Valige katsefunktsioonid, mida soovite proovida

See dokument on väljavõte EUR-Lexi veebisaidilt.

Dokument 52021IR4822

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE għall-Foresti għall-2030

    COR 2021/04822

    ĠU C 301, 5.8.2022, lk 61—69 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.8.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 301/61


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE għall-Foresti għall-2030

    (2022/C 301/11)

    Relatur:

    Joan CALABUIG RULL (ES/PSE), Segretarju għall-Unjoni Ewropea u r-Relazzjonijiet Esterni tal-Generalitat Valenzjana

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

    Kummenti ġenerali

    1.

    iqis b’mod pożittiv li l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti tistabbilixxi qafas ta’ politika għall-ġestjoni u l-protezzjoni tal-foresti Ewropej, bil-għan li jittejbu s-servizzi tal-ekosistema tagħhom, jiġi żgurat l-għajxien, speċjalment fiż-żoni rurali, u jkun hemm kontribut għal bijoekonomija tal-foresti appoġġjata minn ġestjoni sostenibbli tal-foresti bħala għodda multifunzjonali bbażata fuq in-natura. Dan kollu flimkien ma’ miżuri regolatorji u finanzjarji bħala parti minn pjan sal-2030;

    2.

    iqis li l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti għall-2030, li tissostitwixxi l-Istrateġija għall-Foresti adottata fl-2013 (1) u evalwata fl-2018 (2), tistabbilixxi qafas għall-kooperazzjoni Ewropea dwar il-foresti, u tenfasizza r-rwol ewlieni tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti sabiex jiġu żgurati l-benesseri u l-għajxien taċ-ċittadini, il-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-ekosistemi reżiljenti għat-tibdil tal-klima;

    3.

    jilqa’ l-valutazzjoni u l-korrezzjoni ta’ xi prattiki tal-foresti ta’ darba f’ċerti reġjuni sabiex tiġi protetta l-bijodiversità, iżda wkoll il-kwalità tal-ħamrija u tal-ilma u r-reżiljenza għad-disturbi minħabba t-tibdil fil-klima (l-istress tal-ilma, l-uragani, il-borra, il-pesti u n-nirien fil-foresti);

    4.

    jirrikonoxxi r-rwol ċentrali tal-ekosistema tal-foresti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew (3), il-Patt Klimatiku Ewropew (4), il-Liġi Ewropea dwar il-Klima (5) u l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 (6) u jenfasizza li d-diversi setturi bbażati fuq il-foresti – inklużi dawk li jużaw benefiċċji mhux estrattivi tal-foresti – jistgħu u għandhom jikkontribwixxu għal bijoekonomija ċirkolari sostenibbli, newtrali għall-klima u soċjoekonomikament kompetittiva;

    5.

    jinnota li s-settur tal-forestrija ġie eskluż mill-ewwel rapport tal-Pjattaforma ta’ Esperti dwar il-Kriterji Ambjentali tat-tassonomija Ewropea minħabba l-fatt li l-foresti huma settur sensittiv li fih huwa diffiċli li jinstab bilanċ bejn il-ħtiġijiet u l-interessi differenti tal-partijiet ikkonċernati. Jinnota wkoll li l-fehma tal-esperti mhijiex vinkolanti għall-Kummissjoni Ewropea;

    6.

    jistieden lill-Kummissjoni taġixxi b’mod ambjentalment, soċjalment u ekonomikament ġust u bbilanċjat fir-rigward tal-objettivi klimatiċi u tal-bijodiversità u l-objettivi tal-bijoekonomija tal-foresti, bħala wieħed mill-pilastri bażiċi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

    7.

    jisħaq li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali b’kompetenzi fil-forestrija żviluppaw u implimentaw strateġiji, politiki, programmi u għodod nazzjonali u/jew reġjonali għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, u għalhekk jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni u d-djalogu kostruttiv bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni, il-partijiet ikkonċernati u s-soċjetà ċivili tal-forestrija;

    8.

    jenfasizza li l-foresti jagħtu benefiċċji multipli lis-soċjetà inġenerali permezz ta’ firxa sħiħa ta’ servizzi tal-ekosistema inklużi servizzi mhux estrattivi. Għalhekk, id-deċiżjonijiet relatati mal-foresti huma importanti għal firxa wiesgħa ta’ ċittadini, u l-maniġers tal-foresti;

    Il-ħtieġa li jissaħħaħ id-djalogu mal-partijiet interessati forestali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-Istati Membri u l-Kummissjoni

    9.

    jemmen li l-istabbiliment ta’ qafas u ta’ objettivi komuni fil-livell Ewropew huwa idea tajba ħafna, iżda jappella li tiġi evitata kwalunkwe dgħufija tas-sussidjarjetà u tar-rwol tal-Istati Membri f’dan il-qasam fid-dawl tad-diversità tal-foresti fl-Ewropa; jitlob ukoll li jiġi adottat approċċ reġjonali aktar adatt. Il-KtR jaqbel ukoll mal-fehma li filwaqt li t-Trattati ma jelenkawx “politika tal-foresti” fost il-kompetenzi espliċiti tal-UE, l-UE għandha firxa wiesgħa ta’ kompetenzi dwar kwistjonijiet relatati, li ġew eżerċitati f’testi legali li jindirizzaw kwistjonijiet tal-forestrija;

    10.

    jirrimarka wkoll li l-ġestjoni tal-foresti għandha impatt sinifikanti speċjalment f’żoni skarsament popolati u żoni remoti fejn l-ekonomija bbażata fuq il-foresti hija sors essenzjali ta’ għajxien għan-nies;

