż-żamma tal-kwalità tal-ilma fil-limiti rilevanti għat-trattament xieraq u għall-ambjent, bħala mod kif jitnaqqsu l-prevalenza u t-tixrid tal-mard u tkompli titnaqqas il-ħtieġa tal-użu tal-antibijotiċi, li fi kwalunkwe każ għandha tkompli titnaqqas aktar; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-metodi tat-tagħlif sabiex jiġu kkontrollati l-livelli ta' materja organika, kemm jekk f'ċirkwiti miftuħa kemm jekk magħluqa, bil-għan li l-prattiki ambjentali tajba jinżammu u jittejbu; jenfasizza l-importanza li l-metodi tat-trobbija jkomplu jittejbu f'konformità mal-għarfien xjentifiku l-aktar aġġornat disponibbli sabiex jinkiseb trattament xieraq tal-annimali li jikkontribwixxi għal riżultati ambjentali aħjar, reżiljenza kontra t-tibdil fil-klima u l-ottimizzazzjoni tal-użu tar-riżorsi; |
|
24. |
Itenni li diversi rakkomandazzjonijiet dwar it-trattament xieraq tal-annimali ma japplikawx għas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura minħabba n-natura tagħhom; |
|
25. |
Jistieden lill-Istati Membri jkomplu jinkoraġġixxu l-promozzjoni tal-kultivazzjoni tal-algi u jiffaċilitaw l-użu u l-iżvilupp tal-algi bħala ikel u għalf, inkluż billi jippermettu proċessi ta' awtorizzazzjoni aktar faċli, mingħajr ma jittraskuraw speċijiet oħra mrobbija fl-akkwakultura; jenfasizza li hemm potenzjal mhux sfruttat fil-kultivazzjoni tal-algi għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda u l-forniment ta' servizzi tal-ekosistema u ta' ikel u għalf aktar ekoloġiċi; iqis li ġestjoni aħjar tal-popolazzjonijiet tal-algi tista' sa ċertu punt tkun mod effettiv, minbarra l-kultivazzjoni tagħha, biex tista' tiġi miġġielda l-ewtrofikazzjoni u jitneħħew n-nitroġenu u l-fosforu żejda mill-ilma, kif ukoll il-karbonju żejjed jekk l-algi jibqgħu fl-ilma u jitħallew jiddepożitaw ruħhom fuq qiegħ il-baħar; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta inizjattiva speċifika biex tappoġġja l-konsum tal-algi fl-UE; jirrimarka li l-protezzjoni aħjar tal-popolazzjonijiet tal-algi tista' tipprovdi servizzi tal-ekosistema, taġixxi bħala bir tal-karbonju u tikkontribwixxi għat-titjib tal-bijodiversità; |
|
26. |
Jilqa' r-rwol tan-nisa fil-ktajjen tal-valur tal-akkwakultura u għaldaqstant iħeġġeġ li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u li l-prinċipju tal-paga ugwali għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali jiġi rispettat; iqis ukoll li l-viżibbiltà u r-rappreżentanza tagħhom fl-istrutturi u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandhom jissaħħu; |
L-ostakli ewlenin għall-akkwakultura fl-Unjoni u s-soluzzjonijiet possibbli
|
27. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-pjanijiet nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura jqisu l-ostakli ewlenin għall-iżvilupp tal-potenzjal tas-settur u jirrikonoxxu l-ħtieġa li jiġi allokat spazju lill-akkwakultura permezz ta' ppjanar tal-ispazju xieraq; jenfasizza l-importanza ta' mekkaniżmu trasparenti u parteċipattiv, f'konformità mad-Direttiva 2014/89/UE dwar l-ippjanar tal-ispazju marittimu, għall-allokazzjoni tal-ispazju, inkluż għall-postijiet tas-sajd u għall-farms tal-akkwakultura – dawk eżistenti u dawk ġodda – u għaż-żoni marini protetti kif ukoll għaż-żoni ristretta għas-sajd, lill-partijiet ikkonċernati kollha b'mod ekwu; jiddispjaċih li xi Stati Membri għad iridu jippreżentaw lill-Kummissjoni l-pjanijiet tal-ispazji marittimi nazzjonali tagħhom, minkejja l-iskadenza stabbilita fid-Direttiva, u jħeġġiġhom jippreżentaw il-pjanijiet tagħhom malajr kemm jista' jkun; |
|
28. |
Jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal kampanji ta' promozzjoni biex tinkoraġġixxi l-konsum tal-prodotti tal-akkwakultura tal-UE u tenfasizza l-akkwakultura tal-UE u tkompli tappoġġja l-iżvilupp sostenibbli tagħha; jenfasizza l-ħtieġa f'dan ir-rigward ta' informazzjoni għall-konsumaturi li tkun komprensiva u faċli biex tiġi aċċessata inkluż dwar dieti tajbin għas-saħħa, benefiċċji ambjentali u parametri oħra ta' sostenibbiltà bħall-impatt fuq il-klima; |
|
29. |
Iqis li s-siti ta' produzzjoni tal-akkwakultura ppjanati u stabbiliti fl-ilma miftuħ m'għandhomx jikkoinċidu jew ikunu f'kunflitt maż-żoni tas-sajd; iqis, barra minn hekk, li s-settur tas-sajd u l-operaturi u r-rappreżentanti tiegħu għandhom ikunu involuti bis-sħiħ f'dan il-proċess; |
|
30. |
Jirrimarka li l-produzzjoni tal-akkwakultura tal-UE għadha kkonċentrata ħafna f'dawk li huma kemm Stati Membri kif ukoll speċijiet imrobbija, u għalhekk hemm potenzjal sinifikanti ta' diversifikazzjoni; |
|
31. |
Jirrimarka li l-ippjanar tal-ispazju huwa wieħed mill-għodod ewlenin biex jinħolqu l-prekundizzjonijiet għall-iżvilupp fit-tul tal-akkwakultura u għandu jiżgura siti xierqa tal-ippjanar għall-akkwakultura, b'kont meħud tal-attivitajiet l-oħra fiż-żoni kkonċernati; |
|
32. |
Jisħaq li l-iżvilupp tal-akkwakultura jirrikjedi qafas legali solidu, affidabbli, ċar u, mil-lat amministrattiv, sempliċi, għall-użu tal-ispazju u l-liċenzji li jipprovdi fiduċja u sigurtà għall-investiment fis-settur; jisħaq li l-ippjanar tal-ispazju għandu jirriżulta fi pjan effettiv u flessibbli li jqis l-ambjenti tal-baħar u tal-ilma ħelu li dejjem qed jinbidlu, li fihom tiffunzjona l-akkwakultura, u li żoni restrittivi żżejjed jistgħu jiskoraġġixxu l-investiment u l-iżvilupp; |
|
33. |
Jenfasizza l-importanza taċ-ċertezza tad-dritt u l-prevedibbiltà tal-investiment għat-tkabbir sostenibbli tas-settur tal-akkwakultura tal-Unjoni; jenfasizza li l-miżuri kollha adottati mid-diversi awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri jridu jgħinu biex jiġu ssimplifikati l-iskadenzi u l-proċeduri amministrattivi, sabiex l-amministrazzjonijiet pubbliċi jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħhom, isolvu l-kwistjonijiet fil-ħin u jevitaw id-dewmien bla bżonn fil-proċeduri tal-awtorizzazzjoni jew tal-liċenzjar; jirrifjuta azzjoni retroattiva li tnaqqas il-perjodu tal-validità tal-liċenzji jew l-estensjonijiet, u jistieden lill-Istati Membri jissalvagwardjaw il-fiduċja u l-aspettattivi leġittimi tad-detenturi tal-liċenzji; |
|
34. |
Jirrimarka li, f'dawk li huma liċenzjar u ppjanar, il-kumplessità u d-dewmien burokratiċi eżistenti jirriżultaw fi spejjeż addizzjonali għall-investituri potenzjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw proċeduri ta' liċenzjar ċari u trasparenti sabiex jinkoraġġixxu lill-investituri; |
|
35. |
Jisħaq li l-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni għandu jiġi implimentat aktar biex tinkiseb koordinazzjoni mal-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali li għandhom kompetenzi fis-settur tal-akkwakultura; iqis li din il-koordinazzjoni hija meħtieġa ħafna għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u għall-għoti ta' gwida dwar il-qafas regolatorju applikabbli għas-settur; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż biex tipprovdi lill-Istati Membri gwida dwar l-iżvilupp tal-akkwakultura tal-UE; |
|
36. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw koordinazzjoni aħjar fir-rigward tal-kompetenzi kondiviżi tal-UE, u koordinazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali; |
|
37. |
