Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0390

Kawża T-390/22: Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Lulju 2022 – Mndoiants vs Il-Kunsill

ĠU C 311, 16.8.2022, pp. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/18


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Lulju 2022 – Mndoiants vs Il-Kunsill

(Kawża T-390/22)

(2022/C 311/22)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Sergueï Mndoiants (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: F. Bélot u P. Tkhor, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/582 tat-8 ta’ April 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1), sa fejn tinkludi l-isem tar-rikorrent fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/581 tat-8 ta’ April 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (2), sa fejn jinkludi l-isem tar-rikorrent fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2014/269 tas-17 ta’ Marzu 2014;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Ir-rikorrent jsostni li l-informazzjoni pprovduta mill-Kunsill ma tippermettix li jiddefendi ruħu għar-raġuni li, minn naħa, l-informazzjoni pprovduta mill-Kunsill ma tistax tikkostitwixxi ġustifikazzjoni għall-miżuri restrittivi inkwistjoni minħabba n-natura mhux iddettaljata tagħha u, min-naħa l-oħra, il-Kunsill ma jifformulax motivi individwali, speċifiċi u konkreti ta’ natura li jagħtu lir-rikorrent indikazzjoni suffiċjenti tal-merti tal-att.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, għar-raġuni, minn naħa, li l-elementi invokati mill-Kunsill sabiex tinkludi lir-rikorrent fil-lista huma, fl-intier tagħhom, materjalment żbaljati u, min-naħa l-oħra, li l-Kunsill ma jistabbilixxi la li r-rikorrent huwa negozjant prominenti, u lanqas li huwa influwenti, u lanqas li huwa attiv f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-gvern tal-Federazzjoni Russa.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Ir-rikorrent iqis li s-sanzjonijiet imposti fuqu huma diskriminatorji kontrih u sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija minn dawn il-miżuri.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur ta’ drittijiet individwali fundamentali, inkluż id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-dar u tal-komunikazzjonijiet. Billi inkluda lir-rikorrent fil-lista, il-Kunsill b’hekk aġixxa bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.


(1)  ĠU 2022, L 110, p. 55, rettifika fil-ĠU 2022, L 141, p. 131.

(2)  ĠU 2022, L 110, p. 3, rettifika fil-ĠU 2022, L 141, p. 130.


Top