    11.

    jirrakkomanda li jissaħħu l-komunikazzjoni, id-djalogu u l-involviment tal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet interessati tas-settur (sidien pubbliċi u privati, assoċjazzjonijiet kummerċjali, kumpaniji bbażati fil-foresti, esperti dwar il-konservazzjoni tan-natura, riċerkaturi inklużi xjenzjati tal-klima, eċċ.) fit-tħejjija tad-dokumenti, peress li huwa tal-fehma li d-diskussjoni preliminari hija limitata u tista’ tittejjeb fil-korpi ta’ parteċipazzjoni eżistenti, kif sar fi strateġiji preċedenti, sabiex jinkiseb kunsens massimu fost il-partijiet interessati kollha li għandhom l-interess jibbenefikaw mill-foresti tagħna. Għall-kuntrarju, ġie ppreżentat dokument finali li jafferma li ħafna mill-kontenut tiegħu kien diġà inkluż fl-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-UE 2020;

    12.

    jirrakkomanda li l-partijiet interessati affettwati speċifikament mill-miżuri li jinsabu fl-Istrateġija tal-UE għall-Foresti (l-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-soċjetà ċivili u n-negozji) għandhom ikunu involuti fl-implimentazzjoni tagħhom, filwaqt li jiġu minimizzati l-piżijiet amministrattivi, speċjalment għas-sidien tal-foresti u n-negozji, iżda wkoll għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    Il-ħtieġa li jintlaħaq kunsens fil-livell Ewropew

    13.

    jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ kunsens politiku fl-UE, peress li f’dawn l-aħħar ġimgħat/xhur kien hemm żieda fil-kritika fir-rigward tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti kif imfassla bħalissa, kemm permezz ta’ stqarrijiet minn korpi tal-UE bħall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (Opinjoni NAT/831 dwar Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti għall-2030 (7)), diversi gvernijiet nazzjonali u reġjonali kif ukoll mill-partiti politiċi li jappoġġjawhom, minn MEPs minn gruppi politiċi differenti u minn rappreżentanti tas-settur tal-forestrija (assoċjazzjonijiet tas-sidien tal-foresti pubbliċi u privati, amministrazzjonijiet tal-foresti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, assoċjazzjonijiet tan-negozju, pjattaformi settorjali nazzjonali u reġjonali);

    14.

    jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill milħuqa taħt il-Presidenza Ġermaniża dwar kooperazzjoni eqreb futura fl-UE, li tipproponi approċċ “minn fuq għal isfel”, mingħajr ma jitqiesu biżżejjed l-istrutturi eżistenti (eż. inventarji tal-foresti reġjonali/nazzjonali), bi speċifikazzjonijiet u miżuri esklużivi mill-Kummissjoni li mhijiex responsabbli tal-politika tal-forestrija u mingħajr involviment biżżejjed mill-kumitat konsultattiv responsabbli;

    15.

    jirrikonoxxi l-objettivi ġenerali tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti biex jiġu żgurati prattiki tajba tal-ġestjoni tal-foresti fl-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali. Madankollu, jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn l-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-ġestjoni tal-foresti, inkluża l-protezzjoni bħala għażla ta’ ġestjoni, u jenfasizza l-importanza li tiġi rispettata u miżmuma d-diversità tal-foresti u l-prattiki ta’ pjanar u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-perjodi ta’ newba fl-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali;

    16.

    jinnota li għall-atturi ewlenin fis-settur tal-forestrija (sidien privati u pubbliċi, professjonisti, negozji u parti kbira tal-komunità xjentifika tal-forestrija) l-approċċ tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti ma jikkorrispondix bis-sħiħ mar-realtajiet fil-livell lokali, u jindika l-fatt li jidher li l-prattiki tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti mhumiex mexjin fid-direzzjoni t-tajba u għalhekk għandhom jinbidlu b’mod sinifikanti;

    17.

    jirrikonoxxi li d-data turi tnaqqis fil-bijodiversità f’xi territorji kif ukoll status inadegwat ta’ konservazzjoni tal-ħabitats ta’ Natura 2000, parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ qafas adegwat ta’ inċentivi għall-maniġers tagħhom (prezzijiet, remunerazzjoni tal-esternalitajiet, qafas regolatorju adattat reġjonalment u sod); dawn huma aspetti ewlenin li għandhom jiġu indirizzati mill-Istrateġija tal-UE għall-Foresti bl-allokazzjoni ta’ riżorsi żejda mill-baġits tal-UE u tal-Istati Membri; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni eqreb biex jiġu promossi sforzi lejn ir-restawr tal-ekosistemi, inklużi miri għar-restawr tal-ekosistemi tal-foresti li saritilhom il-ħsara;

    18.

    iqis li l-forestrija multifunzjonali hija għodda tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti li għandha għeruq fondi fil-maġġoranza l-kbira tar-reġjuni, speċjalment f’dawk l-aktar milquta mill-impatt tat-tibdil fil-klima; josserva li, b’mod ġenerali, is-sidien u l-professjonisti li jiġġestixxu l-foresti jimpenjaw ruħhom li jipproteġu l-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi tal-foresti l-oħra, inaqqsu l-periklu u l-inċidenza tan-nirien fil-foresti, u fl-istess ħin jaħdmu biex jagħmluhom iktar reżiljenti, iżommuhom f’kundizzjoni tajba u jappoġġjaw it-tkabbir tagħhom, u b’hekk jikkontribwixxu b’mod attiv fl-ekonomiji lokali u għall-għajxien fiż-żoni rurali;