Jisħaq fuq l-importanza ta' ingredjenti tal-għalf sostenibbli għall-akkwakultura fl-Unjoni; iqis li l-akkwakultura tista' timla l-lakuna li hemm fejn jidħol il-ħut jekk l-ispeċijiet kollha mrobbija jipprovdu gwadann nett fil-proteina tal-ħut, li jfisser li l-akkwakultura ma tneħħix aktar ħut selvaġġ mill-oċeani u minn korpi tal-ilma oħra għall-ħtiġijiet tal-għalf milli tipproduċi; jenfasizza li globalment, sehem kbir tal-ħut użat għall-produzzjoni ta' frakass tal-fdal tal-ħut u żejt tal-ħut jinqabad fiż-żoni ekonomiċi esklussivi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi l-proteini u ż-żjut tal-baħar ekoloġikament sostenibbli biex jintużaw bħala għalf fis-sura ta' prodotti sekondarji u fdalijiet, proteini oħra u soluzzjonijiet innovattivi, bħall-insetti mitħuna u l-mikroalgi, u s-sostituzzjoni parzjali tal-proteini u ż-żjut tal-baħar b'alternattivi mhux tal-baħar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu fir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jippromwovu tranżizzjoni lejn sorsi sostenibbli u ġodda ta' proteini u jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta jekk humiex meħtieġa xi bidliet leġiżlattivi f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu prattiki responsabbli u sostenibbli u jżidu fl-għalf il-perċentwal ta' frakass tal-fdal tal-ħut u ta' żejt tal-ħut iċċertifikati b'mod indipendenti, b'ċertifikazzjoni mwettqa minn skemi taċ-ċertifikazzjoni ambjentali u soċjali kredibbli u indipendenti li jużaw kriterji ta' valutazzjoni tal-indiċi trofiku baxx u l-kodiċi ta' kondotta tal-FAO; |
|
38. |
Jirrikonoxxi l-fatt li bħalissa mhuwiex possibbli li jiġu pprovduti biżżejjed frakass tal-fdal tal-ħut u żejt tal-ħut lill-akkwakultura sempliċement bil-qbid skartat u l-prodotti sekondarji mill-industrija tas-sajd, parzjalment minħabba ż-żieda fid-domanda fis-suq tal-frakass tal-fdal tal-ħut; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw produzzjoni sostenibbli tal-frakass tal-fdal tal-ħut u taż-żejt tal-ħutu u b'mod konġunt iżidu l-isforzi fir-riċerka u l-innovazzjoni biex isolvu l-problema taż-żieda fid-domanda fis-suq tal-frakass tal-fdal tal-ħut billi jiżviluppaw alternattivi sostenibbli; |
|
39. |
Jinsab imħasseb dwar l-għadd dejjem jikber ta' fabbriki tal-frakass tal-fdal tal-ħut u taż-żejt tal-ħut tul il-kosta tal-Afrika tal-Punent, ġestiti prinċipalment minn kumpaniji Ċiniżi li l-produzzjoni mhux sostenibbli tagħhom qed tikkawża problemi eżistenzjali għas-sajd reġjonali u mhux industrijali, u jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiżgura li ma jintuża l-ebda għalf minn tali produzzjoni fil-faċilitajiet tal-akkwakultura fl-UE; |
|
40. |
Jistieden lill-Kummissjoni tuża sistemi diġitali u l-intelliġenza artifiċjali biex ittejjeb it-traċċabbiltà u s-sostenibbiltà tal-prodotti tal-akkwakultura u testendi t-traċċabbiltà għall-għalf użat; |
|
41. |
Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza li jsiru kampanji ta' komunikazzjoni madwar l-UE kollha dwar l-akkwakultura sostenibbli tal-UE u l-importanza tal-produzzjoni b'fondi taħt ġestjoni diretta f'konformità mal-objettivi tal-linji gwida strateġiċi; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinkludu l-organizzazzjoni ta' kampanji ta' informazzjoni u komunikazzjoni fil-programmi operazzjonali kollha, f'konformità mal-objettivi tal-linji gwida strateġiċi, dwar sottosetturi speċifiċi tal-akkwakultura sostenibbli tal-UE; |
|
42. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi programmi fl-ambitu tal-politika ta' promozzjoni agrikola tal-UE li permezz tagħhom il-prodotti tal-akkwakultura jistgħu jiġu promossi b'mod speċifiku u individwali; jisħaq fuq l-importanza li jsir użu mir-rieżami attwali tal-politika ta' promozzjoni agrikola biex tiġi ppożizzjonata aħjar il-promozzjoni tal-prodotti tal-akkwakultura sostenibbli u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-politika ta' promozzjoni agrikola biex tappoġġja s-setturi u l-operaturi li b'mod inerenti jikkontribwixxu għall-ilħiq tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku jew imexxu t-tranżizzjoni lejhom; |
