EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0141

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Mejju 2022 dwar is-segwitu għall-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (2022/2648(RSP))

ĠU C 465, 6.12.2022, p. 109–111 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 465, 6.12.2022, p. 109–109 (GA)

6.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/109


P9_TA(2022)0141

Is-segwitu għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Mejju 2022 dwar is-segwitu għall-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (2022/2648(RSP))

(2022/C 465/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (“il-Konferenza”), kif approvati mill-Bord Eżekuttiv u ppubblikati fuq il-Pjattaforma Diġitali Multilingwi tal-Konferenza,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tad-disa' gruppi ta' ħidma tematiċi tal-Konferenza, kif approvati fit-30 ta' April 2022 mill-Plenarja tal-Konferenza,

wara li kkunsidra r-rapport ta' attività tal-Pjattaforma Diġitali Multilingwi tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, ippubblikat fi Frar 2022,

wara li kkunsidra l-Kontributi għal kull Stat Membru dwar il-Pjattaforma Diġitali Multilingwi tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, ippubblikati fi Frar 2022,

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Panels taċ-Ċittadini Nazzjonali u l-avvenimenti nazzjonali, kif ippubblikati fuq il-Pjattaforma Diġitali Multilingwi tal-Konferenza,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Ideat taż-Żgħażagħ għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, ippubblikat bħala riżultat tal-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ tat-8 u tad-9 ta' Ottubru 2021,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Panel 1 taċ-Ċittadini Ewropej “Ekonomija aktar b'saħħitha, ġustizzja soċjali u impjiegi / Edukazzjoni, kultura, żgħażagħ u sport / Trasformazzjoni diġitali”,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Panel 2 taċ-Ċittadini Ewropej “Demokrazija / Valuri Ewropej, drittijiet, stat tad-dritt, sigurtà”,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Panel 3 taċ-Ċittadini Ewropej “It-tibdil fil-klima, l-ambjent / Is-saħħa”,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Panel 4 taċ-Ċittadini Ewropej “L-UE fid-dinja / Migrazzjoni”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Liżbona (2), tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea (3), tat-13 ta' Frar 2019 dwar l-istat tad-dibattitu dwar il-Futur tal-Ewropa (4) u tas-26 ta' Novembru 2020 dwar analiżi tal-elezzjonijiet Ewropej (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Unjoni Ewropea qed tgħix f'sitwazzjoni mingħajr preċedent meta mqabbla ma' meta tnieda l-proċess tal-Konferenza, li jirrikjedi impetu ġdid għall-integrazzjoni Ewropea, bil-ħtieġa ta' azzjoni u solidarjetà komuni aktar b'saħħithom, peress li l-gwerra qed terġa' lura fil-kontinent Ewropew;

B.

billi l-UE se tiġi ġġudikata fuq il-kapaċità tagħha li toħroġ mill-kriżijiet attwali u għalhekk għandu jkollha l-għan li ssir aktar b'saħħitha;

C.

billi l-Parlament Ewropew impenja ruħu bis-sħiħ għall-Konferenza, filwaqt li jemmen bis-sħiħ li l-UE jeħtieġ li tiġi riformata sabiex tkun tista' tindirizza mhux biss l-isfidi attwali, iżda wkoll dawk futuri;

D.

billi l-konklużjonijiet tal-Konferenza se jkollhom bżonn jindirizzaw ukoll il-konsegwenzi kollha tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, f'kuntest diġà impenjattiv ħafna wara l-pandemija;

E.

billi l-proposti li joħorġu mill-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, kif tradotti fil-konklużjonijiet finali tal-Konferenza, jitolbu li l-Unjoni Ewropea ssir aktar demokratika, sigura, effettiva, prospera, aktar ġusta, sostenibbli, aktar kapaċi li taġixxi u attur aktar influwenti fid-dinja;

F.

billi l-UE għandha tkun mgħammra b'mezzi suffiċjenti u xierqa biex tilħaq l-għanijiet imsemmija hawn fuq, li jenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa li jittejjeb il-mod kif jaħdmu l-istituzzjonijiet;

G.

billi l-UE għandha għalhekk tingħata s-setgħa b'għodod li jippermettulha taġixxi fuq sfidi transnazzjonali importanti fl-oqsma tas-sigurtà, is-saħħa, it-tibdil fil-klima u l-ambjent, il-migrazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, id-difiża, it-tassazzjoni, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, il-politiki ekonomiċi u soċjali, u l-ġeopolitika;

H.

billi minbarra l-proposti leġiżlattivi, il-ftuħ ta' proċess ta' riformi istituzzjonali huwa meħtieġ sabiex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet u l-aspettattivi tal-proċess ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini;

I.

billi politiki ġodda u, f'xi każijiet, bidliet fit-Trattati, huma meħtieġa mhux bħala mezz fihom infushom, iżda fl-interess tal-Ewropej kollha, billi jimmiraw li jsawru mill-ġdid l-UE b'mod li jiggarantixxi l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha, is-sigurtà, is-sostenibbiltà u l-kompetittività, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

J.

billi l-Konferenza turi, għal darb'oħra, li kwalunkwe riforma tal-Unjoni titlob l-involviment sħiħ tal-Parlament, tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, kif ukoll l-involviment dirett maċ-ċittadini;

K.

billi l-esperjenza tal-Konferenza tikkonferma l-importanza li jissaħħu l-mezzi kollha possibbli ta' djalogu u kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali;

1.

Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Konferenza kif approvati mill-Plenarja tal-Konferenza fit-30 ta' April 2022;

2.

Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu bil-proposti ambizzjużi u kostruttivi fformulati mill-Konferenza, ibbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet u l-ideat li joħorġu mill-Panels taċ-Ċittadini Ewropej u nazzjonali, l-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ u mill-pjattaforma online; jilqa' l-fatt li l-konklużjonijiet tal-Konferenza ġew abbozzati fi proċess immexxi miċ-ċittadini u jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-demokrazija Ewropea;

3.

Iqis li l-Konferenza wasslet għal parteċipazzjoni innovattiva u b'suċċess miċ-ċittadini Ewropej u pprovdiet opportunità addizzjonali għall-istituzzjonijiet Ewropej, li wasslet għal djalogu komprensiv bejn iċ-ċittadini, il-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar il-futur tal-Unjoni;

4.

Jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni parlamentari tal-proċess tal-Konferenza u jesprimi x-xewqa tiegħu li jrawwem u jsaħħaħ id-djalogu u l-kooperazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew;

5.

Jemmen li rwol akbar fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE jimxi id f'id ma' istituzzjonijiet tal-UE aktar demokratiċi, trasparenti u responsabbli; jappoġġa, barra minn hekk, l-involviment kontinwu tal-parteċipazzjoni u l-konsultazzjoni taċ-ċittadini f'dan il-proċess;

6.

Jirrimarka li l-aktar kriżijiet reċenti jitolbu soluzzjonijiet Ewropej komuni; jemmen li l-Konferenza rrappreżentat opportunità unika biex tipprovdi lill-UE bi proposti li jħarsu 'l quddiem f'dan ir-rigward;

7.

Iqis li l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna turi l-ħtieġa ta' UE ġeopolitika aktar b'saħħitha, li titkellem b'vuċi waħda fid-dinja u ssegwi politiki komuni fl-oqsma tas-sigurtà, id-difiża, l-enerġija u l-migrazzjoni, abbażi ta' azzjoni komuni u solidarjetà sħiħa;

8.

Ifakkar li b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, l-UE wriet il-kapaċità tagħha li taġixxi u tippromwovi soluzzjonijiet innovattivi u komuni fir-rigward tas-saħħa, it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali; huwa tal-fehma li dawn l-azzjonijiet pożittivi jeħtieġ li jiġu ttrasformati f'qafas istituzzjonali u ta' politika permanenti ġdid;

9.

Jenfasizza li l-konklużjonijiet tal-Konferenza juru l-ħtieġa urġenti li l-UE jkollha rwol ewlieni fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-promozzjoni tas-sostenibbiltà;

10.

Jenfasizza l-ħtieġa li jinkisbu riżultati dwar il-konklużjonijiet tal-Konferenza u dwar l-aspettattivi taċ-ċittadini billi naħdmu fuq bidliet ambizzjużi f'xi wħud mill-aktar politiki kruċjali tagħna;

11.

Jemmen li integrazzjoni politika aktar profonda u demokrazija ġenwina, kif enfasizzat fil-konklużjonijiet tal-Konferenza, jistgħu jinkisbu permezz ta' dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva għall-Parlament Ewropew u l-abolizzjoni tal-unanimità fil-Kunsill;

12.

Jirrikonoxxi li l-konklużjonijiet tal-Konferenza jirrikjedu bidliet fit-Trattati, fost l-oħrajn, fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-arkitettura istituzzjonali tal-UE, aktar trasparenza u responsabbiltà fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u riflessjoni ġdida dwar il-kompetenzi tal-UE;

13.

Jappoġġa, kif enfasizzat fil-konklużjonijiet tal-gruppi ta' ħidma tal-Konferenza, bidla lejn mudell ta' tkabbir sostenibbli, inklużiv u reżiljenti; it-tisħiħ tal-kompetittività u r-reżiljenza tal-ekonomija tal-UE, b'attenzjoni speċjali għall-SMEs bħala s-sinsla tal-ekonomija tagħna, u kontroll tal-kompetittività; l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inklużi l-miri ewlenin rilevanti tiegħu għall-2030; Protokoll dwar il-Progress Soċjali; u l-promozzjoni ta' investimenti orjentati lejn il-futur iffokati fuq it-tranżizzjonijiet ġusti, ekoloġiċi u diġitali, b'dimensjoni soċjali b'saħħitha, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, filwaqt li jitqiesu wkoll l-eżempji ta' NextGenerationEU u l-istrument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza (SURE);

14.

Jemmen li huwa essenzjali li wieħed jiffoka fuq is-segwitu għall-proposti tal-Konferenza, sabiex jitwettqu t-talbiet taċ-ċittadini; jistenna li l-istituzzjonijiet Ewropej kollha jimpenjaw ruħhom għal approċċ kostruttiv u ambizzjuż, skont ir-rwoli u l-kompetenzi rispettivi tagħhom, f'kull stadju tas-segwitu, inkluż billi jagħmlu proposti leġiżlattivi;

15.

Jinsab lest li jwettaq ir-rwol tiegħu u jiżgura segwitu xieraq għall-eżitu tal-Konferenza; jitlob, għalhekk, li tissejjaħ Konvenzjoni billi tiġi attivata l-proċedura għar-reviżjoni tat-Trattati prevista fl-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tiegħu biex iniedi l-proċedura meħtieġa kif xieraq;

16.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU C 270, 7.7.2021, p. 71.

(2)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 215.

(3)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 201.

(4)  ĠU C 449, 23.12.2020, p. 90.

(5)  ĠU C 425, 20.10.2021, p. 98.


Top