    19.

    jirrakkomanda approċċ ħafna aktar sistematiku, li jintegra d-diversità u l-kumplessità tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, b’indikaturi lil hinn mill-proporzjon tal-ħsad u dak inkrementali, id-drittijiet tal-proprjetà u r-realtajiet li jiffaċċjaw is-sidien, il-professjonisti, in-negozji pubbliċi u privati u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll il-kisbiet tal-iżvilupp sostenibbli miksuba mis-settur tal-forestrija Ewropew; jirrikonoxxi li l-protezzjoni tal-foresti f’ċerti żoni ma tistax tiġi separata mill-appoġġ, inkluż l-appoġġ ekonomiku, għal ġestjoni sostenibbli attiva mmirata biex timmassimizza l-esternalitajiet pożittivi tas-servizzi tal-ekosistema u tevita d-degradazzjoni, inkluża d-degradazzjoni ambjentali, bħala riżultat tal-abbandun tal-art tal-foresti;

    20.

    josserva li, fil-kuntest tal-bijodiversità, għandu jiġi enfasizzat li, bis-saħħa ta’ ċerti reġjuni ultraperiferiċi, l-UE għandha foresti primarji, Amażoniċi u subtropikali, li jikkostitwixxu laboratorju uniku għar-riċerka xjentifika, l-ispeċjalizzazzjoni u l-innovazzjoni (pereżempju, ir-riċerka farmaċewtika u l-iżvilupp tal-estratti tal-pjanti). Il-bijodiversità ta’ dawn ir-reġjuni tirrappreżenta kważi 80 % tal-bijodiversità Ewropea u hija essenzjali għall-bilanċ ekoloġiku tal-pjaneta. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-gwardjani ta’ dan it-teżor inestimabbli u għandhom jingħataw appoġġ adatt għall-ġestjoni u l-konservazzjoni tiegħu;

    21.

    iqis li, minkejja li l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti hija marbuta mill-qrib mal-Istrateġija għall-Bijodiversità u, għalhekk, tista’ toħloq koerenza f’dan ir-rigward, hija għandha tadotta approċċ differenti, li jkun aktar inklużiv u sistematiku biex l-azzjonijiet tagħha jiġu allinjati b’mod effettiv u konsistenti mal-objettivi tal-politiki komuni dwar it-tranżizzjoni ekoloġika u t-tibdil fil-klima, bil-għan li jkunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi ambjentali, soċjali u ta’ tkabbir tal-UE, inklużi l-impjiegi ekoloġiċi. B’hekk, il-koerenza bejn il-politiki rilevanti tal-UE li jaffettwaw il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti ssir kruċjali għall-Istrateġija tal-UE għall-Foresti, u jiġi promoss il-potenzjal tas-settur li jikkontribwixxi kemm għat-tilħiq tal-objettivi tal-iżvilupp sostenibbli stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif ukoll il-potenzjal tiegħu li jilħaq tali objettivi;

    Jinħtieġ approċċ aktar trasversali mis-servizzi tal-Kummissjoni

    22.

    jirrikonoxxi b’mod pożittiv l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti bħala r-riżultat tal-ħidma konġunta tad-DĠ AGRI, DĠ ENV u DĠ CLIMA, iżda jirrakkomanda li jiġu integrati l-unitajiet differenti tal-Kummissjoni li jaħdmu fis-settur tal-forestrija (DĠ GROW, DĠ ENER, DĠ REGIO) sabiex jiġu inklużi l-aspetti u l-implikazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali kollha minn approċċ sistemiku u inklużiv; inkella, jekk dan ma jsirx, l-approċċ tagħhom ikun inkomplet u parzjali;

    23.

    jirrakkomanda li jiġi definit b’mod ċar ir-rwol tal-Kumitat Forestrarju Permanenti bħala attur ewlieni fl-Istrateġija tal-UE għall-Foresti, sabiex jiġu espressi l-fehmiet tas-settur u ta’ partijiet interessati ewlenin oħra, li jippermetti l-użu attiv tal-foresti fid-diversi reġjuni tal-UE;

    24.

    jirrakkomanda li tiġi kkunsidrata d-dimensjoni morfoloġika tat-territorji, li tirrikjedi kemm l-innovazzjoni kif ukoll l-investiment fl-infrastuttura biex tiġi ffaċilitata l-loġistika, tkun possibbli d-diġitalizzazzjoni li timmodernizza l-ktajjen tal-valur ibbażati fuq il-foresti, li jintużaw bħala lievi fil-ġlieda kontra l-fenomeni ta’ abbandun tar-riżorsi u depopolazzjoni, u jkun hemm sistema adatta ta’ inċentivi;

    Ir-rwol tal-livelli reġjonali u lokali

    25.

    jirrakkomanda li titqies id-dimensjoni territorjali tal-foresti bħala użu tal-art (attwalment ikopru 43 %, u r-rata qed tiżdied), li fil-biċċa l-kbira jinsabu f’reġjuni depopolati (żoni interni: muntanji, klimi kesħin, żoni li jistgħu jegħrqu, ħamrija fqira), billi jiġu integrati l-politiki tal-ġestjoni tal-art u ta’ depopolazzjoni tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

    26.