|
43. |
Jilqa' l-kwalità tal-ħidma mwettqa mill-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura (EUMOFA); jistieden lill-Kummissjoni tagħti finanzjament immirat addizzjonali lill-EUMOFA biex ir-rapporti tal-Osservatorju jiġu tradotti għal-lingwi uffiċjali kollha tal-UE peress li spiss ikunu disponibbli biss b'lingwa uffiċjali waħda jew b'mhux aktar minn ħames lingwi uffiċjali tal-UE; jemmen li tali informazzjoni se tgħin lis-settur tal-akkwakultura jikseb informazzjoni aġġornata u ta' kwalità għolja biex itejjeb il-prestazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu; |
|
44. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu b'mod sostanzjali l-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-akkwakultura (kemm tal-baħar u kemm tal-ilma ħelu), speċjalment f'oqsma ta' għarfien ġodda bħall-istudju tal-mikrobijoma jew il-monitoraġġ xjentifiku tas-servizzi ambjentali tal-akkwakultura; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu jew iżidu l-finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur tal-akkwakultura, u jsaħħu t-trasferiment tal-għarfien xjentifiku lis-settur u lil partijiet ikkonċernati oħra; |
|
45. |
Jistieden lill-Istati Membri u lill-amministrazzjonijiet tagħhom jiżguraw li l-potenzjal tal-iskemi tal-kwalità tal-prodotti agrikoli u tal-ikel jintuża b'mod aktar wiesa' għall-prodotti tal-akkwakultura; ifakkar fil-possibbiltà li jiġu stabbiliti skemi tal-kwalità fil-livell reġjonali jew f'dak nazzjonali, li jistgħu jgħinu lill-produtturi jtejbu l-viżibbiltà tagħhom u b'hekk il-prestazzjoni u l-introjtu tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom; |
|
46. |
Jissottolinja li l-għarfien u l-innovazzjoni (inkluż l-użu tat-teknoloġija diġitali) huma kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi l-oħra stabbiliti għas-settur tal-akkwakultura tal-UE u li Orizzont Ewropa, il-programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, joffri opportunità sinifikanti biex isir pass 'il quddiem f'dan il-qasam; |
|
47. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb u tiġbor informazzjoni dwar il-potenzjal tas-settur tal-akkwakultura fir-reġjuni ultraperiferiċi permezz ta' studji dwar il-vijabbiltà u feedback, u tipprovdi appoġġ speċifiku għan-negozji ġodda li jixtiequ jaħdmu f'dan is-settur f'dawk ir-reġjuni; |
|
48. |
Jesprimi l-appoġġ l-aktar qawwi tiegħu għall-innovazzjoni u l-avvanzi fit-tnissil ta' speċijiet ġodda tal-akkwakultura; |
|
49. |
Jieħu nota tal-fatt li settur tal-akkwakultura innovattiv jitlob ukoll l-iżvilupp ta' ħiliet xierqa miksuba permezz tal-promozzjoni ta' kurrikuli u għarfien speċjalizzati dwar l-akkwakultura (eż. studji veterinarji speċjalizzati fuq il-ħut u taħriġ dwar is-saħħa tal-ħut għall-operaturi tal-akkwakultura), kif ukoll taħriġ tul il-ħajja għall-pixxikulturi dwar approċċi innovattivi għas-settur tal-akkwakultura; |
|
50. |
Jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem aktar biex toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-akkwakultura tal-UE fil-konfront tal-produtturi ta' pajjiżi terzi permezz tar-reviżjoni tal-ftehimiet kummerċjali internazzjonali u l-iffirmar possibbli ta' oħrajn ġodda fil-futur, fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' prodotti li ma għandhomx l-istess aċċess għas-suq, sostenibbiltà ambjentali u soċjali, jew standards tat-trattament xieraq tal-ħut bħal dawk prodotti fl-UE, inkluż billi jiġu aġġornati r-regoli għall-implimentazzjoni aħjar tat-tikkettar