    iqis li huwa neċessarju li jiġi rikonoxxut il-prinċipju tas-sussidjarjetà, iżda wkoll il-kompetenza kondiviża fir-rigward tal-foresti minħabba d-diversi leġiżlazzjonijiet ambjentali u dawk relatati mal-konservazzjoni tal-pajsaġġ li jkollhom impatt fuq il-politika tal-forestrija, waqt li jitqiesu l-linji gwida differenti rilevanti għall-foresti, inklużi – iżda mhux biss – il-prattiki tal-forestrija u l-varjazzjonijiet bejn l-azjendi tal-foresti fl-Istati Membri, fil-kuntest tad-diversità bijoloġika, soċjali, ekonomika u kulturali tal-foresti fid-diversi reġjuni tal-UE;

    27.

    jenfasizza l-ħtieġa li l-aspetti ewlenin tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti jiddefinixxu l-prinċipji miftiehma fil-livell Ewropew. Madankollu, il-livell nazzjonali għandu jkun kapaċi jiddeċiedi dwar il-mezzi meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi, sabiex dawn jikkorrispondu mal-politiki u r-regolamenti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali b’kompetenzi fis-settur tal-forestrija; jenfasizza li hemm bżonn ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti, settur kompetittiv u profitabbli b’mod ġenerali u konsistenza adatta ta’ politika biex jiġu protetti l-foresti;

    Il-kompatibbiltà bejn il-funzjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-foresti hija meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin tal-UE

    28.

    iqis li l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti trid tikkunsidra biżżejjed l-importanza tal-firxa sħiħa ta’ prodotti u servizzi tal-foresti u, għaldaqstant, l-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandhom jiżguraw il-bilanċ bejn il-funzjonijiet tal-foresti, inkluża l-provvista ta’ servizzi differenti tal-ekosistema. Jekk jiġi ppreferut aspett wieħed biss, il-bilanċ jinbidel;

    29.

    jenfasizza li s-settur tal-forestrija (il-ġestjoni u l-ħsad, l-ipproċessar industrijali tal-injam u l-karta) impjega direttament 2,1 miljun persuna fl-UE fl-2018, u ġġenera valur miżjud gross ta’ EUR 109 855 miljun. Barra minn hekk, 1,2 miljun persuna ħadmu fil-manifattura tal-għamara tal-injam u fl-istampar tal-karta, u ġġeneraw valur miżjud gross ta’ EUR 25 000 miljun u EUR 31 000 miljun rispettivament. Fl-2018, 397 000 kumpanija kienu joperaw f’industriji bbażati fuq il-foresti, li jirrappreżentaw 15 % tal-kumpaniji tal-manifattura. Fl-aħħar nett, il-bijoenerġija, il-kostruzzjoni tal-injam u l-prodotti tal-foresti mhux tal-injam ħolqu 4 miljun impjieg addizzjonali;

    30.

    jinnota li l-preservazzjoni tal-bijodiversità, ir-restawr tal-ekosistemi u ż-żieda tal-bjar tal-karbonju huma l-elementi fundamentali tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti, iżda li n-nuqqas ta’ koerenza – li jirriżulta – mal-objettivi klimatiċi u tat-tkabbir soċjoekonomiku sostenibbli huwa wieħed mill-iżjed punti problematiċi;

    31.

    jenfasizza d-dimensjoni soċjali tal-foresti fl-UE, meta wieħed iqis li 60 % tal-erja koperta mill-foresti tappartjeni għal aktar minn 16-il miljun sid privat tal-foresti, li l-maġġoranza l-kbira tagħhom huma sidien żgħar mifruxa fir-reġjuni kollha, b’medja ta’ tlettax-il ettaru għal kull sid;

    32.

    jargumenta li l-prinċipji tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti jinkludu s-sostenibbiltà minn perspettiva globali, jiġifieri dik ekoloġika, ekonomika u soċjali, u li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandha għalhekk tinftiehem bħala l-aħjar mod ta’ ġestjoni permezz tal-konservazzjoni jew ta’ konservazzjoni permezz tal-ġestjoni, u għalhekk il-mod kif tiġi eliminata l-allegata dikotomija bejn il-ġestjoni u l-konservazzjoni, li hija ankrata aktar fid-diskors politiku milli fil-prattika reali tal-ġestjoni fil-post;

    33.

    jindika li l-foresti li huma proprjetà tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jirrappreżentaw madwar 14 % (22 miljun ettaru) tal-erja totali tal-foresti. L-awtoritajiet lokali u reġjonali mhumiex biss sidien il-foresti, iżda wkoll jiġġestixxu u jamministraw l-implimentazzjoni tal-politika u l-baġits relatati mal-foresti, jinfurzaw il-liġijiet u jagħtu appoġġ fil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti lis-sidien privati, li dejjem huma soġġetti għall-politiki tal-forestrija li huma fil-kompetenza tal-Istati Membri, kif ukoll għall-inizjattivi tal-UE li ġejjin minn diversi politiki settorjali, filwaqt li dejjem jippruvaw jirrikonċiljaw il-funzjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-foresti;

    34.

    jinnota li d-diskussjonijiet li akkumpanjaw il-proċess qed jistabbilixxu dikotomija falza bejn il-funzjonijiet ambjentali u soċjoekonomiċi tal-foresti, li twassal għal diskussjonijiet preġudikati u tiddevja l-enfasi mill-objettiv fundamentali tal-iżvilupp sostenibbli: il-protezzjoni tas-saħħa tal-foresti tagħna fit-tul, il-kapaċità li tiġi indirizzata l-kriżi klimatika b’ekosistemi reżiljenti, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi u t-trasformazzjoni responsabbli u effiċjenti tal-prodotti tagħhom, sabiex jiġu żgurati l-benesseri u l-istil ta’ ħajja ta’ miljuni ta’ ċittadini Ewropej;

    35.

    jirrakkomanda li jissaħħaħ il-kontenut tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti fir-rigward ta’ ċerti objettivi ambjentali (l-ilma, il-ħamrija, il-pajsaġġ) u jiġi enfasizzat aktar il-kontribut ewlieni li l-prodotti tal-foresti ġestiti u proċessati industrijalment b’mod sostenibbli jagħtu għall-bijoekonomija, bħala pilastru bażiku tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Fir-rigward ta’ dawn il-prodotti tal-foresti, jeħtieġ li jiġu ffinanzjati proċessi teknoloġikament innovattivi sabiex jiġu żviluppati diversi negozji, b’mod partikolari negozji tal-ipproċessar tal-ewwel stadju li huma l-ħolqa dgħajfa fil-katina tal-industrija tal-forestrija u tal-injam u li għandhom l-akbar potenzjal biex jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi lokali;

    36.

    jirrakkomanda li ssir enfasi akbar fuq id-definizzjonijiet u l-miżuri tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti li għandhom l-għan li jtejbu ċ-ċikli tal-ilma u l-konservazzjoni tal-ħamrija, speċjalment fl-ekosistemi tal-Mediterran u tal-muntanji; jirrimarka li hemm bżonn li jissaħħu l-indikaturi biex tittejjeb il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, li hija prerekwiżit għall-forniment fit-tul tas-servizzi tal-ekosistema;

    37.

    jirrakkomanda li jiġu definiti mill-ġdid l-objettivi biex tingħata aktar viżibilità lill-iżgurar ta’ bilanċ sostenibbli u l-kompatibbiltà bejn il-funzjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-foresti abbażi tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-multifunzjonalità fid-diversi reġjuni tal-foresti (foresti boreali, kontinentali, Mediterranji, muntanjużi, urbani), mingħajr ma jiġu abbandunati l-protezzjoni tal-bijodiversità u servizzi ambjentali oħra;

    38.

    huwa tal-fehma li l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti għandha tagħmel aktar enfasi fuq l-importanza tal-promozzjoni tal-ugwaljanza fis-settur tal-foresti. Huwa jqis ukoll li l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti, f’konformità mal-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri ta’ Marzu 2020, għandha tippromovi parteċipazzjoni aktar ugwali fis-suq tax-xogħol fost il-ġeneri sabiex is-settur tal-foresti jkun jista’ jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu;

    39.

    jirrakkomanda li jiġi enfasizzat ir-rwol tal-foresti fl-aktar żoni remoti, fiż-żoni muntanjużi jew fl-aktar żoni żvantaġġati, fejn il-perċentwal ta’ erja koperta mill-foresti huwa ogħla, fejn hemm riskju akbar ta’ depopolazzjoni kif ukoll fejn il-ktajjen tal-valur ibbażati fuq il-foresti jirrappreżentaw is-sorsi ewlenin ta’ impjieg u ta’ attività ekonomika assoċjata mal-isfruttament u t-trasformazzjoni inizjali tar-riżorsi tal-foresti;

    40.

    jinnota li r-rwol tal-foresti biex tiġi żviluppata bijoekonomija ċirkolari jiġi ppreżentat aktar mill-perspettiva ta’ riskju milli bħala opportunità u jenfasizza r-rwol importanti li jaqdu l-prodotti b’bażi bijoloġika fid-dekarbonizzazzjoni billi jnaqqsu l-konsum tal-fjuwils fossili u tal-materjali li ġejjin minn riżorsi fossili, wieħed mill-objettivi ewlenin stabbiliti mill-Kummissjoni; madankollu, id-dekarbonizzazzjoni trid tqis il-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti bbażati fuq il-foresti u tiffavorixxi l-produzzjoni ta’ prodotti ta’ ħajja twila;

    41.

    jirrakkomanda l-promozzjoni tal-ipproċessar lokali ta’ prodotti tal-injam u prodotti forestali mhux tal-injam sabiex jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent.

    42.

    jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-panel taċ-ċittadini tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li titlob li ssir enfasi speċjali fuq ir-riforestazzjoni ta’ foresti sfruttati jew meqruda u t-tisġir taż-żoni b’ħamrija degradata kif ukoll soluzzjonijiet aktar responsabbli li għandhom jiġu promossi għal użu aħjar tal-injam (8);

    43.

    jirrakkomanda li jiġu definiti mill-ġdid l-objettivi u s-sinerġiji tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti mal-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija tal-2012, riveduta fl-2018 (9), u li jiġu integrati u promossi l-prodotti tal-foresti, kemm tal-injam (mhux biss l-injam għall-bini, iżda wkoll il-materjali bijokomposti, il-bijofjuwils, l-injam għall-bijoraffineriji u l-prodotti b’valur miżjud għoli għall-industrija kimika, tal-ikel, tal-kożmetiċi u tal-fwejjaħ) kif ukoll il-prodotti mill-foresti iżda mhux tal-injam (bħas-sufra, il-fungi, il-frott selvaġġ, il-pjanti aromatiċi u mediċinali, u r-reżina), billi jitqies il-kontribut tagħhom biex jittaffa t-tibdil fil-klima bħala bjar tal-karbonju fiċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom u l-effett li dawn il-materjali jiġu sostitwiti b’materjali oħra li huma emittenti netti tal-gassijiet serra;

    44.