tal-ikel akkwatiku; iqis li, f'każijiet speċifiċi bħat-tikkettar tal-kavjar, il-qafas legali dwar l-informazzjoni għall-konsumaturi għandu jiġi rivedut; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza, permezz ta' valutazzjoni tal-impatt, l-inklużjoni ta' setturi tal-akkwakultura sostenibbli fil-Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri tal-UE sabiex jinħolqu inċentivi għall-industriji Ewropej u għas-sħab kummerċjali tal-UE biex jiddekarbonizzaw l-industriji tagħhom favur l-implimentazzjoni ta' miżuri li se jgħinu b'mod pożittiv biex jitnaqqsu l-gassijiet serra bil-għan li tintlaħaq il-mira ta' emissjonijiet żero netti, u b'hekk jappoġġjaw kemm lill-politiki tal-UE kif ukoll dawk globali dwar il-klima lejn emissjonijiet ta' gassijiet serra żero netti, u fl-istess ħin, mingħajr ma jkunu diskriminatorji jew jikkostitwixxu xi restrizzjoni mistura fuq il-kummerċ internazzjonali; |
|
51. |
Ifakkar fl-opportunitajiet biex is-settur iżid il-kummerċ tal-prodotti tal-akkwakultura, speċjalment fil-pajjiżi u r-reġjuni fejn il-konsum ta' dawn il-prodotti huwa baxx; |
|
52. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-għarfien xjentifiku dwar it-trattament xieraq tal-ħut, jippromwovu l-aħjar prattiki tal-akkwakultura dwar il-benesseri tal-ħut u jippromwovu l-ħolqien ta' ċentri ta' referenza tal-UE għat-trattament xieraq tal-ħut; jenfasizza li l-prattiki tajba ta' trattament xieraq tal-annimali huma l-aħjar pass preventiv biex titnaqqas il-ħtieġa ta' mediċini u biex jiġu żgurati s-saħħa u t-trattament xieraq tal-ħut; jinkoraġġixxi l-użu ulterjuri tat-teknoloġiji u l-innovazzjoni biex il-mard jiġi indirizzat b'mod aktar immirat biex b'hekk jitnaqqas l-ammont ta' mediċina meħtieġa; jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb id-disponibbiltà tal-mediċini veterinarji, meta jkun meħtieġ għas-settur tal-akkwakultura; |
|
53. |
Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tfassal proposti leġiżlattivi abbażi tal-aħħar għarfien xjentifiku dwar il-ħtiġijiet tal-ħut u ta' annimali akkwatiċi oħra u dwar il-metodi tat-trasport sabiex tiġi mminimizzata t-tbatija tagħhom matul it-trasport; jisħaq li d-dispożizzjonijiet il-ġodda għandhom jipprovdu lista ta' kontroll dettaljata għall-ippjanar u t-tħejjija ta' qabel it-trasport, dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-parametri tal-kwalità tal-ilma, id-densità, l-immaniġġjar matul it-tagħbija u l-ħatt, u kontrolli tat-trattament xieraq ta' wara t-trasport; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-linji gwida li tippubblika jiġu aġġornati abbażi tal-aħħar evidenza xjentifika u jkunu konformi mar-Regolament (KE) Nru 1/2005 u jappella għal rekwiżiti speċifiċi għall-moviment kummerċjali tal-ħut; jisħaq, barra minn hekk, li għandhom jiġu pprovduti taħriġ u ċertifikazzjoni speċifiċi fir-rigward tat-trasport tal-ħut; |
|
54. |
Jappoġġja li Copernicus u n-Network Ewropew ta' Osservazzjoni u Data Marittima tiżdidilhom il-kapaċità li josservaw, jimmudellaw u jipprevedu biex jantiċipaw aħjar l-effetti tal-avvenimenti estremi tat-temp, kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar, li għalihom il-faċilitajiet tal-akkwakultura huma partikolarment sensittivi; |
|
55. |
Jenfasizza l-importanza ta' taħriġ adegwat kemm għall-awtoritajiet kompetenti kif ukoll għall-pixxikulturi dwar kif jillimitaw l-impatt ambjentali tal-prattiki tal-akkwakultura u jiżguraw ir-rispett tal-istandards għolja tat-trattament xieraq u s-saħħa tal-annimali; |
|
56. |