    jirrakkomanda li jiġu definiti mill-ġdid l-objettivi u s-sinerġiji mal-Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari tal-2020 (10), bħala l-pilastru bażiku tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u li jissaħħu l-irkupru u r-riċiklaġġ tal-prodotti tal-foresti fil-ktajjen kollha tagħhom tal-ipproċessar u tal-irkupru tal-iskart;

    45.

    jirrakkomanda li tiġi stabbilita sistema għat-trasferiment tal-aħjar prattiki mill-biċċa l-kbira tal-kumpaniji (użu ottimizzat, razzjonali u responsabbli tar-riżorsi, iċ-ċertifikazzjoni tal-katina tal-kustodja, l-ekodisinn, l-effiċjenza enerġetika, l-irkupru tal-materjal jew tal-enerġija tal-iskart) għas-settur industrijali kollu bbażat fuq il-foresti;

    46.

    jenfasizza li l-objettiv tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti għandu jirrikonoxxi l-importanza tal-foresti mhux biss bħala bir ta’ karbonju, iżda wkoll bħala ħażna ta’ karbonju li tista’ tiżdied bħala kontributur ewlieni għall-mira tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050; jenfasizza li l-impatt ta’ sostituzzjoni ta’ prodott ibbażat fuq il-foresti għandu jqis impatt sħiħ tul il-ħajja kollha biex jiġi apprezzat il-potenzjal kollu tas-settur tal-foresti fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, iżjed ma jgħaddi ż-żmien minn fuq il-foresti, iżjed tonqos l-effettività tagħhom bħala bjar tal-karbonju;

    47.

    jirrakkomanda li jiġu stabbiliti definizzjonijiet ċari għall-foresti, li jiddistingwu mill-inqas bejn il-foresti antiki li qatt ma ġew ġestiti (0,7 % tal-foresti kollha) u l-foresti ġestiti fil-passat iżda li l-ġestjoni tagħhom ġiet abbandunata matul dawn l-aħħar deċennji, bil-għan li l-foresti antiki jiġu protetti b’mod effettiv, speċjalment f’xi reġjuni tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u fl-istess ħin tingħata ħajja lill-foresti fejn il-ġestjoni ġiet abbandunata bir-riskju konsegwenti ta’ nirien fil-foresti u t-tixrid ta’ mard u pesti;

    48.

    iqis li l-bijoenerġija għandha tiġi kkunsidrata bħala opportunità biex jitwettqu miżuri ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti u bħala sors rinnovabbli għal finijiet ta’ proċessi tat-trasformazzjoni industrijali tal-prodotti sekondarji u tar-riċiklaġġ, f’konformità mad-Direttiva tal-2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (11); iqis li l-bijoenerġija hija importanti għas-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa, u għall-indipendenza tagħha fir-rigward tal-fjuwils fossili;

    49.

    jirrakkomanda li jiġu riveduti l-emendi proposti għall-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-bijoenerġija jew tat-trattament tal-foresti, peress li xi wħud mill-miżuri proposti jistgħu jżidu l-piż fuq l-awtoritajiet reġjonali u lokali bħala sidien tal-foresti u bħala istituzzjonijiet responsabbli għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti f’ħafna Stati Membri, peress li r-restrizzjonijiet relatati mal-protezzjoni legali stretta ta’ 10 % tal-foresti ser jiġġeneraw kumpens sostanzjali mingħajr impenn finanzjarju ċar mill-Kummissjoni; iqis li jeħtieġ li jiġu applikati l-kriterji tas-sostenibbiltà tal-bijoenerġija previsti fid-Direttiva tal-2018 dwar l-Enerġija Rinnovabbli;

    50.

    iqis li r-rwol soċjoekonomiku tas-settur tal-forestrija huwa importanti għall-iżvilupp taż-żoni rurali u tal-ekonomiji lokali f’ħafna reġjuni, u jiddispjaċih li l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti ma tistabbilixxix bħala wieħed mill-objettivi primarji tagħha l-iżvilupp ċar u inekwivoku tal-użu tar-riżorsi mill-foresti li huma tal-injam u tal-prodotti mhux tal-injam, kif ukoll it-trasformazzjoni industrijali tagħhom min-negozji Ewropej (il-maġġoranza l-kbira tagħhom huma SMEs li jinsabu f’reġjuni rurali), abbażi tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u fil-qafas tal-bijoekonomija ekoloġika;

    51.

    iqis li huwa neċessarju li l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti tippromovi u ssaħħaħ l-edukazzjoni dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fl-oqsma kollha, speċjalment fl-iskejjel u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, iżda wkoll fil-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni, bħala mod kif jiġi rimedjat in-nuqqas ta’ għarfien taċ-ċittadini Ewropej dwar il-prattika tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u d-dimensjoni ekoloġika, ekonomika u soċjali tripla tagħha;

    52.

    iqis li l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti għandha tinkludi dimensjoni internazzjonali bil-għan li titwaqqaf id-deforestazzjoni u t-telfien tal-bijodiversità fil-livell globali, billi jintużaw l-esperjenza, il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-aħjar prattiki tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fl-Istati Membri u fil-maġġoranza vasta tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; f’dan l-isfonda jilqa’ l-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (12), li għandu l-għan li jrażżan l-importazzjoni ta’ prodotti bażiċi marbuta mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti globalment; Jenfasizza wkoll li l-proposta kienet akkumpanjata minn Grilja tas-Sussidjarjetà (13), li tipprovdi analiżi sostanzjali li tindirizza t-tħassib dwar is-sussidjarjetà;

    Il-ħtieġa li jintlaħaq kunsens fil-livell xjentifiku u tekniku

    53.