Jistieden lill-Kummissjoni tħejji proposta għal pjan Ewropew ta' kontroll tal-istokkijiet tal-marguni li jkun jista' jindirizza b'mod xieraq u definittiv il-problema li s-settur tal-akkwakultura ilu jiffaċċja għal ħafna snin, abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli u l-esperjenzi u l-prattiki li diġà ġew ittestjati fl-Istati Membri; iħeġġeġ li l-pjan jitfassal għall-mitigazzjoni u l-kontroll effettivi tal-effett tagħhom fuq il-farms tal-akkwakultura, bil-għan li jitnaqqas l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali tagħhom minn fuq il-produzzjoni u l-bijodiversità; jenfasizza li l-pjan għandu jinkludi lista ta' miżuri eliġibbli dwar soluzzjonijiet ta' koeżistenza preventivi u kumpens adegwat għat-telf u miżuri, iffinanzjati mill-fondi tal-UE jew nazzjonali; jinsisti li l-appoġġ finanzjarju għal riċerka mfassla apposta mmirata lejn is-sejbien u l-ittestjar ta' miżuri preventivi huwa kruċjali, iżda wkoll biex jippermetti monitoraġġ xieraq, inklużi r-reġistrazzjoni u l-analiżi tal-effetti tal-miżuri meħuda; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw dawk il-miżuri abbażi ta' kull każ lokali għalih u jirrapportaw lill-Kummissjoni ta' kull sena dwar l-implimentazzjoni tal-pjan, inkluża l-effettività tal-miżuri magħżula; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-pjan Ewropew ta' kontroll tal-istokkijiet tal-marguni kull ħames snin u tirrapporta lill-Parlament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħejji, bħala azzjoni immedjata, dokument ta' gwida dwar kif għandhom jiġu applikati d-derogi previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, u tivvaluta l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni attwal tiġi mmodifikata fejn il-miżuri preventivi ma jkunux ħarġu li huma biżżejjed u l-impatt finanzjarju u soċjali ma jippermettix soluzzjonijiet ta' koeżistenza, skont l-aħjar parir xjentifiku; |
|
57. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissimplifikaw il-proċeduri tal-ħruġ tal-liċenzji, u jagħmlu aktar sforzi u jipprovdu l-għajnuna addizzjonali meħtieġa biex l-utenti tal-FEMSA jkunu jistgħu jiksbu aċċess għall-finanzjament; |
Akkwakultura organika
|
58. |
Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar pjan ta' azzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika u t-23 azzjoni li huma inklużi fl-anness tagħha; jindika li l-akkwakultura organika teħtieġ li jkollha rwol ewlieni fit-tkabbir ippjanat tas-settur tal-akkwakultura, minħabba l-potenzjal kbir tagħha li għadu ma ġiex sfruttat għall-iżvilupp, f'konformità mat-tranżizzjoni għal sistema tal-ikel sostenibbli fl-Ewropa, u li għandha tingħata assistenza permezz tal-FEMSA; |
|
59. |
Jaqbel li l-akkwakultura organika għandha potenzjal, iżda jenfasizza d-differenzi fil-produzzjoni tal-akkwakultura organika madwar l-Istati Membri; |
|
60. |
Jaqbel mal-objettiv ta' żieda sinifikanti fl-akkwakultura organika sal-2030 mingħajr ma jiġi stabbilit xi perċentwal konkret f'dan il-pjan, minħabba li dan huwa settur relattivament ġdid u t-tkabbir tiegħu mhuwiex faċli biex jiġi previst; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, madankollu, jistabbilixxu miri, jekk ikun xieraq, filwaqt li jqisu l-għarfien tagħhom tal-ispeċifiċitajiet lokali u reġjonali u tal-iżviluppi fis-suq; jindika li għalkemm l-akkwakultura organika tal-UE esperjenzat żieda fit-trobbija ta' ċerti speċijiet u f'ċerti pajjiżi f'dawn l-aħħar snin (inkluż is-salamun fl-Irlanda u l-maskli fid-Danimarka u fl-Irlanda), id-domanda għall-akkwakultura organika tal-UE hija inċerta u, barra minn hekk, il-prestazzjoni ekonomika tal-akkwakultura organika għadha mhijiex suffiċjenti f'xi żoni; |
|
61. |
Iqis li l-akkwakultura sostenibbli, b'mod ġenerali, u l-akkwakultura organika, b'mod partikolari, se jkollha rwol ewlieni fl-ilħuq tal-ambizzjoni tal-UE għal Ewropa newtrali għall-karbonju sal-2050 billi tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, filwaqt li tipprovdi benefiċċji addizzjonali għall-ambjent u għall-bijodiversità; |
|
62. |
Jindika li l-akkwakultura sostenibbli, b'mod ġenerali, u l-akkwakultura organika, b'mod partikolari, jistgħu jgħinu biex jiġu ssodisfati d-domandi tal-konsumaturi għal ikel diversifikat ta' kwalità għolja prodott b'mod li jirrispetta l-ambjent u jiżgura l-benesseri tal-ħut, u b'hekk jimtela d-distakk bejn id-domanda u l-provvista ta' prodotti tas-sajd fl-UE, u tonqos il-pressjoni fuq l-istokkijiet selvaġġi; |
|
63. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-qafas tal-pjanijiet nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura, janalizzaw l-ostakli ewlenin għall-iżvilupp tal-akkwakultura organika u jipproponu miżuri xierqa; jistieden ukoll lill-Istati Membri jinkludu, abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt ex-ante, żieda fl-akkwakultura organika fost l-objettivi tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali pluriennali rieżaminati tagħhom għall-akkwakultura; iqis li l-FEMSA għandha tintuża biex tippromwovi prattiki sostenibbli tal-akkwakultura, inkluża l-produzzjoni organika, u tipprovdi appoġġ matul il-perjodu ta' konverżjoni, u dan joħloq kundizzjonijiet ekwi fir-rigward ta' akkwakulturisti organiċi oħra; |
|
64. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa għal aktar appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni dwar sorsi alternattivi ta' nutrijenti, trattamenti, tnissil u benesseri tal-annimali fl-akkwakultura; iqis li huwa meħtieġ li jiġu promossi investimenti f'sistemi adattati ta' polikultura u ta' akkwakultura multitrofika u li jiġu promossi l-imfaqas u l-attivitajiet ta' tkabbir għall-ħut żgħir organiku; jilqa' l-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni għall-iskambju tal-aħjar prattiki u l-innovazzjoni fl-akkwakultura organika; |
|
65. |
Jenfasizza li l-innovazzjoni, inklużi tipi differenti ta' akkwakultura, żviluppat minn meta ġie adottat ir-Regolament dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi; jirrimarka f'dan ir-rigward li ċerti dispożizzjonijiet, bħal dawk dwar ir-riproduzzjoni, mhumiex mgħammra tajjeb għall-metodi innovattivi u sostenibbli ġodda tal-akkwakultura li ġew żviluppati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta dan ir-Regolament kif xieraq u tippreżenta l-emendi meħtieġa; |
|
66. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza kif ir-regoli għall-akkwakultura organika jiġu interpretati, implimentati u mmonitorjati f'kull Stat Membru; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida għall-Istati Membri, għall-korpi ta' ċertifikazzjoni u għall-ppixxikulturi, immirati biex inaqqsu l-eteroġeneità fl-implimentazzjoni tar-regolament organiku, abbażi tal-konklużjonijiet ta' dik l-analiżi; |
|
67. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra li tawtorizza mill-ġdid l-użu ta' 30 % tar-razzjoni ta' kuljum tal-frakass tal-fdal tal-ħut u taż-żejt tal-ħut minn fdalijiet tal-akkwakultura mhux organika, jew minn fdalijiet tal-ħut li jinqabad għall-konsum mill-bniedem li jiġu minn prodotti tas-sajd sostenibbli tal-UE, għal perjodu tranżitorju ta' ħames snin għal dawk kollha li deħlin ġodda fis-settur tal-akkwakultura organika, minħabba l-impatt pożittiv tiegħu fuq l-ekonomija ċirkolari u bħala miżura ta' appoġġ meħtieġa fid-dawl tad-disponibbiltà baxxa u l-prezzijiet għolja tal-għalf organiku; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra wkoll l-użu ta' speċijiet (li ma jistgħux ibidu b'mod naturali fl-Ewropa) li għalihom ir-riproduzzjoni indotta ssir bl-użu ta' estratti pitwitarji, speċijiet li jintużaw fil-prattiki ta' polikultura sabiex jintużaw niċeċ trofiċi oħra tal-ambjent tal-kultura, u b'hekk jikkontribwixxu għas-sekwestru tal-karbonju, itaffu l-ewtrofikazzjoni, iżidu l-produttività ġenerali tal-għadajjar u jnaqqsu l-piż tan-nutrijenti tat-trobbija tal-ħut; |