    jirrakkomanda li l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti tixħet dawl fuq il-prattiki tajba tal-foresti b’riżultati tajbin fil-foresti Ewropej matul l-aħħar deċennji (tkabbir kontinwu tal-erja tal-foresti, tkabbir tal-bjar tal-karbonju, żieda fl-għadd taż-żoni u l-ekosistemi protetti, żieda fil-ħsad, l-iżvilupp ta’ negozji u industriji responsabbli, titjib tat-taħriġ fil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u titjib tat-taħriġ għall-operaturi tal-foresti); jirrakkomanda li l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti tirrikonoxxi din il-ħidma b’mod espliċitu u li tpoġġi lill-UE fuq quddiem nett tal-prattiki tajba tal-foresti fil-livell globali u sservi ta’ eżempju għal pajjiżi oħra;

    54.

    iħeġġeġ li jiġu segwiti d-definizzjonijiet tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, speċjalment il-proċess ta’ Forest Europe, li jirriżultaw mill-impenji internazzjonali meħuda mill-UE u l-Istati Membri tagħha;

    55.

    jirrakkomanda li jitwettqu aktar studji dwar l-ippjanar ta’ implimentazzjoni possibbli sabiex tiġi evitata duplikazzjoni mas-sistemi eżistenti. Jirrakkomanda wkoll li jiġu ċċarati s-sinerġiji, il-valur miżjud u l-proporzjon kostijiet-benefiċċji li jistgħu joffru ċ-ċertifikazzjoni proposta tal-ġestjoni tal-foresti qrib in-natura, ċertifikazzjoni indipendenti tal-UE, kif ukoll “il-pjani strateġiċi tal-foresti” fil-kuntest tas-sistemi ta’ ċertifikazzjoni tal-foresti li diġà jeżistu (Programm għall-Approvazzjoni taċ-Ċertifikazzjoni tal-Foresti (Programme for the Endorsement of Forest Certification –PEFC) u l-Kunsill tal-Amministrazzjoni Forestali (Forest Stewardship Council – FSC)), rikonoxxuti u implimentati internazzjonalment, u tal-istrateġiji, il-pjani u l-programmi tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti diġà disponibbli fl-Istati Membri u fl-awtoritajiet reġjonali u lokali; hemm ukoll nuqqas ta’ ċarezza dwar jekk l-iskema l-ġdida għandux ikollha status obbligatorju jew volontarju, kif ukoll il-bażi legali li fuqha jissejsu tali azzjonijiet;

    56.

    jitlob li ssir referenza ċara għall-firxa sħiħa ta’ benefiċċji mhux estrattivi tal-foresti;

    57.

    jitlob rieżami u analiżi tal-valutazzjonijiet li saru minn esperti xjentifiċi tal-foresti, inklużi l-ekoloġisti tal-foresti, fl-Ewropa kollha, li jwissu li l-politiki proposti jistgħu ma jqisux biżżejjed iż-żieda potenzjali fir-riskji relatati ma’ disturbi kbar (nirien, uragani, borra qawwija u pesti), b’attenzjoni partikolari għall-foresti li huma partikolarment vulnerabbli għall-emerġenza klimatika;

    58.

    jipproponi li jintlaħaq kunsens akbar dwar is-suppożizzjonijiet li fuqhom jissejsu kemm l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti kif ukoll l-Istrateġija għall-Bijodiversità, abbażi ta’ approċċ xjentifiku u tekniku rigoruż, bl-integrazzjoni ta’ bord rappreżentattiv ta’ esperti xjentifiċi li huma metikolużi u għandhom esperjenza ppruvata fl-aspetti kollha tal-katina tal-valur tal-foresti kollha u d-diversi tipi ta’ foresti fl-Ewropa;

    59.

    huwa tal-fehma li, taħt ċerti kundizzjonijiet appoġġjati minn analiżi xjentifika, ħabitats protetti f’xi siti ta’ Natura 2000, jekk ikunu mhedda jew kompromessi minn disturbi relatati mat-tibdil fil-klima, ikunu jistgħu jiġu appoġġjati biex isiru ekosistemi aktar reżiljenti;

    60.

    jirrikonoxxi u jilqa’ l-proposta għal ġbir affidabbli ta’ data, u jenfasizza l-importanza li tiġi ppubblikata proposta leġiżlattiva ġdida dwar l-osservazzjoni, ir-rappurtar u l-ġbir ta’ data dwar il-foresti fl-UE;

    L-istrateġija teħtieġ kjarifiki importanti qabel ma tiġi implimentata

    61.

    iqis li l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti ma tiżvelax objettiv koerenti u komprensiv għas-settur Ewropew tal-foresti għall-2030, iżda pjuttost tkopri diversi azzjonijiet u inizjattivi, li ħafna minnhom għadhom vagi u xi wħud biss għandhom skeda indikattiva;

    62.

    iqis li, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti, l-ewwel pass neċessarju huwa li jiġu ċċarati l-kunċetti u l-azzjonijiet u li jitfassal pjan ta’ azzjoni li jipprovdi ċarezza fir-rigward tal-objettivi, il-kamp ta’ applikazzjoni, l-iskeda ta’ żmien u r-responsabbiltajiet. Dan il-pjan ta’ azzjoni għandu jirrikonoxxi l-pożizzjoni tal-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-atturi settorjali dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti u ħsibijiethom dwar it-triq ’il quddiem proposta. Għandu jinkludi wkoll il-fehmiet tal-KtR, tal-Parlament Ewropew u tal-partijiet interessati tas-settur kollu tal-foresti;

    63.