|
68. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-akkwakulturisti organiċi tal-UE madwar l-Unjoni, kif ukoll rigward il-prodotti organiċi importati, billi jiġu pprovduti l-istess regoli u appoġġ u jiġu armonizzati t-trattamenti għall-mard użati fl-akkwakultura organika u fit-trobbija organika tal-bhejjem; |
|
69. |
Ifakkar li r-riżoluzzjoni tal-Parlament bit-titolu “Lejn settur Ewropew tal-akkwakultura sostenibbli u kompetittiv: status attwali u sfidi futuri” tipproponi 92 azzjoni biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-akkwakultura tal-UE permezz ta': is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi; l-iżgurar tal-ekwità f'interazzjoni ma' setturi oħra; it-tisħiħ tal-kompetittività tal-akkwakultura fl-UE fi ħdan il-fruntieri tal-Unjoni u lil hinn minnhom; it-titjib tal-informazzjoni għall-konsumaturi; l-iżgurar tat-trattament xieraq tal-annimali u tad-disponibbiltà ta' prodotti veterinarji; it-twettiq ta' kampanji promozzjonali u komunikazzjoni aħjar; l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni; l-inkoraġġiment tat-taħriġ u l-impjiegi; iż-żieda fis-sostenibbiltà tas-settur tal-akkwakultura tal-UE; l-iżgurar ta' finanzjament adegwat permezz tal-FEMS u fondi strutturali oħra; u l-ilħiq ta' simbjożi armonjuża mas-sajd; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex timplimenta dawn l-azzjonijiet; |
|
70. |
Jirrimarka li l-kunflitt bejn is-sajd estrattiv u l-akkwakultura ma jagħmel l-ebda sens fil-kuntest attwali, fejn id-domanda għall-prodotti tal-baħar qed tiżdied filwaqt li l-pressjoni fuq il-popolazzjonijiet tal-ħut selvaġġ qed tibda tonqos gradwalment fl-Unjoni, u jenfasizza li dawn iż-żewġ attivitajiet jikkomplementaw lil xulxin; |
|
71. |
Jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn l-akkwakultura, minn naħa, u s-settur tat-tqegħid fil-laned u l-ipproċessar, min-naħa l-oħra, tista' tiġġenera valur miżjud sinifikanti għall-prodotti tal-akkwakultura jekk il-kooperazzjoni titwettaq f'sinerġija u tippromwovi ż-żewġ attivitajiet; |
o
o o
|
72. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Kunsilli Konsultattivi tal-politika komuni tas-sajd. |
(4) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(5) ĠU L 247, 13.7.2021, p. 1.
(6) ĠU L 257, 28.8.2014, p. 135.
(8) ĠU L 303, 18.11.2009, p. 1.
(10) ĠU L 221, 8.8.1998, p. 23.
(11) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Study on an interim evaluation of the Open Method of Coordination (OMC) for the sustainable development of EU aquaculture (Studju dwar evalwazzjoni interim tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (MMK) għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura tal-UE), 2019.
(12) ĠU C 28, 27.1.2020, p. 26.
(13) ĠU C 21 E, 28.1.2010, p. 11.
(14) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, The EU fish market: 2020 edition (Is-suq tal-ħut tal-UE: Edizzjoni tal-2020), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2021.
(15) Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) – The EU Aquaculture Sector – Economic report 2020 (Is-Settur tal-Akkwakultura tal-UE – Rapport ekonomiku 2020) (STECF-20-12). EUR 28359 EN, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021.
(16) Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).
(17) Nittrasformaw l-Ekonomija Blu tal-UE għal Futur Sostenibbli (2021) – https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52021DC0240&from=MT