    jirrakkomanda kjarifika dwar kif l-indikaturi, il-limiti u l-firxiet il-ġodda tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti ser ikunu marbuta mal-kriterji u l-indikaturi tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti ta’ Forest Europe, peress li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma firmatarji ta’ Forest Europe; fl-istess waqt iqis li hemm bżonn ukoll ta’ informazzjoni dwar il-bażi legali li tiġġustifika din il-miżura u dwar x’jinvolvi li “[n]ibdew fuq bażi volontarja” fir-rigward tal-passi futuri possibbli, kif ukoll kjarifika tar-rabta bejn il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-kunċett ta’ “qrib in-natura”;

    64.

    jirrakkomanda li l-kamp ta’ applikazzjoni u l-fattibbiltà tal-iżvilupp tal-pagament għas-servizzi tal-ekosistema jiġu diskussi bir-reqqa mal-Istati Membri u l-atturi settorjali, b’kontrolli sussegwenti fil-prattika biex jiġi vvalutat jekk il-mekkaniżmi finanzjarji previsti fl-Istrateġija tal-UE għall-Foresti (PAK, is-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola u ċ-ċertifikazzjoni tal-karbonju) jippermettux li jintlaħqu l-objettivi maħsuba;

    65.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni ta’ monitoraġġ tal-foresti kkoordinat fil-livell tal-Unjoni, però jqis li hemm bżonn ta’ valutazzjoni tal-valur miżjud u tal-proporzjon kostijiet-benefiċċji tal-proposta l-ġdida dwar l-osservazzjoni, ir-rappurtar u l-ġbir tad-data tal-foresti tal-UE, kif ukoll tad-data u l-informazzjoni eżistenti u dawk nieqsa, kif ukoll ir-rikonoxximent ta’ data remota, inkluża informazzjoni mis-satellita u midja oħra, bħala mod kosteffettiv biex tittejjeb il-bażi tal-għarfien f’kooperazzjoni mal-inventarji nazzjonali eżistenti u li għaddejjin bħalissa tal-foresti; f’dan ir-rigward, is-sussidjarjetà, l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi huma aspetti ewlenin li għandhom jiġu indirizzati. Il-monitoraġġ tal-foresti madwar l-UE jista’ jiġġenera valur miżjud dment li jkun appoġġjat mill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali u jkun ibbażat fuq data fuq il-post miġbura minn inventarji nazzjonali u reġjonali tal-foresti u fuq l-esperjenza ta’ Forest Focus. Barra minn hekk, in-natura (volontarja jew obbligatorja), il-format u l-iskop preċiż tal-pjani strateġiċi nazzjonali jeħtieġ li jiġu definiti b’mod ċar u għanhom jinħolqu inċentivi kosteffettivi għas-sidien tal-foresti sabiex jikkontribwixxu għall-ġbir tad-data;

    Il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti teħtieġ aktar fondi Ewropej

    66.

    jirrakkomanda li jiġu impenjati riżorsi finanzjarji ċari u realistiċi peress li, minkejja li żieda sinifikanti fil-finanzjament għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-konservazzjoni tal-bijodiversità tista’ tiġi interpretata bħala li tagħmel parti mill-Istrateġija tal-UE għall-Foresti, il-ħtieġa li wieħed jiddependi minn fondi li diġà għandhom objettivi u allokazzjonijiet oħra (pereżempju, il-PAK) u n-nuqqas ta’ kontribuzzjoni minn fondi oħra f’kuntest ġenerali kkaratterizzat mill-Brexit, mill-kriżi ekonomika ta’ wara l-COVID-19 u minn żieda fl-inflazzjoni, huwa kontestabbli li wieħed jaħseb li l-finanzjament insuffiċjenti attwali tal-UE għall-foresti u għall-bijodiversità ser jitreġġa’ lura fuq perjodu ta’ żmien qasir jew medju;

    67.

    jirrakkomanda li l-Kummissjoni tgħin lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiżguraw li l-fondi Ewropej disponibbli (FAEŻR, FEŻR, NextGenerationEU) ikunu jistgħu jintużaw aktar għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, billi jiġu ssemplifikati l-proċessi amministrattivi;

    68.

    jirrakkomanda li jiġu impenjati aktar riżorsi finanzjarji għat-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp u t-trasferiment tal-għarfien fil-livell Ewropew u internazzjonali sabiex ikun hemm kooperazzjoni, trasferiment u implimentazzjoni tal-prattiki tajba tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u tal-ktajjen tal-valur ibbażati fuq il-foresti fir-reġjuni kollha tal-Ewropa u tad-dinja;

    69.

    huwa tal-fehma li l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti għandha tippromovi inizjattivi li joħolqu pjattaformi għal kooperazzjoni u finanzjament interreġjonali marbuta mal-foresti u l-ekonomija dekarbonizzata.

    Brussell, it-28 ta’ April 2022.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Apostolos TZITZIKOSTAS


    (1)  COM(2013) 659 final.

    (2)  COM(2018) 811 final.

    (3)  Patt Ekoloġiku Ewropew: https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/european-green-deal_mt

    (4)  COM(2020) 788 final.

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

    (6)  COM(2020) 380 final.

    (7)  ĠU C 152, 6.4.2022, p. 169.

    (8)  Rakkomandazzjoni tal-panel taċ-ċittadini tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent.

    (9)  COM(2018) 673 final u SWD(2018) 431 final.

    (10)  COM(2020) 98 final.

    (11)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

    (12)  COM(2021) 706 final.

    (13)  SWD(2021) 325 final.


    Üles